Qawwiet tal-Assi tat-Tieni Gwerra Dinjija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Qawwiet tal-Assi, imsejjħa wkoll Alleanza tal-Assi, Nazzjonijiet tal-Assi jew xi kultant biss bħala Assi kienu dawk il-pajjiżi li kienu jopponu l-Alleati matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Din kienet koalizzjoni mmexxija mil-Ġermanja, l-Italja, u l-Ġappun. Din l-alleanza bdiet b'sensiela ta' patti bejn il-Ġermanja u l-Italja, flimkien mal-proklamazzjoni ta' 'Assi' li kien jgħaqqad lil Ruma u l-Berlin, fil-25 t'Ottubru 1936, biż-żewġ pajjiżi jiddikjaraw li d-dinja kienet ser tibda ddur fuq dan l-assi Ruma-Berlin.

Dan il-patt ġie segwit mill- Patt Anti-Comintern bejn il-Ġermanja u l-Ġappun kontra l-Unjoni Sovjetika fil-25 ta' Novembru, 1936. Din il-konnessjoni ġiet msaħħa minn alleanza politika u militari sħiħa bejn il-Ġermanja u l-Italja (il-Patt ta' l-Azzat tat-22 ta' Mejju 1939). Il-Patt Tripartit, iffirmat mit-tlett potenzi maġġuri, il-Ġermanja Nażista, l-Italja Faxxista u l-Ġappun Imperjali waqqfu b'mod uffiċjali din l-alleanza militari. Fil-quċċata tal-poter tagħhom, il-potenzi tal-Assi kienu jiggvernaw imperi li ddominaw partijiet kbar mill-Ewropa, Afrika, l-Lvant u x-Xlokk tal-Asja u l-Oċean Paċifiku, imma t-Tieni Gwerra Dinjija spiċċat f'telfa totali. Bħall-Alleati, sħubija fl-Assi kienet fluwida, u xi nazzjonijiet daħlu u ħarġu mill-Assi matul il-kors tal-gwerra.