Carmelo Pace
Carmelo Pace | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 17 Awwissu 1906 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | 20 Mejju 1993 |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | kompożitur |
Moviment artistiku | opra |
Carmelo Pace (17 ta’ Awwissu 1906 - 20 ta’ Mejju 1993) kien kompożitur Malti, u għalliem tat-teorija u l-armonija tal-mużika. Imwieled il-Belt Valletta, Malta fis-17 ta’ Awwissu 1906, Pace kien l-ikbar minn tliet aħwa. Il-ġenituri tiegħu kienu Anthony Pace u Maria Carmela li kunjomha xebba kien Ciappara.
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fi tfulitu, il-familja ta’ Pace kienet tgħix f’appartament fi Strada Mercanti, il-Belt, li kienu jaqsmu ma’ ziju min-naħa t’ommu, Vincenzo Ciappara. Ciappara kien mużiċist magħruf u kien l-ewwel għalliem ta' Pace.
Pace attenda l-Kulleġġ Santu Wistin fil-Belt, fejn sar attiv ħafna fil-kor tal-istudenti. Matul iż-żjarat frekwenti fil-post tax-xogħol ta’ missieru fis-sala taċ-ċinema Commerce fi Strada Reale fil-Belt Valletta, Pace beda jgħożż l-istil improvviżat ta’ akkumpanjament mużikali live li kien jindaqq minn kwartett residenti waqt il-wirjiet ta’ films muti. Ma damx ma sar mużiċist regolari fiċ-ċinema.
Wara introduzzjoni minn zijuh, Pace tgħallem il-vjolin taħt it-tutela tal-Professur Carlo Fiamingo, u studja l-armonija, il-kontrapunt, l-orkestrazzjoni u l-kompożizzjoni taħt Thomas Mayne. Fl-1931 irċieva Diploma fl-Istruzzjoni Mużikali mir-Royal School of Music, Londra, u minnufih beda jgħallem lil diversi studenti.
Snin tal-Gwerra
[immodifika | immodifika s-sors]Il-karriera bikrija tiegħu ġiet interrotta minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija. B’Malta taħt bombardament kważi kostanti mill-poteri tal-Assi, Pace ġie maħtur Superviżur tax-Xelter bir-responsabbiltà ta’ aktar minn ħames mitt refuġjat, u sussegwentement ingħata pożizzjoni bħala skrivan fl-uffiċini tar-Royal Air Force fil-Belt Valletta. Hekk kif bdiet il-gwerra, Pace reġa’ beda jgħallem wara l-ħin tax-xogħol, u saħansitra waqqaf orkestra żgħira għad-divertiment tar-refuġjati.[1]
Il-familja Pace abbandunat id-dar tal-Belt Valletta tagħha wara li twaqqgħet b’bumbardament mill-ajru, u ġiet rilokata fil-belt ta’ Tas-Sliema fix-xatt oppost tal-Port ta’ Marsamxett.[1]
Xogħlijiet Mużikali
[immodifika | immodifika s-sors]Sakemm għalaq 20 sena, Pace kien diġa' kkompona biċċiet mużikali għall-pjanu, il-vjolin u l-vjolinċell, segwiti minn bosta kantati, mużika orkestrali u tal-kamra, innijiet sagri, żewġ balletti, marċi tal-baned, kunċerti, u oratorju. Il-kompożizzjoni tiegħu tal-1931, Maltesina, fantasija mużikali bbażata fil-biċċa l-kbira fuq melodiji folkloristiċi tradizzjonali Maltin u l-għana, ġiet ippremjata mill-Highland Fusiliers' Band fi Pjazza Palazz. Din tibqa' għażla popolari fost il-baned tal-marċi matul l-istaġun tal-festi tar-raħal f'Malta.
Fost l-aktar xogħlijiet notevoli tiegħu hemm erba’ opri, li kollha huma bbażati fuq l-istorja, leġġendi u folklor Maltin. Caterina Desguanez (1965), librett ta’ Ivo Muscat Azzopardi, jirrakkonta l-istorja ta’ skjav Tork li jinħabb ma’ bint is-sid tiegħu. I Martiri (1967), librett ta' Vincenzo Maria Pellegrini, jirrakkonta r-rewwixta kontra l-okkupanti Franċiżi f'Malta Napuljunika. Angelica (1973), librett ukoll minn Vincenzo Maria Pellegrini, huwa bbażat fuq il-leġġenda Maltija tal-Għarusa tal-Mosta. Ipogeana (1976), librett ta’ Pellegrini, huwa dwar Malta Neolitika fi żmien il-bennejja misterjużi tat-tempji.
Fl-1982 ikkompona l-Istabat Mater għas-sopran, tenur, bass, kor imħallat u orkestra. Dan ġie ppreżentat għall-ewwel darba mill-Kor St Monica, taħt id-direzzjoni ta’ Suor Beniamina Portelli.
Pace kiseb rikonoxximent internazzjonali meta l-poeżija sinfonika tiegħu Jubilamus indaqqet mill-Orkestra Sinfonika ta’ Kjoto waqt l-Expo ’70 fil-Ġappun. Ix-xogħlijiet tiegħu ndaqqu wkoll fl-Istati Uniti, fir-Russja, fl-Ingilterra, f’Wales, fi Franza, fl-Italja, fil-Ġermanja, fin-Norveġja, fl-Iżvezja, fil-Polonja, fl-Eġittu, fl-Indja u fl-Arġentina.
Il-mużika ta' Carmelo Pace spiss hija melodjuża, iżda xi drabi pjuttost karatteristika tat-tendenzi mużikali tal-bidu tas-seklu 20. Fil-mumenti aktar liriċi tiegħu, il-mużika tiegħu turi xi referenzi għall-veriżmu kif ukoll għall-armoniji Raveljani. Il-lingwaġġ aktar avventuruż tiegħu huwa aktar astratt u atonali mingħajr ma neċessarjament ikun dodekafoniku, anke jekk spiss ikollu karattru intimu.
Unuri u premjijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1955, fl-1956, fl-1957 u fl-1958, Pace rebaħ l-ewwel premju fil-konkors internazzjonali annwali tar-Rediffusion għall-kompożizzjoni mużikali. Huwa rebaħ konkors tal-mużika tal-kamra organizzat mill-Performing Rights Society f'Londra fl-1962 u għal darb'oħra fl-1972. Fl-1975, ħa kemm l-ewwel u t-tieni post f'kompetizzjoni tal-mużika tal-kamra organizzata mit-Teatru Manoel fil-Belt. Fl-1964, sar Kavallier tal-Ordni Sovran, Militari u Ospitallier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm (l-Ordni ta’ Malta), u fl-1992, il-President Vincent Tabone għamlu Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.[1]
Arkivji
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-mewt ta’ Pace, fl-20 ta’ Mejju 1993, il-manuskritti tiegħu u xogħlijiet oħra ġew trasferiti fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina, għalkemm il-partituri mużikali għall-opri tiegħu għadhom fil-Mużew tat-Teatru Manoel fil-Belt .