Bice Mizzi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bice Mizzi
Ħajja
Twelid Bormla, 11 Novembru 1899
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
L-ewwel lingwa Malti
Taljan
Mewt 22 Frar 1985
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Familja
Missier Paolino Vassallo
Konjuga/i Enrico Mizzi  (1926 -  20 Diċembru 1950)
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pjanist
Sħubija Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ta’ Malta

Bice Mizzi Vassallo (imwielda Beatrix Vassallo, magħrufa ukoll bħala Bice Vassallo u Bice Mizzi; twieldet fil-11 ta' Novembru 1899 - mietet fit-22 ta' Frar 1985) kienet pjanista Maltija, meqjusa fost l-aktar pjanisti ewlenin tal-ġenerazzjoni tagħha.[1] Hija magħrufa wkoll bħala t-tifla tal-kompożitur Paolino Vassallo u Maria Anna, kunjomha xebba Grech, u l-mara tal-eks Prim Ministru Malti Enrico Mizzi.[2]

Ħajja bikrija u edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Bice Vassallo bdiet l-istudji tagħha taħt missierha, il-kompożitur Malti Paolino Vassallo,[3] forza kostanti fil-karriera mużikali bikrija tagħha. Taħt id-direzzjoni tiegħu, hija studjat il-pjanu u l-vjolin.[1] Huwa eventwalment iggwidaha biex tagħżel bejn dawn iż-żewġ strumenti mużikali. Hija għażlet il-pjanu flok il-vjolin, madankollu xorta kompliet tħobb il-vjolin.[2]

Bice ngħatat distinzjoni fiż-żewġ eżamijiet tagħha fil-pjanu (diviżjoni baxxa u ogħla) mill-Bord Assoċjat tal-Akkademja Rjali tal-Mużika u mill-Kulleġġ Irjali tal-Mużika fl-1908 u fl-1909 rispettivament.

Kunċerti[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel kunċert notevoli tagħha kien f’Mejju 1909, fejn hija esegwiet recital ta’ mużika klassika fit-Teatru Manoel. Din ir-rappreżentazzjoni saret taħt il-patroċinju tal-Isqof ta’ Malta Pietro Pace li kienet organizzata b’risq is-Sorijiet ta’ San Ġużepp, f’Tas-Sliema.[1] Diversi gazzetti ppubblikaw riċensjonijiet ta' dan il-kunċert:

"Pjanista ta' dauc il ftit snin u ta' dic il hila hecc cbira ftit haun fid-dinja u għalhekk għandna biex niftaħru u biex nifirħu".[4] "Bice è un piccolo Mozart" (Bice hija Mozart żgħir).[5]

Hija dehret ukoll f'kunċert b’risq is-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul tal-Belt Valletta.[1] Dan il-kunċert vokali u strumentali sar nhar il-Ħadd l-1 ta' Mejju 1910 fit-Teatru Ċinematografiku f'Bormla.[6]

F’Ġunju 1911, fl-età ta’ 11-il sena, hija tat waħda mill-aktar wirjiet importanti tal-karriera tagħha, meta daqqet fis-Sala Scarlatti tal-Conservatorio di Musica Vincenzo Bellini f’Palermo. Dan il-kunċert kien taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-Prinċipessa ta' Castelreale.[7] Kritiku mir-Rassegna Melodrammatica ta’ Milan kiteb dan li ġej: “Sar kunċert fis-Sala Scarlatti tal-Konservatorju Rjali tal-Mużika f’Palermo, li fih il-protagonist kienet Bice Vassallo ta’ 11-il sena minn Malta. Hija deskritta bħala vera prodiġju tal-pjanu. L-udjenza distinta anke jekk xi ftit mistħija tatha unuri sħaħ ta’ suċċess kbir”.

Fl-1912 daqqet fit-Teatru Rjal fil-Belt Valletta.[1] Din li ġejja hija silta minn gazzetta lokali:

"Bice Vassallo, li tant żgħira tista' tokgħod mal kbar pjanisti ta barra, għad ġurnata tkiegħed isimha ma ta dauk li għall ħila tagħhom ma jmutu katt."[8]

Wara kunċert ieħor fit-Teatru Rjal fil-Belt Valletta fl-1914, intqal dan li ġej dwar il-pjanista żagħżugħa:

"Come chiamare la pianista quattordicenne? Noi la chiameremmo fenomenale" (X’issejħilha lil din il-pjanista ta' erbatax-il-sena? Aħna kieku nsejħulha fenomenali).[9]

Fl-1923, l-istess sena li missierha miet, hija għamlet recital f'Wigmore Hall f'Londra. "Bice Vassallo è vanto ed onore di Malta" (Bice Vassallo hija l-kburija u l-unur ta' Malta".[10]

Fit-18 ta' Ottubru 1946 hija daqqet f'kunċert tal-kompożitur Malti Carmelo Pace mmexxi minn Francesco Bellizzi fl-British Institute fil-Belt.[11] Wirja oħra notevoli kienet dik li tat fl-1952 fis-Sala tal-Università fil-Lukanda Phoenicia fil-Furjana.[11]

Fis-26 ta' Ġunju 1926, Bice Vassallo żżewġet lil Enrico Mizzi,[12] li dak iż-żmien kien il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Żewġha sar Prim Ministru ta' Malta fl-1950 ftit xhur qabel ma miet.[13]

Fil-25 ta' Lulju 1927, Bice u Enrico Mizzi kellhom tifel u semmewh Fortunato (1927-2017),[14] għal missier Enrico, Fortunato Mizzi (1844-1905).[15] Fortunato Mizzi (magħruf ukoll bħala Natolino) ġie ordnat saċerdot fl-1952 u wara, fl-1955, waqqaf il-Moviment Azzjoni Soċjali (MAS).[16][17]

Ħajja matul il-gwerra[immodifika | immodifika s-sors]

Bice u binha għaddew minn żminijiet diffiċli matul ħajjithom, minħabba l-assoċjazzjoni familjari tagħhom ma' Enrico Mizzi. Fl-1940, meta kien qed joqrob l-involviment ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija, Enrico ġie arrestat, talli allegatament kellu simpatiji Taljani, intefa’ fil-Forti Salvatore f’Kordin u mbagħad ġie trasferit lejn il-Kunvent ta’ Sant'Agata fir-Rabat. F’ittra tad-19 ta’ Ġunju 1940, miktuba bit-Taljan, Bice staqsiet għaliex ir-raġel tagħha ma rċeviex l-ittri kollha tagħha, meta kienet kitbitlu kważi kuljum: "Mi meraviglio come mai non ricevi le mie lettere perchè fin'ora ho scritto sempre, quasi ogni giorno".[18]

Kien hemm żmien meta Bice u binha kienu jkunu għaddejjin mit-toroq fir-Rabat, qabel jew wara li jżuru lil Enrico, fejn kienu jiġu insultati verbalment u ssuttati bil-qxur tal-patata u l-qxur tal-bajd.[2] Fi Frar 1942, il-Gvernatur ta’ Malta ta' dak iż-żmien, Sir William Dobbie, ħareġ mandat biex jiddeporta lil Enrico Mizzi, flimkien ma’ 47 ċittadin Malti ieħor, lejn l-Uganda.[2] Kien biss fl-1945 li dan il-grupp ta' eżiljati tħalla lura fil-pajjiż.[19] Ir-raġel tagħha reġa' daħal mill-ġdid fil-politika u ġie elett bħala Prim Ministru fl-elezzjonijiet tal-1950 li saru bejn it-2 u l-4 ta' Settembru. Dan is-suċċess dam għal ftit żmien biss, peress li huwa miet anqas minn erba' xhur wara fl-20 ta' Diċembru 1950, fl-età ta' 65 sena. Huwa ngħata funeral statali u sal-lum, huwa l-uniku Prim Ministru Malti li miet fil-kariga.[20]

Snin ta' wara[immodifika | immodifika s-sors]

Matul ħajjitha, Bice, kienet determinata li qatt ma ttellef l-attenzjoni ta’ żewġha mill-missjoni tiegħu għas-servizz tan-nazzjon. L-istess dedikazzjoni offrietha wkoll lil binha meta daħal għas-saċerdozju. Dan kien fi żmien meta l-Gżejjer Maltin kienu għaddejjin minn l-isfidi l-kbar ta' wara l-gwerra.

Bice Mizzi Vassallo ddedikat ruħha għat-tagħlim fis-snin ta’ wara.[2] Hija għallmet b’entużjażmu kbir lil uħud mill-aqwa pjanisti tal-pajjiż.[21] It-tagħlim tal-pjanu kien importanti b'mod speċjali bħala mezz biex taqla' dħul finanzjarju, speċjalment wara l-mewt ta' żewġha fl-1950.[22] Żewġha miet bla flus u damet ftit biex ingħatat il-pensjoni tal-gvern tar-raġel tagħha.

Ħabib tal-iskola ta' binha Fortunat, Joe Felice Pace, li kien jingħaqad magħhom ta' spiss għall-ikel fil-jiem tal-iskola, iddeskriva lil Bice bħala mara tal-azzar b'qalb tad-deheb, li ddedikat ħajjitha għalkollox lill-familja tagħha, u ddedikat ruħha għall-isforzi tagħhom billi warrbet il-karriera tagħha. Felice Pace fakkar ukoll f'istanza meta ġiet mistiedna tagħti numru ta' kunċerti barra mill-pajjiż fl-aħħar tas-sittinijiet tas-seklu għoxrin.[2] Wara li ikkunsidrat din l-istedina għal żmien pjuttost twil, fl-aħħar irrifjutat għax ħasset li ma kelliex tħalli lil binha waħdu għal ħmistax, peress li kienet inkwetata li dan kien se jinterferixxi mal-missjoni tiegħu. Huwa fakkar ukoll li l-ġranet tagħha kienu jikkonsistu fl-għoti ta' lezzjonijiet tal-pjanu filgħodu u mbagħad kienet iddoqq għall-pjaċir tagħha stess bejn nofsinhar u n-12:30, l-aktar mużika ta' Chopin, li kien il-kompożitur favorit tagħha. Wara kienet tieqaf għall-ikel u hi u binha Fortunat kienu jingħaqdu fil-kċina.[3] Imbagħad kienet terġa' tibda l-lezzjonijiet tagħha waranofsinhar.[2]

Mewt u legat[immodifika | immodifika s-sors]

Bice Mizzi Vassallo mietet fit-22 ta' Frar 1985 fl-età ta' 85 sena.[2]

Fl-1987, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ta’ Malta[23] waqqaf il-Kompetizzjoni Mużikali Bice Mizzi Vassallo f’ġieħha; Cynthia Turner ippresediet il-bord li jiddeċiedi dan il-premju sa ma mietet fl-2021.[24] Il-kompetizzjoni ssir kull sentejn u saret kull sena minn mindu twaqqfet.[24]

L-iskola statali Primarja Bice Mizzi Vassallo f'Pembroke,[25] kif ukoll xi toroq fl-istess lokalità[26] u f’Santa Luċija[27] huma msemmijin għaliha.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e Galea, Michael (16 Jan 2011). "Bice Mizzi-Vassallo, piano prodigy". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  2. ^ a b ċ d e f ġ g Felice Pace, Joe. "Bice – the woman behind Nerik Mizzi". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  3. ^ a b Ganado, Albert (24 Frar 2019). "When the Maltese national anthem was barred by closing the Royal Theatre". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  4. ^ Levanzin, Agostino (5 June 1909). "Bice Vassallo". In-Naħla.
  5. ^ Barbera, Luigi (5 June 1909). "Bice Vassallo". In-Naħla.
  6. ^ "A Grand Vocal and Instrumental Concert". The Malta Herald. 30 Mejju 1910.
  7. ^ "Bice Vassallo". Malta Herald. 12 June 1911.
  8. ^ Borg, Tancredi (9 Mejju 1912). "Bice Vassallo". Il-Ħabib.
  9. ^ "Concerto Bice Vassallo". Il Patriota. 23 Mejju 1914.
  10. ^ Fabius (16 Nov 1923). "Bice Vassallo". Malta.
  11. ^ a b De Gabriele, Marcel (1991). Carmelo Pace, a Maltese composer : thematic, annotated, and illustrated catalogue of works. [Collegeville, Minn.]: Hill Monastic Manuscript Library, St. John's University.
  12. ^ Acts from the archives of the parish church of St Paul's shipwreck in Valletta.
  13. ^ Mizzi, Lawrence (26 Diċ 2010). "Enrico Mizzi: A model politician". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  14. ^ "Funeral of Fortunato Mizzi at the Jesuits church in Valletta - The Malta Independent". www.independent.com.mt. 11 Settembru 2017. Miġbur 2021-07-20.
  15. ^ Borg, Coryse (2019-07-16). "Watch: Fortunato Mizzi lapide back in Malta" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  16. ^ Sansone, Kurt (10 September 2017). "Who was Mgr Fortunato Mizzi?". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  17. ^ Miceli, Raymond (2018-09-08). "Monsinjur Fortunato Mizzi- il-fundatur tal-MAS" (bil-Malti). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  18. ^ Cachia, Enzo. "Maltese Wartime internees - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-07-20.
  19. ^ Bonello, Giovanni. "Letters in exile: Nerik Mizzi's passage to Egypt". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  20. ^ Bonello, Giovanni. "Letters in exile: Nerik Mizzi's unpublished letters from Africa". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  21. ^ National Council of Women. "Winners of Bice Mizzi Vassallo Music Competition". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  22. ^ Mangion, Fabian. "A great priest and a dedicated musician". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  23. ^ "National Council of Women of Malta - Promoting Equality of Opportunities". www.ncwmalta.com. Miġbur 2021-07-20.
  24. ^ a b Reporter, Staff (2021-02-03). "The National Council of Women pays tribute to Cynthia Caruana Turner" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  25. ^ "Schools". localgovernment.gov.mt (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-01-16. Miġbur 2021-07-20.
  26. ^ "Triq Bice Mizzi Vassallo · Pembroke, Malta". Triq Bice Mizzi Vassallo · Pembroke, Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  27. ^ "Bice Mizzi Vasallo · Santa Luċija, Malta". Bice Mizzi Vasallo · Santa Luċija, Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.