Amburgu
Amburgu | |||
---|---|---|---|
Ġermanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Ġermanja | ||
Kap tal-Gvern | Peter Tschentscher | ||
Isem uffiċjali |
Hamburg Freie und Hansestadt Hamburg Land Hamburg | ||
Ismijiet oriġinali | Freie und Hansestadt Hamburg | ||
Kodiċi postali |
20095–21149, 22041–22769u 27499 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 53°33′N 10°00′E / 53.55°N 10°EKoordinati: 53°33′N 10°00′E / 53.55°N 10°E | ||
Superfiċjenti | 755.09 kilometru kwadru | ||
Għoli | 6 m | ||
Fruntieri ma' | Schleswig-Holstein, Lower Saxony (en) , Seevetal (en) , Neu Wulmstorf (en) , Bönningstedt (en) , Norderstedt (en) , Halstenbek (en) , Reinbek (en) , Pinneberg (en) , Segeberg (en) , Stormarn (en) , District of Duchy of Lauenburg (en) , Harburg (en) , Stade (en) u Ahrensburg (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 1,910,160 abitanti (31 Diċembru 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
040 u 04721 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | San Pietruburgu, Marsilja, Shanghai, Dresden, Osaka, León, Praga, Chicago, Dar es Salaam (en) , Varna, Auckland, Valdivia (en) , Kaliningrad, São Paulou Kiev | ||
hamburg.deu hamburg.com |
Amburgu (bil-Ġermaniż: Hamburg) hija t-tieni l-ikbar belt fil-Ġermanja (wara Berlin), u għandha l-akbar popolazzjoni fost il-bliet mhux kapitali fl-Unjoni Ewropea. Amburgu hija waħda mill-Istati Federali tal-Ġermanija.[1]
Din il-belt għandha madwar 1.8 miljun ruħ, iżda dan l-għadd jitla' għal 4.3 miljun ruħ jekk wieħed iqis is-subborgi tagħha.[2][3] Il-port ta' Amburgu huwa t-tieni l-akbar port fl-Ewropa (wara dak ta' Rotterdam), u jinsab fid-disa' post tal-akbar portijiet tad-dinja.
Il-belt ta' Amburgu tinsab fit-Tramuntana tal-Ġermanja u hija ċentru industrijali b'fabbriki bħal Blohm + Voss u Norddeutsche Affinerie. L-industrija tal-midja hija importanti f'Amburgu u hawn jinsabu, fost oħrajn, l-istazzjon tar-radju u t-televiżjoni Norddeutscher Rundfunk u pubblikaturi bħal Gruner + Jahr u Spiegel-Verlag. B'kollox hemm aktar minn 120,000 impriża f'din il-belt.[4]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Din il-belt ħadet isimha mill-ewwel bini tagħha. Dan kien kastell mibni skont l-ordni tal-Imperatur Karlu Manju fit-808 W.K. Dan kien iġib l-isem ta' Hammaburg, fejn burg tfisser kastell, filwaqt li t-tifsira tal-kumplament tal-kelma Hamma baqgħet inċerta, l-istess bħal-pożizzjoni ta' dan il-kastell.[5]
Amburgu ġiet, ħafna drabi, meqruda u maħkuma. Fit-845, flotta ta' 600 vapur tal-Vikingi waslu sax-xmara Elbe u qerdu l-belt. Dak iż-żmien kienet belt ta' madwar 500 ruħ. Fl-1030, il-belt ġiet maħruqa mir-Re Mieszko II Lambert tal-Polonja. Valdemar II tad-Danimarka rebaħ il-belt fl-1201 u fl-1214. Amburgu għaddiet minn numru ta' nirien kbar, l-agħar tnejn seħħew fl-1284 u fl-1842. Fl-1842, tilfu ħajjithom 51 ruħ, inqerdu diversi binjiet importanti u 20,000 ruħ spiċċaw bla dar. Ir-rikostruzzjoni damet aktar minn 40 sena. Għal perjodu ta' żmien qasir kienet annessa minn Napuljun I ta' Franza (1810–1814). Il-forzi Russi lliberaw il-belt fl-1814. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt soffriet numru ta' attakki mill-ajru u ġew maqtula 42,000 ruħ ċivili. Fis-16 ta' Frar 1962 kien hemm għargħar tax-xmara Elbe minħabba maltempata qawwija u 300 ruħ tilfu ħajjithom.[6][7]
Amburgu kien stat indipendenti tal-Konfederazzjoni Ġermaniża (1815–1866), il-Konfederazzjoni tat-Tramuntana tal-Ġermanja (1866–1871), l-Imperu Ġermaniż (1871–1918) u tar-Repubblika ta' Weimar (1919–1933). Waqt il-perjodu tal-Ġermanja Nażista, Amburgu kienet Gau mill-1934 sal-1945. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, din il-belt kienet fiż-żona Brittanika u saret stat tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1949.[8]
Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, saret referenza fil-proża u l-poeżija, għall-qaddisa patruna bl-isem ta' Amburgu (Hamburg) bil-Latin, Hammonia. B'hekk din saret is-simbolu tal-belt f'dan iż-żmien. Fit-tieni nofs tas-seklu 19, il-popolazzjoni ta' Amburgu kibret b'rata qawwija. Il-Hamburg America Line saret l-akbar kumpanija tal-merkanzija transatlantika, b'Albert Ballin bħala d-direttur tagħha. Dan kien il-port minn fejn ħafna Ġermaniżi u nies mill-Ewropa tal-Lvant emigraw lejn l-Amerka u kont issib kumpaniji tan-negozju mid-dinja kollha.
Il-bombi tal-Alleati waqt it-Tieni Gwerra Dinjija wasslu għal numru kbir ta' persuni ċivili midruba, kif ukoll għal partijiet kbar tal-belt u tal-port meqruda. Amburgu ċediet lill-Forzi Brittaniċi fit-3 ta' April 1945. Il-fruntieri interni tal-Ġermanja sseparaw il-belt minn ħafna mill-periferija u n-negozju internazzjonali ta' Amburgu mar għall-agħar. Ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja fl-1990, u d-dħul ta' diversi stati Ewropej u Baltiċi fl-Unjoni Ewropea fl-2004, wasslu biex dan il-port, flimkien mal-belt kollha, jikseb mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar port reġjonali għall-merkanzija fil-kontejners u bħala ċ-ċentru kummerċjali ewlieni.
Kultura u Ħajja Kontemporanja
[immodifika | immodifika s-sors]F'Amburgu nsibu aktar minn 40 teatru, 60 mużew u 100 post u klabb tal-mużika. Fl-2005 iżjed minn 18-il miljun ruħ attendew kunċerti, esibizzjonijiet, teatri, ċinema, mużewijiet u wirjiet oħra kulturali. Insibu aktar minn 8,552 kumpanija taxxabbli — b'daqs medju ta' 3.16 impjegat — fis-settur kulturali bħalma huma l-mużika, il-wirjiet tal-arti u l-letteratura.[9][10]
Teatri
[immodifika | immodifika s-sors]It-teatru pubbliku Deutsches Schauspielhaus, it-Thalia Theater u l-Kampnagel huma magħrufa sew fil-Ġermanja u barra mill-pajjiż. The English Theatre twaqqaf fl-1976 u huwa l-eqdem teatru professjonali bl-Ingliż fil-Ġermanja, u l-impjegati tiegħu kollha huma kelliema nattivi tal-Ingliż.[11][12]
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Żjara tipika f'Amburgu tikkonsisti minn żjara tar-Rathaus (il-muniċipju) u l-knisja ta' St. Michaelis (imsejħa Michel), kif ukoll dawra mad-distrett tal-imħażen antiki (Speicherstadt) u mal-port. Il-postijiet ta' interess kollha jistgħu jintlaħqu permezz ta' kowċis turistiċi. Ħafna turisti jagħmlu dawra bid-dgħajsa madwar il-port u/jew il-kanali (Große Hafenrundfahrt, Fleetfahrt) li jibdew mil-Landungsbrücken. Il-mużewijiet huma destinazzjoni ewlenija oħra. Filgħaxija t-turisti jistgħu jagħmlu mixja mar-Reeperbahn fid-distrett ta' St. Pauli, li huwa meqjus bħala l-akbar red light district fl-Ewropa, b'numru kbir ta' bars u nightclubs. Kien hawnhekk fejn il-Beatles bdew il-karriera tagħhom, b'residenza ta' 48 lejla fil-klabb Indra, u bi 58 lejla fil-Kaiserkeller. Oħrajn jippreferu l-parti aktar rilassanti ta' Schanze, fejn wieħed isib ħafna kafetteriji, jew inkella xi BBQ fuq ix-xatt tax-xmara Elbe. F'Amburgu nsibu wkoll żu popolari bl-isem ta' Tierpark Hagenbeck. Hawn ukoll min iżur din il-belt minħabba xi interess speċjali: għal xi wirja mużikali, xi avveniment sportiv, kungress jew fiera.[13][14][15]
Festi u avvenimenti
[immodifika | immodifika s-sors]Amburgu hija belt magħrufa għal ħafna festi u avvenimenti. Fosthom hemm festi fit-toroq bħall-festival Gay Pride, Christopher Street Day u l-fiera tal-Alster. Il-Hamburger Dom hija l-akbar fiera ta' divertiment fit-Tramuntana tal-Ġermanja u tiġi organizzata tliet darbiet fis-sena. Il-Hafengeburtstag hija fiera ta' divertiment oħra għaċ-ċelebrazzjoni ta' għeluq snin il-port permezz ta' party u parata tal-vapuri. Fil-Knisja ta' San Mikiel issir quddiesa għall-motoċiklisti.
F'Diċembru jiġu organizzati fieri tal-Milied f'ħafna postijiet tal-belt, fosthom fil-pjazza tal-Hamburg Rathaus. Għal min japprezza l-arti u l-kultura jiġi organizzat il-lejl tal-mużewijiet. Sa nofs il-lejl wieħed jista jżur madwar 40 mużew bil-prezz ta' wieħed biss. Fl-2008 ġie organizzat is-sitt Festival tal-Kulturi f'Settembru, għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja multikulturali. Waqt il-Filmfest Hamburg jiġu preżentati għadd kbir ta' films.
Fil-Hamburg Messe and Congress isiru diversi fieri kummerċjali, bħal pereżempju il-Hanseboot, wirja internazzjonali tad-dgħajjes, jew Du und deine Welt, esibizzjoni kbira tal-konsumatur. Isiru wkoll avvenimenti sportivi bħall-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu Vattenfall Cyclassics, il-Maratona ta' Amburgu, l-akbar maratona tal-Ġermanja wara dik ta' Berlin, it-tornew tat-tennis bl-isem ta' Hamburg Masters u sports ekwestri bħad-Deutsches Derby.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]F'Amburgu nsibu numru ta' timijiet sportivi u matul is-sena jsiru ħafna attivitajiet sportivi. Hamburger SV huwa tim tal-futbol fil-Bundesliga li rebaħ ħafna titli lokali kif ukoll it-Tazza Ewropea fl-1983. Dan it-tim jilgħab fil-HSH Nordbank Arena. FC St. Pauli huwa klabb ieħor tal-futbol li jilgħab fit-tieni diviżjoni fl-istadju Millerntor-Stadion. Il-Hamburg Freezers jirrappreżentaw lill-Amburgu fid-DEL, il-lega tal-ħoki tas-silġ fil-Ġermanja. It-tim ta' HSV Handball jilgħab fil-lega tal-handball u jilgħab fil-Color Line Arena. F'din il-belt insibu timijiet ta' ħafna sports oħra, bħal dak tar-rugby, tal-vollleyball u tat-tennis. Matul is-sena isiru tornej u avvenimenti tat-tennis, sport ekwestri, maratoni u kompetizzjonijiet bħall-Vattenfall Cyclassics, u t-triathlon ITU. L-Arena HSH Nordbank intużat fit-Tazza tad-Dinja tal-2006. Fl-2010 se tintlagħab il-finali tat-Tazza UEFA f'din l-arena.[16]
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-prodott domestiku gross ta' Amburgu huwa ta' €88.9 biljun, l-akbar wieħed fil-Ġermanja u hawn insibu 120,000 impriża. Fl-2007 id-dħul medju tal-impjegati kien ta' €30,937. L-akbar unità ekonomika ta' Amburgu huwa l-port, li wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, kiber b'rata mgħaġġla. Amburgu, fiimkien mal-bliet ta' Seattle u Toulouse, hija belt importanti għall-industrija tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. Il-kumpanija Airbus, li għandha impjant tal-assemblaġġ f'Amburgu, timpjega aktar minn 13,000 ruħ fid-distrett ta' Finkenwerder. L-industrija kbira tinkludi l-produzzjoni tal-azzar, tal-aluminju, tar-ram u numru ta' tarzniet bħal Blohm + Voss.[17][18]
Midja
[immodifika | immodifika s-sors]Industriji importanti oħra huma kumpaniji tal-midja b'aktar minn 70,000 impjegat. Is-sezzjoni Norddeutscher Rundfunk tan-network tat-televiżjoni u r-radju ARD hija bbażata f'Amburgu; kif ukoll l-istazzjonijiet kummerċjali tat-televiżjoni Hamburg 1 u Tide TV. Insibu wkoll diversi stazzjonijiet reġjonali tar-radju bħal Radio Hamburg, kif ukoll numru kbir ta' kumpaniji tal-pubblikazzjoni kbar li jinkludu Axel Springer AG, Gruner + Jahr, Bauer Media Group. Ħafna gazzetti u rivisti nazzjonali bħalma huma Der Spiegel u Die Zeit jiġu ppubblikati hawnhekk, kif ukoll gazzetti ta' interess speċjali bħal Financial Times Deutschland. Il-Hamburger Abendblatt hija gazzetta reġjonali li toħroġ kuljum b'distribuzzjoni kbira. Insibu numru ta' kumpaniji tal-mużika (l-akbar waħda hija Warner Bros. Records Germany) u kumpaniji tal-internet (pereżempju AOL, Adobe Systems u Google Germany, u anke kumpaniji tal-Web 2.0 bħal Qype).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Ein Service von Hamburg und juris". web.archive.org. 2007-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-10. Miġbur 2022-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Urban Areas (Germany): & Urban Areas - Population Statistics, Charts and Map". web.archive.org. 2020-06-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-03. Miġbur 2022-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ranking 2022: Das sind die zehn größten Städte Deutschlands". www.handelsblatt.com (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Quality of Living City Ranking | Mercer". mobilityexchange.mercer.com. Miġbur 2022-08-24.
- ^ Schulz, Matthias (2010-10-01). "Mapping Ancient Germania: Berlin Researchers Crack the Ptolemy Code" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-24.
- ^ "The Horrifying Global Impact of the Black Death". ThoughtCo (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-24.
- ^ Clark, David S. (1987), "The Medieval Origins of Modern Legal Education: Between Church and State", The American Journal of Comparative Law, American Society of Comparative Law, 35 (4): 653–719,
- ^ Vierhundert Jahre Juden in Hamburg: eine Ausstellung des Museums für Hamburgische Geschichte vom 8. November 1991 bis 29. März 1992, Ulrich Bauche (ed.), Hamburg: Dölling und Galitz, 1991, (Die Geschichte der Juden in Hamburg; vol. 1), p. 492, ISBN 3-926174-31-5.
- ^ Weßling, Kathrin (2016-04-30). "1. Mai-Demo in Hamburg: Was soll der Krawall auf der Schanze noch?" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Institut für Kultur- und Medienmanagement (2006), Kulturwirtschaftsbericht 2006 (bil-Ġermaniż), Amburgu: Behörde für Kultur, Sport und Medien" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-11-09. Miġbur 2022-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Kulturstiftung des Bundes - Bayreuth Was Yesterday - New Opera at Kam…". archive.ph. 2012-06-28. Miġbur 2022-08-24.
- ^ "The English Theatre of Hamburg". The English Theatre of Hamburg (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Statistisches Jahrbuch Hamburg 2009/ 2010 - Stadt Hamburg". web.archive.org. 2010-08-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-09. Miġbur 2022-08-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Audubon: The New Zoo". web.archive.org. 2007-09-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-06. Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Tourismus in Hamburg im Dezember und im gesamten Jahr 2016 - Statistikamt Nord". www.statistik-nord.de. Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Anlage". web.archive.org. 2009-02-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-01. Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Arbeitnehmerverdienste in Hamburg 2016 - Statistikamt Nord". www.statistik-nord.de. Miġbur 2022-08-24.
- ^ "Making Hamburg Europe's preferred port". web.archive.org. 2009-01-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-10. Miġbur 2022-08-24.