Déodat Gratet de Dolomieu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Déodat Gratet de Dolomieu
Ħajja
Twelid Dolomieu (en) Translate, 23 Ġunju 1750, 24 Ġunju 1750
Nazzjonalità Franza
Mewt Châteauneuf (en) Translate, 26 Novembru 1801
Edukazzjoni
Alma mater Mines ParisTech (en) Translate
Lingwi Franċiż
Għalliema Alexandre-François de La Rochefoucauld (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ġeologu
mineraloġist
vulkanologu
Premjijiet
Influwenzat minn Duc de La Rochefoucauld (en) Translate
Sħubija Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
Ordni tal-Kavallieri Ospitalieri ta' San Ġwann

Dieudonné Sylvain Guy Tancrède de Gratet de Dolomieu, li s-soltu huwa magħruf bħala Déodat de Dolomieu, (pronunzja bil-Franċiż: ​[deɔda də dɔlɔmjø]; twieled fit-23 ta' Ġunju 1750 – miet fit-28 ta' Novembru 1801) kien ġeologu Franċiż. Il-mineral u l-blata tad-dolomit u l-ikbar krater fil-quċċata tal-vulkan Piton de la Fournaise ssemmew għalih.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Déodat de Dolomieu twieled f'Dauphiné, Franza, bħala wieħed minn 11-il ulied ta' Marie-Françoise de Berénger u r-raġel tagħha, il-Markiż de Dolomieu. Fi tfulitu Déodat wera li kellu potenzjal intellettwali konsiderevoli u kellu interess speċjali fl-inħawi naturali ta' daru fl-Alpi tax-Xlokk ta' Franza. De Dolomieu beda l-karriera militari tiegħu fl-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann meta kellu 12-il sena. L-assoċjazzjoni tiegħu mal-Ordni Maltija ħolqitlu diffikultajiet matul ħajtu kollha, l-ewwel u qabel kollox bi ġlieda li ġġieled meta kellu 18-il sena, fejn qatel membru ieħor tal-Ordni. Minħabba f'hekk ingħata sentenza għomor il-ħabs iżda bis-saħħa tal-interċessjoni tal-Papa Klement XIII ġie meħlus wara sena biss.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża Dolomieu ħa sehem sħiħ fil-mewġa intellettwali li kien hemm fi Franza u fil-bqija tal-Ewropa dak iż-żmien. Kellu bosta kuntatti soċjali man-nobbiltà u għalkemm qatt ma żżewweġ, Dolomieu kien pjuttost magħruf bħala raġel li dejjem kellu n-nisa ma' djulu. Permezz tal-ħabib u l-gwida tiegħu, id-Duka de La Rochefoucauld, Dolomieu sar membru korrispondenti tal-Akkademja Rjali tax-Xjenzi. Huwa qatta' l-ħin liberu tiegħu jagħmel mawriet xjentifiċi fl-Ewropa kollha, fejn ġabar eżemplari ta' minerali u żar żoni tax-xogħol fil-minjieri. L-interessi partikolari tiegħu kienu jinkludu l-mineraloġija, il-vulkanoloġija, u l-oriġini tal-ktajjen muntanjużi. Għalkemm Dolomieu kellu interess kbir fil-vulkani, ikkonvinċa ruħu li l-ilma kellu rwol ewlieni fit-tiswir ta' wiċċ id-Dinja permezz ta' sensiela ta' avvenimenti katastrofiċi preistoriċi. Dolomieu ma kienx ġeologu uniformitarjan. Ġie deskritt bħala "katastrofista mhux realistiku".[1]

Il-kontemporanju tiegħu, James Hutton, ma ppubblikax il-prinċipju tal-uniformitarjaniżmu sal-1795. Dolomieu kien osservazzjonalista u kien iqatta' ħafna minn ħinu jiġbor u jikkategorizza d-data ġeoloġika. Għad-differenza ta' Hutton, l-ebda prinċipju jew teorija xjentifiċii mhuma akkreditati lilu, għalkemm ħalla l-marka permanenti tiegħu fuq il-ġeoloġija b'mod ieħor: billi skopra l-mineral tad-dolomit li ssemma għalih.[2]

Id-Dolomiti, katina muntanjuża fl-Alpi Taljani, issemmew għal de Dolomieu, li kien l-ewwel wieħed li ddeskriva l-mineral tad-dolomit f'dik iż-żona.

Ġeoloġija tad-Dolomiti[immodifika | immodifika s-sors]

Matul wieħed mill-vjaġġi tiegħu lejn l-Alpi tat-Tirol (illum parti mill-Grigal tal-Italja) Dolomieu skopra blata li għad-differenza tal-ġebla tal-ġir, ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu idrokloriku dgħajjef. Huwa ppubblika dawn l-osservazzjonijiet fl-1791 fir-rivista xjentifika Franċiża magħrufa sew, Journal de Physique. F'Marzu 1792, il-blata ngħatat l-isem ta' dolomie (jew dolomit bil-Malti) minn Nicolas-Théodore de Saussure.[3][4] Illum il-ġurnata kemm il-blata kif ukoll il-kostitwent minerali ewlieni tiegħu ssemmew abbażi ta' kunjom Dolomieu, bħad-Dolomiti, il-katina muntanjuża tal-Grigal tal-Italja. Dolomieu ma kienx l-ewwel wieħed li ddeskriva l-mineral tad-dolomit. Carl Linnaeus x'aktarx li kien l-ewwel wieħed li nnota l-fatt li din il-blata kienet simili għall-ġebla tal-ġir iżda ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu dilwit.[5] Fil-ktieb tiegħu Oryctographia Carniola, oder physikalische Erdbeschreibung des Herzogthums Krain, Istrien und zum Theil der benachbarten Länder, ippubblikat minn Johann Gottlob Immanuel Breitkopf fl-1778, in-naturalista Awstrijaku Belsazar Hacquet osserva wkoll din id-distinzjoni bejn il-ġebla tal-ġir u blata li Hacquet iddeskriva bħala lapis suillus.[6][7] Iż-żewġ irġiel iltaqgħu f'Laibach fl-1784, meta Dolomieu żar lil Sigmund Zois.[8] Madankollu, Hacquet kien konxju sew tal-fatt li d-deskrizzjoni ta' ġebla tal-ġir li ma tipproduċix effervexxenza bl-aċidu (u li b'hekk kienet blata differenti mill-ġebla tal-ġir) minn Carl Linnaeus fl-1768 ippreċediet lid-deskrizzjoni tiegħu stess. Fuq il-paġna 5 tat-tieni volum tal-ktieb tiegħu Oryctographia Carniola tal-1781, Hacquet iddikjara li t-trab abjad li kien sab ħdejn ir-raħal ta' Vorle ("unterm Teil der Oberkrain") kien trab abjad li kien simili ħafna għall-ġebla tal-ġir iżda ma kinitx tirreaġixxi mal-aċidu idrokloriku dilwit, u kien ifakkru fil-marmor tardum deskritt minn Linnaeus.

Kavallieri ta' Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Minbarra l-attivitajiet xjentifiċi tiegħu Dolomieu kompla javvanza fil-grad tiegħu fil-Kavallieri ta' Malta u ġie promoss għal kmandant fl-1780. Madankollu, huwa kompla jkollu diffikultajiet minħabba l-inklinazzjonijiet politiċi liberali tiegħu ma kinux popolari fost in-nobbiltà konservattiva li kkontrollat l-Ordni. De Dolomieu rtira mis-servizz militari attiv fl-1780 biex jiddedika l-ħin kollu tiegħu għall-ivvjaġġar u għax-xogħol xjentifiku.

Rivoluzzjoni Franċiża[immodifika | immodifika s-sors]

De Dolomieu għall-ewwel kien partiġġjan akkanit tar-Rivoluzzjoni Franċiża, li bdiet fl-1789. Madankollu, il-qtil tal-ħabib tiegħu d-Duka de la Rochefoucauld, il-fatt li ħelisha ħafif mill-giljottina, u l-qtugħ ir-ras ta' bosta minn qrabatu, wassluh biex ikun kontra r-rivoluzzjoni. Matul dan iż-żmien Dolomieu sar partitarju ta' Napuljun Bonaparte. Fl-1795, wara li tilef ġidu fir-rivoluzzjoni, Dolomieu aċċetta l-kariga ta' professur tax-xjenzi naturali fl-École Centrale ta' Pariġi u beda jikteb it-taqsima mineraloġika tal-Encyclopédie Méthodique. Is-sena ta' wara nħatar bħala spettur tal-minjieri u professur fl-École Nationale Supérieure des Mines de Paris, fejn għad hemm ir-ritratt tiegħu fil-librerija sa llum il-ġurnata. Il-kollezzjoni estensiva tiegħu ta' minerali tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ta' Pariġi.

Żmien Bonaparte[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-1798 de Dolomieu kien kiseb reputazzjoni internazzjonali bħala wieħed mill-ġeologi ewlenin fid-dinja u ġie mistieden jissieħeb mal-ispedizzjoni xjentifika li akkumpanjat l-invażjoni tal-Eġittu minn Bonaparte, bħala parti mit-taqsima tal-istorja naturali u tal-fiżika tal-Institut d'Égypte. F'Marzu 1799 Dolomieu marad u kellu jitlaq minn Lixandra, l-Eġittu u jmur lura fi Franza. Il-vapur tiegħu, inqabad f'maltempata, u fittex il-kenn fil-port ta' Taranto, l-Italja fejn Dolomieu nżamm bħala priġunier tal-gwerra. Il-Ġeneral Thomas-Alexandre Dumas, missier Alexandre Dumas, l-awtur, inqabad u nżamm bħala priġunier ukoll. Il-belt kienet parti mir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, li dak iż-żmien kienet fi gwerra ma' Franza. Dolomieu preċedentement kien għamel għadu setgħan mill-Gran Mastru tal-Ordni Maltija meta għen biex jiġi nnegozjat iċ-ċediment tal-gżira ta' Malta lil Napuljun. Il-Gran Mastru ħadha qatta' bla ħabel kontra Dolomieu li ġie ttrasferit lejn Messina, Sqallija, u nżamm bħala priġunier f'kundizzjonijiet orribbli, f'konfinament solitarju, għall-21 xahar ta' wara.

Iż-żamma l-ħabs ta' xjenzat famuż mad-dinja kollha, f'dawk il-kundizzjonijiet, kienet mistkerrah mill-komunità intellettwali tal-Ewropa. Anke l-komunità xjentifika tal-Ingilterra (li kienet fi gwerra ma' Franza) ipprotestat kontra l-konfinament. Talleyrand, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, ipprova jinnegozja l-ħelsien ta' Dolomieu permezz tal-Papa. Napuljun, li dak iż-żmien kien l-ewwel konslu ta' Franza, ħass li tistaqsi lill-Papa għal intervent ta' dik ix-xorta ma kinitx xi ħaġa onorevoli. L-approċċ tal-imperatur futur fir-rigward tal-problema kien iktar dirett. Fir-rebbiegħa tal-1800 Napuljun mexxa l-armata Franċiża fl-Italja, u ta daqqa ta' ħarta lill-Awstrijaċi u lill-alleati Taljani tagħhom fl-14 ta' Ġunju fil-Battalja ta' Marengo. B'hekk l-Italja kollha ġiet taħt id-dominju ta' Napuljun. Wieħed mit-termini dettati minn Napuljun fit-trattat ta' paċi ta' Firenze (Marzu 1801) kien il-ħelsien minnufih ta' Dolomieu.

Voyage aux iles de Lipari, 1783

Wara li nħeles, Dolomieu kompla l-istudji xjentifiċi tiegħu u ż-żjarat fil-post. Iżda saħħtu, mifnija mill-perjodu twil ta' priġunerija fi Sqallija, ċediet matul vjaġġ lejn l-Alpi. Déodat de Dolomieu miet fit-28 ta' Novembru 1801 fid-dar ta' oħtu f'Châteauneuf.

Xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

  • Voyage aux iles de Lipari, 1783 (bil-Franċiż). Pariġi: Gaspard-Joseph Cuchet. 1783.

Legat[immodifika | immodifika s-sors]

Dr. George F. Kunz kiteb dwar il-kontributi tiegħu għall-mineraloġija.[9][10]

L-istudent u n-naturalista famuż ta' Dolomieu, Jean-Baptiste Bory de Saint-Vincent, ta kunjom l-imgħallem tiegħu fl-1801 lill-ikbar krater fil-quċċata tal-vulkan Piton de la Fournaise fil-gżira Franċiża ta' Réunion, il-krater Dolomieu.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Carozzi, A. V.; Zenger, D. H. (1981). "On a type of calcareous rock that reacts very slightly with acid and that phosphoresces on being struck (translation, with notes of Dolomieu's paper, 1791)". Journal of Geological Education. 29: 4–10.
  • Dolomieu, D. G. de (October 1791). "Sur un de pierres trés-peu effervescentes avec les acides of phosphorescentes par la collision". Journal de Physique. 39: 3–10.
  • Zenger, D. H., Bourrouilh-Le Jan, F. G. and Carozzi, A. V. (1994). "Dolomieu and the first description of dolomite". In Purser, B.; Tucker, M.; Zenger, D. (eds.). Dolomites A volume in honor of Dolomieu. International Association of Sedimentologists: Special Publication 21. pp. 21–28. ISBN 0-632-03787-3.
  • Charles-Vallin, T. (2003). Les aventures du chevalier géologue Déodat de Dolomieu. Presses Universitaires de Grenoble, Grenoble. p. 296.
  • Gaudant, J., ed. (2005). Dolomieu et la géologie de son temps. Les Presses de l'École des Mines de Paris, Paris. p. 200.
  • Caminada, P. (2006). Das abenteuerliche Leben des Forschungsreisenden Déodat de Dolomieu 1750 - 1801. Projekte Verlag, Halle. p. 285.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Hooykaas, R. (1970). "Catastrophism in Geology: Its Scientific Character in Relation to Actualism and Uniformitarianism" (PDF).
  2. ^ "Déodat de Gratet de Dolomieu". Oxford Reference (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-22.
  3. ^ Saussure le fils, M de. (1792): Analyse de la dolomie. Journal de la Physique, vol. 40, pp.161-173.
  4. ^ Gardien, Guy (2002). "Introduction". Déodat Gratet de Dolomieu (in French). Editions Publibook. p. 9. ISBN 9782748312386.
  5. ^ P. 41 tal-parti 3 tal-ktieb Systema naturae per regna tria naturae, Secundum Classes, Ordines, Genera, species cum characteribus & differentiis, ippubblikat fl-1768 minn Laurentii Salvii, Homiae.
  6. ^ Felizardo, Alexandre. "Baltazar Hacquet (1739-1815)". Cavernas em Foco (bil-Portugiż). Bookess. p. 119. ISBN 9788562418938.
  7. ^ Kranjc, Andrej (2006). "Balthasar Hacquet (1739/40-1815), the Pioneer of Karst Geomorphologists". Acta Carsologica. 35 (2).
  8. ^ Šumrada, Janez (2001). "Žiga Zois in Déodat de Dolomieu". Kronika: časopis za slovensko krajevno zgodovino [The Chronicle: the Newspaper for the Slovenian History of Places] (bis-Sloven u bl-Ingliż). Association of Slovenian Historical Societies, Section for the History of Places. 49 (1/2): 65–72. ISSN 0023-4923.
  9. ^ Kunz, George F. "Déodat Dolomieu." Science Monthly. Volume 8, pages 527–536. June, 1919. (Ibbażat fuq Alfred Lacroix. "Notice Historique sur Déodat Dolomieu,1750–1801).
  10. ^ Kunz, George F. "Un Manuscrit inédit de Dolomieu sur la Minéralogie du Dauphiné." Science. Volum 50, nru 373, pp. 373-374. Is-17 ta' Ottubru 1919.