Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-peniżola ta' Le Morne.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne (pronunzja: [lə mɔʁn]) jew ta' Le Morne Brabant (pronunzja: [lə mɔʁn bʁa.bɑ̃]) huwa pajsaġġ kulturali f'peniżola fit-tarf nett tal-Lbiċ fuq in-naħa tal-Punent tal-gżira ta' Mauritius fl-Oċean Indjan. Fil-pajsaġġ tispikka għolja monolitika tal-bażalt b'quċċata għolja 556 metru (1,824 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-quċċata tkopri erja ta' iżjed minn 12-il ettaru (30 akru). Max-xaqlibiet weqfin tagħha hemm bosta għerien u formazzjonijiet ġeoloġiċi. Fil-biċċa l-kbira tagħha hija mdawra minn laguna u hija attrazzjoni turistika magħrufa sew. Il-peniżola hija wkoll refuġju għal żewġ pjanti rari, magħrufa bħala l-Mandrinette u l-Boucle d'Oreille. Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne għandu mikroklima tiegħu. L-għolja ngħatat isem bastiment tal-Kumpanija Olandiża tal-Lvant tal-Indja, Brabant, li nkalja hawnhekk fid-29 ta' Diċembru 1783.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne Brabant tressaq bħala sit indikattiv biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003. Fl-2008, il-proċess tan-nomina ġie konkluż meta l-UNESCO żiedet is-sit fil-lista.[1]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008 u ż-żona ta' lqugħ ġiet estiża fl-2011.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Peniżola[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-peniżola ta' Le Morne, mill-Foresta tal-Ebanu ta' Chamarel.

Il-peniżola għandha legat kulturali ta' miti u leġġendi tal-bidu tas-seklu 19 bħala refuġju għall-iskjavi maħruba (bl-Ingliż: maroons). Wara l-abolizzjoni tal-iskjavitù f'Mauritius fl-1 ta' Frar 1835, jingħad li spedizzjoni tal-pulizija ntbagħtet hemmhekk minnufih biex tgħarraf li dawk li ħarbu l-iskjavitù li permezz tal-emanċipazzjoni saru rġiel u nisa legalment ħielsa. Il-wasla tal-pulizija fil-bażi tal-għolja, skont leġġenda, ġiet interpretata ħażin mill-eks skjavi, u dawn telgħu sal-quċċata għaliex beżgħu li kienu se jiġu arrestati u jerġgħu jsiru skjavi. Tant twerwru li sussegwentement iddeċidew li jaqbżu għal isfel u jneħħu ruħu b'idejhom, akkost li ma jerġgħux jinqabdu u jsiru skjavi.[2] Mill-1987, din id-data tiġi ċċelebrata, b'mod partikolari mill-indiġeni creole ta' Mauritius, fil-Kommemorazzjoni Annwali tal-Abolizzjoni tal-Iskjavitù.

L-inħawi tal-peniżola ta' Le Morne Brabant ġew meqjusa bħala pajsaġġ kulturali u b'hekk saru wkoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sit jinkludi t-tinqix dan l-estratt mill-poeżija Le Morne Territoire Marron ta' Richard Sedley Assonne: "Kien hemm mijiet minnhom, iżda niesi l-iskjavi maħruba għażlu l-mewt minflok il-ktajjen tal-jasar".

L-għolja ta' Le Morne Brabant mill-bajja fil-qrib.

Il-Peniżola ta' Le Morne għandha klima tropikali b'temperaturi għoljin matul is-sena kollha. Bħall-biċċa l-kbira tad-destinazzjonijiet tropikali hemm staġun tan-nixfa u staġun tax-xita, għalkemm anke matul ix-xhur bix-xita, xorta waħda jkun hemm bosta jiem ta' bnazzi u x-xita li tinżel, normalment tinżel qliel f'maltempati li jgħaddu malajr.

Impatt kulturali u estetiku[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Le Morne joħroġ fid-dieher l-importanza storika tal-iskjavitù.

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • Dominique Auzias, Jean-Paul Labourdette: Maurice, Rodrigues Le Petit futé. Country guide (Online) (in French)
  • Rosabelle Boswell: Le Malaise Créole: Ethnic Identity in Mauritius Berghahn Books, 2006. ISBN 1-84545-075-2

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Le Morne Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-26.
  2. ^ "Slave Route Monument". Atlas Obscura (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-26.