Aqbeż għall-kontentut

Al-Maghtas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Al-Maghtas.

Al-Maghtas (bl-Għarbi: المغطس, li tfisser "magħmudija" jew "immersjoni"), magħruf uffiċjalment bħala s-Sit tal-Magħmudija "Betanja Lil Hinn mill-Ġordan", huwa sit arkeoloġiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġordan, max-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, li jitqies bħala l-post oriġinali fejn Ġwanni l-Battista għammed lil Ġesù u ilu meqjum bħala dan il-post mill-inqas minn żmien il-Biżantini.[1] Ġieli ssir referenza għal dan il-post bħala Bethabara (bl-Ebrajk: בית עברה) u storikament ukoll bħala Betanja (Lil Hinn mill-Ġordan).[2]

Al-Maghtas jinkludi żewġ żoni arkeoloġiċi: il-fdalijiet ta' monasteru fuq tumbata tat-tajn magħrufa bħala Jabal Mar-Elias (l-Għolja ta' Elija) u żona qrib ix-xmara bil-fdalijiet ta' knejjes, vaski tal-magħmudija u abitazzjonijiet għall-pellegrini u għall-eremiti.[3] Iż-żewġ żoni huma kkollegati permezz ta' nixxiegħa msejħa Wadi Kharrar.[4][5]

Il-pożizzjoni strateġika bejn Ġerusalemm u l-Awtostrada tar-Re diġà ħarġet fid-dieher mill-Ktieb ta' Ġoxwa fir-rakkont dwar il-qsim tax-xmara Ġordan mill-Iżraeliti hemmhekk. Jabal Mar-Elias tradizzjonalment tiġi identifikata bħala s-sit tat-tlugħ tal-profeta Elija fil-ġenna.[6] Iż-żona kollha ġiet abbandunata wara l-Gwerra ta' Sitt Ijiem tal-1967, meta ż-żewġ xtut tal-Ġordan saru parti mill-front. Dak iż-żmien iż-żona ġiet miżgħuda bil-mini tal-art.[7]

Wara l-iffirmar ta' trattat tal-paċi bejn Iżrael u l-Ġordan fl-1994, seħħet it-tneħħija tal-mini miż-żona fuq l-inizjattiva tal-Prinċep Ghazi tal-Ġordan.[8] Minn dak iż-żmien 'l hawn saru diversi skavi arkeoloġiċi, ġew organizzati żjarat minn tliet Papiet (Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisku) u minn bosta kapijiet ta' stat[9], u s-sit jattira lit-turisti u lill-pellegrini. Fl-2015, Al-Maghtas tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, għajr ix-xatt tal-Punent tax-xmara.[10] Madwar 81,000 ruħ żaru s-sit fl-2016, l-iktar turisti Ewropej, Amerikani u Għarab. Nhar is-6 ta' Jannar eluf iżuru s-sit biex jiċċelebraw l-Epifanija.

Żewġ siltiet mill-Vanġelu ta' San Ġwann fil-Bibbja jindikaw post "lil hinn mill-Ġordan" jew "fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan":

Ġwanni 1:28: Dan seħħ f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn kien qed jgħammed Ġwanni. Din is-silta hija l-unika darba li tissemma l-"Betanja tax-xatt tal-Lvant tal-Ġordan" fit-Testment il-Ġdid.
Ġwanni 10:40: Għal darb’oħra [Ġesù] telaq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, lejn il-post fejn Ġwanni kien beda jgħammed, u qagħad hemmhekk.

"Betanja" jaf oriġinat minn beth-ananiah, li bl-Ebrajk tfisser "dar tal-foqra/imsejkna". L-isem "Betanja" huwa kondiviż ukoll ma' raħal differenti li jinsab fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, li jissemma bosta drabi fit-Testment il-Ġdid.[11]

Sezzjoni tal-Mappa ta' Madaba li turi lil Βέθαβαρά το τού άγίου Ιωάννου τού βαπτίσματος ("Bethabara, il-post fejn kien jgħammed San Ġwann il-Battista") sal-Punent tax-xmara Ġordan.

Origen kien studjuż Kristjan tas-seklu 3 mill-Palestina. Fi żmienu nnota li ma kien hemm l-ebda post imsejjaħ Betanja fil-Lvant tal-Ġordan, u għalhekk issuġġerixxa li l-isem jiġi emendat għal Bethabara, post li kien jeżisti dak iż-żmien. Is-suġġeriment tiegħu ntlaqa' minn xi wħud, u l-isem intuża f'diversi traduzzjonijiet, inkluż il-verżjoni tar-Re Ġakbu.

"Bethabara" (/bɛθˈæbərə/ beth-AB-ər-ə; בית עברה; bēt ‛ăbārāh; Βηθαβαρά; Bēthabará; "dar f'xatt ix-xmara", "post tal-qsim") huwa l-isem li ntuża minn xi verżjonijiet tat-Testment il-Ġdid għas-sit "lil hinn (jiġifieri fil-Lvant) mill-Ġordan" fejn Ġwanni l-Battista pprietka u għammed, u fejn iltaqa' ma' grupp ta' patrijiet u Levitiċi mibgħuta mill-Fariżej biex jinvestiga l-ministeru tiegħu, u fejn għammed lil Ġesù (Ġwanni 1:28-29). L-isem "Bethabara" jidher ukoll fil-Mappa ta' Madaba tas-seklu 6 (għalkemm fil-Punent tax-xmara Ġordan) u fit-Talmud. L-isem intuża f'għadd ta' verżjonijiet, inkluż il-verżjoni tar-Re Ġakbu (wara t-Textus Receptus u l-Bibbja ta' Ġinevra tat-Testment il-Ġdid), iżda l-post fejn Ġwanni l-Battista kien jgħammed fi Ġwanni 1:28 ma kienx jissejjaħ Betanja imma Bethabara.[12]

Dan l-isem isegwi l-iskritti ta' New York u ta' Moska, forom ikkoreġuti ta' Ephraemi u ta' Athos, flimkien ma' frammenti ta' skritti minn San Pietruburgu, u minn Pariġi, il-minuskolu 1, u l-familja 13, appoġġat minn Ewsebju, Ċirill, xi testi Biżantini u lezzjonarji, u l-manuskritti Kuretonjani bis-Sirjan Antik, bl-Aramajk Peshitta, bl-Armen u bil-Ġeorġjan, fost l-oħrajn".[13] L-isem Bethabara sar attwali dak iż-żmien bix-xhieda kemm ta' Origen (fis-seklu 3) kif ukoll ta' John Chrysostom (fis-seklu 4)[14], u dak l-istess isem jidher ukoll kemm fil-Mappa ta' Madaba tas-seklu 6[15] kif ukoll fit-Talmud tal-Lhud.[16]

G. A. Smith jissuġġerixxi fl-"Atlas tal-Ġeografija Storika tal-Art Imqaddsa" tiegħu (HGHL; 1915) li Betanja (dar tal-vapur) u Bethabara (dar f'xatt ix-xmara) huma ismijiet li jirreferu għall-istess post. It-tieni post jaf jirreferi wkoll għat-territorju iktar fit-Tramuntana ta' Batanaea.[17][18]

Al-Maghtas bl-Għarbi tfisser sit ta' immersjoni u impliċitament tfisser magħmudija.

Al-Maghtas jinsab fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, disa' kilometri (5.6 mili) fit-Tramuntana tal-Baħar Mejjet u għaxar kilometri (6.2 mili) fix-Xlokk ta' Ġeriko. Is-sit kollu, li huwa mifrux fuq erja ta' 533.7 ettaru (5.337 km2; 1,319-il akru), fih żewġ żoni distinti – Tell al-Kharrar, imsejjaħ ukoll Jabal Mar Elias (l-Għolja ta' Elija), u ż-żona qrib ix-xmara (żewġ kilometri (1.2 mil) fil-Lvant), iż-żona ta' Zor, fejn tinsab il-Knisja l-Antika ta' San Ġwann il-Battista.

Is-sit jinsab qrib ir-rotta antika bejn Ġerusalemm u t-Trans-Ġordan, li tgħaddi minn Ġeriko, minn naħa għall-oħra tax-xmara Ġordan u li tikkollega siti Bibbliċi oħra bħal Madaba, l-Għolja ta' Nebo u l-Awtostrada tar-Re.

Filwaqt li s-sit inizjali ta' qima kien jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Ġordan, l-enfasi kienet inbidlet fuq in-naħa tal-Punent sas-seklu 6.[19] It-terminu Al-Maghtas fih innifsu ntuża storikament għaż-żona kollha fuq iż-żewġ ixtut tax-xmara. Il-parti tal-Punent, magħrufa wkoll bħala Qasr el-Yahud, issemmiet fil-proposta tal-UNESCO, iżda sa issa għadha ma ġietx inkluża fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[20]

F'Novembru 2015, is-sit sar viżibbli fuq Google Street View.[21]

Importanza reliġjuża

[immodifika | immodifika s-sors]

Qsim tal-Ġordan mill-Iżraeliti

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont il-Bibbja bl-Ebrajk, Ġoxwa qal lill-Iżraeliti kif jaqsmu l-Ġordan billi jsegwu l-patrijiet li kienu qed iġorru l-Arka tal-Patt tul ix-xmara, u b'hekk setgħu jwaqqfu l-fluss tal-ilma tax-xmara (Ġoxwa 3, l-iktar Ġoxwa 3:14-17). It-tradizzjonijiet tal-qedem identifikaw lil Al-Maghtas, magħruf ukoll bħala bet-'abarah[22] jew Bethabara, "Dar tal-Qsim", bħala l-post fejn il-poplu ta' Iżrael u iktar 'il quddiem il-Profeta Elija qasmu x-xmara Ġordan u daħlu fl-Art Imqaddsa.[23]

Profeta Elija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Bibbja bl-Ebrajk iddeskriviet ukoll kif il-Profeta Elija, flimkien mal-Profeta Elixa, waqqaf l-ilmijiet tax-xmara Ġordan, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu lejn ix-xatt tal-Lvant, u mbagħad tela' l-ġenna permezz ta' tromba tal-arja. Elixa, li mbagħad sar l-eredi tiegħu, reġa' fired l-ilmijiet tax-xmara u reġa' qasam lejn ix-xatt tal-Punent (Rejiet II, 2:8-14). Tradizzjoni Lhudija antika identifikat is-sit tal-qsim bħala l-istess wieħed li ntuża minn Ġoxwa, b'hekk ma' Al-Maghtas, u s-sit tat-tlugħ is-sema ta' Elija ma' Tell el-Kharrar, magħrufa wkoll bħala Jabal Mar Elias, l-"Għolja tal-Profeta Elija".[24]

Magħmudija ta' Ġesù

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġwanni x'aktarx li għammed f'fawwariet u f'nixxigħat mill-inqas daqs kemm għammed fix-xmara Ġordan li kienet bil-bosta iktar perikoluża. L-eżempju konkret huwa "Enon qrib Salim" ta' Ġwanni 3:23, fejn "enon" tirreferi għal fawwara. F'Al-Maghtas hemm nixxiegħa qasira, Wadi al-Kharrar, li tnixxi fix-xmara Ġordan, u din hija assoċjata mal-attivitajiet tal-magħmudija li kien iwettaq Ġwanni.

Skont The Washington Post, "Ma hemm l-ebda evidenza arkeoloġika li turi li Ġesù qatt ġie mgħammed f'dawn l-ilmijiet"; madankollu, ix-xatt tal-Lvant, illum fil-Ġordan, taż-żona tradizzjonali tal-magħmudija ta' Al-Maghtas ġiet aċċettata minn diversi denominazzjonijiet Kristjani bħala s-sit awtentiku tal-magħmudija ta' Ġesù. L-ICOMOS fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-"Betanja Lil Hinn mill-Ġordan" bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tinnota li siti li storikament huma assoċjati mal-magħmudija ta' Ġesù jeżistu wkoll fix-xatt tal-Punent fuq in-naħa l-oħra tax-xmara. Barra minn hekk, issostni li skont l-investigazzjoni tagħha tas-sit ta' Al-Maghtas bħala Sit ta' Wirt Dinji, ma nstabitx evidenza li turi mingħajr dubji li l-istrutturi arkeoloġiċi ta' hemmhekk tassew huma assoċjati mal-magħmudija ta' Ġesù u ssostni wkoll li siti oħra tul ix-xmara Ġordan storikament sostnew l-istess ħaġa bħas-sit ta' Al-Maghtas. Is-sit web uffiċjali tas-Sit tal-Magħmudija juri 13-il xhieda tal-awtentiċità minn rappreżentanti ta' denominazzjonijiet internazzjonali ewlenin.[25]

Storja u arkeoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]
Al-Maghtas fil-Mappa ta' Lynch fl-1849 tax-xmara Ġordan.

Insedjament Pre-Ruman

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskavi arkeoloġiċi żvelaw antikitajiet li jaqblu mal-konklużjoni li dan is-sit ġie insedjat għall-ewwel darba minn grupp żgħir ta' bdiewa matul il-perjodu Kalkolitiku, għall-ħabta tat-3500 Q.K. Mill-ġdid hemm traċċi ta' insedjament mill-perjodu Ellenistiku wkoll.

Żmien ir-Rumani u l-Biżantini

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit fih binjiet b'aspetti kemm ta' mikveh (banju ritwali) Lhudi bħall-vaski tal-perjodu tat-Tieni Tempju mill-Qumran, kif ukoll ta' vaski li kienu jintużaw mill-Kristjani għall-magħmudija.[26]

X'aktarx fis-sekli 2-3 u ċertament mis-sekli 5-6, inbnew strutturi reliġjużi Kristjani f'Tell al-Kharrar. Wieħed għandu jiftakar li fis-sekli 1-4 tal-Era Kristjana, il-Kristjaneżmu spiss kien ippersegwitat mill-istat Ruman, u l-qima Kristjana saret possibbli biss wara li l-ewwel ġiet ittollerata u mbagħad saħansitra saret ir-reliġjon tal-istat Ruman, li issa jissejjaħ l-Imperu Biżantin.

Al Maghtas fuq il-mappa tal-Istħarriġ tal-Palestina tal-1944.

Mill-iskavi arkeoloġiċi ġie stabbilit ukoll li l-għolja ta' Tell al-Kharrar, magħrufa wkoll bħala l-Għolja ta' Elija, kienet meqjuma bħala l-post fejn il-Profeta Elija tela' l-ġenna. Fis-seklu 5, sabiex dan l-avveniment jiġi mfakkar, inbena monasteru Biżantin hemmhekk. L-arkeologi sejħulu l-"Monasteru ta' Rhetorios" abbażi ta' kitba li sabu fil-mużajk Biżantin tal-post.

L-imperatur Biżantin Anastasju I Dicorus bejn l-491 u l-518 bena knisja ddedikata lil Ġwanni l-Battista max-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan. Madankollu, minħabba żewġ avvenimenti ta' għargħar u ta' terremot, il-knisja nqerdet. Il-knisja ġiet rikostruwita tliet darbiet, sa ma ġġarfet, flimkien mal-kappella li nbniet fuq pilastri, matul għargħar kbir li seħħ fis-seklu 6 jew 7.

Is-siti tal-pellegrinaġġi nbidlu matul l-istorja. Is-sejbiet arkeoloġiċi Kristjani prinċipali minn żmien il-Biżantini u x'aktarx anke minn żmien ir-Rumani jindikaw li l-ewwel sit tal-pellegrinaġġi kien jinsab max-xatt tal-Lvant, iżda sal-bidu tas-seklu 6 l-enfasi kienet iktar fuq ix-xatt tal-Punent tax-xmara li kien iktar aċċessibbli.

Matul żmien il-Biżantini, is-sit kien ċentru popolari tal-pellegrinaġġi. Il-ħakma ta' Ġerusalemm mis-Sassanidi fis-614, l-għargħar tax-xmara, it-terremoti u l-qbid ta' Ġerusalemm mill-Musulmani fis-637 temmew l-attività ta' kostruzzjoni tal-Biżantini fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, b'mod partikolari fiż-żona ta' Wadi al-Kharrar.

Perjodu Musulman Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħakma Musulmana temmet l-attività ta' kostruzzjoni tal-Biżantini fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, iżda bosta mill-istrutturi Biżantini baqgħu jintużaw matul il-perjodu Iżlamiku Bikri. Maż-żmien in-nies bdew iqimu fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, fix-xatt tal-Punent f'Qasr el-Yahud. Wara s-670 W.K. il-kommemorazzjoni tas-sit tal-magħmudija resqet lejn in-naħa tal-Punent.[27]

Żmien il-Mamluk u l-Ottomani

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istrutturi nbnew mill-ġdid bosts drabi iżda finalment ġew abbandunati sa tmien is-seklu 15.

Fis-seklu 13 inbena monasteru Ortodoss fuq il-fdalijiet ta' monasteru Biżantini bikri predeċessur, iżda ma nafux kemm dam jeżisti. Madankollu, il-pellegrinaġġi lejn is-sit naqsu u skont pellegrin partikolari, is-sit kien fi stat ta' fdalijiet fl-1484. Mis-seklu 15 sas-seklu 19 bilkemm kien hemm żjarat mill-pellegrini fis-sit. Kappella żgħira ddedikata lil Santa Marija tal-Eġittu, eremita minn żmien il-Biżantini, inbniet matul is-seklu 19 u nqerdet ukoll fit-terremot tal-1927.[28][29]

Fil-bidu tas-seklu 20, komunità ta' bdiewa kienu okkupaw iż-żona tal-Lvant tax-xmara Ġordan.

Skoperta mill-ġdid wara l-1994 u t-turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja Ortodossa Griega ddedikata lill-Ġwanni l-Battista li nbniet dan l-aħħar f'Al-Maghtas.

Bħala riżultat tal-Gwerra ta' Sitt Ijiem fl-1967, ix-xmara saret il-linja tat-tregwa u ż-żewġt ixtut tax-xmara ġew militarizzati u inaċċessibbli għall-pellegrini. Wara l-1982, filwaqt li Qasr el-Yahud kienet għadha inaċċessibbli, Iżrael ippermetta l-magħmudijiet Kristjani fis-sit ta' Yardenit iktar lejn it-Tramuntana. Wara t-trattat ta' paċi bejn Iżrael u l-Ġordan fl-1994, l-aċċess għal Al-Maghtas ġie rrestawrat wara li l-Prinċep Ghazi tal-Ġordan, li kien interessat ferm fl-istorja reliġjuża, żar l-inħawi fil-kumpanija ta' arkeologu Franġiskan li kien ikkonvinċieh jagħti titwila lejn dak li kien maħsub bħala s-sit tal-magħmudija. Meta nstabet evidenza ta' insedjament Ruman, dan kien biżżejjed biex iħeġġeġ it-tneħħija tal-mini tal-art u iktar żvilupp. Ftit wara, saru diversi skavi arkeoloġiċi mmexxija minn Dr. Mohammad Waheeb li skopra mill-ġdid is-sit antik fl-1997.[30] Is-snin 90 tas-seklu 20 immarkaw il-perjodu tal-iskavi arkeoloġiċi tas-sit u mbagħad ittieħdu miżuri primarji ta' konservzzjoni u ta' restawr matul il-bidu tas-seklu 21. Il-Ġordan fetaħ Al-Maghtas mill-ġdid fl-2002. Dan ġie segwit mill-ftuħ għal żjarat ta' kuljum fl-2011 ta' Qasr el-Yahud, li kien taħt l-amministrazzjoni ta' Iżrael. Iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Epifanija diġà kienu tħallew isiru mill-1985, iżda fid-dati Kattoliċi u Ortodossi speċifiċi u taħt superviżjoni militari. Fl-2007, inħadem dokumentarju bit-titlu The Baptism of Jesus Christ – Uncovering Bethany Beyond the Jordan dwar is-sit.[31]

Affresk fil-Knisja Ortodossa Griega: il-magħmudija ta' Ġesù.

In-naħa tal-Punent tattira iktar interess turistiku mill-kontroparti fil-Ġordan, b'nofs miljun viżitatur imqabbla ma' xi għexieren ta' eluf fuq in-naħa tal-Ġordan. Stimi oħra jsostnu li n-numri fil-fatt kienu 300,000 viżitatur fuq in-naħa Palestinjana okkupata minn Iżrael u 100,000 viżitatur fuq in-naħa tal-Ġordan. Sabiex dan jitqiegħed f'perspettiva, Yardenit ikollha iktar minn 400,000 viżitatur fis-sena.

Fis-sena 2000, Ġwanni Pawlu II kien l-ewwel Papa li żar is-sit. Iż-żewġ suċċessuri tiegħu, il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku, żaru s-sit ukoll, l-istess bħal għadd ta' kapijiet ta' stat u dinjitarji oħra. Fl-2002, il-Kristjani kkommemoraw il-magħmudija ta' Kristu fis-sit għall-ewwel darba mill-iskoperta mill-ġdid tas-sit. Minn dak iż-żmien 'l hawn, eluf ta' pellegrini Kristjani minn madwar id-dinja annwalment fakkru l-Epifanija fil-Betanja Lil Hinn mill-Ġordan. Fl-2002 ukoll, is-Sit tal-Magħmudija nfetaħ għaż-żjarat ta' kuljum, u b'hekk attira fluss ta' turisti u ta' pellegrini. Fl-2015, l-UNESCO ddikjarat is-sit ta' Al-Maghtas fil-Ġordan, fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan, bħala Sit ta' Wirt Dinji, filwaqt li Qasr el-Yahud ġie eskluż.

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Affresk fuq ġewwa tal-Knisja Ortodossa Griega l-ġdida: it-tlugħ ta' Elija fil-ġenna.

L-iskavi arkeoloġiċi fis-sit fis-snin 90 tas-seklu 20 żvelaw binjiet reliġjużi ta' żmien ir-Rumani u Biżantini li jinkludu "knejjes u kappelli, monasteru, għerien li ntużaw mill-eremiti u vaski", li kienu l-postijiet fejn kienu jsiru l-magħmudijiet. L-iskavi ġew appoġġati minn istituzzjonijiet minn diversi pajjiżi, bħall-Istati Uniti u l-Finlandja, u mill-Istitut Ġermaniż tal-Protestantiżmu.

Tell el-Kharrar jew l-Għolja ta' Elija u l-vaski tal-magħmudija

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskavi żvelaw tliet knejjes, tliet vaski tal-magħmudija, bir ċirkolari u struttura esterna madwar l-għolja. Ġiet żvelata wkoll l-eżistenza ta' provvista tal-ilma ġejja minn fawwariet u ddirezzjonata lejn is-siti tal-magħmudija permezz ta' pajpijiet taċ-ċeramika; din il-faċilità għadha disponibbli sa issa

Żona max-Xatt (Zor)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fiż-żona ta' Zor tas-sit, instabu knisja b'sala bil-kolonni, knisja-bażilika magħrufa bħala l-Knisja ta' San Ġwann il-Battista, u l-Knisja-Bażilika Inferjuri b'artijiet tal-irħam b'disinni ġeometriċi. Ġew żvelati wkoll il-Knisja-Bażilika Superjuri, it-taraġ tal-irħam, l-erba' pilastri tal-Kappella l-Kbira, il-Kappella ż-Żgħira, il-Monasteru ta' Santa Marija tal-Eġittu, u vaska kbira. It-taraġ tal-irħam inbena fil-570 W.K. 22 tarġa huma magħmula minn irħam iswed. It-taraġ jagħti għall-Bażilika Superjuri u għal vaska tal-magħmudija. Fl-imgħoddi din il-vaska kellha erba' pilastri li kienu jirfdu l-Kappella l-Kbira.

L-għoljiet ta' Quattara ħarġu fid-dieher għadd ta' għerien tal-patrijiet, magħrufa wkoll bħala ċelel tal-eremiti, madwar 300 metru (980 pied) lil hinn mix-xmara Ġordan. Meta l-għerien kienu jintużaw, l-aċċess kien minn mogħdija mmarkata b'ħabel jew b'taraġ jew bi slielem min-naħa tal-Punent u tal-Lbiċ, iżda l-ebda wieħed ma għadha teżisti. Kull waħda minn dawn l-għerien kienet imnaqqxa b'niċċa semiċirkolari fil-ħajt tal-Lvant tagħha. L-għar kien ikollu żewġ kompartimenti, waħda għat-talb u l-oħra bħala spazju fejn kienu jgħixu l-patrijiet eremiti.

Instabu wkoll xi oqbra fl-inħawi qrib il-knejjes li huwa maħsub li kienu tal-patrijiet tal-istess knejjes. Dawn l-oqbra huma ta'

żmien il-Biżantini u tal-perjodu Iżlamiku bikri (is-sekli 5 sa 7). Instabu wkoll muniti u bċejjeċ taċ-ċeramika fis-sit li huma provi epigrafiċi tal-istorja tas-sit.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1994, l-UNESCO sponsorjat l-iskavi arkeoloġiċi fl-inħawi tas-sit. Inizjalment l-UNESCO elenkat is-sit fil-lista indikattiva fit-18 ta' Ġunju 2001 u nomina ġdid ġiet ippreżentata fis-27 ta' Jannar 2014. L-ICOMOS evalwat ir-rapport ippreżentat mill-Ġordan bejn il-21 u l-25 ta' Settembru 2014. Is-sejbiet huma assoċjati mill-qrib mal-kommemorazzjoni tal-magħmudija. Wara din l-evalwazzjoni, is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali "Betanja Lil Hinn mill-Ġordan (Al-Maghtas)".[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

L-aġenzija tat-turiżmu tal-Palestina tikkundanna d-deċiżjoni tal-UNESCO li teskludi n-naħa tal-Punent tas-sit. Matul in-negozjati tas-siti li kienu qed jitqiesu biex isiru Sit ta' Wirt Dinji fl-2014, il-proposta oriġinali ppreżentata lill-UNESCO ddikjarat ir-rieda li fil-futur is-sit jiġi mkabbar f'kooperazzjoni mal-"pajjiż ġar" biex in-naħa l-oħra tiġi inkluża wkoll.[32]

Ġestjoni tas-sit

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit tal-Magħmudija huwa mmexxi mill-Kummissjoni tas-Sit tal-Magħmudija, bord indipendenti ta' fiduċjarji maħtura mir-Re Abdullah II. Fl-2017, il-Kummissjoni rrapportat li madwar 81,000 ruħ kienu żaru s-sit fl-2016, jiġifieri żieda ta' 23 % mill-2015, u l-maġġoranza tagħhom kienu turisti Ewropej, Amerikani u Għarab.

  1. "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-UNESCO" (PDF).
  2. "Bethabara « See The Holy Land". Miġbur 2023-02-02.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Baptism Site Bethany Beyond the Jordan (Al-Maghtas)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  4. "U.N. backs Jordan's claim on site where Jesus was baptized" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  5. "Wadi Al-Kharrar". web.archive.org. 2015-04-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2023-02-02.
  6. "ZEIT ONLINE | Lesen Sie zeit.de mit Werbung oder im PUR-Abo. Sie haben die Wahl". www.zeit.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-02. Miġbur 2023-02-02.
  7. "UNESCO backs Jordan River as Jesus' baptism site". Al Arabiya English (bl-Ingliż). 2015-07-13. Miġbur 2023-02-02.
  8. "'Adding Baptism Site to World Heritage List grants it further int'l recognition'". Jordan Times (bl-Ingliż). 2015-07-06. Miġbur 2023-02-02.
  9. "All World Leaders – Baptism Site". www.baptismsite.com. Miġbur 2023-02-02.
  10. "Catholics celebrate Epiphany, coexistence of faiths at Baptism Site". Jordan Times (bl-Ingliż). 2016-01-09. Miġbur 2023-02-02.
  11. Watson E. Mills, ed. (2001). Mercer Dictionary of the Bible. Macon, GA, US: Mercer University Press. p. 99. ISBN 9780865543737.
  12. Sloyan, Gerard Stephen (1987). John. ISBN 0-8042-3125-7. p. 11.
  13. "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Bethany Beyond the Jordan". www.newadvent.org. Miġbur 2023-02-02.
  14. Bruce Metzger, Textual Commentary on the Greek New Testament, 2nd ed. (1994), 171 u nru 5.
  15. Harper's Bible Dictionary (1985), 105.
  16. Raymond Brown, Gospel According to John I-XII, Anchor Bible (1968), 44-45.
  17. Carson, D. A. (1991). Gospel According to John. ISBN 978-0851117492. pp. 146-147.
  18. "Bethany Beyond the Jordan". cnewa.org. Miġbur 2023-02-02.
  19. Alliata (1999), p. 122.
  20. Zaimov, Stoyan; Reporter, Christian Post (2015-07-13). "Jesus' Baptism at Jordan River Named 'World Heritage Site;' but UNESCO Says Only on Jordanian Side, Not Israel". The Christian Post (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  21. "Explore Street View and add your own 360 images to Google Maps". Google Maps Street View (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  22. Keel, Othmar; Küchler, Max; Uehlinger, Christoph (1982). Othmar Keel, Max Küchler and Christoph Uehlinger, Orte und Landschaften der Bibel Volume 2, p. 530. ISBN 9783545230422.
  23. Avraham Negev and Shimon Gibson (2001). Beth Abara. Archaeological Encyclopedia of the Holy Land. New York and London: Continuum. p. 75. ISBN 0-8264-1316-1.
  24. "Pope Francis meets with refugees, disabled youth near Jordan's banks". www.archivioradiovaticana.va. Miġbur 2023-02-02.
  25. "Letters of Authentication – Baptism Site". www.baptismsite.com. Miġbur 2023-02-02.
  26. Lawrence, Jonathan David (2006-01-01). Washing in Water: Trajectories of Ritual Bathing in the Hebrew Bible and Second Temple Literature. Society of Biblical Literature. ISBN 9781589831995.
  27. AP. "No evidence, but UN says Jesus baptized on Jordan's side of river, not Israel's". www.timesofisrael.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  28. Kais, Roi; Eichner, Itamar (2015-07-06). "UNESCO settles Jesus baptism site controversy, says Jordan" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.
  29. Piccirillo (1999), pp. 219-220.
  30. "Baptism battles on River Jordan" (bl-Ingliż). 2009-09-15. Miġbur 2023-02-02.
  31. Erhard Gorys (1996). Heiliges Land Kunst-Reiseführer (Holy Land: A culture guide) (in German). Cologne: DuMont. p. 160. ISBN 3-7701-3860-0.
  32. Kais, Roi; Eichner, Itamar (2015-07-06). "UNESCO settles Jesus baptism site controversy, says Jordan" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-02.