Aqbeż għall-kontentut

Edwin Hubble

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Edwin Hubble
Ħajja
Twelid Marshfield (en) Translate, 20 Novembru 1889
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
L-ewwel lingwa Inglês de Sousa (en) Translate
Mewt San Marino, Stati Uniti, 28 Settembru 1953
Post tad-dfin unknown value
Kawża tal-mewt kawżi naturali (silent stroke (en) Translate
puplesija)
Familja
Konjuga/i Grace Lillian Burke (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Chicago
The Queen's College (en) Translate
Wheaton Warrenville South High School (en) Translate
Livell tal-edukazzjoni Dottorat fl-Inġinerija
Direttur tat-teżi Edwin Brant Frost (en) Translate
Lingwi Ingliż
Għalliema Forest Ray Moulton (mul) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni astronomu
astrofiżiku
kożmologu
Impjegaturi Yerkes Observatory (en) Translate
Mount Wilson Observatory (en) Translate
Xogħlijiet importanti Hubble–Lemaître law (en) Translate
Hubble sequence (en) Translate
Premjijiet
Nominat għal
Sħubija American Philosophical Society
Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi
Servizz militari
Iġġieldu L-Ewwel Gwerra Dinjija
It-Tieni Gwerra Dinjija

Edwin Powell Hubble (twieled fl-20 ta' Novembru 1889 – miet fit-28 ta' Settembru 1953)[1] kien astronomu Amerikan. Huwa kellu rwol kruċjali fl-istabbiliment tal-oqsma tal-astronomija ekstragalattika u l-kożmoloġija tal-osservazzjonali.[2][3]

Hubble wera bil-provi li bosta oġġetti li qabel kien maħsub li kienu sħab tat-trab u tal-gass u kklassifikati bħala nebuli, fil-fatt kienu galassji li jmorru lil hinn mit-Triq ta' Sant'Anna. Huwa uża r-rabta diretta b'saħħitha bejn il-luminożità u l-perjodu tal-pulsazzjoni ta' varjabbli klassika ta' Cepheid (skoperta fl-1908 minn Henrietta Swan Leavitt) għall-iskalar tad-distanzi galattiċi u ekstragalattiċi.

Hubble pprovda evidenza li l-veloċità ta' reċessjoni ta' galassja tiżdied mad-distanza tagħha mid-Dinja, proprjetà li issa hija magħrufa bħala l-liġi ta' Hubble, għalkemm kienet ġiet proposta sentejn qabel minn Georges Lemaître. Il-liġi ta' Hubble timplika li l-univers qed jespandi. Deċennju qabel, l-astronomu Amerikan Vesto Slipher kien ipprovda l-ewwel evidenza li d-dawl minn bosta minn dawn in-nebuli kellu redshift qawwija, jiġifieri kellu żiedu fit-tul tal-mewġ, u tnaqqis korrispondenti fil-frekwenza u fl-enerġija fotonika, tar-radjazzjoni elettromanjetika, xi ħaġa li hija indikattiva tal-veloċitajiet kbar tar-reċessjoni.

Kunjom Hubble huwa magħruf l-iktar għat-Teleskopju Spazjali ta' Hubble, li ssejjaħ hekk għalih, u f'raħal twelidu, Marshfield, Missouri, hemm mudell tiegħu muri bi kburija.

Ħajja bikrija u edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Edwin Hubble twieled fil-familja ta' Virginia Lee Hubble (kunjomha xebba James; 1864-1934) u John Powell Hubble, uffiċjal eżekuttiv tal-assigurazzjoni, f'Marshfield, Missouri, u fl-1900 mar jgħixu f'Wheaton, Illinois. Meta kien għadu żgħir, huwa kien magħruf iktar għas-saħħa atletika tiegħu milli għall-ħiliet intellettwali tiegħu, għalkemm kellu marki tajbin f'kull suġġett għajr l-ortografija. Edwin kellu talent bħala atleta, u kien jilgħab il-baseball, il-futbol, u kien jiġri fit-trakka kemm fl-iskola kif ukoll fil-kulleġġ. Huwa rebaħ seba' medalji tal-ewwel post u medalja waħda tat-tielet post f'jum l-isport tal-iskola fl-1906, u lagħab f'diversi pożizzjonijiet fil-court tal-basketball minn plejer ċentrali għal plejer fid-difiża. Hubble mexxa lit-tim tal-basketball tal-Università ta' Chicago għall-ewwel titolu tiegħu tal-Konferenza tal-Aqwa Għaxra fl-1907.

Studji tal-ewwel lawrja

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istudji ta' Hubble fl-Università ta' Chicago kienu kkonċentrati fuq il-matematika, l-astronomija u l-filosofija, li rriżultaw f'lawrja tax-xjenza sal-1910. Għal sena huwa kien ukoll student u assistent tal-laboratorju flimkien mal-fiżiku Robert Millikan, li iktar 'il quddiem rebaħ il-Premju Nobel. Hubble sar ukoll membru tal-Fratellanza Kappa Sigma. Huwa kien studjuż ta' Rhodes u qatta' tliet snin f'The Queen's College, Oxford jistudja l-ġurisprudenza minflok ix-xjenza (bħala wegħda lil missieru meta kien qed imut), u iktar 'il quddiem żied l-istudji fil-letteratura u fl-Ispanjol, u eventwalment kiseb il-lawrja tal-Masters.

Fl-1909, missier Hubble ttrasferixxa l-familja tiegħu minn Chicago għal Shelbyville, Kentucky, sabiex il-familja setgħet tgħix f'raħal żgħir, u fl-aħħar mill-aħħar marru jgħixu f'Louisville fil-qrib. Missieru miet fix-xitwa tal-1913, meta Edwin kien għadu fl-Ingilterra. Is-sajf ta' wara, Edwin reġa' lura d-dar biex jieħu ħsieb lil ommu, liż-żewġ aħwa bniet, lil ħuh iż-żgħir u lil ħuh William. Il-familja ttrasferiet ruħha għal darb'oħra lejn Everett Avenue, fil-kwartier tal-artijiet għoljin ta' Louisville, sabiex jakkomodaw lil Edwin u lil William.

Hubble kien ukoll iben ħabrieki u tal-kelma, li minkejja l-interess qawwi tiegħu fl-astronomija minn mindu kien żgħir, żamm mal-wegħda lil missieru li jistudja l-liġi, l-ewwel fl-Università ta' Chicago u iktar 'il quddiem f'Oxford. Matul dan iż-żmien, huwa studja wkoll f'korsijiet tal-matematika u tax-xjenza. Wara l-mewt ta' missieru fl-1913, Edwin reġa' lura lejn il-Midwest minn Oxford, iżda ma kellux il-motivazzjoni li jipprattika l-liġi. Minflok, mar jgħallem l-Ispanjol, il-fiżika u l-matematika fl-Iskola Postsekondarja ta' New Albany, Indiana, fejn kien ukoll il-kowċ tat-tim tal-basketball tas-subien. Wara sena jgħallem fil-livell postsekondarju, huwa attenda skola preuniversitarja bl-għajnuna tal-eks professur tiegħu mill-Università ta' Chicago biex jistudja l-astronomija fl-Osservatorju ta' Yerkes tal-università, fejn kiseb id-dottorat tiegħu fl-1921. It-teżi tiegħu kellha t-titlu: "Investigazzjonijiet Fotografiċi ta' Nebuli li Bil-kemm Jidhru". F'Yerkes, huwa kellu aċċess għal wieħed mill-iżjed teleskopji qawwijin fid-dinja dak iż-żmien, li kellu riflettur innovattiv ta' 26 pulzier (61 ċentimetru).

Studji tad-dottorat

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-Istati Uniti ddikjaraw gwerra kontra l-Ġermanja fl-1917, Hubble ħaffef biex ilesti d-dottorat tiegħu sabiex ikun jista' jingħaqad mal-militar. Hubble kien volontarju mal-Armata tal-Istati Uniti u ġie assenjat fis-86 Diviżjoni li kienet għadha kemm inħolqot, fejn serva fit-Tieni Battaljun tat-343 Riġment tal-Fanterija. Huwa laħaq il-grad ta' Maġġur, u tqies bħala idoneu biex iwettaq dmirijietu barra mill-pajjiż fid-9 ta' Lulju 1918, iżda s-86 Diviżjoni qatt ma ġew skjerati għall-ġlied. Wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, Hubble qatta' sena fl-Università ta' Cambridge, fejn reġa' kompla bl-istudji tiegħu fl-astronomija.

Fl-1919, Hubble ġie offrut kariga bħala persunal fl-Istituzzjoni ta' Carnegie għall-Osservatorju tax-Xjenza ta' Mount Wilson, qrib Pasadena, California, mingħand George Ellery Hale, il-fundatur u d-direttur tal-osservatorju. Hubble baqa' bħala persunal f'Mount Wilson sa mewtu fl-1953. Ftit qabel ma miet, Hubble sar l-ewwel astronomu li uża t-Teleskopju ta' Hale b'riflettur ġgantesk ta' 200 pulzier (5.1 metri) li kien għadu kemm tlesta fl-Osservatorju ta' Palomar qrib San Diego, California.

Hubble ħadem ukoll bħala uffiċjal ċivili mal-Armata tal-Istati Uniti fl-Aberdeen Proving Ground f'Maryland matul it-Tieni Gwerra Dinjija bħala l-Kap tal-Fergħa tal-Ballistika Esterna tal-Laboratorju tar-Riċerka tal-Ballistika, u matul dan iż-żmien huwa dderieġa volum kbir ta' riċerka fil-qasam tal-ballistika esterna, li żiedet il-qawwa effettiva tal-bombi u tal-projjettili. Ix-xogħol tiegħu ġie ffaċilitat mill-iżvilupp personali tiegħu ta' diversi oġġetti ta' tagħmir għall-istrumentazzjoni li tintuża fil-ballistika esterna. L-iżjed żvilupp straordinarju kien il-kamera bil-ħin ta' veloċità għolja, li permezz tagħha sar possibbli l-istudju tal-karatteristiċi tal-bombi u tal-projjettili b'veloċità baxxa fl-ajru. Ir-riżultati tal-istudji tiegħu ġew akkreditati li tejbu ferm id-disinn, il-prestazzjoni u l-effettività militari tal-bombi u tar-rokits. Għax-xogħol tiegħu f'dan il-qasam, huwa ngħata l-premju tal-Leġjun tal-Merti.

L-univers imur lil hinn mill-galassja tat-Triq ta' Sant'Anna

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-karta tal-identità ta' Hubble fil-Forzi tal-Ispedizzjonijiet Amerikani.

Il-wasla ta' Edwin Hubble fl-Osservatorju ta' Mount Wilson, California, fl-1919 inzertat bejn wieħed u ieħor mat-tlestija tat-Teleskopju ta' Hooker ta' 100 pulzier (2.5 metri), li dak iż-żmien kien l-ikbar wieħed fid-dinja. Dak iż-żmien, il-ħsieb kożmoloġiku prevalenti kien li l-univers kien magħmul biss mill-Galassja tat-Triq ta' Sant'Anna.

Permezz tat-Teleskopju ta' Hooker f'Mount Wilson, Hubble identifika l-varjabbli ta' Cepheid, xemgħa standard skoperta minn Henrietta Leavitt. It-tqabbil tal-luminożità apparenti tagħhom mal-luminożità intrinsika jagħti d-distanza tagħhom mid-Dinja. Hubble sab Cepheids f'diversi nebuli, inkluż in-Nebula ta' Andromeda u n-Nebula ta' Triangulum. L-osservazzjonijiet tiegħu tal-1924 urew bi provi konklużivi li dawn in-nebuli kienu wisq 'il bogħod biex jagħmlu parti mit-Triq ta' Sant'Anna u fil-fatt kienu galassji sħaħ 'il barra minn tagħna; b'hekk illum ma għadhom jitqiesu bħala nebuli.

It-teleskopju ta' Hooker ta' 100 pulzier (2. 5 metri) fl-Osservatorju ta' Mount Wilson li Hubble uża biex ikejjel id-distanzi tal-galassji u biex jasal għal valur għar-rata tal-espansjoni tal-univers.

Dan il-ħsieb tressaq bħala ipoteżi għall-ewwel darba saħansitra fl-1755 meta tfaċċat l-Istorja Ġenerali tan-Natura u t-Teorija tas-Smewwiet ta' Immanuel Kant. Din l-ipoteżi ġiet irrifjutata minn bosta fil-qasam tal-astronomija ta' dak iż-żmien, b'mod partikolari minn Harlow Shapley tal-Università ta' Harvard. Minkejja l-oppożizzjoni, Hubble, li dak iż-żmien kien xjenzat ta' 35 sena, ippubblika s-sejbiet tiegħu f'The New York Times fit-23 ta' Novembru 1924, u mbagħad ippreżentahom lil astronomi oħra fil-laqgħa tal-1 ta' Jannar 1925 tas-Soċjetà Astronomika Amerikana. Ir-riżultati ta' Hubble għal Andromeda ma ġew ippubblikati formalment f'ġurnal xjentifiku b'rieżami tal-pari qabel l-1929.

Is-sejbiet ta' Hubble bidlu ta' taħt fuq il-ħsieb xjentifiku rigward l-univers. Dawk li kienu favur jiddikjaraw li l-iskoperta ta' Hubble ta' nebuli 'l barra mill-galassja tagħna għenet biex twitti t-triq għall-astronomi futuri. Għalkemm uħud mill-kollegi iktar rinomati tiegħu sempliċement kemxu xofftejhom meta raw ir-riżultati tiegħu, Hubble rnexxielu jippubblika s-sejbiet tiegħu rigward in-nebuli. Dan ix-xogħol ippubblikat qallgħu l-Premju tal-Assoċjazzjoni Amerikana u ħames mitt dollaru mingħand Burton E. Livingston tal-Kumitat tal-Premjijiet.

Hubble vvinta wkoll l-iżjed sistema użata għall-klassifikazzjoni tal-galassji, fejn jiġu raggruppati skont id-dehra tagħhom f'immaġnijiet fotografiċi. Huwa rranġa l-gruppi ta' galassji differenti f'dik li saret magħrufa bħala s-sekwenza ta' Hubble.

Ir-redshift jiżdied bid-distanza

[immodifika | immodifika s-sors]

Hubble ħadem qatigħ biex jistma d-distanzi sa 24 nebula ekstragalattika, billi uża varjetà ta' metodi. Fl-1929 Hubble eżamina r-rabta bejn dawn id-distanzi u l-veloċitajiet radjali tagħhom kif iddeterminati mir-redshifts tagħhom. Issa huwa magħruf li d-distanzi stmati kollha tiegħu huma żgħar wisq, b'fattur sa madwar 7. Dan kien minħabba fatturi bħall-fatt li hemm żewġ tipi ta' varjabbli ta' Cepheid jew sħab tal-gass b'dawl qawwi li jista' jitfixkel mal-istilel b'dija qawwija. Madankollu, id-distanzi tiegħu kienu bejn wieħed u ieħor proporzjonali mad-distanzi reali, u billi kkombina d-distanzi tiegħu mal-kejliet tar-redshifts tal-galassji ta' Vesto Slipher, u tal-assistant tiegħu Milton L. Humason, huwa sab rabta pjuttost lineari bejn id-distanzi tal-galassji u l-veloċitajiet radjali tagħhom (korretti għaċ-ċaqliq solari), skoperta li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala l-liġi ta' Hubble.

L-iskema tal-klassifikazzjoni ta' Hubble.

Dan kien ifisser li iktar ma tkun kbira d-distanza bejn kwalunkwe żewġ galassji, ikbar tkun il-veloċità relattiva tas-separazzjoni tagħhom. Jekk jiġu interpretati b'dan il-mod, il-kejliet ta' Hubble rigward 46 galassja jwasslu għal valur għall-kostanti ta' Hubble ta' 500 km/s/Mpc, li huwa ferm ogħla mill-valuri aċċettati attwalment ta' 74 km/s/Mpc (il-metodu mtarraġ tad-distanzi kożmiċi) jew ta' 68 km/s/Mpc (il-metodu CMB) minħabba żbalji fil-kalibrar tad-distanzi tagħhom.

Minkejja dan, ir-raġuni wara r-redshift baqgħet mhux ċara. Georges Lemaître bassar fuq bażi teorika, abbażi tal-ekwazzjonijiet ta' Einstein tar-relattività ġenerali, ir-rabta bejn ir-redshift u d-distanza, u ppubblika sostenn osservazzjonali għaliha, sentejn qabel l-iskoperta tal-liġi ta' Hubble. Għalkemm uża t-terminu "veloċitajiet" fid-dokument tiegħu (u "veloċitajiet radjali apparenti" fl-introduzzjoni), iktar 'il quddiem esprima dubji dwar l-interpretar ta' dawn il-veloċitajiet reali. Fl-1931 huwa kiteb ittra lill-kożmologu Olandiż Willem de Sitter u esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-interpretazzjoni teorika tar-rabta bejn ir-redshift u d-distanza:

"Mr. Humason u jien sensittivi ferm rigward l-apprezzament tiegħek tad-dokumenti dwar il-veloċitajiet u d-distanzi tan-nebuli. Aħna nużaw it-terminu "apparenti" biex nenfasizzaw il-karatteristiċi empiriċi tal-korrelazzjoni. Aħna tal-fehma, li l-interpretazzjoni, għandha titħalla f'idejk u l-ftit nies oħra li huma kompetenti biex jiddiskutu l-kwistjoni b'awtorità".

Ħajja personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Hubble żżewweġ lil Grace Lillian (Burke) Leib (1889-1980), bint John Patrick u Luella (Kepford) Burke, fis-26 ta' Frar 1924.

Hubble trabba bħala Kristjan Protestant iżda wħud mill-istqarrijiet tiegħu iktar tard f'ħajtu ma jagħtux ċertezza dwar dan.

Problemi ta' saħħa u mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Hubble kellu attakk tal-qalb f'Lulju 1949 meta kien fuq vaganza f'Colorado. Ħadet ħsiebu martu u kompla għaddej b'dieta mmodifikati u skeda ta' eżerċizzji. Huwa miet bi trombożi ċerebrali (embolu tad-demm f'moħħu) fit-28 ta' Settembru 1953, f'San Marino, California. Ma sar l-ebda funeral, u martu qatt ma żvelat fejn indifen.

Id-dokumenti ta' Hubble li jinkludu l-qofol tal-korrispondenzi, tar-ritratti, tan-noti, tal-logbooks tal-osservazzjonijiet, u ta' materjali oħra, jinsabu fil-Librerija ta' Huntington f'San Marino, California. Ingħataw bħala donazzjoni minn martu Grace Burke Hubble meta mietet fl-1980.

Akkużi rigward il-priorità ta' Lemaître

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2011, il-ġurnal Nature rrapporta dikjarazzjonijiet li Hubble kellu rwol fit-tfassil tal-partijiet ewlenin tat-traduzzjoni tad-dokument tal-1927 ta' Lemaître, li ddikjaraw dik li issa hija msejħa bħala l-Liġi ta' Hubble u pprovdew gwida osservazzjonali ukoll. L-istoriċi kkwotati fl-artiklu kienu xettiċi li t-tfassil kien parti minn kampanja biex jiġi żgurat li Hubble jibqa' jingħata prijorità. Madankollu, l-astronomu osservazzjonali Sidney van den Bergh ippubblika dokument fejn issuġġerixxa li filwaqt li l-omissjonijiet jaf saru minn xi traduttur, xorta waħda jaf saru apposta.

F'Novembru 2011, l-astronomu Mario Livio rrapporta f'Nature li dokumenti fl-arkivju ta' Lemaître wrew li t-tfassil tabilħaqq kien twettaq minn Lemaître nnifsu, li milli jidher ma rax għalfejn kellu jinkludu kontenut xjentifiku li diġà kien ġie rrapportat minn Hubble. Madankollu, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li Lemaître ppubblika dan bil-Franċiż, mingħajr l-ebda omissjoni, sentejn qabel Hubble.

Tentattiv biex jikseb il-Premju Nobel

[immodifika | immodifika s-sors]

Dak iż-żmien, il-Premju Nobel għall-Fiżika ma kienx jirrikonoxxi x-xogħol li kien isir fil-qasam tal-astronomija. Hubble qatta' l-biċċa l-kbira tal-aħħar parti tal-karriera tiegħu jagħmel ħiltu biex l-astronomija tiġi kkunsidrata bħala qasam tal-fiżika, minflok bħala xjenza apparti. Huwa għamel dan l-iktar sabiex l-astronomi — inkluż hu stess — setgħu jiġu rrikonoxxuti mill-Kumitat tal-Premju Nobel għall-kontributi siewja tagħhom fl-astrofiżika. Din il-kampanja ma kellhiex suċċess matul il-ħajja ta' Hubble, iżda ftit wara mewtu, il-Kumitat tal-Premju Nobel iddeċieda li x-xogħol astronomiku kien eliġibbli għall-premju għall-fiżika. Madankollu, il-premju mhuwiex wieħed li jista' jingħata wara l-mewt.

  • Il-Premju Newcomb Cleveland fl-1924;
  • il-Medalja ta' Bruce fl-1938;
  • il-Medjalja ta' Franklin fl-1939;
  • il-Medalja tad-Deheb tas-Soċjetà Astronomika Rjali fl-1940;
  • il-Leġjun tal-Merti għall-kontribut straordinarju għar-riċerka fil-qasam tal-ballistika fl-1946.
  • Elett bħala membru tal-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi tal-Istati Uniti fl-1927;
  • Elett bħala membru tas-Soċjetà Filosofika Amerikana fl-1929.
  • L-Asterojde 2069 Hubble;
  • il-krater Hubble fuq il-Qamar;
  • it-Teleskopju Spazjali Orbitanti ta' Hubble;
  • il-Planetarju ta' Edwin P. Hubble, li jinsab fl-Iskola Postsekondarja ta' Edward R. Murrow, Brooklyn, New York;
  • l-Awtostrada ta' Edwin Hubble, il-biċċa tat-Triq Interstatali Nru 44 li tgħaddi minn raħal twelidu Marshfield, Missouri;
  • l-Iskola Medja ta' Hubble, skola pubblika f'Wheaton, Illinois, fejn għex meta kellu minn 11-il sena 'il fuq.

Fis-6 ta' Marzu 2008, is-Servizz Postali tal-Istati Uniti ħareġ bolla ta' 41 ċenteżmu f'ġieħ Hubble fuq folja bit-titlu "Xjenzati Amerikani" ddisinjat mill-artist Victor Stabin. Il-kwotazzjoni tiegħu tgħid:

Spiss imsejjaħ "pijunier tal-istilel imbiegħda", l-astronomu Edwin Hubble (1889-1953) kellu rwol ċentrali fid-deċifrar tan-natura vasta u kumpless tal-univers. L-istudji metikolużi tiegħu tan-nebuli spirali wrew bil-provi l-eżistenza ta' galassji oħra apparti t-Triq ta' Sant'Anna tagħna stess. Li kieku ma mietx ħabbta u sabta fl-1953, Hubble kien jirbaħ il-Premju Nobel għall-Fiżika ta' dik is-sena.

(Ta' min jinnota li l-kwotazzjoni li x'aktarx kien jirbaħ il-Premju Nobel fl-1953 probabbli hija falza, għalkemm ġie nnominat għall-premju dik is-sena)

Ix-xjenzati l-oħra tal-folja tax-"Xjenzati Amerikani" jinkludu Gerty Cori, bijokimiku; Linus Pauling, spiżjar, u John Bardeen, fiżiku.

Dehriet notevoli oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1934: għamel il-Lekċer ta' Halley fl-Università ta' Oxford;
  • tniżżel fil-lista tal-iżjed nies famużi tal-Missouri fl-2003;
  • ħarġet bolla tiegħu mis-sensiela ta' bolol tal-Istati Uniti tal-2008 imsejħa "Xjenzati Amerikani", bil-valur ta' $0.41;
  • tniżżel fil-lista tal-2017 tal-iżjed nies famużi tal-basketball ta' Indiana.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]

Fid-dokumentarju tal-1980 Cosmos: A Personal Voyage tal-astronomu Carl Sagan, il-ħajja u x-xogħol ta' Hubble jidhru fuq l-iskrin fl-episodju 10: "The Edge of Forever".

Ir-reċta Creation's Birthday, miktuba mill-fiżiku minn Cornell, Hasan Padamsee, tirrakkonta l-istorja tal-ħajja ta' Hubble.

  1. ^ "Biography of Edwin Powell Hubble (1889 - 1953)". web.archive.org. 2011-06-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-30. Miġbur 2023-11-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Tillman, Nola Taylor; published, Ailsa HarveyContributions from Tom Chao (2022-02-19). "Famous Astronomers | List of Great Scientists in Astronomy". Space.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.
  3. ^ "Most Influential Astronomers of All Time". Futurism (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-29.