Mahatma Gandhi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Portrait Gandhi.jpg

Mohandas Karamchand Gandhi (2 ta' Ottubru 1869 – 30 ta' Jannar 1948) kien l-akbar mexxej tal-Indja fil-ġlieda tagħha għall-indipendenza. Pijunier tas-satyagraha, jew reżistenza għat-tirannija permezz ta' diżubbidjenza ċivili tal-massa — filosofija mibnija fuq l-ahimsa, non-vjolenza totali — Gandhi wassal lill-Indja għall-indipendenza u ispira movimenti għad-drittijiet ċivili għal-libertà madwar id-dinja. Gandhi jissejjaħ ħafna drabi bħala Mahatma, li bis-Sanskrit tfisser "Ruħ Kbira". Fl-Indja jsejħulu Bapu, li bil-Gujarati tfisser "missier", u jqimuh uffiċjalment bħala Missier in-Nazzjon. Jum twelidu, it-2 ta' Ottubru, huwa Jum Nazzjonali fl-Indja, u l-Jum Internazzjonali tan-Non-Vjolenza fid-dinja kollha.

Gandhi l-ewwel ma ħaddem id-diżubbidjenza ċivili non-vjolenti kien bħala avukat fl-Afrika t'Isfel, fil-ġlieda li kellha l-komunità Indjana t'hemmhekk għad-drittijiet ċivili. Meta mar lura l-Indja fl-1915, beda jorganizza lill-bdiewa, raħħala u ħaddiem a biex jipprotestaw kontra t-taxxi esaġerati fuq l-art u d-diskriminazzjoni. Minn meta beda jmexxi l-Kungress Nazzjonali Indjan fl-1921, Gandhi beda jmexxi kampanji nazzjonali kontra l-faqar, biex jagħti iktar drittijiet lin-nisa, jgħaqqad nies ta' reliġjonijiet u etniji differenti, itemm id-diskriminazzjoni tal-intokkabbli, ikabbar l-awtonomija ekonomika personali, u jġib l-indipendenza tal-Indja mill-okkupazzjoni Brittanika. Gandhi mexxa lill-Indjani kontra t-taxxa fuq il-melħ li mponew l-Ingliżi, fil-famuż Marċ tal-Melħ twil 400 kilometru (250 mil) fl-1930, u iktar tard sejjaħ lill-Ingliżi biex jitilqu fl-1942. Intefa' l-ħabs bosta drabi, kemm fl-Afrika t'Isfel kif ukoll fl-Indja.

Gandhi issielet biex jipprattika n-non-vjolenza u l-verità dejjem u f'kull sitwazzjoni, u ħeġġeġ lil ħaddieħor jagħmel l-istess. Għex fil-faqar f'komunità residenzjali awto-suffiċjenti u kien jilbes ilbies fqir tradizzjonali Indjan, li kien nisġu hu nnifsu. Kien jiekol ikel veġitarjan sempliċi, u kien jagħmel diversi sawmiet fit-tul kemm biex jissaffa spiritwalment kif ukoll bħala protesta soċjali.

Tfulija u Żgħożija[editja]

Mohandas Karamchand Gandhi ta' 7 snin, madar l-1876

Gandhi twieled f'Porbandar, belt max-xatt li kienet tagħmel parti minn Bombay. Missieru, Karamchand Gandhi (1822–1885), li kien jagħmel parti minn komunità Hindu imsejħa Modh, kien diwan (uffiċjal għoli) ta' Porbander. Ommu, kienet ir-raba' mara ta' missieru, l-ewwel tlieta mietu waqt li kienu qegħdin iwelldu. Imrobbi minn omm devota u influwenzat mit-tradizzjonijiet Ġainisti tar-reġjun, Mohandas żviluppa fih qima kbira lejn l-annimali, il-veġitarjaniżmu, is-sawm għat-tisfija personali, u tolleranza lejn persuni ta' twemmin differenti.

Il-Klassiċi Indjani, l-iktar l-istejjer ta' Shravana and Maharaja Harishchandra, ħallew impatt kbir fuq it-tfajjel Gandhi. Dawn il-karattri epiċi wassluh jidentifika ruħu mal-valuri supremi tiegħu, il-Verità u l-Imħabba.

Ta' 13-il sena Mohandas iżżewweġ lil Kasturbai Makhanji ta' 14-il sena fi żwieġ irranġat mill-familji skont it-tradizzjoni ta' dak iż-żmien. Sentejn wara kellhom tifel li iżda miet wara ftit ġranet. Missieru miet fl-istess sena. Iktar tard kellhom erbat itfal, kollha subien: Harilal, imwieled fl-1888; Manilal, fl-1892; Ramdas, fl-1897; u Devdas, fl-1900. Bħala student kellu livell medju. Għadda b'diffikultà mill-matrikola għall-Kulleġġ Samaldas f'Gujarat. Hemm ma tantx kien kuntent għax familtu riditu jsir avukat filwaqt li hu ried isir tabib.

Fl-1888, mar l-Ingilterra jistudja l-liġi fil-University College London u beda jitħarreġ ta' avukat fl-Inner Temple. F'Londra żamm il-ġurament li kien għamel quddiem ommu li jastjeni mil-laħam, l-alkoħol, u n-nisa. Hemm daħal fil-Vegetarian Society, u kien elett fl-eżekuttiv. Uħud mill-veġitarjani kienu membri tas-Soċjetà Teosofika, li kienet taħdem għall-fraternità umana, u kienet tistudja l-letteratura Induwista u Buddista. Dawn ħeġġew lil Gandhi jaqra l-Bhagavad Gita. Gandhi, li qabel ma kellux interess fir-reliġjon, beda jaqra l-kitbiet sagri Induwisti, Misilmin u Insara.

Gandhi sar avukat fl-1891 u mar l-Indja fejn skopra li ommu kienet mietet meta hu kien għadu Londra. Ipprova jipprattika l-liġi f'Bombay imma bla suċċess. Ipprova jidħol għalliem imma għalxejn. Sentejn wara, aċċetta kuntratt ta' sena minn studju legali Indjan, Dada Abdulla & Co., fil-kolonja ta' Natal, fl-Afrika t'Isfel, li dak iż-żmien kienet ukoll parti mill-Imperu Brittaniku.

Il-Moviment tad-Drittijiet Ċivili fl-Afrika t’Isfel (1893–1914)[editja]

Gandhi fl-Afrika t'Isfel(1895)

Gandhi qatta’ 21 years fl-Afrika t’Isfel, fejn żviluppa l-ideat politiċi u l-etika tiegħu, u l-ħiliet ta’ tmexxija. L-Indjani tal-Afrika t’Isfel kienu mmexxija minn Musulmani għonja, li impjegaw lil Gandhi bħala avukat, u minn ħaddiema Indù, u dawn kellhom drittijiet limitati. Fl-Afrika t’Isfel, Gandhi esperjenza d-diskriminazzjoni li kien hemm lejn il-persuni kollha li ma kinux bojod. F’Pietermaritzburg tefgħuh barra mill-ferrovija għax ma riedx jiċċaqlaq mill-vagun tal-ewwel klassi. Ipprotesta u l-għada ħallewh. Xufier ta’ kowċ sawtu għax ma riedx iċedi postu lil wieħed Ewropew. Ħafna lukandi ma aċċettawhx. Maġistrat fil-qorti ta’ Durban ordnalu jneħħu t-turbant u hu ma aċċettax.

Dawn il-ġrajjiet kienu punt ta’ żvolta f’ħajjet Gandhi u ġagħluh jirrealizza l-inġustizzji soċjali. Huwa dam iktar milli kien pjanat fl-Afrika t’Isfel biex jgħinu lill-Indjani jiġġieldu liġi li ma tħallihomx jivvutaw. Għalkemm m’għaddietx tiegħu iżda rnexxielu jiġbed l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni tal-Indjani fl-Afrika t’Isfel. Huwa għaqqad il-komunità Indjana flimkien meta waqqaf in-Natal Indian Congress fl-1894. Fl-1897, meta Gandhi wasal Durban, folla settlers bojod attakkatu u ħelisha biss għax daħlet għalih mart is-supretendent tal-pulizija. Iżda per prinċipju ma ħarrek lil ħadd minn dawk li assaltawh.

Fl-1906, il-gvern ta’ Transvaal għadda liġi li biha l-Indjani kienu obbligati jirreġistraw ruħhom. Gandhi beda jħaddem l-idea tiegħu ta’ protesta non-vjolenti billi ħeġġeġ lill-Indjani jisfidaw dik il-liġi u jkunu lesti jsofru biex jagħmlu dan. L-Indjani aċċettaw u damu seba’ snin isofru ħabs, swat u anke qtil għax ma ridux jirreġistraw jew għax ħarqu r-registration cards. Minkejja li l-Gvern irripressahom, tant qala’ kritika li l-mexxej tal-Afrika t’Isfel Jan Christiaan Smuts, kien imġiegħel jinnegozja kompromess ma’ Gandhi.

Fl-1913, dawk il-ħaddiema Indjani li qabel kienu skjavi b’kuntratt kellhom jibdew iħallsu taxxa ġdida wara li għadda l-Indian Relief Bill. Gandhi beda kampanja ta’ reżistenza passiva li sabet l-appoġġ ta’ eluf ta’ ħaddiema tal-minjieri. Meta fis-6 Novembru 1913 kien qed imexxi marċ, li fih kien hemm 127 mara, 57 tifel u 2037 raġel, Gandhi kien arrestat. Inħeles fuq kawzjoni, reġa’ ingħaqad mal-marċ u reġa’ kien arrestat. Iżda l-Indian Relief Bill tneħħa.

Il-Ġlieda għall-Independenza tal-Indja (1915–47)[editja]

Fl-1915, Gandhi mar lura l-Indja għal kollox. Ingħaqad mal-Indian National Congress li beda jmexxih ħames snin wara u fis-26 ta’ Jannar 1930 iddikjara l-independenza tal-Indja li iżda l-Ingilterra ma għarfitx. Fl-1939, Gandhi u l-Kungress ma baqgħux jagħtu appoġġ lir-Raj wara li l-Viceroy iddikjara gwerra fuq il-Ġermanja bla ma kkonsulta lil ħadd. Gandhi talab independenza immedjata fl-1942 u l-Ingliżi tefgħu l-ħabs lilu u għexieren ta’ eluf ta’ partitarji tal-Kungress. Sadattant il-Lega Musulmana ikkoperat mal-Ingliżi, minkejja li Gandhi oppona bil-qawwa, biex ikollha l-istat separat tal-Pakistan. F’Awwissu 1947 l-Ingliżi qasmu l-art biex hekk l-Indja u l-Pakistan saru żewġ stati Indipendenti.