Aqbeż għall-kontentut

Tinqix ta' Bisotun

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-kastig tal-imposturi u ta' dawk responsabbli għall-konfoffi li nqabdu: Gaumāta jinsab taħt iż-żarbun ta' Darius il-Kbir. L-aħħar persuna fil-linja, liebes ilbies u xedd ir-ras tradizzjonali ta' Xizja, ġie identifikat bħala Skunkha. Ix-xbieha tiegħu ġiet miżjuda wara li t-tinqix kien tlesta, u b'hekk xi test kellu jitneħħa.

It-Tinqix ta' Bisotun (magħruf ukoll bħala t-Tinqix ta' Behistun, Bisitun jew Bisutun; bil-Persjan: بیستون; bil-Persjan Antik: Bagastana, li tfisser "post Alla") huwa tinqix irjali tal-Akemenidi b'kitba multilingwi u riljievi kbir fuq il-blat ta' rdum fl-Għolja ta' Bisotun fil-Provinċja ta' Kermanshah, qrib il-belt ta' Kermanshah fil-Punent tal-Iran, li ġie stabbilit minn Darius il-Kbir (li rrenja mill-522 sal-486 Q.K.). Kien importanti biex tiġi ddeċifrata l-kitba kunejformi, peress li fih l-itwal kitba kunejformi trilingwi magħrufa, miktuba bil-Persjan Antik, bl-Elamit u bil-Babiloniż (varjetà tal-Akkadjan).

L-awtur tat-tinqix kien Darius il-Kbir f'xi żmien bejn l-inkurunament tiegħu bħala re tal-Imperu Persjan fis-sajf tal-522 Q.K. u mewtu fil-ħarifa tal-486 Q.K. It-tinqix jibda b'awtobijografija qasira dwar Darius, u jinkludi tagħrif dwar l-antenati u l-arblu tar-razza tiegħu. Iktar 'il quddiem qalb it-tinqix, Darius jirrakkonta fit-tul sekwenza ta' avvenimenti li seħħew wara l-mewt ta' Cambyses II fejn huwa ġġieled dsatax-il battalja fi żmien sena (li ntemmet f'Diċembru 521 Q.K.) biex irażżan diversi rewwixti li feġġew madwar l-Imperu Persjan. It-tinqix jiddikkjara fid-dettal li r-rewwixti ġew orkestrati minn diversi imposturi u oħrajn li kkonfoffaw magħhom f'bosta bliet madwar l-imperu, u kull wieħed minnhom taparsi pproklama lilu nnifsu re matul it-taqbid wara l-mewt ta' Cambyses II. Darius il-Kbir ipproklama lilu nnifsu rebbieħ fil-battalji kollha matul il-perjodu tar-rewwixti, u attribwixxa s-suċċess tiegħu lill-"grazza ta' Ahura Mazda".

It-tinqix huwa twil madwar 15-il metru (49 pied), wiesa' 25 metru (82 pied) u għoli 100 metru (330 pied) fuq irdum tal-ġebla tal-ġir qrib triq antika li kienet tikkollega l-bliet kapitali tal-Babilonja u ta' Ecbatana. Il-kitba mnaqqxa bil-Persjan Antik fiha 414-il linja f'ħames kolonni; il-kitba mnaqqxa bl-Elamit fiha 260 linja fi tmien kolonni, u l-kitba mnaqqxa bil-Babiloniż fiha 112-il linja.[1][2] Kopja tal-kitba mnaqqxa bl-Aramajk, miktuba matul ir-renju ta' Darius II, instabet fl-Eġittu.[3] Flimkien mal-kitba mnaqqxa kien hemm it-tinqix ta' bassoriljiev ta' Darius I il-Kbir ta' daqs reali, b'qaws f'idejh bħala sinjal li hu re, b'siequ x-xellugija fuq sider figura li tinsab taħtu. Din il-figura x'aktarx li kienet l-avversarju tiegħu, Gaumata. Maġenb Darius jidhru żewġ qaddejja fuq ix-xellug, u disa' figuri ta' metru fuq il-lemin, b'idejhom marbutin u b'mażra ma' għonqhom, li jirrappreżentaw il-popli maħkuma. Fuq nett jidher Faravahar, li qed ibierek lir-re. Figura partikolari milli jidher ġiet miżjuda wara li l-oħrajn kienu tlestew, l-istess bħad-daqna ta' Darius, li hija blokka separata tal-ġebel imwaħħla bl-imsiemer tal-ħadid u ċ-ċomb.

Darius fit-Tinqix ta' Bisotun
Figura sħiħa ta' Darius fuq ir-rivali Gaumata.
Ras Darius bil-kuruna.

Wara l-waqgħa tad-dinastija Akemenida tal-Imperu Persjan u s-suċċessuri tagħha, flimkien mal-kitba kunejformi bil-Perjan Antik li baqgħetx tintuża daqshekk, it-tinqix intesa, u spjegazzjonijiet ivvintati saru n-norma. Għal sekli sħaħ, minflok ma ġie attribwit lil Darius il-Kbir, it-tinqix kien maħsub li sar matul ir-renju ta' Khosrau II tal-Persja — wieħed mill-aħħar rejiet Sassanidi, li għex iktar minn 1,000 sena wara Darius il-Kbir.

It-tinqix jissemma minn Ctesias ta' Cnidus, li nnota l-eżistenza tiegħu għall-ħabta tal-400 Q.K. u semma bir u ġnien li kienu jinsabu taħt it-tinqix. Bi żball huwa kkonkluda li t-tinqix kien ġie ddedikat "mir-Reġina Semiramis tal-Babilonja lil Żeus". Tacitus isemmih ukoll u jinkludi deskrizzjoni ta' wħud mill-monumenti anċillari fil-bażi tal-irdum li ilhom żmien li ntilfu, fosthom artal iddedikat lil "Erakle". Dak li ġie rkuprat minnhom, inkluż statwa ddedikata fil-148 Q.K., huwa konsistenti mad-deskrizzjoni ta' Tacitus. Diodorus jikteb ukoll dwar "Bagistanon" u jsostni li t-tinqix sar minn Semiramis.

Ir-rotta li twassal għat-tinqix fl-għoli fuq in-naħa tal-lemin.

B'hekk nibtet leġġenda rigward l-Għolja ta' Bisotun, skont kif inkitbet mill-poeta u mill-kittieb Persjan Ferdowsi fix-Shahnameh (il-Ktieb tar-Rejiet) tiegħu għall-ħabta tal-1000 W.K., dwar raġel jismu Farhad, li kien maħbub tal-mara tar-Re Khosrow, Shirin. Il-leġġenda tgħid li Farhad, li ġie eżiljat għat-trasgressjoni tiegħu, ġie mqabbad jaqta' l-blat mill-għolja biex isib l-ilma; li kieku jirnexxi, kellu jingħata l-permess jiżżewweġ lil Shirin. Wara bosta snin u t-tneħħija ta' nofs l-għolja, irnexxielu jsib l-ilma, iżda Khosrow infurmah li Shirin kienet mietet. Huwa ġġennen, rema l-mannara tiegħu mill-għolja 'l isfel, bies l-art u miet. Fil-ktieb jingħad li l-manku tal-mannara tiegħu kien magħmul mill-injam tas-siġar tar-rummien, u fejn rema l-mannara, kibret siġra tar-rummien li kienet tagħti frott li jfejjaq il-morda. Skont il-ġrajja, Shirin ma kinitx mietet, u mtliet niket malli ngħatat l-aħbar tal-mewta ta' Farhad.

Kuntest tat-tinqix (ċentru) fl-2010. Tidher persuna fin-naħa t'isfel fuq ix-xellug; biex wieħed jasal sat-tinqix irid jixxabbat mal-wiċċ wieqaf tal-irdum ta' quddiem it-tinqix, imbagħad jgħaddi minn rotta dejqa mal-blat.

Fl-1598, l-Ingliż Robert Sherley ra t-tinqix matul missjoni diplomatika lejn il-Persja Safavida f'isem l-Awstrija, u ġibed l-attenzjoni ta' studjużi tal-Punent tal-Ewropa dwar it-tinqix. Dawk ta' madwaru żbaljaw meta kkonkludew li l-oriġini tiegħu kienet Kristjana.[4] Il-Ġeneral Franċiż Gardanne kien tal-fehma li t-tinqix kien juri lil "Kristu u t-tnax-il appostlu tiegħu", u Sir Robert Ker Porter ħaseb li kien jirrappreżenta t-Tribujiet Mitlufa ta' Iżrael u Shalmaneser tal-Assirja.[5] Fl-1604, l-esploratur Taljan Pietro della Valle żar it-tinqix u għamel tpinġijiet preliminari tal-monument.[6]

Sforzi tat-traduzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-servejer Ġermaniż Carsten Niebuhr żar is-sit tat-tinqix għall-ħabta tal-1764 f'isem Federiku V tad-Danimarka, u ppubblika kopja tat-tinqix fir-rendikont tal-vjaġġi tiegħu fl-1778. It-traskrizzjonijiet ta' Niebuhr intużaw minn Georg Friedrich Grotefend u oħrajn fl-isforzi tagħhom biex jiddeċifraw il-kitba kunejformi bil-Persjan Antik. Grotefend iddeċifra għaxar simboli mis-37 simbolu bil-Persjan Antik sal-1802, wara li rrealizza li għad-differenza tal-kitbiet kunejformi Semitiċi, it-test bil-Persjan Antik huwa alfabetiku u kull kelma hija separata permezz ta' simbolu vertikali mxengel.

Il-Kolonna 1 (DB I 1-15), tpinġija ta' Friedrich von Spiegel (1881).

It-test bil-Persjan Antik ġie kkupjat u ddeċifrat qabel it-tentattivi ta' rkupru u ta' kkopjar tal-kitbiet bl-Elamit u bil-Babiloniż, li kienet strateġija tajba biex it-test jiġi ddeċifrat, ladarba t-test bil-Persjan Antik kien iktar faċli biex jiġi studjat minħabba n-natura alfabetika tiegħu u minħabba li l-lingwa li jirrappreżenta kienet evolviet naturalment bis-saħħa tal-Persjan Nofsani fid-djaletti ħajjin tal-Persjan modern, u kienet relatata mal-lingwa Avestana, li ntużat fil-ktieb tal-Avesta taż-Żoroastrijaniżmu.

Il-papiru ta' Bisotun bi traduzzjoni bl-Aramajk tat-Tinqix ta' Bisotun, magħruf bħala TAD C2.1.

Fl-1835, Sir Henry Rawlinson, uffiċjal tal-armata tal-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja assenjat lill-forzi tax-Shah tal-Iran, għamel ħiltu u beda jistudja t-tinqix. Peress li r-raħal ta' Bisotun ġie Angliċizzat bħala "Behistun" f'dak iż-żmien, il-monument sar magħruf ukoll bħala t-"Tinqix ta' Behistun". Minkejja n-nuqqas ta' aċċessibbiltà relattiva tat-tinqix, Rawlinson irnexxielu jixxabbat mal-irdum bl-għajnuna ta' tifel tal-post u jikkopja l-kitba mnaqqxa bil-Persjan Antik. Il-kitba mnaqqxa bl-Elamit kienet faċċata ta' fondoq, u l-kitba mnaqqxa bil-Babiloniż kienet tinsab erba' metri iktar fl-għoli; b'hekk it-tnejn li huma kienu iktar diffiċli biex wieħed jasal għalihom u tħallew għal iktar 'il quddiem. Fl-1847, huwa rnexxielu jibgħat kopja sħiħa u akkurata lejn l-Ewropa.

Bis-saħħa tat-test bil-Persjan, u b'madwar terz tas-sillabarju li kellu disponibbli bis-saħħa tax-xogħol ta' Georg Friedrich Grotefend, Rawlinson beda jaħdem biex jiddeċifra t-test. L-ewwel taqsima tat-test kien fiha lista tal-istess rejiet Persjani li wieħed isib f'Erodotu iżda bil-forom Persjani oriġinali tagħhom minflok trażlitterazzjonijiet bil-Grieg ta' Erodotu; pereżempju minflok Darius kien hemm Dâryavuš u mhux Δαρειος. Rawlinson qabbel l-ismijiet u l-karattri, u b'hekk irnexxielu jiddeċifra t-tip ta' kitba kunejformi li ntużat għall-Persjan Antik sal-1838 u ppreżenta r-riżultati tiegħu lis-Soċjetà Asjatika Rjali f'Londra u lis-Soċjetà Asjatika f'Pariġi.

Imbagħad, Rawlinson għamel żjara qasira lejn l-Afganistan fuq xogħol, u reġa' lura lejn is-sit fl-1843. Din id-darba huwa qasam minn naħa għall-oħra tal-fondoq bejn il-kitba mnaqqxa bil-Persjan Antik u l-kitba mnaqqxa bl-Elamit, u għamel dan permezz ta' tavli, u b'hekk irnexxielu jikkopja l-kitba mnaqqxa bl-Elamit. Huwa sab tifel lokali li kien kapaċi jixxabbat minn ġo xaqq fl-irdum u jniżżillu l-ħbula biex ikun jista' jitla' magħhom u jasal qrib il-kitba mnaqqxa bil-Babiloniż, u b'hekk irnexxielu jagħmel kopji tagħha. Rawlinson, flimkien ma' diversi studjużi oħra, l-iktar notevoli fosthom Edward Hincks, Julius Oppert, William Henry Fox Talbot, u Edwin Norris, jew separatament jew f'kolloaborazzjoni bejniethom, eventwalment iddeċifraw dawn il-kitbiet imnaqqxa, u b'hekk setgħu jinqraw b'mod komplut.

It-traduzzjoni tat-taqsimit bil-Persjan Antik tat-Tinqix ta' Bisotun wittiet it-triq għall-kapaċità sussegwenti li jiġu ddeċifrati l-partijiet bl-Elamit u bil-Babiloniż, li tassew ippromwovew l-iżvilupp tal-Assirjoloġija moderna.

Riċerka u attività ulterjuri

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kitba mnaqqxa mill-qrib bi ftit ħsara.

Il-lingwist Amerikan A. V. Williams Jackson żar is-sit fl-1903. Spedizzjonijiet li saru wara, fl-1904, sponsorjati mill-Mużew Brittaniku u mmexxija minn Leonard William King u Reginald Campbell Thompson, u fl-1948 minn George G. Cameron tal-Università ta' Michigan, kisbu ritratti, kopji eżatti permezz ta' forom u traskrizzjonijiet iktar akkurati tat-testi, inkluż siltiet li ma kinux ġew ikkupjati minn Rawlinson. Ħareġ fid-dieher ukoll li l-ilma tax-xita kienet kielet xi partijiet tal-ġebla tal-ġir bil-kitba mnaqqxa, u ħalliet depożiti ġodda tal-ġebla tal-ġir fuq partijiet oħra, u għattiet it-test.

Fl-1938, it-Tinqix ta' Bisotun ġibed l-interess tal-istudjużi Ġermaniżi Nażisti Ahnenerbe, għalkemm il-pjanijiet tar-riċerka ġew ikkanċellati minħabba li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija.

It-Tinqix ta' Bisotun fl-2019.

Iktar 'il quddiem il-monument ġarrab xi ħsarat mis-suldati Alleati li użawh bħala bersall tal-prattika fit-Tieni Gwerra Dinjija, u matul l-invażjoni Anglo-Sovjetika tal-Iran.

Fl-1999, l-arkeologi Iranjani bdew id-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni tal-ħsarat fis-sit li ġġarrbu matul is-seklu 20. Malieh Mehdiabadi, li kien il-maniġer tal-proġett għall-isforz, iddeskriva l-proċess fotogrammetriku li permezz tiegħu ttieħdu ritratti bidimensjonali tal-kitbiet imnaqqxa billi ntużaw żewġ kameras, u iktar 'il quddiem ir-ritratti ġew ikkonvertiti f'immaġnijiet tridimensjonali.

F'dawn l-aħħar snin, l-arkeologi Iranjani wettqu xogħlijiet ta' konservazzjoni fis-sit, u fl-2006 it-Tinqix ta' Bisotun sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]

Fl-2012, iċ-Ċentru għall-Wirt Kulturali ta' Bisotun organizza sforz internazzjonali biex it-tinqix jiġi eżaminat mill-ġdid.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tinqix ta' Bisotun ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[7]

Kontenut tat-tinqix

[immodifika | immodifika s-sors]
L-arblu tar-razza ta' Darius il-Kbir skont it-Tinqix ta' Bisotun.

Arblu tar-razza

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel taqsima tat-tinqix, Darius il-Kbir jiddikjara l-antenati u l-arblu tar-razza tiegħu:

Ir-Re Darius jgħid: Missieri huwa Hystaspes [Vištâspa]; missier Hystaspes kien Arsames [Aršâma]; missier Arsames kien Ariaramnes [Ariyâramna]; missier Ariaramnes kien Teispes [Cišpiš]; missier Teispes kien Achaemenes [Haxâmaniš]. Ir-Re Darius jgħid: Għalhekk nissejħu Akemenidi; ilna nobbli mill-antikità; ilna rjali mill-antikità. Ir-Re Darius jgħid: Tmienja mid-dinastija tiegħi kienu rejiet qabli; jiena d-disa' wieħed; suċċessjoni ta' disa' rejiet. Ir-Re Darius jgħid: Bil-grazzja ta' Ahuramazda jiena sirt re; Ahuramazda tani r-renju.

L-Imperu Akemenid fl-aqwa tiegħu.

Darius jelenka wkoll it-territorji mmexxija minnu:

Ir-Re Darius jgħid: Dawn huma l-pajjiżi li jaqgħu taħti, u bil-grazzja ta' Ahuramazda I sirt re tagħhom: il-Persja [Pârsa], Elam [Ûvja], il-Babilonja [Bâbiruš], l-Assirja [Athurâ], l-Arabja [Arabâya], l-Eġittu [Mudrâya], il-pajjiżi mal-baħar [Tyaiy Drayahyâ (Feniċja)], Lydia [Sparda], il-Griegi [Yauna (Ionia)], Media [Mâda], l-Armenja [Armina], Cappadocia [Katpatuka], Parzja [Parthava], Drangiana [Zraka], Arja [Haraiva], Chorasmia [Uvârazmîy], Bactria [Bâxtriš], Sogdia [Suguda], Gandhara [Gadâra], Xizja [Saka], Sattagidja [Thataguš], Arachosia [Harauvatiš] u Maka [Maka]; b'kollox tlieta u għoxrin territorju.

Kunflitti u rewwixti

[immodifika | immodifika s-sors]

Iktar 'il quddiem fit-tinqix, Darius jagħti xhieda tal-battalji li rnexxielu jirbaħ matul perjodu ta' sena, fejn irnexxielu jegħleb ir-rewwixti li rriżultaw mill-imwiet ta' Ċiru l-Kbir u ta' ibnu Cambyses II.

Monumenti storiċi oħra fil-kumpless ta' Bisotun

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ikopri erja ta' 116-il ettaru. L-evidenza arkeoloġika tindika li dan ir-reġjun kien sar post imkenni użat mill-bniedem madwar 40,000 sena ilu. Apparti t-tinqix ta' Darius hemm 18-il monument storiku ieħor fil-kumpless ta' Bisotun li ġew irreġistrati fl-lista nazzjonali Iranjana tas-siti storiċi. Uħud minnhom huma:

  • l-Għar tal-Kaċċaturi
  • Farhād Tarāsh
  • il-Fortizza Medjana
  • ir-raħal Partiku
  • l-Istatwa ta' Erkole f'Bisotun
  • is-sit tal-qima tal-Partiċi
  • il-Palazz ta' Bisotun (li jingħad li kien il-palazz ta' Khosrau II)
  • il-Karavanseraj Ilkhanid
  • it-tempju Medjan
  • il-Bassoriljiev ta' Mithridates II tal-Parzja
  • il-Bassoriljiev ta' Gotarzes II tal-Parzja
  • il-kitba mnaqqxa dwar ix-Xejikk Ali khan Zangeneh
  • il-Karavanseraj Safavid
  • ir-Riljiev ta' Vologases
  • il-blat imnaqqax tas-Sassanidi
  • it-Triq Irjali

Tinqix simili u ispirazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tinqix fuq il-blat ta' Anubanini, magħruf ukoll bħala Sarpol-i Zohab, tar-re Lullubin Anubanini, li jmur lura għall-ħabta tal-2300 Q.K., u li jinsab mhux wisq 'il bogħod mit-Tinqix ta' Bisotun f'Sarpol-e Zahab, huwa simili ħafna għat-tinqix ta' Bisotun. L-attitudni tal-mexxej, ir-rebħa fuq l-għadu, u l-linji ta' priġunieri huma kollha simili ħafna, tant li ntqal li l-iskulturi tat-Tinqix ta' Bisotun x'aktarx li qabel kienu raw it-Tinqix ta' Anubanini u ispiraw ruħhom minnu. B'hekk, it-tinqix Lullubin x'aktar li kien il-mudell għat-Tinqix ta' Bisotun ta' Darius il-Kbir.

Huwa maħsub li t-tradizzjoni tat-tinqix tal-Akemenidi, speċjalment mit-tinqix ta' Darius I, x'aktarx li oriġinat mit-tradizzjonijiet Elamiti, Lullubini, Babiloniżi u Assirjani.

  1. ^ Tavernier, Jan (2021). "A list of the Achaemenid Royal Inscriptions by language". Phoenix (bil-Franċiż). 67 (2): 1–4. ISSN 0031-8329.
  2. ^ "The Bīsitūn Inscription [CDLI Wiki]". cdli.ox.ac.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-25. Miġbur 2023-12-27.
  3. ^ Tavernier, Jan, "An Achaemenid Royal Inscription: The Text of Paragraph 13 of the Aramaic Version of the Bisitun Inscription", Journal of Near Eastern Studies, vol. 60, no. 3, pp. 161–76, 2001.
  4. ^ E. Denison Ross, The Broadway Travellers: Sir Anthony Sherley and his Persian Adventure, Routledge, 2004, ISBN 0-415-34486-7.
  5. ^ Robert Ker Porter, Travels in Georgia, Persia, Armenia, ancient Babylonia, &c. &c. : during the years 1817, 1818, 1819, and 1820, volume 2, Longman, 1821.
  6. ^ Kipfer, Barbara Ann (2013). Encyclopedic Dictionary of Archaeology. Springer US. ISBN 9781475751338.
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bisotun". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-27.