Aapravasi Ghat
Aapravasi Ghat ("iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni") huwa kumpless ta' bini f'Port Louis, Mauritius, l-ewwel kolonja Brittanika li laqgħet forza tax-xogħol tas-servitù bil-kuntrattar minn bosta pajjiżi. Mill-1849 sal-1923, nofs miljun Indjan tas-servitù bil-kuntrattar għaddew miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni, biex imbagħad jiġu ttrasportati lejn il-pjantaġġuni madwar l-Imperu Brittaniku. Il-migrazzjoni fuq skala kbira tal-persuni tas-servitù bil-kuntrattar ħalliet impatt ċar fuq is-soċjetajiet ta' bosta eks kolonji Brittaniċi, fejn l-Indjani jikkostitwixxu proporzjon sostanzjali tal-popolazzjonijiet nazzjonali tagħhom. F'Mauritius biss, 68 fil-mija tal-popolazzjoni total attwali huma ta' nisel Indjan. Iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni b'hekk sar punt ta' referenza importanti fl-istorja u fl-identità kulturali ta' Mauritius.[1]
L-iżvilupp infrastrutturali sfrenat f'nofs is-seklu 20 wasslet biex baqgħu jeżistu biss il-fdalijiet parzjali ta' tliet binjiet tal-ġebel mill-kumpless kollu. Dawn issa huma protetti bħala monument nazzjonali, skont il-leġiżlazzjoni tal-wirt nazzjonali ta' Mauritius. Ir-rwol taċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni fl-istorja soċjali ġie rrikonoxxut mill-UNESCO meta ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2] Is-sit jiġi ġestit mill-Fond Fiduċjarju tal-Aapravasi Ghat. Qed isiru sforzi kontinwi ta' konservazzjoni biex jiġu rrestawrati l-binjiet fraġli għall-qagħda oriġinali tagħhom tas-snin 60 tas-seklu 19. L-Aapravasi Ghat huwa wieħed miż-żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Mauritius, flimkien mal-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne.[3]
Il-kelma ghat tiġi spjegata b'bosta etimoni Dravidjani bħal gatta (katina muntanjuża) bil-Kannada, kattu (xaqliba ta' muntanja, diga, irdum) bit-Tamil kif ukoll katta u gattu (diga, xatt) bit-Telugu.[4]
Ghat, terminu li jintuża fis-subkontinent Indjan, skont il-kuntest jista' jirreferi għal għadd ta' għoljiet imtarrġin bħall-Għats tal-Lvant u tal-Punent; jew għal sensiela ta' tarġiet li jagħtu għal korp tal-ilma jew maħżen, bħall-postijiet tal-purifikazzjoni jew tal-kremazzjoni tul ix-xtut ta' xmara jew għadira, pereżempju l-Ghats f'Varanasi, Dhoby Ghaut jew l-Aapravasi Ghat. It-toroq li jgħaddu mill-ghats jissejħu litteralment toroq tal-ghats.[5]
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem Aapravasi Ghat, li ilu jintuża mill-1987, hija traduzzjoni diretta mill-Ħindi ta' "Ċentru tal-Immigrazzjoni". Aapravasi bil-Ħindi tfisser "immigrant", filwaqt li ghat litteralment tfisser "interfaċċa" — li fattwalment tirrifletti l-pożizzjoni tal-istruttura bejn l-art u l-baħar, u li simbolikament kienet timmarka tranżizzjoni bejn il-ħajja ta' qabel u l-ħajja l-ġdida għall-immigranti tas-servitù bil-kuntrattar li kienu jaslu. B'allużjoni għall-funzjoni tiegħu bħala punt ta' waqfien temporanju għall-ħaddiema prospettivi tal-pjantuġġuni, imsejħa wkoll coolies, iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni kien magħruf ukoll bħala l-"Għat tal-Coolies".
L-użu prominenti tal-Ħindi fil-konvenzjonijiet tat-tismija ta' Mauritius huwa bbażat fuq id-demografija soċjali u etnika; iktar minn nofs il-popolazzjoni nazzjonali hija ta' nisel Indjan, bħala riżultat dirett tad-diaspora tal-ħaddiema Indjani li għaddew miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni fl-imgħoddi. F'Bihar u f'Uttar Pradesh, minn fejn kienu jiġu l-maġġoranza ta' dawn il-ħaddiema Indjani,"Ghat" tfisser xatt tax-xmara li jintuża għall-irmiġġ tad-dgħajjes.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni nbena fuq in-naħa tal-Lvant tal-bajja kennija ta' Trou Fanfaron f'Port Louis, il-belt kapitali ta' Mauritius. Il-kumpless storiku attwalment jikkonsisti mill-fdalijiet parzjali ta' tliet binjiet tal-ġebel li jmorru lura għas-snin 60 tas-seklu 19, li nbnew fis-sit ta' ċentru tal-immigrazzjoni iktar antik. Jikkonsisti mid-daħla u l-blokk tal-isptar, il-fdalijiet tal-kompartimenti tal-immigrazzjoni, u l-fdalijiet tal-kwartieri tas-servizzi.
Irkurpri tal-art sussegwenti bħala riżultat tal-iżvilupp urban ċaqilqu l-pożizzjoni taċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni iktar 'il ġewwa. Ix-Xatt ta' Caudan, marina żviluppata bħala ċentru ekonomiku u turistiku, jinsab lil hinn mis-sit.
Sfond
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona fejn jinsab il-kumpless tal-binjiet, Trou Fanfaron, kienet il-punt tal-iżbark għall-Kumpanija Franċiża tal-Lvant tal-Indja, li ħadet f'idejha lil Mauritius fl-1721. L-iskjavi kienu jiġu importati mill-Afrika, mill-Indja u minn Madagascar biex jibnu ħitan difensivi u sptar matul il-fażi bikrija ta' insedjament. Sa nofs is-seklu 18, permezz tal-iskjavitù, ġew żviluppati l-pjantaġġuni taz-zokkor f'Mauritius.[1]
Fl-1810, matul il-Gwerer ta' Napuljun, Mauritius għaddiet taħt il-kontroll Brittaniku, kif ikkonfermat fit-Trattat ta' Pariġi, fi żmien meta l-Imperu Brittaniku kien qed ikabbar l-influwenza tiegħu fir-reġjun tal-Oċean Indjan. L-interess kummerċjali Brittaniku wassal għaż-żieda fil-produzzjoni taz-zokkor, li sar l-iżjed prodott bażiku siewi fil-kummerċ Ewropew f'nofs is-seklu 18 fl-imperu kollu inġenerali, u wassal għall-iżvilupp tal-infrastruttura b'mod partikolari għal Port Louis bħala port ħieles.
Madankollu, l-abolizzjoni tal-iskjavitù fil-kolonji Ewropej fl-1834, ħolqot problema għall-pjantaġġuni taz-zokkor peress li t-tħaddim tagħhom kien dipendenti ferm fuq ix-xogħol tal-iskjavi. Kien hemm domanda għal xogħol intensiv b'inqas flus, peress li mbagħad l-iskjavi emanċipati bdew jinnegozjaw pagi ogħla u kundizzjonijiet aħjart tal-għajxien. B'hekk, il-gvern Brittaniku ħareġ bi pjan ta' sostituzzjoni tal-Afrikani emanċipati b'ħaddiema minn inħawi oħra tad-dinja. L-ewwel mewġa ta' ħaddiema ġodda tal-pjantaġġuni kienu ħaddiema mill-gżira Portugiża ta' Madeira, Afrikani-Amerikani meħlusa mill-Istati Uniti u Ċiniżi foqra li kienu qed ifittxu ħajja aħjar. Għalkemm l-etniċità tal-ħaddiema tal-pjantaġġuni nbidlet, il-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u l-istandards baxxi tal-għajxien baqgħu l-istess. Dawn il-ħaddiema, fl-aħħar mill-aħħar, ma felħux iktar għat-tip ta' kultivazzjoni tal-pjantaġġuni li kien isir f'Mauritius.
Dak iż-żmien, l-Indja kienet qed tesperjenza depressjoni fl-ekonomija. L-affarijiet komplew imorru għall-agħar minħabba r-Ribelljoni Indjana tal-1857 li wasslet għal devastazzjoni fil-parti tat-Tramuntana tas-subkontinent. L-Indjani ħawtiela iżda foqra donnhom kienu adattati għax-xogħol agrikolu fil-pjantaġġuni, kienu kapaċi jaħdmu bla heda għal pagi baxxi, u b'hekk kienu sors potenzjalment enormi ta' xogħol bl-irħis. L-"Esperiment il-Kbir", kif sar magħruf il-programm tas-servitù bil-kuntrattar, sejjaħ għal dawn il-ħaddiema prospettivi, taħt skema ta' xogħol bil-kuntratt, biex jiġu ttrasportati lejn il-pjantaġġuni madwar l-imperu u jipprovdu l-ħaddiema agrikoli tant meħtieġa. Din kienet sistema li fiha l-ħaddiema prospettivi kienu jaqblu li jaħdmu għal perjodu determinat għal paga baxxa, akkomodazzjoni bażika u l-vjaġġ bir-ritorn imħallas.
Servitù bil-kuntrattar f'Mauritius
[immodifika | immodifika s-sors]Mauritius kienet fil-mira tal-Esperiment il-Kbir, peress li l-ekonomija tal-pjantaġġuni tagħha kienet għadha qed tikber, u b'hekk kien għad hemm lok għall-flessibbiltà agrikola, għad-differenza tal-pjantaġġuni tal-Indji tal-Punent, li kienu meqjusa eżawriti. L-ippjanar fit-tul meħtieġ fl-agrikoltura kien ifisser li l-pjantaġġuni ġeneralment ma setgħux jirrispondu għal bidliet f'daqqa fis-suq. Meta nstab li l-pitrava zokkrija kienet alternattiva vijabbli u orħos mill-kannamiela, il-pjantaġġuni taz-zokkor stabbiliti fil-Karibew kollu saru piżijiet ekonomiċi, filwaqt li l-eluf ta' ħaddiema bil-kuntratt u ta' skjavi tħallew lampa stampa. Barra minn hekk, il-prossimità tal-gżira mal-Indja kienet vantaġġ ukoll.
Mill-1834 sal-1849, meta bdew l-ewwel migrazzjonijiet tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, ma kien ġie stabbilit l-ebda ċentru fiss biex jakkomoda l-immigranti li kienu jaslu f'Port Louis. L-eluf ta' migranti li kienu jaslu kull sena ħolqu piż fuq in-nuqqas ta' faċilità speċjalizzata. Fl-1849 intgħażlet binja li kienet tmur lura għall-amministrazzjoni Franċiża fiż-żona ta' Trou Fanfaron bħala l-qalba ta' kumpless strutturali ppjanat li sar iċ-ċentru permanenti għall-immigrazzjoni. Iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni, kif saret magħrufa l-binja, tkabbar kontinwament b'rispons għall-għadd kbir ta' migranti. Dan baqa' jsir sal-1857, meta l-art kollha li kienet disponibbli ġiet okkupata. L-ispazju adegwat ippermetta lill-faċilità tittratta saħansitra sa 1,000 ħaddiem prospettiv f'daqqa. Iktar modifiki għall-konvenjenza tas-servizz, għall-iġjene u għat-trasport kienu jsiru b'mod kontinwu. Madankollu, il-kompetizzjoni mill-pitrava zokkrija laħqet mal-produzzjoni tal-kannamiela f'Mauritius. L-imxija ta' epidemija tal-malarja fis-snin 60 tas-seklu 19 kompliet tnaffar it-trasport marittimu taz-zokkor mill-kolonja, u wasslet għal deklin fl-immigrazzjoni tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, li laħqet il-quċċata tagħha fl-1923, meta waqfet għalkollox. Sa dak iż-żmien, huwa stmat li 450,000 ħaddiem tas-servitù bil-kuntrattar mill-Indja kienu għaddew miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni.
Stat ta' preservazzjoni u protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-tmiem tal-immigrazzjoni tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar kienet tfisser li ċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni ma kellux iktar użu. Wara l-1923, il-binjiet intużaw għal affarijiet oħra. L-istrutturi baqgħu jeżistu sas-snin 70 tas-seklu 20, meta l-kostruzzjoni ta' venda tal-karozzi tal-linja u awtostrada korrispondenti wasslet għat-twaqqigħ ta' wħud mill-binjiet.
Fis-snin 80 tas-seklu 20 reġà tqanqal l-interess fl-importanza tas-sit permezz taż-żjara fis-sit mill-Prim Ministru tal-Indja ta' dak iż-żmien Indira Gandhi fl-1970. Dan wassal għall-protezzjoni tal-fdalijiet tal-kumpless bħala monument nazzjonali fl-1987, permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-wirt nazzjonali. Proġett pajsaġġistiku f'parti mis-sit u sensiela ta' xogħlijiet ta' restawr bdew fis-snin 90 tas-seklu 20. In-nuqqas ta' pjan formali ta' konservazzjoni jew ta' approċċ arkeoloġiku metodiku wasslu għal dubji dwar l-awtentiċità storika tas-sit. L-2001 kienet sena storika għas-sit. Il-Fond Fiduċjarju tal-Aapravasi Ghat ġie stabbilit biex iġestixxi s-sit direttament. Fost ir-responsabbiltajiet tiegħu hemm is-sorveljanza tal-iskavi u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet korrettivi fuq ir-restawr li sar ta' kafkaf mis-snin 90 tas-seklu 20. Fost ix-xogħlijiet preċendenti ta' preservazzjoni li tneħħew għalkollox kien hemm il-proġett pajsaġġistiku, l-installazzjoni tal-bejt tal-binja tal-isptar, fejn b'xorti ħażina kienu ntużaw materjali moderni, l-użu tat-teknika tat-tkaħħil bil-ġir lokali fir-rikostruzzjoni u fil-manutenzjoni tal-ħitan tal-ġebel li għad fadal, u t-tfassil ta' strateġija arkeoloġika għad-dokumentazzjoni tas-sejbiet u tal-iskoperti, kif ukoll is-salvagwardja tal-artefatti eżistenti. L-objettiv tal-isforzi ta' konservazzjoni hu li s-sit jerġa' jikseb id-dehra li kellu fis-snin 60 tas-seklu 19. Isem is-sit inbidel uffiċjalment għal Aapravasi Ghat f'dik l-istess sena u dan ħoloq kontroversja sħiħa. Għalkemm kien tentattiv biex jirrifletti l-maġġoranza Indjana Indù tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, l-użu tat-traduzzjoni bil-Ħindi injora l-bosta popolazzjonijiet etniċi u reliġjużi l-oħra li għaddew ukoll miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Aapravasi Ghat ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Faċilitajiet
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżvilupp urban bla kontroll wara l-abolizzjoni tas-sistema tas-servitù bil-kuntrattar u l-inizjattiva aħħarija ta' konservazzjoni tas-sit fl-aħħar tas-seklu 20 wasslu biex il-fdalijiet parzjali biss tal-post għadhom jeżistu sal-lum. Mill-kumpless stabbilit fl-1849, l-esperti jistmaw li madwar 15 % biss għadu jeżisti b'mod awtentiku llum. Madankollu, rekords tal-pjanta tal-binjiet u ritratti, kif ukoll evidenza arkeoloġika reċenti, jippermettu li ssir ir-rikostruzzjoni preċiża tal-kumpless.
L-immigranti li kienu jaslu permezz tal-"vapuri tal-coolies" mal-maħżen ta' Trou Fanfaron kien jgħaddu miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni permezz ta' sensiela ta' 14-il tarġa tal-ġebel, li għadhom intatti. Il-ħitan li kienu jipproteġu l-maħżen tul ix-xatt huma magħmulin minn mużajk ta' ġebel maħdum, minħabba r-rikostruzzjoni kontinwa tul perjodu twil ta' żmien. L-irkupru tal-art li twettaq maż-żmien għall-iżvilupp tal-port ta' Trou Fanfaron wasslu biex il-maħżen storiku ma setax jintuża iktar. L-aċċess dirett tat-taraġ tal-ġebel għall-baħar, li kienu l-ewwel partijiet miċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni li kienu jaraw il-migranti mal-wasla tagħhom, sar parti mill-istorja.
Lil hinn mit-taraġ tal-ġebel hemm il-kumpless tal-binjiet, li kien iċċentrat fi spazju miftuħ. Il-binjiet kellhom bjut karatteristiċi Franċiżi bil-madum tat-tafal, li kienu jipprovdu iżolament u ventilazzjoni, u art bituminuża. Twettaq titjib kontinwu fis-sit biex ikun jista' jilqa' l-għadd kbir ta' immigranti, inkluż l-installazzjoni ta' ħitan diviżorji bejn il-kmamar sal-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 19. Sal-1865, il-ħtiġijiet tat-trasport wasslu għall-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja, u b'hekk iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni nqasam fi tnejn u nbnew ħitan tul il-linja ferrovjarja.
Id-daħla bil-ħnejja tal-ġebel li għadha teżisti, li nbniet ukoll fl-1865, kienet tilqa' lill-migranti meta kienu jidħlu fil-kumpless. Biswit l-istruttura kien hemm il-binja tal-isptar, li kienet tikkonsisti minn seba' kmamar li kienu jakkomodaw lill-persunal, inkluż kamra tal-gwardji, kċina, sala tal-kirurġija, eċċ. Minn dawn il-kmamar, il-kamra tal-gwardji u s-sala tal-kirurġija biss għadhom jeżistu, filwaqt li l-fdalijiet arkeoloġiċi tal-kċina u xi faċilitajiet oħra nstabu wkoll. Il-fdalijiet tal-binja tal-isptar ingħataw installazzjoni ta' bejt ġdid fis-sena 2000. Madankollu, l-użu ta' materjali moderni qajjem bosta kritiki mill-gruppi tal-preservazzjoni.
Il-migranti kellhom ukoll kompartiment tal-immigranti, fejn kienu jissoġġornaw sa massimu ta' tlett ijiem wara qabel ma jitqassmu lejn il-pjantaġġuni taz-zokkor lokali rispettivi jew qabel ma jiġu ttrasportati lejn kolonji oħra. Apparti l-kċina, il-kompartiment tal-immigranti kien jinsab f'parti separata, flimkien maż-żona tal-ħasil. L-unika fdal li għadu jeżisti tal-kompartiment tal-immigranti huwa ħajt wieħed.
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Industrija taz-zokkor ta' Mauritius
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjantaġġuni taz-zokkor lokali ta' Mauritius, li nqerdu ekonomikament mill-emanċipazzjoni tal-iskjavi, ingħataw tama ġdida bl-istabbiliment taċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni. L-għadd kbir ta' ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar li għaddew mill-faċilità, biex jiġu ttrasportati lejn id-diversi territorji tal-Imperu Brittaniku, kienu fluss kbir ta' ħaddiema bl-irħis. Fl-1834–1860 waslu 290,000 ħaddiem Indjan.
L-ammont ta' ħaddiema tant kien kbir, li għas-67 sena ta' wara, il-kuntratti tas-servitù tal-ħaddiema kienu limitati għal sena biss. Din ir-rivoluzzjoni taz-zokkor wasslet għal żieda fil-volum tal-produzzjoni, u b'hekk Mauritius saret l-iżjed kolonja Brittanika importanti għall-produzzjoni taz-zokkor, b'esportazzjoni taz-zokkor li kien jammonta għal 7.4 fil-mija tal-produzzjoni dinjija total sas-snin 50 tas-seklu 19.
Id-dipendenza ta' Mauritius fuq il-pjantaġġuni taz-zokkor biex isostnu l-ekonomija tagħha baqgħet għaddejja sal-bidu tas-seklu 20. L-ekonomija rrankat matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-iskarsezzi fil-provvista wasslu għaż-żieda fil-prezz tas-suq taz-zokkor. Il-waqgħa eventwali fil-prezz taz-zokkor fis-snin 30 tas-seklu 20 minħabba d-Depressjoni l-Kbira, l-industrija agrikola b'għalla waħda u l-abolizzjoni tas-sistema tas-servitù bil-kuntrattar wasslu biex l-ekonomija ta' Mauritius tkun waħda vulnerabbli, u fl-1937 feġġew l-irvelli qalb il-ħaddiema. It-Tieni Gwerra Dinjija kompliet tiggrava s-sitwazzjoni. B'hekk twettqu riformi ekonomiċi għad-diversifikazzjoni tal-produzzjoni agrikola u għall-iżvilupp ta' industriji oħra fl-1945. F'nofs is-snin 90 tas-seklu 20, is-settur agrikolu biss kien jirrappreżenta wieħed fuq tmienja tal-prodott nazzjonali gross tal-pajjiż, għalkemm il-produzzjoni taz-zokkor għadha tiġġenera terz tal-qligħ ta' Mauritius mill-esportazzjoni, u tokkupa madwar 80 fil-mija tar-raba' totali li jinħadem.
Is-sistema globali tas-servitù bil-kuntrattar
[immodifika | immodifika s-sors]Mauritius ma kienx is-sit pijunier għall-użu tas-servitù bil-kuntrattar. Fis-seklu 17, għadd sostanzjali ta' ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, ta' oriġini Ewropea, waslu fl-Amerka, f'dawk li dak iż-żmien kienu t-Tlettax-il Kolonja. Sas-seklu 18, ġie stmat li iktar minn nofs il-popolazzjoni tal-immigranti ta' karnaġjon bajda fil-kolonji Brittaniċi tal-Amerka ta' Fuq jaf kienu ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar. Madankollu, l-iskala tas-sistema li ntużat f'Mauritius kienet bla preċedent. Minnufih infirxet fil-kolonji kollha tal-Imperu Brittaniku, u ġiet imitata minn qawwiet Ewropej oħra, filwaqt li l-forza tax-xogħol Indjana ġiet impjegata wkoll lil hinn mill-għelieqi tal-kannamiela, f'postijiet tax-xogħol bħall-minjieri u saħansitra l-linji ferrovjarji.
Is-sistema globali tas-servitù bil-kuntrattar ġiet abolita fl-1918, għalkemm f'Mauritius, iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni baqa' jopera sal-1923. Sa dak iż-żmien, l-Esperiment il-Kbir kien wassal għat-trasport ta' madwar żewġ miljun persuna madwar id-dinja, u Mauritius laqgħet l-ikbar kontinġent ta' ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, b'total ta' kważi nofs miljun immigrant Indjan. B'kollox, 1.2 miljun migrant Indjan għaddew miċ-ċentri tal-immigrazzjoni madwar id-dinja, u saru l-klassi tal-ħaddiema globali tal-Imperu Brittaniku. Fuq skala ikbar, il-migrazzjoni tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar hija parti żgħira biss tad-dijaspora Indjana, li kompliet għaddejja matul is-seklu 20 saż-żminijiet kontemporanji. Huwa stmat li sa 20 miljun Indjan emigraw minn art twelidhom, u b'hekk jirrappreżentaw l-ikbar dijaspora fiż-żminijiet moderni.
Għalhekk, iċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni jitqies bħala s-sit fejn bdiet id-dijaspora moderna fuq skala kbira tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar — is-sistema mhux biss sostniet l-ekonomiji tal-pjantaġġuni tal-Imperu Brittaniku, iżda rriżultat ukoll fit-trapjant ta' kulturi u fit-tiswir tal-identità nazzjonali tal-eks kolonji. Il-pajjiżi mill-Karibew, min-Nofsinhar tal-Afrika u mill-Paċifiku attwalment għandhom popolazzjonijiet Indjani sostanzjali.
Il-poeta ta' Mauritius u Franċiż Khal Torabully, esplora l-mużajk ta' kulturi tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar u ħareġ bit-terminu "coolitude", sabiex jiddefinixxi mill-ġdid il-migrazzjoni tal-ħaddiema mhux biss bħala parti mill-imgħoddi storiku, iżda bħala t-taħlita ta' esperjenzi u immaġinarji kollettivi:
Huwa f'din in-nisġa ta' esperjenzi migratorji li l-ghat huwa daqstant partikolari: għandu jippromwovi l-valuri simboliċi tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, biex jinfetaħ għall-esperjenza profonda tal-migrazzjonijiet, li dejjem se joħolqu ċaqliq kostanti fid-Dinja, kemm jekk ikunu aċċettati b'mod ħieles kif ukoll jekk ikunu sfurzati. — Khal Torabully, La Pointe aux Canonniers, Mauritius, it-2 ta' Novembru 2007. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Is-sistema tas-servitù bil-kuntrattar ħalliet warajha wkoll wirt dokumentarju mdaqqas, b'rekord komprensiv tal-immigranti, tal-kuntratti ffirmati, ritratti, il-kost tat-trasport, l-infiq għall-akkomodazzjoni u d-destinazzjoni finali tal-ħaddiema. Dawn ir-reġistri attwalment qed jiġu ġestiti mill-Arkivji Indjani tal-Immigrazzjoni, li jiġu amministrati direttament mill-Istitut ta' Mahatma Gandhi, istituzzjoni edukattiva stabbilita f'Mauritius, b'kooperazzjoni mal-Indja.
Is-soċjetà ta' Mauritius
[immodifika | immodifika s-sors]Il-maġġoranza tal-ħaddiema Indjani li kienu jaslu fiċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni kienu jaslu mill-parti tat-Tramuntana tas-subkontinent, mill-inħawi tal-istati attwali ta' Bihar u ta' Uttar Pradesh. Dak iż-żmien kien hemm ħerba sħiħa fir-reġjun wara r-Ribelljoni Indjana tal-1857. Għadd iżgħar ta' migranti kienu jiġu minn Maharashtra u minn Tamil Nadu. Il-migranti Indjani li kienu jgħaddu mill-gżira ħallew marka distinta fuq is-soċjetà ta' Mauritius. Fl-1835, sena wara li ġie implimentat l-Esperiment il-Kbir, l-Indjani kienu jikkostitwixxu inqas minn 4 fil-mija tal-popolazzjoni ta' Mauritius. Madankollu, il-wasla kostanti ta' ħaddiema biddlet il-bixra demografika tal-kolonja, tant li sal-1860 l-Indjani kienu jirrappreżentaw iktar minn 66 fil-mija tal-popolazzjoni. Il-kolonja tant laqgħet proporzjon kbir tad-dijaspora Indjana, li l-istoriċi nnotaw il-mod drammatiku kif ġiet alterata d-demografija lokali f'perjodu daqstant qasir ta' żmien, ferm iktar minn kwalunkwe territorju Brittaniku tal-produzzjoni taz-zokkor. L-ebda servitù bil-kuntrattar oħra ma sawret daqstant il-ġejjieni ta' nazzjon daqs iċ-ċaqliq tal-ħaddiema Indjani lejn Mauritius, li rriżulta f'madwar nofs miljun Indjan li marru jgħixu fil-gżira. Illum il-ġurnata, sa 1.22 miljun persuna minn Mauritius, jew 68 fil-mija tal-popolazzjoni nazzjonali, għandhom antenati Indjani. Madankollu, dan il-wirt Indjan kien jeżisti saħansitra qabel ma bdiet is-sistema tas-servitù bil-kuntrattar, bl-insedjament tal-merkanti mis-subkontinent u miċ-Ċina. Fl-1806, meta Mauritius kienet għadha taħt l-amministrazzjoni Franċiża, l-istatistika uffiċjali wriet li diġà kien hemm 6,162 Indjan jgħixu fil-gżira, fis-subborg tal-Lvant ta' Port Louis, magħruf bħala Camp des Malabars. Mill-bidu tas-snin 40 tas-seklu 19, il-ħaddiema emanċipati, jew dawk li kkonkludew il-kuntratti tax-xogħol, irnexxielhom iġemmgħu l-flus u xtraw l-artijiet tagħhom, l-iktar 'il barra miż-żoni rurali bil-pjantaġġuni taz-zokkor, u baqgħu jgħixu b'mod permanenti f'Mauritius. L-għadd dejjem jikber ta' dawn il-ħaddiema ħielsa li ppreferew jibqgħu fil-kolonja wassal għal klassi ġdida ta' raħħala Indjani. Minħabba l-ħiliet limitati tagħhom huma baqgħu involuti fil-kultivazzjoni tal-għelejjel fuq skala żgħira biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, filwaqt li oħrajn bdew jaħdmu bħala kummerċjanti jew bejjiegħa. Il-klassi tal-Indjani rurali kisbet importanza filwaqt li l-industrija taz-zokkor daħlet fis-seklu 20. Il-barunijiet taz-zokkor li sfaw f'diffikultà bigħu porzjonijiet mill-proprjetajiet tagħhom lill-merkanti Indjani f'dak li sar magħruf bħala l-Moviment il-Kbir tal-Irqajja' tal-Art. B'hekk, l-Indjani ta' Mauritius, saru l-ewwel nies mhux ta' karnaġjon bajda li kienu sidien tal-artijiet fil-kolonja.
Sas-snin 20 tas-seklu 20, il-proprjetajiet tal-Indjani ta' Mauritius diġà kienu jammontaw għal 40 fil-mija tar-raba' li jinħadem ta' Mauritius. Eventwalment ħadu l-kontroll ta' parti sostanzjali tal-ekonomija agrikola, u wasslu għat-tkabbir tal-villaġġi rurali u għal borgeżija li kompliet tinfluwenza l-politika postkolonjali tal-gżira.
Sadanittant, l-immigranti Indjani tat-tieni ġenerazzjoni, li kienu esposti għall-kulturi tal-artijiet barranin u li kienu iktar imdorrijin għall-politiki Brittaniċi, irnexxielhom jaħdmu wkoll lil hinn mis-settur agrikolu. Dawn il-ħaddiema bil-ħiliet li ngħataw l-edukazzjoni fil-Punent ġew impjegati mill-Brittaniċi fis-Servizz Kolonjali. Fit-territorji Brittaniċi li jmissu mal-Oċean Indjan, dawn ingħataw parti kbira mill-karigi tal-iskrivana fil-burokrazija. Bil-mod il-mod, ħafna minnhom irnexxielhom jilħqu karigi għoljin mal-bidu tas-seklu 20.
Lil hinn mill-politika, l-insedjament tal-migranti Indjani fil-gżira rriżulta f'taħlita ta' kulturi Indjani, Afrikani, Ċiniżi, Kreole u Ewropej. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi Induisti saru parti mill-kalendarju ta' Mauritius. Kull sena fiċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni ssir ċerimonja reliġjuża Induista fit-tieni jum ta' Novembru, li saret btala nazzjonali li tfakkar il-wasla tal-ħaddiema tas-servitù bil-kuntrattar, f'ġieħ l-ispirti tal-jehaji bhai (li bil-Ħindi tfisser "ħbieb jew aħwa tal-vapuri"). Il-lag tal-Grand Bassin, magħruf ukoll bħala Ganga Talao, li jinsab fiċ-ċentru tal-gżira, sar parti minn pellegrinaġġ sagru mill-Indjani ta' Mauritius tal-fidi Induista. L-istil tal-arkitettura ta' Mauritius, bl-użu tat-tkaħħil bil-ġir bejn il-ġebel, għandu oriġini Indjana wkoll. Dan l-istess metodu ta' kostruzzjoni jintuża mill-Fond Fiduċjarju tal-Aapravasi Ghat għall-konservazzjoni tal-fdalijiet tal-kumpless taċ-Ċentru tal-Immigrazzjoni.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b "Coolitude and the symbolism of the Aapravasi ghat". www.potomitan.info. Miġbur 2024-12-01.
- ^ a b ċ "Aapravasi Ghat - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-01.
- ^ "Le Morne Cultural Landscape - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-01.
- ^ Jaini, Padmanabh S. (2003). Jainism and Early Buddhism. Jain Publishing Company. pp. 523–538. ISBN 9780895819567.
- ^ Sunithi L. Narayan, Revathy Nagaswami, 1992, Discover sublime India: handbook for tourists, p. 5.