Aqbeż għall-kontentut

Abbazija ta' Sankt Gallen

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Katidral tal-Abbazija ta' Sankt Gallen

L-Abbazija ta' Sankt Gallen (bil-Ġermaniż: Abtei Sankt Gallen) hija abbazija xolta (747-1805) f'kumpless reliġjuż Kattoliku fil-belt ta' Sankt Gallen, l-Iżvizzera. Il-monasteru Karolinġju ilu jeżisti mis-719 u sar prinċipat indipendenti bejn is-sekli 9 u 13, u għal bosta sekli kien waħda mill-abbaziji Benedettini ewlenin fl-Ewropa. L-abbazija ġiet stabbilita minn San Otmar fil-post fejn San Gallus kien waqqaf l-eremitaġġ tiegħu. Il-librerija tal-abbazija hija waħda mill-eqdem libreriji monastiċi fid-dinja. Il-belt ta' Sankt Gallen oriġinat bħala insedjament madwar l-abbazija. Wara s-sekolarizzazzjoni tal-abbazija għall-ħabta tal-1800, l-abbazija preċedenti saret katidral fl-1848. Mill-1983, iż-żona tal-abbazija tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Għall-ħabta tas-612, Gallus, skont it-tradizzjoni patri u dixxiplu Irlandiż ta' San Columbanus, stabbilixxa eremitaġġ fis-sit li mbagħad sar il-monasteru. Huwa għex fiċ-ċella tiegħu sa mewtu fis-646, u ġie midfun hemmhekk[2] f'Arbon. Wara, in-nies tal-post ivvenerawh bħala qaddis u talbu ħdejn il-qabar tegħu għall-interċessjoni tiegħu fi żminijiet ta' periklu.[3]

Il-katidral minn ġewwa

Wara li Gallus miet, Charles Martel ħatar lil Otmar bħala kustodju tar-relikwi ta' San Gallus. Jingħataw diversi dati differenti għat-twaqqif tal-monasteru, fosthom is-719[3], is-720[4], is-747[5] u nofs is-seklu 8.[6] Matul ir-renju ta' Pepin il-Qasir, fis-seklu 8, Otmar waqqaf l-Abbazija ta' Sankt Gallen bi stil Karolinġju, fejn l-arti, il-lingwi, u x-xjenzi tkattru. L-abbazija kibret malajr u ħafna nies nobbli Alemanniċi saru patrijiet. Fl-aħħar tar-renju tas-Superjur tal-patrijiet Otmar, il-Professbuch isemmi 53 isem. Żewġ patrijiet tal-Abbazija ta' Sankt Gallen, Magnus von Füssen u Theodor, stabbilew il-monasteri f'Kempten u f'Füssen fir-reġjun ta' Allgäu. Biż-żieda fl-għadd ta' patrijiet, l-abbazija saret iktar b'saħħitha ekonomikament ukoll. Il-biċċa l-kbira tal-art f'Thurgau, f'Zürichgau u fil-bqija tal-Alemannja sa saħansitra Neckar ġiet ittrasferita lill-abbazija minħabba l-iStiftungen.[3] Taħt is-Superjur tal-patrijiet Waldo ta' Reichenau (740-814), bdiet is-sengħa tal-ikkupjar tal-manuskritti u ssawwret il-librerija famuża tal-abbazija. Diversi patrijiet Anglo-Sassoni u Irlandiżi ġew biex jikkupjaw il-manuskritti. Fuq talba ta' Karlu Manju, il-Papa Adrijanu I bagħat kantanti liturġiċi distinti minn Ruma, li ppropagaw l-użu tal-kant liturġiku Gregorjan. Fis-744, in-nobbli Alemanniku Beata bigħ diversi proprjetajiet lill-abbazija sabiex jiffinanzja l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma.[7]

Epoka tad-deheb

[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-żona tal-Abbazija ta' Sankt Gallen

Fis-seklu sussegwenti, Sankt Gallen daħlet f'kunflitt mal-Veskovat ta' Konstanz fil-qrib, li reċentement kienet kisbet il-ġurisdizzjoni fuq l-Abbazija ta' Reichenau fil-Lag ta' Konstanz (bil-Ġermaniż: Bodensee). Dan il-kunflitt baqa' għaddej sa meta l-Imperatur Lwiġi id-Devot (li mexxa mit-814 sat-840) ikkonferma fit-813 l-immedjatezza imperjali (bil-Ġermaniż: Reichsunmittelbarkeit) tal-abbazija.[4] B'hekk l-abbazija saret Abbazija Imperjali (bil-Ġermaniż: Reichsabtei). Ir-Re Lwiġi l-Ġermaniż fit-833 ikkonferma l-immunità tal-abbazija u ppermetta l-patrijiet l-għażla ħielsa tas-Superjur tagħhom.[7] Finalment, fit-854, l-Abbazija ta' Sankt Gallen kisbet awtonomija sħiħa billi r-Re Lwiġi l-Ġermaniż irrilaxxa l-abbazija mill-obbligu li tħallas dieċmi lill-Isqof ta' Konstanz.

Minn dan iż-żmien sas-seklu 10, l-abbazija għaddiet minn epoka tad-deheb u ffjorixxiet. Ospitat diversi studjużi famużi, fosthom Notker ta' Liège, Notker li Jtemtem, Notker Labeo, Tuotilo u Hartker (li żviluppa l-kotba liturġiċi antifoniċi għall-abbazija). Matul is-seklu 9, knisja ikbar ġdida nbniet u l-librerija tkabbret. L-abbazija xtrat manuskritti dwar varjetà wiesgħa ta' suġġetti u saru bosta kopji. Iżjed minn 400 manuskritt ta' dak iż-żmien waslu sa żminijietna u għadhom fil-librerija.[2]

Epoka tal-fidda

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Appenzell u ċ-ċittadini ta' Sankt Gallen ġarrfu l-Abbazija ta' Rorschach fl-1489

Bejn id-924 u d-933, l-Ungeriżi heddew l-abbazija u l-kotba kellhom jitneħħew u jiġu ttrasferiti lejn il-gżira monastika ta' Reichenau għas-sikurezza. Mhux il-kotba kollha ġew irritornati.

Fis-26 ta' April 937, kien hemm nirien li ħakmu u qerdu l-biċċa l-kbira tal-abbazija u l-insedjament tal-madwar, għalkemm il-librerija ma ġietx affettwata. Għall-ħabta tad-954, il-monasteru u l-binjiet ġew protetti bi swar madwarhom.[2] Fid-971/974, is-Superjuri tal-patrijiet Notker (li dwar kważi xejn mhu magħruf għajr li kien in-neputi ta' Notker Physicus) iffinalizza s-swar u l-insedjamenti tal-madwar reġgħu bdew jiġu f'Sankt Gallen. Fl-1006, l-abbazija kienet l-iktar post fit-Tramuntana fejn ġiet irreġistrata is-supernova 1006.[6]

Il-mewt tas-Superjuri tal-patrijiet Ulrich II fid-9 ta' Diċembru 1076 temmet l-epoka tal-fidda kulturali tal-monasteru.[7]

Taħt il-Prinċpijiet-Superjuri tal-patrijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Ballun tal-arja bl-għamla tal-Katidral tal-Abbazija ta' Sankt Gallen

Fl-1207, is-Superjur tal-patrijiet Ulrich von Sax sar Prinċep (bil-Ġermaniż: Reichsfürst, jew sempliċement Fürst) tal-Imperu Ruman Sagru permezz tar-Re Filippu tal-Ġermanja. L-abbazija saret Abbazija Prinċipat (bil-Ġermaniż: Reichsabtei). Peress li l-abbazija saret iktar involuta fil-politika lokali, daħlet f'perjodu fejn bdiet sejra lura. Il-belt ta' Sankt Gallen stess progressivament ma baqgħetx taħt it-tmexxija tas-Superjur tal-patrijiet, u kisbet l-immedjatezza imperjali. Sal-aħħar tas-seklu 15 ġiet rikonoxxuta bħala belt imperjali ħielsa.[3] Għall-ħabta tal-1353, ix-xirkiet, immexxija mix-xirka tan-nissieġa tad-drapp, kisbu l-kontroll tal-gvern ċiviku. Fl-1415, il-belt xtrat il-ħelsien tagħha mir-re Ġermaniż Sigismund. Matul is-seklu 14, l-umanisti tħallew jieħdu wħud mit-testi rari li kien hemm fil-librerija tal-abbazija.

Fl-aħħar tas-seklu 14 u fil-bidu tas-seklu 15, il-bdiewa tal-proprjetajiet personali tas-Superjur tal-patrijiet (magħrufa bħala Appenzell, mil-Latin: abbatis cella jiġifieri "ċella (għaldaqstant proprjetà) tas-Superjur tal-patrijiet") bdew jippruvaw jiksbu l-indipendenza. Fl-1401, faqqgħet l-ewwel Gwerra tal-Appenzell, u wara r-rebħa tal-Appenzell fi Stoss fl-1405, saru alleati tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-1411. Matul il-Gwerer tal-Appenzell, ir-raħal ta' Sankt Gallen spiss żammet mal-Appenzell kontra l-abbazija. Għalhekk, meta l-Appenzell għamlu alleanza mal-Iżvizzeri, ir-raħal ta' Sankt Gallen għamel l-istess ħaġa ftit xhur wara. Is-Superjur tal-patrijiet sar alleat ta' diversi membri tal-Konfederazzjoni Żvizzera (Zürich, Lucerne, Schwyz u Glarus) fl-1451, filwaqt li l-Appenzell u Sankt Gallen saru membri sħaħ tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-1454. Imbagħad, fl-1457, ir-raħal ta' Sankt Gallen sar uffiċjalment ħieles mis-Superjur tal-patrijiet.[6]

Dokument miktub bl-idejn minn Lwiġi l-Ġermaniż fit-856 u li jinsab fil-librerija tal-abbazija

Fl-1468, is-Superjur tal-patrijiet Ulrich Rösch, xtara l-Kontea ta' Toggenburg mir-rappreżentanti tal-Kontijiet tagħha, wara li l-aħħar membri tal-familja mietu fl-1436. Fl-1487 huwa bena monasteru f'Rorschach mal-Lag ta' Konstanz, fejn ippjana li jmur jgħix. Madankollu, huwa ħabbat wiċċu ma' reżistenza qalila miċ-ċittadini ta' Sankt Gallen, mill-bqija tal-kleru, u min-nobbiltà tal-Appenzell fil-Wied tar-Renu, li kienu mħassbin dwar il-proprjetajiet tagħhom. Ir-raħal ta' Sankt Gallen ried jirrestrinġi ż-żieda tal-poter fl-abbazija u fl-istess ħin ried iżid il-poter tar-raħal. Is-sindku ta' Sankt Gallen, Ulrich Varnbüler, stabbilixxa kuntatt mal-bdiewa u mar-residenti tal-Appenzell (immexxija mill-fanatiku Hermann Schwendiner), li kienu qed jistennew li jsibu opportunità biex idgħajfu lis-Superjur tal-patrijiet. Inizjalment, huwa pprotesta mas-Superjur tal-patrijiet u mar-rappreżentanti tal-erba' kantons tal-Konfederazzjoni (Zürich, Lucerne, Schwyz, u Glarus) kontra l-kostruzzjoni tal-abbazija l-ġdida f'Rorschach. Imbagħad, fit-28 ta' Lulju 1489, huwa ordna lil truppi armati minn Sankt Gallen u l-Appenzell biex jeqirdu l-binjiet li diġà kienu bdew jinbnew. Meta s-Superjur tal-patrijiet ilmenta lill-Konfederati dwar id-danni u talab kumpens sħiħ, Varnbüler wieġeb b'kontroappell u f'kooperazzjoni ma' Schwendiner ċaħad l-isforzi ta' arbitraġġ tal-Konfederati mhux partiġjani. Huwa ta l-motivazzjoni lill-kleru minn Wil sa Rorschach biex ma jibqgħux leali lill-abbazija u tkellem kontra l-abbazija fil-laqgħa tar-raħal f'Waldkirch, fejn ġiet iffurmata l-lega popolari. Huwa kien fiduċjuż li l-erba' kantons ma kinux se jintervjenu bil-forza, minħabba t-tensjonijiet prevalenti bejn il-Konfederazzjoni u l-Lega ta' Swabja. Huwa saħħaħ il-konvinzjoni tiegħu bis-saħħa tal-fatt li ċ-ċittadini ta' Sankt Gallen eleġġewh mill-ġdid sal-ogħla maġistratura fl-1490.[6]

Assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tat-territorji tal-Abbazija ta' Sankt Gallen minn nofs is-seklu 15 sal-1798

Madankollu, fil-bidu tal-1490, l-erba' kantons iddeċidew li jżommu mad-dmir tagħhom fil-konfront tal-abbazija u invadew il-kanton ta' Sankt Gallen b'forza armata. In-nies tal-Appenzell u l-kleru baxxew rashom quddiem din il-forza mingħajr reżistenza notevoli, filwaqt li l-belt ta' Sankt Gallen issieltet sal-aħħar. Madankollu, meta semgħu li l-kompatrijotti tagħhom ċedew, tilfu l-kunfidenza; ir-riżultat aħħari kien li kkonkludew patt ta' paċi li rrestrinġa ferm is-setgħat tal-belt u għabbiha b'penali serji u pagamenti ta' kumpens. Varnbüler u Schwendiner ħarbu lejn il-qorti imperjali tar-Re Massimiljanu u tilfu l-proprjetajiet kollha li kellhom f'Sankt Gallen u l-Appenzell. Madankollu, id-dipendenza tas-Superjur tal-patrijiet fuq l-Iżvizzeri biex jappoġġawh, wasslet biex il-pożizzjoni tiegħu ssir qisha dik ta' "distrett sudditu".[6]

Pjanta ta' Sankt Gallen fl-1642

Ir-raħal adotta r-Riformazzjoni fl-1524, filwaqt li l-abbazija baqgħet Kattolika, u dan xekkel ir-relazzjonijiet bejn ir-raħal u l-abbazija. Kemm is-Superjur tal-patrijiet kif ukoll rappreżentant tar-raħal ġew ammessi fit-Tagsatzung Żvizzeru bħala l-eqreb assoċjati tal-Konfederazzjoni.

Fis-seklu 16, l-abbazija ġiet assedjata minn gruppi Kalvinisti, u ħafna mill-kotba antiki ġew sparsi 'l hemm u 'l hawn. Fl-1530, is-Superjur tal-patrijiet Diethelm beda r-restawr li waqqaf id-deklin u wassal għal espansjoni tal-iskejjel u l-librerija.[2]

Taħt is-Superjur tal-patrijiet Piju (1630-1674) infetħet stamperija. Fl-1712, matul il-Gwerra ta' Toggenburg, imsejħa wkoll it-Tieni Gwerra ta' Villmergen, xi kontenut tal-Abbazija ta' Sankt Gallen insteraq mill-Iżvizzeri. Huma ħadu l-biċċa l-kbira tal-kotba u tal-manuskritti lejn Zürich u lejn Bern. Għas-sigurtà, l-abbazija kellha titlob il-protezzjoni taċ-ċittadini tar-raħal ta' Sankt Gallen. Sal-1457, iċ-ċittadini tar-raħal kienu s-servi (il-ħaddiema tal-art fewdali) tal-abbazija, iżda l-poter tagħhom kiber tant li saħansitra kienu qed jipproteġu lill-abbazija.

Tmiem tal-Prinċpijiet-Superjuri tal-patrijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara t-taqbid, l-abbazija xorta waħda kienet l-ikbar belt-stat reliġjuż fl-Iżvizzera, b'iktar minn 77,000 abitant.[8] Tentattiv finali ta' espansjoni tal-abbazija rriżulta fit-twaqqigħ tal-biċċa l-kbira tal-monasteru Medjevali. L-istrutturi l-ġodda, fosthom il-katidral tal-arkitett Peter Thumb (1681-1766)[9], ġew iddisinjati fl-aħħar stil Barokk u nbnew bejn l-1755 u l-1768. L-abbazija kbira u mżejna l-ġdida ma baqgħetx monasteru għal żmien twil wisq. Fl-1798, il-poter sekolari tal-Prinċep-Superjur tal-patrijiet tneħħa, u l-abbazija ġiet sekolarizzata. Il-patrijiet tkeċċew u ġew ittrasferiti f'abbaziji oħra. L-abbazija saret sede separata fl-1846, bil-knisja tal-abbazija bħala l-katidral tagħha u porzjon tal-binjiet monastiċi għall-isqof.

Teżori kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Pjanta antika tat-816-830

Il-librerija tal-Abbazija ta' Sankt Gallen hija rikonoxxuta bħala waħda mill-iktar libreriji Medjevali rikki fid-dinja. Fiha waħda mill-iktar kollezzjonijiet komprensivi ta' kotba Medjevali bikrin fil-parti tal-Ewropa fejn jiġi mitkellem l-iktar il-Ġermaniż. Sal-2005, il-librerija kellha iktar minn 160,000 ktieb, u 2,100 kienu miktubin bl-idejn. Kważi nofs il-kotba miktubin bl-idejn huma ta' żmien il-Medju Evu u 400 minnhom għandhom iktar minn 1,000 sena. Dan l-aħħar l-iStiftsbibliothek nediet proġett għad-diġitalizzazzjoni tal-kollezzjoni imprezzabbli ta' manuskritti, li sa Diċembru 2009 kien fiha 355 dokument disponibbli fuq is-sit web tal-Codices Electronici Sangallenses.[10]

Minn ġewwa, il-librerija għandha stil Rokokò mill-isbaħ b'injam imnaqqax u llostrat, bl-istukko u biż-żebgħa biex jinkiseb effett kumplessiv. Ġiet iddisinjata mill-arkitett Peter Thumb u hija miftuħa għall-pubbliku. Barra minn hekk, fiha jiġu organizzati wirjiet kif ukoll kunċerti u avvenimenti oħra.[11]

Wieħed mill-iktar dokumenti interessanti fl-iStiftsbibliothek huwa kopja tal-Institutiones grammaticae ta' Prixjanu li fiha l-poeżija Is acher in gaíth in-nocht... miktuba bl-Irlandiż Antik.

Il-librerija tippreserva wkoll dokument uniku tas-seklu 9, magħruf bħala l-Pjanta ta' Sankt Gallen, l-unika tpinġija arkitettonika maġġuri eżistenti minn bejn wieħed u ieħor perjodu ta' 700 sena bejn il-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent u s-seklu 13. Il-pjanta li tfasslet qatt ma twettqet effettivament, u ngħatat dak l-isem minħabba li kienet miżmuma fil-librerija tal-monasteru Medjevali famuż, fejn baqgħet sa llum. Il-pjanta kienet ideal ta' x'kellu jkollu monasteru ddisinjat u fornut tajjeb, skont kif ħareġ minn wieħed mis-Sinodi li saru f'Aachen għar-riforma tal-monastiċiżmu fl-Imperu tal-Franki matul is-snin bikrin tal-Imperatur Lwiġi d-Devot (bejn it-814 u t-817).

Il-faċċata tal-katidral

It-tpinġija tal-aħħar tas-seklu 9 ta' San Pawl jipprietka quddiem folla aġitata ta' Lhud u ġentili, parti minn kopja ta' epistoli ta' San Parl prodotta fil-monasteru u kkonservata hemmhekk, ġiet inkluża f'wirja ta' tpinġijiet Medjevali fil-Metropolitan Museum of Art fil-Belt ta' New York fis-sajf tal-2009.[12]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Abbazija ta' Sankt Gallen ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 bħala "eżempju perfett ta' monasteru Karolinġju kbir".[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Nies notevoli tal-abbazija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-librerija tal-Abbazija ta' Sankt Gallen

Lista tas-Superjuri tal-patrijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm total ta' 73 Super tal-patrijiet fit-tmun (inkluż sitt anti-Superjuri tal-patrijiet) bejn is-719 u l-1805. Kollezzjoni kompluta ta' bijografiji tas-Superjuri tal-patrijiet ġiet ippubblikata minn Henggeler fl-1929. Tabella tal-ismijiet tas-Superjuri tal-patrijiet kompluta bl-istemmi tagħhom ġiet stampata minn Beat Jakob Anton Hiltensperger fl-1778. Din li ġejja hi lista tas-Superjuri tal-patrijiet:[13]

  • San Otmar (719-759)
  • John (759/60-782)
  • Ratpert (782)
  • Waldo (782-784)
  • Werdo (784-812)
  • Wolfleoz (812-816)
  • Gozbert (816-837); espanda l-binjiet, beda l-kollezzjoni tal-kotba għal-librerija
  • Bernwig (837-840/41)
  • Engilbert I (840/841)
  • Grimald (841-872)
  • Hartmut (872-883)
  • Bernhard (883-890)
  • Solomon (890-919), Superjur tal-patrijiet ta' 11-il monasteru ieħor u Isqof ta' Konstanz
  • Hartmann (922-925)
  • Engilbert II (925-933)
  • Thieto (933-942)
  • Craloh (942-958)
    • Anno (953–954), anti-Superjur tal-patrijiet
  • Purchart I (958-971)
  • Notker (971-975), in-neputi ta' Notker Physicus
  • Ymmo (976-984)
  • Ulrich I (984-990)
  • Kerhart (990-1001)
  • Purchart II (1001-1022)
  • Thietpald (1022-1034)
  • Nortpert (1034-1072)
  • Ulrich II (1072-1076)
  • Ulrich ta' Eppenstein (1077-1121)
    • Lutold (1077-bejn wieħed u ieħor l-1083), anti-Superjur tal-patrijiet
    • Werinhar (1083-1086), anti-Superjur tal-patrijiet
  • Manegold von Mammern (1121-1133)
    • Heinrich von Twiel (1121-1122), anti-Superjur tal-patrijiet
  • Werinher (1133-1167)
  • Ulrich von Tegerfelden (1167-1199)
  • Ulrich von Veringen (1199-1200)
  • Heinrich von Klingen (1200-1204)
  • Ulrich von Sax (1204-1220), Lord ta' Hohensax u l-ewwel Prinċep-Superjur tal-patrijiet
  • Rudolf von Güttingen (1220-1226)
  • Konrad von Bussnang (1226-1239)
  • Walter von Trauchburg (1239-1244)
  • Berchtold von Falkenstein (1244-1272)
  • Ulrich von Güttingen (1272-1277)
    • Heinrich von Wartenberg (1272-1274), anti-Superjur tal-patrijiet
  • Rumo von Ramstein (1277-1281)
  • Wilhelm von Montfort (1281-1301)
    • Konrad von Gundelfingen (1288-1291), anti-Superjur tal-patrijiet sponsorjat minn Rudolfu I tal-Ġermanja
  • Heinrich von Ramstein (1301-1318)
  • Hiltbold von Werstein (1318-1329)
  • Rudolf von Montfort (1330-1333)
  • Hermann von Bonstetten (1333-1360)
  • Georg von Wildenstein (1360-1379)
  • Kuno von Stoffeln (1379-1411)
  • Heinrich von Gundelfingen (1411-1418)
  • Konrad von Pegau (1418-1419)
  • Heinrich von Mansdorf (1419-1426)
  • Eglolf Blarer (1426-1442)
  • Kaspar von Breitenlandenberg (1442-1463)
  • Ulrich Rösch (1463-1491), xtara l-Kontea ta' Toggenburg u fl-1487 bena monasteru f'Rorschach
  • Gotthard Giel von Glattburg (1491-1504)
  • Franz Gaisberg (1504-1529), Superjur tal-patrijiet meta seħħet ir-Riformazzjoni
  • Kilian Germann (1529-1530), elett biex jiġi evitat li r-Riformazzjoni tidħol fl-abbazija
  • Diethelm Blarer von Wartensee (1530-1564), espanda l-abbazija u huwa magħruf bħala t-tielet fundatur minħabba x-xogħol tiegħu fl-abbazija
  • Otmar Kunz (1564-1577)
  • Joachim Opser (1577-1594)
  • Bernhard Müller (1594-1630)
  • Pius Reher (1630-1654)
  • Gallus Alt (1654-1687)
  • Cölestin Sfondrati (1687-1696)
  • Leodegar Bürgisser (1696-1717)
  • Joseph von Rudolphi (1717-1740)
  • Cölestin Gugger von Staudach (1740-1767)
  • Beda Angehrn (1767-1796)
  • Pankraz Vorster (1796-1805)
  • Santa Wiborada (mietet fid-926), l-ewwel mara li ġiet kanonizzata formalment mill-Knisja Kattolika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Abbey of St Gall". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  2. ^ a b ċ d Abbey of St. Gall. 6. Miġbur 2021-08-08.
  3. ^ a b ċ d "San Gallo (principato abbaziale)". hls-dhs-dss.ch (bit-Taljan). Miġbur 2021-08-08.
  4. ^ a b "Sankt Gallen | Switzerland". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  5. ^ "Abbey of St Gall - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2017-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-09. Miġbur 2021-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ a b ċ d e St Gall (town). 24. Miġbur 2021-08-08.
  7. ^ a b ċ ""Zeittafel zur Geschichte der Abtei St.Gallen" [Kronoloġija storika dwar l-Abbazija ta' Sankt Gallen] (bil-Ġermaniż). Staatskanzlei St. Gallen" (PDF). web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2021-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "Signorie ecclesiastiche". hls-dhs-dss.ch (bit-Taljan). Miġbur 2021-08-08.
  9. ^ Hempel, Eberhard. 1965. Baroque art and architecture in central Europe: Germany, Austria, Switzerland, Hungary, Czechoslovakia, Poland. Painting and sculpture: seventeenth and eighteenth centuries; architecture: sixteenth to eighteenth centuries. Baltimore: Penguin Books, p. 163.
  10. ^ "Virtual Manuscript Library of Switzerland". e-codices.
  11. ^ "Jahresausstellung im Barocksaal 2007". web.archive.org. 2007-07-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-27. Miġbur 2021-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Smith, Roberta (2009-06-19). "Those Medieval Monks Could Draw" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-08.
  13. ^ "Die Äbte von St.Gallen". web.archive.org. 2012-06-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-06-04. Miġbur 2021-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]