Aqbeż għall-kontentut

Xanadu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-fdalijiet ta' Xanadu.

Xanadu (pronunzjata: /ˈzænəduː/ ZAN-ə-doo), magħrufa wkoll bħala Shangdu (biċ-Ċiniż: 上都; bil-Pinjin: Shàngdū; pronunzjata: [ʂâŋtú]; li litteralment tfisser "Kapitali ta' Fuq"; bil-Mongolu: ᠱᠠᠩᠳᠤ, bil-Mongolu Ċirilliku: Шанду, b'ittri Rumani: Šandu), kienet il-belt kapitali tas-sajf[1][2] tad-dinastija Yuan taċ-Ċina qabel ma Kublai ttrasferixxa t-tron tiegħu lejn l-eks belt kapitali tad-dinastija Jin ta' Zhōngdū (biċ-Ċiniż: 中都; li litteralment tfisser "Kapitali Nofsanija"), li mbagħad ingħatat l-isem ta' Khanbaliq (illum il-ġurnata Beijing). Xanadu tinsab fit-territorju attwali tal-Prefettura ta' Zhenglan, fil-Mongolja Interna, iċ-Ċina. F'Ġunju 2012, Xanadu saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-importanza storika tagħha u t-taħlita unika tal-kultura Ċiniża mal-kultura Mongola.[3][4]

Il-vjaġġatur Venezjan Marco Polo ddeskriva Xanadu lill-Ewropej wara li żarha fl-1275. Il-belt inħakmet fl-1369 mill-armata tad-dinastija Ming taħt Chang Yuchun. Ir-rakkonti storiċi tal-belt ispiraw il-poeżija famuża Kubla Khan, li nkitbet mill-poeta Romantiku Ingliż Samuel Taylor Coleridge fl-1797.

Deskrizzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Xanadu kienet tinsab f'dak li issa huwa r-Raħal ta' Shangdu, fil-Prefettura ta' Zhenglan, fil-Mongolja Interna, 350 kilometru (220 mil) fit-Tramuntana ta' Beijing. Tinsab madwar 28 kilometru (17-il mil) fil-Majjistral tar-raħal modern ta' Duolun. Il-konfigurazzjoni tal-belt kapitali hija pjuttost kwadra b'naħat ta' madwar 2.2 kilometri (1.4 mil). Tikkonsisti minn "belt esterna" u "belt interna" fix-Xlokk tal-belt kapitali li għandha wkoll konfigurazzjoni pjuttost kwadra b'naħat ta' madwar 1.4 kilometru (0.87 mil), u l-palazz fejn Kublai Khan kien joqgħod fis-sajf. Il-palazz għandu naħat ta' madwar 550 metru (1,800 pied), u jkopri erja ta' madwar 40 % tad-daqs tal-Belt Projbita f'Beijing. L-iżjed fdalijiet li għadhom viżibbli llum il-ġurnata huma l-ħitan tal-ħamrija, għalkemm hemm ukoll pjattaforma ċirkolari tal-brikks sal-pjan terran, fiċ-ċentru tal-belt interna.

Il-belt, oriġinarjament imsejħa Kaiping (biċ-Ċiniż: 开平, Kāipíng, li tfisser "miftuħa u ċatta"), ġiet iddisinjata mill-arkitett Ċiniż Liu Bingzhong u nbniet mill-1252 sal-1256. Liu implimenta "skema tassew Ċiniża għall-arkitettura tal-belt".[5] Fl-1264 il-belt ingħatat l-isem ta' Xanadu minn Kublai Khan. Fil-quċċata tagħha, iktar minn 100,000 ruħ kienu jgħixu fi ħdan il-ħitan difensivi ta' madwarha. Fl-1369 Xanadu ġiet okkupata mill-armata tad-dinastija Ming, ingħatat in-nar u isimha reġa' sar Kaiping. L-aħħar Khan renjanti, Toghun Temür, ħarab mill-belt u din baqgħet abbandunata għal diversi mijiet ta' snin.[6]

Fl-1872, Steven Bushell, affiljat mal-Legazzjoni Brittanika f'Beijing, żar is-sit u rrapporta li kien għad hemm fdalijiet ta' tempji, blokok tal-irħam u madum hemmhekk. Sas-snin 90 tas-seklu 20, dawn l-artefatti kollha kienu għebu għalkollox; x'aktarx kienu nġabru mill-abitanti tar-raħal fil-qrib ta' Dolon Nor biex jibnu d-djar tagħhom. Ix-xogħol artistiku għadu viżibbli fil-ħitan ta' wħud mill-binjiet ta' Dolon Nor.

Illum il-ġurnata, fadal biss fdalijiet, imdawra minn tumbata tal-ħamrija miksija bil-ħaxix li fl-imgħoddi kienet il-ħitan tal-belt. Mill-2002 sar sforz ta' restawr fis-sit.

Marco Polo (1278)

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa maħsub b'mod mifrux li l-esploratur Venezjan Marco Polo kien żar is-sit ta' Xanadu għall-ħabta tal-1275. Fl-1298–1299, huwa rrakkonta dan li ġej:

U wara li tkun ivvjaġġajt għal tlett ijiem mill-belt li ssemmiet l-aħħar, bejn il-Grigal u t-Tramuntana, tasal f'belt jisimha Chandu, li nbniet mill-Khan li qed jirrenja bħalissa. F'dan il-post hemm palazz bl-irħam fin ħafna, li għandu kmamar miksijin pitturi ndurati b'figuri ta' rġiel, annimali u għasafar, u b'varjetà ta' siġar u fjuri, kollha kemm huma mwettqa b'arti mill-isbaħ li titpaxxa tħares lejhom mistagħġeb.

Madwar dan il-palazz hemm ħajt difensiv ta' 16-il mil, u fi ħdanu hemm park bil-funtani, bix-xmajjar u bin-nixxigħat, u b'mergħat mill-isbaħ, b'kull xorta ta' annimali selvaġġi (minbarra dawk ta' natura feroċi), miġjuba hemmhekk mill-Imperatur bħala biżżejjed ikel għall-falkuni u għall-isqra tiegħu, li huwa jżomm hemmhekk f'gaġġa. B'kollox hemm iktar minn 200 falkun, mingħajr ma wieħed jgħodd l-isqra l-oħra. Il-Khan innifsu jmur hemmhekk kull ġimgħa biex joqgħod jara l-għasafar tiegħu fil-gaġġa,[7] u xi kultant jirkeb iż-żiemel tiegħu, b'arma b'għamla ta' leopard fuqu, fi ħdan il-park; u mbagħad jekk jara xi annimal li jolqtu, inifdu bil-leopard tiegħu, u jieħu l-laħam tal-annimal biex jitma' l-isqra fil-gaġġa. Dan jagħmlu bħala divertiment.

Barra minn hekk, f'punt partikolari fi ħdan il-park fejn hemm bosk ħelu, huwa għandu palazz ieħor li nbena bil-qasab, li jeħtieġ li niddeskrivi hawnhekk. Huwa ndurat minn fuq s'isfel u minn ġewwa huwa mgħammar b'mod tassew elaborat. Il-binja hija mirfuda minn kolonni ndurati u miksijin bil-laker, u fuq kull kolonna hemm dragun indurat, b'denb mal-kolonna filwaqt li r-ras tad-dragun tirfed l-arċitravu, u d-dwiefer tad-dragun b'mod simili huma stirati 'l barra lejn ix-xellug u lejn il-lemin biex jirfdu l-arċitravu. Il-bejt, bħall-kumplament, huwa ffurmat bil-qasab, mgħottijin b'verniċ li tant huwa b'saħħtu u mill-aqwa li l-ebda ammont ta' xita ma tnawwarhom. Dan il-qasab huwa tassew oħxon u twil. Kull biċċa qasab hija maqtugħa qrib kull għoqda, u mbagħad il-biċċiet huma maqsumin sabiex jiffurmaw żewġ madumiet vojta, li jsaqqfu l-abitazzjoni; ftit minn dan il-madum jeħtieġ li jissammar sabiex ir-riħ ma jaħkmux u jgħollih minn postu. Fil-qosor, il-palazz kollu huwa mibni b'dan il-qasab, li nista' nżid ngħid li jintuża għal varjetà kbira ta' skopijiet utli oħra. Il-kostruzzjoni tal-palazz hija maħsuba b'tali mod li l-palazz jista' jiżżarma u jerġa' jintrama f'qasir żmien fi kwalunkwe post li jikkmanda l-Imperatur. Meta jkun mibni, jinżamm f'postu wkoll permezz ta' iktar minn 200 ħabel tal-ħarir biex ma jinġarrx mir-riħ.

Il-Khan ġieli joqgħod f'dan il-park, kultant fil-Palazz tal-Irħam u kultant fil-Palazz tal-Qasab għal tliet xhur tas-sena, sa fejn naf jien, f'Ġunju, f'Lulju u f'Awwissu; u jippreferi din ir-residenza għaliex ma jkunx hemm daqshekk sħana; fil-fatt huwa post tassew frisk. Meta jasal it-28 jum tal-Qamar ta' Awwissu, l-Imperatur jitlaq, u l-Palazz tal-Qasab jiżżarma biċċa biċċa. Iżda għandi ngħidilkom x'jiġri meta huwa jitlaq minn dan il-palazz kull sena fit-28 jum tal-Qamar ta' Awwissu...". (traduzzjoni mhux uffiċjali)[8]

Toghon Temur (1368)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-karba ta' Toghon Temur il-Khan ("il-Khan ta' Ukhaant" jew "il-Khan Għaref"), rigward it-telfa ta' Daidu (Beijing) u Heibun Shanduu (Kaiping Xanadu) fl-1368, ġiet irreġistrata f'bosta ġrajjiet storiċi tal-Mongolja. Il-verżjoni tal-Altan Tobchi hija din li ġejja:

Daidu tiegħi, dritta u magħmula minn diversi tipi ta' ġojjelli ta' kull xorta,

Steppa Safra ta' Xanadu tiegħi, residenza tas-sajf tal-Khans tal-qedem.

Kaiping Xanadu friska u pjaċevoli tiegħi,

Għażiża Daidu li tlift fis-sena tal-fenek aħmar bla pil,

Iċ-ċpar pjaċevoli tiegħek meta kmieni filgħodu kont nitla' fuq l-għoljiet tiegħek!

Lagan u Ibagu qaluli bik, il-Khan Għaref.

B'għarfien sħiħ nerħik għażiża Daidu,

In-Nobbli mwielda boloh ma ħadux ħsieb l-istat tagħhom,

Tħallejt waħdi nokrob,

Sirt qisni għoġol li tħalla waħdu fil-mergħat fejn twieled,

Bl-istupa bajda tiegħi, bi tmien naħat, magħmula minn oġġetti prezzjużi.

O belt tiegħi ta' Daidu magħmula minn disa' ġojjelli,

Fejn kont noqgħod inħares ir-reputazzjoni tal-Ġens il-Kbir,

Għażiża belt kwadra u kbira tiegħi ta' Daidu b'erba' daħliet,

Fejn kont noqgħod inħares ir-reputazzjoni tal-Erbgħin Mongoli ta' Tumen,

Għażiża belt tiegħi ta' Daidu, it-tarġa tal-ħadid inkisret.

O r-reputazzjoni tiegħi!

Prezzjuża Daidu tiegħi, minn fejn stħarriġt u osservajt

Il-Mongoli ta' kull post.

O belt tiegħi bl-ebda residenza tax-xitwa biex inqatta' x-xitwa,

O residenza tas-sajf tiegħi ta' Kaiping Xanadu,

Għażiża Steppa Safra pjaċevoli tiegħi,

Xi żball oħxon għamilt li ma tajtx widen lil dak li qaluli Lagan u Ibagu!

Il-Palazz tal-Qasab kien ġie stabbilit qisu xi post sagru,

Kublai l-Khan Għaref kien iqatta' s-sjuf tiegħu hemmhekk!

Tlift Kaiping Xanadu għalkollox – u spiċċat għand iċ-Ċina.

Reputazzjoni ħażina waslet fuq il-Khan Għaref.

Il-prezzjuża Daidu ġiet assedjata u meħuda,

Tliftha kollha – kontra ċ-Ċina.

Reputazzjoni ħażina ferm waslet fuq il-Khan Għaref.

Il-Ġojjell ta' Daidu nbniet b'bosta tiżjin,

F'Kaiping Xanadu, jiena qattajt is-sjuf nirrilassa fil-paċi,

U dan kollu tliftu minħabba żball li ma jinħafirx – kontra ċ-Ċina.

Reputazzjoni ħażina waslet fuq il-Khan Għaref.

Fejn hi r-reputazzjoni mill-aqwa li kellu l-Khan

Li bena l-għażiża Daidu,

Il-belt imżejna bil-ġojjelli u s-santwarju meqjum mill-ġens kollu.

Għażiża Daidu

tlift kollox – kontra ċ-Ċina.

Il-Khan Għaref, l-inkarnazzjoni mill-ġdid tal-bodhisattvas kollha,

Skont id-destin minsuġ mill-Khan Tengri (ir-Re tas-Smewwiet) tilef l-għażiża Daidu,

Tilef il-Palazz tad-Deheb tal-Khan Għaref (Kublai), li huwa l-inkarnazzjoni mill-ġdid tal-allat kollha,

Li huwa ż-żerriegħa tad-deheb ta' Genghis Khan iben il-Khan Tengri (ir-Re tas-Smewwiet).

Ħbejt is-Siġill tal-Ġada tal-Khan fil-komma tiegħi u tlaqt (mill-belt)

Iġġilidt kontra bosta għedewwa, u rnexxieli naħrab u tlaqt.

Mill-ġellieda nittama li Buqa-Temur Chinsan għal għaxart elef ġenerazzjoni

Isir Khan tan-nisel tad-deheb tal-Khan.

Inqbadt fuq sieq waħda u tlift lill-għażiża Daidu.

Meta tlaqt minn dari, hemmhekk ħallejt warajja l-ġojjell tar-reliġjon u tad-duttrina.

Fil-ġejjieni nittama li bodhisattvas għorrief u illuminati jagħtu widen u jifhmu.

Nittama li l-affarijiet jinbidlu u terġa' tiġi stabbilita bħala belt

Fuq in-Nisel tad-Deheb ta' Genghis Khan. (traduzzjoni mhux uffiċjali)[9]

Samuel Purchas (1625)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1614, il-membru tal-kleru Ingliż Samuel Purchas ippubblika Purchas his Pilgrimes – or Relations of the world and the Religions observed in all ages and places discovered, from the Creation unto this Present (Purchas u r-Relazzjonijiet tad-Dinja u r-Reliġjonijiet osservati fil-perjodi u fil-postijiet kollha li skopra, mill-Ħolqien sal-Preżent). Dan il-ktieb kien fih deskrizzjoni qasir ta' Xanadu, ibbażata fuq id-deskrizzjoni bikrija ta' Marco Polo:

Fi Xandu Kublai Khan bena palazz mill-isbaħ, li jinkorpora fih sittax-il mil ta' pjanura mdawra b'ħajt, fejn hemm mergħat għammiela, fawwariet pjaċevoli, nixxigħat sbieħ, u kull xorta ta' annimali selvaġġi u tal-kaċċa, u f'nofs dan kollu dar mill-isbaħ tad-divertiment, li setgħet tiżżarma u tintrama minn post għall-ieħor.[10]

Fl-1625 Purchas ippubblika edizzjoni iktar dettaljata ta' dan il-ktieb, u rrakkonta l-vjaġġi ta' vjaġġaturi famużi, bit-titlu Purchas his Pilgrimes. Il-ħdax-il volum ta' dan il-ktieb kien jinkludi deskrizzjoni iktar dettaljata ta' Xanadu, attribwita lil Marco Polo u datata fl-1320:

Din il-belt tinsab vjaġġ ta' tlett ijiem bogħod lejn il-Grigal mill-belt ta' Xanadu, li bena Kublai Khan li issa qed jirrenja; fiha bena Palazz tal-Irħam mill-isbaħ u artifiċjali kif ukoll ħaġar ieħor, mirfuda fuq naħa waħda mill-ħajt ta' madwar il-belt, u bil-bqija tal-belt fuq in-naħa l-oħra. Huwa inkluda sittax-il mil ta' ħitan madwar il-belt u l-palazz, sabiex dak li jkun seta' jidħol biss fil-belt min-naħa tal-palazz. Fi ħdan dan il-ħajt ta' madwar il-belt, kien hemm park b'mergħat, fawwariet, xmajjar, ċriev ħomor u selvaġġi, frieħ taċ-ċriev li kienu jservu bħala ikel għall-isqra (kien hemm tlieta minnhom f'gaġġa flimkien ma' iktar minn mitejn falkun li kien imur jarahom darba fil-ġimgħa), u spiss kien juża leopard wieħed jew iktar, riekeb fuq żiemel, li kien jużah biex inifdu ġoċ-ċriev biex joqtolhom u jitma' lill-falkuni, u kien jitpaxxa jara dan l-ispettaklu tal-għaġeb. F'nofs bosk ħelu, huwa kellu dar irjali mirfuda fuq kolonni ndurati u bil-verniċ, b'dragun indurat fuq kull kolonna, b'denbu jżejjen il-kolonni, u b'rasu tirfed l-arċitravu, flimkien mal-ġwienaħ tiegħu fuq iż-żewġ naħat; l-istruttura hija magħmula mill-qasab indurat u bil-verniċ ukoll, biex b'hekk ix-xita ma tagħmilx ħsara; il-qasab kien oħxon u twil, u maqsum bejn għoqda u oħra. Id-dar tista' tiżżarma biċċa biċċa u qisha xi tinda terġa' tintrama mill-ġdid. Sabiex ma tinħakimx mir-riħ, meta tintrama tinżamm f'postha b'mitejn ħabel tal-ħarir. Il-Khan il-Kbir kien joqgħod f'din l-istruttura għal tliet xhur fis-sena, sa fejn naf jien, f'Ġunju, f'Lulju u f'Awwissu. (traduzzjoni mhux uffiċjali)[11]

Samuel Taylor Coleridge (1797)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1797, skont ir-rakkont tiegħu stess, il-poeta Ingliż Samuel Taylor Coleridge kien qed jaqra dwar Xanadu f'Purchas his Pilgrimes, raqad, u kellu ħolma ispirata mil-loppju. Il-ħolma wasslitu biex jibda jikteb il-poeżija magħrufa bħala Kubla Khan. B'xorti ħażina, il-kitba ta' Coleridge ġiet interrotta minn "persuna mhux magħrufa minn Porlock", li minħabba fiha nesa ħafna mill-ħolma, iżda x-xbihat tiegħu ta' Xanadu saru wħud mill-iżjed poeżiji magħrufa bl-Ingliż.

Coleridge ddeskriva kif kiteb il-poeżija fid-daħla tal-ġabra ta' poeżiji tiegħu Christabel, Kubla Khan, and the Pains of Sleep, ippubblikata fl-1816:

Fis-sajf tal-1797, l-Awtur, li dak iż-żmien kien marid, kellu jirtira f'dar iżolata fil-kampanja bejn Porlock u Linton, fil-konfini ta' Exmoor ma' Somerset u ma' Devonshire. Minħabba li kien indispost, ingħata riċetta biex jieħu l-loppju, u l-effetti tiegħu wassluh biex jorqod fuq is-siġġu tiegħu fil-mument meta kien qed jaqra s-sentenza li ġejja, jew il-kliem bl-istess suġu, fil-Purchas's Pilgrimes:

Hawnhekk Kubla Khan ikkmanda li jinbena palazz u ġnien mill-isbaħ madwaru. U b'hekk kien hemm għaxar mili ta' art għammiela fi ħdan ħajt difensiv.

L-Awtur baqa' rieqed fil-fond għal xi tliet sigħat, mitluf minn sensih mingħajr l-iċken idea ta' x'kien qed jiġri madwaru, u matul dan iż-żmien huwa ferm kunfidenti, li ma setax ikkompona inqas minn mitejn sa tliet mitt linja; jekk dik tabilħaqq tista' tissejjaħ kompożizzjoni li fiha x-xbihat kollha tfaċċaw quddiemu bħala produzzjoni parallela bl-espressjonijiet korrispondenti, mingħajr l-ebda sforz ta' xejn. Malli reġa' qam donnu baqa' jiftakar il-ħolma kollha, u minnufih qabad pinna, linka u karta, u ħerqan beda jikteb il-linji li huma ppreservati hawnhekk. "Persuna mhux magħrufa minn Porlock" interrompietu u qatt ma seta' jerġa' jiftakar iktar minn "xi tmien jew għaxar linji u xbihat sparpaljati".[12] (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Il-poeżija ta' Coleridge tibda b'mod simili għad-deskrizzjoni ta' Purchas qabel ma tkompli bħala deskrizzjoni dettaljata tal-aspetti tad-divertiment tal-palazz:

Fi Xanadu, Kubla Khan

kellu struttura ta' divertiment mill-isbaħ:

Qrib fejn tnixxi Alph, ix-xmara sagra,

Minn għerien bla kejl għall-bniedem

Sa ma tasal f'baħar li ma jarax xemx.

Din kienet tinsab fi ħdan għaxar mili ta' art għammiela

Mdawra b'ħajt u bit-torrijiet:

U kien hemm ġonna b'diversi nixxigħat,

b'diversi siġar tal-inċens;

Ġo foresti antiki daqs l-għoljiet,

Li jibilgħu l-ftit irqajja' ta' ħdura li jaraw ix-xemx. (traduzzjoni mhux uffiċjali tal-linji 1–11)[13]

Fl-2006, l-Unjoni Astronomika Internazzjonali semmiet żona tal-qamar ta' Saturnu, Titan, kbira daqs kontinent, bl-isem ta' Xanadu, b'referenza għall-poeżija ta' Coleridge. Xanadu qajmet interess konsiderevoli fost ix-xjenzati wara li immaġni tagħha bir-radar uriet terren simili għal dak tad-Dinja bi xmajjar inixxu (x'aktarx tal-metan u tal-etan, u mhux tal-ilma bħal tad-Dinja), muntanji (tas-silġ, mhux tal-blat konvenzjonali) u għaram tar-ramel.[14]

  1. Tomoko, Masuya (2013). "Seasonal capitals with permanent buildings in the Mongol empire". In Durand-Guédy, David (ed.). Turko-Mongol Rulers, Cities and City Life. Leiden: Brill. p. 239.
  2. Atwood, Christopher P. (2004). Encyclopedia of Mongolia and the Mongol Empire. Facts on File. p. 605.
  3. "Site of Xanadu". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-10.
  4. "UNESCO World Heritage Centre - Xanadu (China), Bassari Country (Senegal) and Grand Bassam (Côte d'Ivoire) added to UNESCO's World Heritage List". web.archive.org. 2016-04-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-15. Miġbur 2024-09-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. Shatzman Steinhardt, Nancy (1999). Chinese imperial city planning. University of Hawaii Press. p. 153. ISBN 0-8248-2196-3.
  6. Man, John (2006). Kublai Khan: From Xanadu to Superpower. London: Bantam Books. pp. 104–119. ISBN 9780553817188.
  7. "1911 Encyclopædia Britannica/Mew - Wikisource, the free online library". en.wikisource.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-10.
  8. Polo, Marco. "Chapter 61: Of the City of Chandu, and the Kaan's Palace There". The Travels of Marco Polo. Vol. 1.
  9. "Алтан Товч". web.archive.org. 2011-08-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-17. Miġbur 2024-09-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. Purchas, Samuel; Featherstone, Henry; Stansby, William; Adams, John (1614). "Chapter XIII: Of the Religion of the Tartars, and Cathayans". Purchas his Pilgrimage: or Relations of the world and the Religions observed in all ages and places discovered, from the Creation unto this Present. London: William Stansby. p. 415.
  11. Purchas, Samuel (1625). "Chapter III: The first booke of Marcus Paulus Venetus, or of Master Marco Polo, a Gentleman of Venice, his Voyages". Hakluytus Posthumus or Purchas his Pilgrimes. Vol. 14 (1906 reprint ed.). Glasgow, J. MacLehose and sons. p. 231.
  12. Coleridge, Samuel Taylor (1816). Christabel, Kubla Khan, and the Pains of Sleep (2nd ed.). Londra: William Bulmer.
  13. Coleridge, Samuel Taylor (1997). Selected Poetry. Oxford University Press. p. 102.
  14. "Planetary Names". planetarynames.wr.usgs.gov. Miġbur 2024-09-10.