Aqbeż għall-kontentut

Storja ta' Arsenal FC (1886–1966)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Artiklu prinċipali: Arsenal FC.

L-istorja ta' Arsenal FC mill-1886 sal-1966 kienet karatterizzata minn żewġ perjodi ta' suċċess (is-snin tletin, u lejn l-aħħar tas-snin erbgħin u l-bidu tas-snin ħamsin) u minn perjodu inqas feliċi, meta fis-snin sittin it-tim kien qed jokkupa l-pożizzjonijiet nofs tal-klassifika.

L-Arsenal Football Club kien fundat fl-1886 minn grupp ta' operaturi minn Woolwich, fix-Xlokk ta' Londra. Fl-1891 saret formazzjoni professjonista u sentejn wara ġiet affiljata fil-Football League. Kienu promossi fl-Ewwel Diviżjoni fl-1904, imma serje ta' problemi finanzjarji waslu kważi għall-falliment fl-1910. F'dik l-istess sena, il-klabb kien mixtri minn Sir Henry Norris li barra li tejjeb il-qagħda finanzjarja tal-klabb, fl-1913 ittrasferixxa lit-tim għall-Arsenal Stadium, f'Highbury, fit-tramuntana ta' Londra. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, f'ċirkostanzi kontroversjali, Norris iggwida lill-klabb għall-promozzjoni fl-Ewwel Diviżjoni.

Kien neċessarju n-nomina ta' Herbert Chapman biex l-Arsenal ikollhom l-ewwel perjodu ta' suċċess kbir. Chapman immodernizza u għamel riformi fil-metodi ta' taħriġ u fit-tattika, tant li taħt il-gwida tiegħu u tas-suċċessur tiegħu George Allison (li ħa l-post wara l-mewt ta' Chapman fl-1934), l-Arsenal erba' titli tal-Ewwel Diviżjoni u żewġ FA Cups fis-snin tletin. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Tom Whittaker kompla s-suċċess, fejn wassal lill-klabb għal żewġ titli oħra tal-Ewwel Diviżjoni u FA Cup. Madanakollu wara l-mewt ta' Whittaker, il-fortuini ta' Arsenal naqsu gradwalment; sal-1966, huma kienu fl-oskurità ta' nofs il-klassifika u ma kinux rebħu trofew fi tlettax-il sena. Din waslet għall-eżoneru ta' Billy Wright bħala kowċ, u minfloku kien appuntat Bertie Mee, li kellu jkun dak li jdawwar il-fortuni tal-klabb.

L-ewwel snin (1886–1910)

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tim tar-Royal Arsenal fl-istaġun 1888–89.

L-Arsenal kien fundat bħala Dial Square fl-1886 minn grupp ta' operaturi impjegati f'Dial Square f'Royal Arsenal, fabbrika ta' armamenti ta' Woolwich, fix-xlokk ta' Londra.[a] Il-klabb kien immexxi minn Skoċċiż, David Danskin, li kien xtara l-ewwel ballun tal-futbol tat-tim, u Jack Humble; flimkien ma' dawn kien hemm l-eks-gowler ta' Nottingham Forest Fred Beardsley, li aktar tard, flimkien ma' Morris Bates, kiseb sett ta' flokkijiet ħomor mit-tim il-qadim tiegħu, u b'hekk ta lil Arsenal il-kuluri li għadhom jilbsu sa llum.[2] Dial Square lagħbu l-ewwel partita fil-11 ta' Diċembru 1886 kontra Eastern Wanderers fl-Isle of Dogs (Gżira tal-Klieb), fejn rebħu 6–0.[b] Ftit wara, fil-Milied, il-klabb kien reġa' ġie msemmi Royal Arsenal.[2] Għall-bidu l-iskwadra kienet tilgħab f'Plumstead, imma wara fittxet stadji alternattivi. L-ewwel kien Sportsman Ground fi Plumstead u wara Manor Ground fl-1888. L-infastruttura skarsa ta' dan tal-aħħar wassal lill-klabb biex imorru f'Invicta Ground fl-1890, imma fl-1892 reġgħu rritornaw lura lejn Manor Ground minħabba li kellu kera għolja.[4]

F'dan il-perjodu r-Royal Arsenal beda jirbaħ trofej lokali: il-Kent Senior Cup u l-London Charity Cup fl-1889–90 u l-London Senior Cup fl-istaġun 1889–90. Fl-1889–90 għamlu l-ewwel parteċipazzjoni fl-FA Cup.[5] Madanakollu, l-abbiss bejn l-Arsenal u t-timijiet professjonisti tat-tramuntana tal-Ingilterra sar mal-ewwel evidenti, u l-Arsenal affaċċjaw it-theddida li xi plejers minn tagħhom jabbanundaw l-iskwadra biex jittrasferixxu ma' timijiet minn fejn kienu jaqilgħu aktar flus. Wara partita ta' FA Cup fl-1891 bejn Derby County u Arsenal, it-tim avversarju prova jikseb żewġ plejers tal-Arsenal taħt kuntratt professjonali.[4] Kien għal din ir-raġuni li fl-istess sena, ir-Royal Arsenal iddeċieda li jsir professjonali u jbiddel ismu għal Woolwih Arsenal.

Il-passaġġ għall-professjoniżmu ta' Woolwich Arsenal kien diżapprovat minn diversi klabbs dilettanti tan-nofsinhar ta' Londra, u b'hekk wassal lil London Football Association li jissospendi lill-Arsenal mill-kompetizzjonijiet lokali.[6] B'partiti ta' ħbiberija u rawnds tal-FA Cup ikunu biss l-uniċi partiti ta' Woolwich Arsenal, huma pruvaw li jikkreaw ekwivalenti fin-nofsinhar tal-Football League, imma l-proġett falla.[6] Il-futur ta' Woolwich Arsenal deher inċert sakemm il-Football League salva lit-tim billi nvitahom biex jingħaqdu magħhom fl-1893. L-Arsenal kien l-ewwel klabb min-nofsinhar li daħlu f'dan il-kampjonat, fejn inizzjalment ingħaqdu mat-Tieni Diviżjoni. Bħala rispost għal dan, xi plejers dilettanti tal-klabb li rrifjutaw il-professjoniżmu u riedu tim ta' ħaddiema li jirrapreżentaw biss lil Royal Arsenal, isseparaw biex iffundaw ir-Royal Ordnance Factories, li però ma tantx dam ħafna jeżisti.[7]

Woolwich Arsenal (bi flokkijiet skuri) jaffrontaw lil Newcastle United (bi flokkijiet bi strixxi) fis-semi-finali tal-FA Cup – l-ewwel waħda fl-istorja tal-klabb – fil-Victoria Ground ta' Stoke nhar il-31 ta' Marzu 1906. Newcastle rebħu bl-iskor ta' 2–0.

Woolwich Arsenal baqgħu fis-Second Diviison għall-ħdax-il staġun, fejn kienu jokkupaw ġeneralment postijiet ta' nofs il-klassifika qabel ma' Harry Bradshaw kien nominat bħala kowċ fl-1899;[8] Bradshaw kiseb il-promozzjoni fl-Ewwel Diviżjoni fl-1903–04 permezz tal-akkwisti bħall-gowler Jimmy Ashcroft (l-ewwel plejer internazzjonali Ingliż tal-Arsenal) u l-kaptan Jimmy Jackson. Madanakollu, Bradshaw ittrasferixxa ma' Fulham f'Mejju 1904 qabel ma l-"Gunners" lagħbu l-ewwel partita fl-aqwa serje. Minkejja prestazzjoni u riżultati tajbin fl-FA Cup — il-klabb kien semi-finalista kemm fl-1905–06 u fl-1906–07[8] — l-Arsenal ma kienx kapaċi li jikkompeti għat-titlu nazzjonali, fejn spiċċaw biss darbtejn aktar mill-għaxar post fl-Ewwel Diviżjoni bejn l-1904 u l-1913.

Il-kriżi finanzjara li l-klabb kien qed jgħaddi minnu kienet il-kawża prinċipali ta' din id-deterjorazzjoni. Minkejja ż-żmien tajjeb li kien għaddej minnu l-futbol fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-iżolament ġeografiku tal-klabb fl-erja l-inqas popolata ta' Plumstead, kien ifisser attendenza fqira mill-pubbliku, u b'hekk nuqqas ta' gwadanj.[9] Biex tibqa' fuq wiċċ l-ilma, Woolwich Arsenal kellu jċedi xi stilel fosthom Ashcroft, Tim Coleman u Bert Freeman. Dan wassal lit-tim biex bil-mod il-mod jibqa' nieżel l-isfel fil-klassifika li kompla jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja li kienet diġà waħda prekarja: fil-fatt l-attendenza fil-grawnd naqset drastikament. Fl-aħħar tad-deċennju l-Manor Ground irreġistrat mejda ta' madwar 11,000 spettatur kull partita, ftit iktar min-nofs ta' dak li kien reġistrat fl-1904.[10] Il-klabb kien qrib tal-falliment, u fl-1910 mar f'likwidazzjoni volontarja qabel ma kien akkwistat minn konsorzju ta' negozjanti; l-akbar azzjonisti minn dawn kien il-bniedem fakultuż Sir Henry Norris, president ta' Fulham.[11]

Trasferiment għal Highbury (1910–1925)

[immodifika | immodifika s-sors]

Norris kien perfettament konxju mill-problemi assoċċjati mal-lokazzjoni ġeografika ta' Woolwich Arsenal u kien ħadem ħafna biex itejjeb l-introjti tal-klabb. L-ewwel ħaġa li Norris prova jagħmel kien li jgħaqqad lil Woolwich Arsenal mal-klabb l-ieħor taħt il-proprjetà tiegħu, il-Fulham. Din l-operazzjoni kienet imwaqqfa mill-Football League, u b'hekk abbanduna l-idea ta' fużjoni u pproġetta li jittrasferixxi l-klabb x'imkien ieħor, fejn eventwalment għażel sit f'Highbury, fit-tramuntana ta' Londra. Minkejja oġezzjonijiet kemm mill-partitarji f'Woolwich u residenti f'Highbury,[12] Norris b'tenaċità kkonkluda dan it-trasferiment. Hu rappurtat li nefaq £125,000[13] (madwar £8.2 miljun fis-suq tal-2005[ċ]) għall-kostruzzjoni tal-istadju l-ġdid, iddisinjat minn Archibald Leitch, fuq grawnd tal-logħob ta' kulleġġ tat-teoloġija. Woolwich Arsenal ittrasferixxa fil-perjodu ta' qabel l-istaġun fl-1913, wara li kien spiċċa fl-aħħar post u b'hekk relegat fit-Tieni Diviżjoni fl-1912–13.[8] F'April 1914 neħħa l-"Woolwich" mill-isem, u minkejja li huma kienu uffiċċjalment imsejjħin "Arsenal", għall-bidu l-istampa kienet tirreferi għalihom bħala "The Arsenal".[13]

Fl-1919 il-klabb daħal għal darb'oħra u b'mod kontroversjali fl-Ewwel Diviżjoni,[15][16] minkejja li spiċċaw biss fis-sitt post fl-istaġun 1914–15, l-aħħar staġun ta' futbol professjonista qabel il-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija — anke jekk żball fil-kalkolu tal-medja tal-gowls iddeterima il-pożizzjoni ta' Arsenal fil-ħames post,[17] żball li l-Football League ikkoreġietu fl-1975.[18] Il-parteċipazzjoni fl-Ewwel Diviżjoni kienet estiża minn 20 għal 22 klabb u t-tnejn il-ġodda kienu magħżula fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Football League. Wieħed minn dawn il-postijiet kien riservat lil Chelsea, li kien spiċċa fid-dsatax-il post fil-Ewwel Diviżjoni u b'hekk relegat; l-ieħor setgħa kien ikun għal Tottenham Hotspur, klassifikat fl-għoxrin post u b'hekk hu wkoll relegat, jew għal Barsnley jew għall-Wolves, li kienu kklassifikaw fit-tielet u r-raba' post rispettivament fit-Tieni Diviżjoni.[17]

Minflok, il-League iddeċidiet li tippromovi lil Arsenal li kien ikklassifika fil-ħames, minħabba raġunijiet storiċi aktar milli minħabba l-mertu. Norris sostna li l-Arsenal kellhom ikunu ammessi fl-aqwa diviżjoni minħabba "is-servizz twil li ngħata għall-futbol professjonista", fejn kien l-ewwel klabb tal-League li kien min-nofsinhar.[16] L-eżekuttiv tal-League qabel; huma vvutaw tmintax-il vot favur il-promozzjoni ta' Arsenal u tmienja favur il-promozzjoni tar-rivali tal-Arsenal, it-Tottenham Hotspur,[15] fattur li kompla jkabbar ir-rivalità bejn dawn iż-żewġ timijiet. Kien allegat li d-deċiżjoni kienet frott ta' qbil minn taħt jew anki ta' korrezzjoni min-naħa ta' Sir Henry Norris,[15] li ikkonfoffa ma' John McKenna, president tal-Liverpool, u l-Football League, li rrikkmanda l-promozzjoni tal-Arsenal fil-laqgħa ġenerali annwali.[15]

Ma kien qatt ippruvat jekk kienux saru xi affarijiet ħżiena, anki jekk aspetti oħra tal-operazzjonijiet finanzjarji ta' Norris li ma kinux x'jaqsmu mal-promozzjoni, kabbru l-ispekulazzjoni fuq il-kwistjoni. Norris irriżenja bħala president u abbanduna lill-klabb fl-1929, meta kien misjub ħati ta' irregolarità finanzjarja mill-Football Association. Hu kien instab li kien abbuża mill-vantaġġi ġejjin mill-infiq u daħħal flus ottenuti mill-bejgħ tax-xarabank tal-iskwadra tal-Arsenal.[19] L-Arsenal baqgħet minn dakinhar fl-aqwa serje, tant li żżomm ir-rekord Ingliż tal-akbar perjodu bla interuzzjoni fl-aqwa serje.[20]

It-trasferiment f'Highbury wassal għal aktar attendenza; l-attendenza medja ta' Arsenal fl-ewwel staġun f'Highbury kienet ta' 23,000 (ikkomparata mal-11,000 f'Manor Ground) u kibret aktar wara l-promozzjoni fl-1919, fejn fl-aħħar marret aktar lura l-biża' ta' rovina finanzjarja.[21] Madanakollu, ir-ritorn fl-Ewwel Diviżjoni tal-Arsenal ma tantx kien immedjatament ta' suċċess. Taħt Leslie Knighton, il-klabb qatt ma spiċċa aqwa mid-disa' post, u fl-1923–24 huma waslu qrib fir-ritorn fit-Tieni Diviżjoni, fejn spiċċaw fid-dsatax-il post u b'punt biss barra miż-żona relegazzjoni.[22] Arsenal ma marrux aħjar fl-istaġun segwenti hekk kif ikklassifikaw fl-20 post (minkejja paradossalment il-klabb kienu aktar siguri din id-darba, b'seba' punti fuq iż-żona relegazzjoni). Għal Norris kienet biżżejjed biex eżonera lil Knighton f'Mejju 1925,[23] u minfloku ħatar lill-kowċ ta' Huddersfield Town, Herbert Chapman.

L-era Chapman (1925–1934)

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-suċċessi ta' Herbert Chapman huma kommemorati permezz ta' bust tal-bronż ġewwa l-Arsenal Stadium.

Chapman irriforma diversi attivitajiet tal-klabb, fejn immodifika, per eżempju, il-preparazzjoni atletika u t-teknika tal-fiżjoterapija, żied in-numru fuq il-flokkijiet tal-plejers f'Awissu 1924,[24] u biddel il-kuluri tal-iskwadra permezz taż-żieda ta' kmiem bojod mal-flokk l-aħmar f'Marzu 1933. Chapman insista wkoll li l-ġurnalisti min-naħa tal-istampa, għandhom ineħħu l-artiklu definittiv mill-isem tal-klabb, fejn sar sempliċiment "Arsenal", u ggwida kampanja ta' suċċessi biex isemmi lill-istazzjoni lokali, minn Gillespie Road għal Arsenal.[25] F'dak l-istess żmien, Chapman kellu baġitt sostantiv għall-kampanja trasferimenti, li kien possibbli wara titjib fl-introjtu mill-istadju l-ġdid tagħhom. Kien ta' influwenza wkoll il-bidla fil-karattru ta' Henry Norris; minn president kemmxejn prudenti, Norris kien issa deċiż li jinvesti somom ta' flus għall-akkwist ta' plejers ġodda.[26]

L-ewwel akkwista ta' Chapman kien il-vetran Charlie Buchan ta' Sunderland, li kellu jkopri rwol deċiżiv anki barra l-grawnd. Wara telfa ta' 7–0 ta' Arsenal kontra Newcastle United f'Ottubru 1925, hu ipppropona bidla fil-formazzjoni b'mod li jadatta ruħu għal rilassament fuq ir-regola tal-offside. Il-modifika kienet tikkonsisti l-arranġament tal-iskwadra skont il-piramida WM, permezz tat-tisħiħ tad-difiża billi jitfgħu lid-difensuri ċentrali lura fid-difiża u d-difensuri fuq il-faxex jilgħabu fuq il-ġwienaħ.[27] Maż-żmien Chapman żviluppa aktar il-formazzjoni, fejn ikkonċentra fuq in-neċessità ta' attakk rapidu, bi plejers fuq il-ġwienaħ li jaqtgħu lejn iċ-ċentru, u ta' midfilder kreattiv li jkun kapaċi jimmanuvra fuq il-ballun.[28] Arsenal spiċċa t-tieni fl-ewwel staġun ta' Chapman, l-aqwa pożizzjoni sa dak iż-żmien,[29] imma kien avveniment iżolat. Fl-istaġuni suċċessivi, fil-fatt, l-iskwadra kklassifikat f'pożizzjonijiet ta' nofs il-klassifika, waqt li Chapman kien qed jaħdem biex jassembla tim kompetittiv, fejn ikkonkluda akkwisti importanti bħal Joe Hulme bħala ġwejnħa, l-attakkabt Jack Lambert u d-difensuri Tom Parker u Herbie Roberts. Fl-1926–27 l-Arsenal laħqet l-ewwel finali tal-FA Cup fl-istorja tagħha, li tilfitha bl-iskor ta' 1–0 kontra Cardiff City, wara li l-gowler ta' Arsenal Dan Lewis ma rnexxielhux jikkontrolla ballun meta dan għaddhielu minn bejn idejh u daħal ġox-xibka;[30][31] din kienet l-unika okkażżjoni fl-istorja li l-FA Cup kienet mirbuħa minn klabb barra mill-Ingilterra.[32]

Chapman ma skoraġġax ruħu u kompla jibni t-tim, fejn kiseb il-futur kaptan Eddie Hapgood, u tliet a mill-aqwa attakkanti fl-istorja tal-klabb, David Jack, Alex James u Cliff Bastin. Fost dawn kien Alex James li l-aktar spikka hekk kif hu kien jikkrea l-logħob tal-Arsenal f'nofs il-grawnd, kien jassisti lil diversi plejers fil-linja tal-attak u fuq il-faxex, u għal dan kollu hu kien distint bħala l-"mutur" tal-formazzjoni minn Londra.[33] Tliet snin wara l-ewwel finali tal-FA Cup, fl-1929–30, l-Arsenal laħaq għal darb'oħra l-finali ta' Wembley, din id-darba kontra t-tim il-qadim ta' Chapman, il-Huddersfield Town. Din il-partita baqgħet famuża minħabba li l-plejers kienu nfastiditi mill-ħoss tedjanti ta' diriġibbli Ġermaniż Graf Zeppelin, però il-plejers ta' Arsenal ma tilfux il-konċentrazzjoni u rebħu 2–0 b'gowls ta' James u Lambert, fejn b'hekk ikkonkwistaw l-ewwel trofew maġġuri fl-istorja tal-klabb.

Kien dan l-ewwel suċċess f'deċennju fejn l-Arsenal kienu l-klabb l-aktar dominanti fl-Ingilterra. Rebaħ għall-ewwel darba l-Ewwel Diviżjoni fl-1930–31 u kien awtur ta' prestazzjonijiet eċċellenti f'korsa għal titlu rikk fin-numru ta' gowls mal-Aston Villa, fejn irreġistraw rebħiet kbar (7–1 kontra Blackpool, 7–2 kontra Leicester City u 9–1 kontra Grimsby Town, li jibqa' r-rekord tal-klabb għall-aqwa serje). L-Arsenal rebaħ it-titlu żewġ partiti qabel it-tmiem, u spiċċa l-istaġun b'total ta' 127 gowl (rekord ieħor tal-klabb), minkejja li l-Aston Villa irnexxielhom jiskorjaw 128, li hu r-rekord tal-aktar gowls skurjati fi staġun wieħed fl-aqwa diviżjoni Ingliża.

Fl-istaġun segwenti l-Arsenal laħqet għal darb'oħra l-finali tal-FA Cup, li tilfet b'mod kontroversjali kontra n-Newcastle United. Fil-vantaġġ bl-iskor ta' 1–0 grazzi għall-gowl ta' Bob John, imma Newcastle kisbu l-pari wara li passaġġ fit-tul qasam il-linja tal-gowl, u barra għal goal kick;[34] Jimmy Richardson xorta waħda ta passaġġ fiċ-ċentru tal-kaxxa u Jak Allen kiseb il-pari għall-"Magpies"; Allen reġa' skorja fit-tieni taqsima biex rebħu 2–1. L-imrar tal-Arsenal kien intensifikat mill-fatt li l-Everton kienet daħlet fit-taqbida għar-rebħ tat-titlu fl-1931–32. Fil-fatt, b'kawża ta' bidu negattiv tal-istaġun, il-klabb spiċċa żewġ punti mill-ewwel post tal-klassifika.[35]

L-iskwadra reġgħet qabżet lura fl-istaġun suċċessiv, fejn kiseb it-tieni titlu tal-kampjonat. Wara li bdew l-istaġun fuq nota negattiva, għamlu serje ta' rebħiet li wasslithom biex jilħqu u anki jgħaddu lir-rivali tal-Aston Villa, fejn dawn tal-aħħar tilfu 5–0 f'Highbury f'April fil-partita li kkonferma s-suċċess finali tal-Arsenal.[36] L-ewwel akkwisti ta' Chapman, però, bdew juru l-età tagħhom,[37] u b'hekk b'għajn fuq il-futur Chapman ippromova lil George Male mal-ewwel tim biex jieħu post Tom Parker, u iffirma Ray Bowden biex jieħu post David Jack. L-unika tebgħa tal-istaġun kienet it-telfa b'sorpriża kontra Walsall, klabb tal-Third Division North, fl-FA Cup. F'dik il-partita ħames plejers regulari kienu indisponibbli minħabba li kienu mweġġgħin jew kellhom l-influwenza u posthom ħaduhom ir-riservi,[38] imma, minkejja l-preżenza ta' sitt plejers regulari, l-Arsenal tilfu 2–0 f'wieħed mill-aktar avvenimenti ta' diżappunt fl-istorja tal-FA Cup.[39]

Tripletta ta' titli tal-kampjonat (1934–39)

[immodifika | immodifika s-sors]
L-East End tal-Arsenal Stadium, mibnija fl-1936.

L-Arsenal kienet bdiet tajjeb l-istaġun 1933–34, imma f'Jannar 1934 Herbert Chapman miet f'daqqa b'kawża tal-pulmonite. Minkejja dan, Joe Shaw ħa post temporarju fil-bankina tal-iskwadra, u l-iskwadra minn Londra reġa' kkonferma ruħu bħala Ċampjin tal-Ingilterra, anki jekk ma kinitx it-tim offensiv tal-istaġun preċedenti. Hulme u James kienu barra mil-logħob għal parti kbira tal-kampanja, u b'hekk Arsenal skurjaw biss 75 gowl; ftit meta kkumparati mal-118-il gowl skurjat fl-1932–33.[29]

George Allison, li kien diġà direttur tal-klabb, ħa l-inkarigu tal-kowċ tat-tim fis-sajf tal-1934 u żied demm ġdid fl-iskwadra tiegħu permezz tal-akkwisti tal-midfilders Jack Crayston u Wilf Copping u l-attakkant Ted Drake.[36] B'dawn il-plejers il-ġodda l-Arsenal kisbet it-tielet titlu konsekuttiv fl-1934–35 u rnexxielha terġa' tesprimi l-aqwa attakk tal-kampjonat: Drake stabilixxa r-rekord tal-klabb ta' 42 gowl u l-istaġun kien akkompanjat minn serje ta' rebħiet kbar li jfakkru dawk tal-1930–31 (bħar-rebħa ta' 7–0 kontra l-Wolves, it-8–1 kontra l-Liverpool u ż-żewġ riżultati identiċi ta' 8–0 kontra l-Leicester City u Middlesbrough).[40] Kejl tas-saħħa kbira tal-Arsenal ġiet murija f'Novembru 1934, meta seba' plejers tal-klabb lagħbu mal-ewwel ħdax għall-Ingilterra fir-rebħa ta' 3–2 kontra ċ-ċampjins tad-dinja ta' dak iż-żmien, l-Italja, f'partita li baqgħet tissejjaħ bħala l-"Battalja ta' Highbury". Dan hu rekord għal klabb Ingliż, fejn għadu fis-seħħ sal-lum il-ġurnata.[d]

Is-suċċessi tal-Arsenal attiraw aktar pubbliku. L-istadju ta' Highbury kien kompletament ristrutturat, it-tribuni ta' Leitch (mill-1913) kienu demoliti u sostitwiti minn oħrajn moderni fi stil art deco, fejn partijiet minn dawn tal-aħħar għadhom sal-lum. Il-faċċatta tal-East Stand hi klassifikata bħala opra tat-tieni grad fil-klassifikazzjoni tal-monumenti Ingliżi,[42] u ż-żewġ faċċati kienu ġew ikkonservati fl-opra ta' trasformazzjoni ta' Highbury f'kumpless residenzjali modern. F'dak l-istess żmien, it-terrazzi tan-North Bank u dik tal-Clock End kellhom is-soqof installti. L-istadju l-ġdid irreġistra r-rekord ta' attendenza (73,295 spettatur) fid-9 ta' Marzu 1935 fl-okkażżjoni tal-partita kontra Sunderland.[43]

Id-dominanza tal-"Gunners" fid-deċennju kienet issiġillata permezz tat-tieni rebħa fl-FA Cup fl-1935–36. Fil-finali rebħu 1–0 lil Sheffield United, b'gowl ta' Drake. It-tellieqa għat-titlu nazzjonali sfumat qabel ma kien mistenni. Wara s-suċċess tal-1934–35, l-iskwadra ħasset in-nuqqas ta' Alex James, li kien irtira, fejn ma rnexxilhiex issib sostitut denju tal-kalibru tiegħu, u kif ukoll għan-nuqqas tal-plejers Herbie Roberts u Joe Hulme, fejn kienu barra mil-logħob minħabba uġigħ serju. Madanakollu, il-ħames titlu wasal ukollk fl-1937–38, fejn irnexxielhom joħduh minn idejn Wolverhampton Wanderers fl-aħħar ġurnata. Dan kien is-siġill ta' deċennju memorabbli.

It-Tieni Gwerra Dinjija (1939–45)

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1939, fil-Gran Brittanja l-futbol professjonistiku tal-ewwel livell kien sospiż u l-istaġun 1939–40 kien annullat. Highbury kien magħżul bħala stazzjoni tal-ARP u wara l-Clock End kienet ġiet pożizzjonata bużżieqa tal-arja pressata għall-użu militari. Waqt bumbardament nazista fuq Londra bejn l-1940 u l-1941, bomba waqgħet fuq North Bank, fejn qerdet is-saqaf u bdiet in-nar fuq is-setaħ tagħha. Meta Highbury kien magħluq, l-Arsenal kienet tilgħab il-logħob f'darha f'White Hart Lane, l-istadju tar-rivali tagħhom Tottenham Hotspur.[44] Il-partiti matul iż-żmien tal-gwerra ma jgħoddux mal-istatistika uffiċjali. Fil-fatt, il-kompetizzjonijiet li kienu jintlagħbu kienu fuq bażi reġjonali u ħafna drabi t-timijiet li kienu jieħdu sehem ma kinux jikkompetu fi staġun sħiħ. Ħafna plejers daħlu fil-forzi armati bħala għalliema u b'hekk kienu 'l bogħod mill-klabbs għal perjodu twil, fejn kienu jkunu mpjegati, minfok, bħala "ospiti" fi klabbs oħra. Arsenal rebħu l-Football League War Cup South fl-1942–43 u t-titli ta' London jew Southern League fl-1939–40, fl-1941–42 u fl-1942–43.[45]

F'Novembru 1945, bil-kampjonat li jkun għadu sospiż, Arsenal kienu wieħed mit-timijiet li lgħabu kontra Dynamo Moscow f'kors ta' ġita li dan tal-aħħar għamel fir-Renju Unit. B'ħafna mill-plejers kienu għadhom barra minn pajjiżhom biex iservu mal-forzi armati, l-Arsenal kellha tisskjera mal-ewwel ħdax sitt plejers "ospiti", fosthom Stanley Matthews u Stan Mortensen, li wassal lit-tim ta' Dyanmo jiddikjara li fil-verità kien qed jaffronta selezzjoni Ingliża,[46] għalkemm tliet minnhom kienu minn Wales. Dyamo stess kellhom lil Vsevolod Bobrov b'self minn CDKA Moscow.[47] Il-partita, f'White Hart Lane, bdiet fiċ-ċpar. Dynamo, espert teknikament, rebaħ bl-iskor ta' 4–3, anki jekk l-Arsenal kienu fil-vantaġġ 3–1 fi tmiem l-ewwel taqsima.

Minkejja li hemm qbil fuq ir-riżultat (imma mhux fuq il-kronaka tal-partita), dwar l-iskorers tal-partita m'hemmx qbil fuqu.[e] Rapporti Ingliżi allegaw li Dynamo f'punt partikulari lagħbu tnax-il plejer, u pruvat tagħmel pressjoni fuq ir-referì biex jabbanduna l-partita meta huma kienu minn taħt. Min-naħa l-oħra, ir-Russi akkużaw lill-Arsenal għal logħob falluż u kif ukoll lil George Allison li għamel imħatra bil-flus fuq ir-riżultat (akkuża li wara kien irtirata).[49] Is-sitwazzjoni, b'hekk, ipproduċiet klima 'l bogħod minn waħda ta' ħbiberija.

Is-snin ta' wara l-gwerra (1945–66)

[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1949 l-Arsenal adottaw din l-emblema ħamra, li kienet ġie mibdula fl-2002.

Il-gwerra ħadet il-ħajja ta' disa' plejers tal-Arsenal — li b'hekk irriżulta li kien l-aktar tim mill-aqwa diviżjoni milqut[50] — u ż-żmien li kien għadda naqqas il-karriera ta' diversi oħrajn, bħal Bastin u Drake. Aktar minn hekk, id-dejn tal-kostruzzjoni tal-Highbury u l-ispejjeż biex tiġi msewwija l-ħsara kkaġunata mill-gwerra ħalla piż finanzjarju, u l-Arsenal batew għall-ewwel meta l-futbol kompetittiv reġa' beda fl-1946. Fit-tielet rawnd tal-FA Cup 1945–46 huma tilfu bl-iskor aggregat ta' 6–1 kontra l-West Ham United, u fl-1946–47 il-klabb spiċċa fit-tlettax-il post tal-kampjonat, l-agħar pożizzjoni mis-sbatax-il sena preċedenti.[29] George Allison iddeċieda li jirtira mill-futbol fl-aħħar tal-istaġun u kien sostitwit mill-assistent tiegħu Tom Whittaker, li kien ilu ż-żmien parti mill-klabb fejn kien diġà kowċ taħt id-diriġenza ta' Chapman.

Whittakker mal-ewwel kiseb suċċess, fejn rebaħ it-titlu 1947–48. Id-difiża, iggwidata mill-kaptan Joe Mercer, uriet il-validità tagħha, bħal ma kienet valida l-koppja tal-attakk Reg Lewis-Ronnie Rooke. L-Arsenal, l-aħħar f'Ottubru, kien awtur ta' rimonta straordinarja u spiċċa l-istaġun seba' punti ta' vantaġġ fuq it-tieni klassifikat.[51] Madanakollu, minħabba l-età tal-iskwadra li ma kinitx għadha waħda ġovanili (Rooke u Mercer kienu diġà qabżu t-tletin, bħal Denis u Leslie Compton), ma kienx possibli suċċess fuq perjodu twil. B'hekk Whittaker għamel akkwisti ġovanili ta' Doug Lishman, Alex Forbes u Cliff Holton.[52] Minkejja li l-Arsenal ma setgħux jikkompetu għat-titlu, bl-investimenti l-ġodda huma rebħu l-FA Cup 1949–50, b'Reg Lewis jiskorja doppjetta fir-rebħa ta' 2–0 kontra l-Liverpool.

L-1951–52 ra lill-"Gunners" imorru viċin id-double, imma spiċċaw l-istaġun mingħajr trofej. Serje ta' plejers barra mil-logħob u kalendarju mimli impenji fil-finali tal-istaġun waslu lill-Arsenal jitilfu l-aħħar żewġ partiti tal-istaġun, fosthom il-partita deċiżiva għat-titlu kontra ċ-ċampjins eventali ta' Manchester United f'Old Trafford fl-aħħar ġurnata tal-istaġun;[53] wara li tilfu 6–1, il-"Gunners" spiċċaw it-tielet, bl-istess numru ta' punti ma' Tottenham.[54] Ġimgħa wara l-iskwadra ta' Whittaker affrontaw lil Newcastle United fil-finali tal-FA Cup 1951–52, b'formazzjoni li kienet tinvolvi diversi plejers li kienu rkupraw fl-aħħar mumenti mill-uġigħ li kienu qed isofru. Fit-35 minuta Walley Barnes kellu joħroġ barra minħabba rkoppa milwija (l-ebda sostituzzjonijiet ma kienu permessi dak iż-żmien). L-Arsenal, li b'hekk kienu issa b'għaxar plejers fil-grawnd, kellha ssofri wkoll in-nuqqas ta' Holton, Roper u Daniel, li b'hekk in-numru ta' plejers tal-Arsenal naqas għal sebgħa.[55] B'vantaġġ numeriku, Newcastle rebħu b'gowl ta' George Robledo.

Minkejja dan id-diżappunt, fl-1952–53 it-tim minn Londra kiseb is-seba' titlu tal-kampjonat, wieħed mill-aktar kumbattuti fl-istorja. Dak it-tim li kellu jsofri kien il-Preston North End hekk kif huma ma kisbux it-titlu minħabba medja ta' gowls agħar mit-tim tal-Arsenal, wara li ż-żewġ timijiet spiċċaw l-istess fil-punti.[56] Għall-bidu t-titlu kien jidher li kien se jkun ta' Preston wara li l-Arsenal tilfu kontrihom bl-iskor ta' 2–0 f'Deepdale fil-ġurnata ta' qabel tal-aħħar tal-istaġun, imma l-Arsenal irrimontaw kontra Burnley u rebħu 3–2, biex kisbu t-titlu għal 0.099 aktar fil-medja tal-gowls.[57] Dan kellu jkun l-aħħar trofew tal-Arsenal fis-sbatax-il sena segwenti, hekk kif il-fortuni tal-Arsenal bdew jisfumaw, partikularment wara l-mewt inaspettata ta' Tom Whittaker f'Ottubru 1956.

Hekk kif il-fortuni tal-klabb naqsu, huma sabu lilhom infushom mhux kapaċi li jattiraw diversi stilel tal-futbol (minbarra l-gowler tan-nazzjonal ta' Wales Jack Kelsey) minħabba riżultati medjokri, u l-iskwadra tilfet ukoll fost l-aqwa plejers tagħha, bħal David Herd, li telqu lill-klabb għal oħrajn ta' aktar suċċess. Jack Crayston u George Swindin, eks-plejers tal-Arsenal, ħadu t-tmun tal-klabb wara t-telfa ta' Whittaker, imma ma rnexxielhomx jirreplikaw is-suċċess li kien kiseb. Barra milli spiċċaw it-tieni fl-1958–59 u l-ħames fl-1955–56 u fl-1956–57, l-Arsenal is-soltu kien jikklassifika f'nofs il-klassifika.[29] Il-klabb lanqas kellu suċċess fl-FA Cup — wara li laħqu l-finali fl-1951–52, l-Arsenal ma marrux aktar mill-kwarti tal-finali sal-1970–71.[29] Biex tkompli tgħarraqha, ir-rivali tagħhom tat-Tottenham Hotspur rebħu l-kampjonat u t-tazza nazzjonali fl-1960–61.

Fl-1962 l-Arsenal għamlu mossa riskjuża hekk kif innominaw bħala kowċ lill-eks-kaptan tat-tim nazzjonali Ingliż u ta' Wolverhampton Billy Wright, minkejja n-nuqqas ta' esperjenza bħala kowċ u l-fatt li ma kienx jaf l-ambjent. Bħaż-żewġ predeċessuri tiegħu, Wright ma tantx ġab suċċessi, anki jekk taħt it-tmexxija tiegħu l-klabb idebutta fil-kompetizzjonijiet Ewropej, preċiżament fit-1963–64, grazzi għas-seba' post miksub fl-1962–63.[29] Fl-aħħar staġun ta' Wright l-Arsenal ikklassifika fl-erbatax-il post, l-agħar pożizzjoni tas-36 sena preċedenti, u rreġistrat l-inqas attendenza ta' kull żmien f'Highbury — 4,554 spettatur kontra l-Leeds United fil-5 ta' Mejju 1966.[43][f] L-uniku plejer tal-Arsenal li kien parti mit-tim nazzjonali Ingiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 1966 li sar ġewwa l-Ingilterra stess kien George Eastham, li ma lagħab fl-ebda mument tat-turnew.[58] Wright kien eżonerat fis-sajf tal-1966[59] u kien sostitwit mill-fiżjoterapista tal-klabb Bertie Mee. Mee għamel żvolta kbira, fejn iggwida lil-klabb kemm għas-suċċess fl-Ewropa u anki f'pajjiżhom fil-ħames snin suċċessivi.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Joy, Bernard (1952). Forward Arsenal! (bl-Ingliż). Phoenix House.
  • Jem Maidment (2005). The Official Arsenal 100 Greatest Games (bl-Ingliż). Hamlyn. ISBN 0-600-61376-3.
  • Roper, Alan (2003). The Real Arsenal Story: In the Days of Gog (bl-Ingliż). Wherry. ISBN 0-9546259-0-0.
  • Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). Hamlyn. ISBN 0-600-61344-5.
  • Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause: The Alternative History of Arsenal Football Club (bl-Ingliż). Mainstream. ISBN 0-575-40015-3.
  • Weaver, Graham (2005). Gunners' Glory: 14 Milestones in Arsenal's History (bl-Ingliż). Mainstream. ISBN 1-84018-667-4.
  1. Tim tal-futbol ieħor ibbażat f'Royal Arsenal, Woolwich Union, kien fundat fl-1884, u xi plejers ta' Dial Square, fosthom Fred Beardsley, kienu lagħbu qabel ma' din l-iskwadra. Madanakollu, storiċi tal-klabb ġenerlament jikkunsidraw lil Dial Square bħala l-pijunieri diretti tal-Arsenal.[1]
  2. In-numru ta' gowls skurjati minn Dial Square hu inċert, minkejja li sitta hi l-figura uffiċċijali rikordjata.[3]
  3. Skont l-RPI Calculator.[14]
  4. L-Arsenal iżomm ir-rekord tal-aktar plejers li niżlu fil-grawnd mill-ewwel minuta mat-tim nazzjonali Ingliż. Meta hu kkunsidrat il-plejers li daħlu fil-grawnd matul il-partita, dan ir-rekord hu maqsum ma' Manchester United. Fit-28 ta' Marzu 2001, fil-fatt, fit-tmiem tal-partita bejn l-Ingilterra u l-Albanija, kienu seba' plejers tal-United fil-grawnd, imma tnejn minnhom kienu daħlu bħala sostituti matul il-kors tal-partita.[41]
  5. Per eżempju, Cliff Bastin u Bernard Joy, li t-tnejn lagħbu fil-logħba, stqarrew li kien Vasili Kartsev li skorja l-ewwel gowl għal Dynamo, waqt li l-ġurnalist Brian Glanville, dik il-ġurnata bħala spettatur, afferma li kien Vsevolod Bobrov li għamel dan.[48]
  6. Għal ġustifikazzjoni parzjali, hu notat li f'dak l-istess lejl il-finali tat-Tazza tat-Tazez Ewropej 1965–66 bejn il-Borussia Dortmund u l-Liverpool kienet imxandra direttament fuq it-televiżjoni, avveniment rari u prestiġjuż għal dik l-epoka, waqt li l-konfront bejn Arsenal u Leeds United xorta ma setax ikun wieħed deċiżiv għall-ebda miż-żewġ timijiet. Kien ukoll għal dawn il-fatturi li l-attendenza fl-istadju kienet waħda skarsa.
  1. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal (bl-Ingliż). pp. 21–22. ISBN 0-600-61344-5.
  2. 1 2 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 23.
  3. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 23.
  4. 1 2 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 25.
  5. "Royal Arsenal" (bl-Ingliż). Football Club History Database. Miġbur 2008-03-20.
  6. 1 2 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 26.
  7. Roper, Alan (2004). The Real Arsenal Story: In the Days of Gog. Wherry. p. 106. ISBN 0-9546259-1-9.
  8. 1 2 3 "Woolwich Arsenal". fchd.info. Miġbur 2008-03-21.
  9. Jon Spurling (2004). Rebels For The Cause: The Alternative History of Arsenal Football Club. pp. 28–29. ISBN 0-575-40015-3.
  10. "A Conservation Plan for Highbury Stadium, London" (PDF) (bl-Ingliż). Islington Council. p. 13. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-09-10. Miġbur 2008-03-21.
  11. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 33.
  12. Spurling (2004). Rebels For The Cause. pp. 34–37.
  13. 1 2 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. pp. pġ.34.
  14. "Five Ways to Compute the Relative Value of a UK Pound Amount" (bl-Ingliż). MeasuringWorth.com. Miġbur 2008-04-30.
  15. 1 2 3 4 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 40.
  16. 1 2 Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause. p. 40.
  17. 1 2 "England 1914/15" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-01.
  18. Phil Soar; Martin Tyle (1986). Arsenal 1886-1986: The Official Centenary History of Arsenal Football Club. Guild Publishing. p. 42.Manutenzjoni CS1: iktar minn isem wieħed: authors list (link)
  19. Spurling (2004). Rebels For The Cause. pp. 46–48.
  20. "Did Bobby Moore win the US League with West Ham?" (bl-Ingliż). Guardian. Miġbur 2008-05-01.
  21. "A Conservation Plan for Highbury Stadium, London" (PDF) (bl-Ingliż). Islington Council. p. 14. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-09-10. Miġbur 2008-03-21.
  22. "England 1923/24" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-09.
  23. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 43.
  24. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 18.
  25. "London Underground and Arsenal present The Final Salute to Highbury" (bl-Ingliż). Transport for London. Miġbur 2008-05-10.
  26. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 45.
  27. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. pp. 46–47.
  28. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. pp. 16–17.
  29. 1 2 3 4 5 6 "Arsenal" (bl-Ingliż). Football Club History Database. Miġbur 2008-05-10.
  30. "Classic Cup Finals: 1927" (bl-Ingliż). TheFA.com. Miġbur 2008-05-10.
  31. "Wales On Air - The 1927 FA Cup" (bl-Ingliż). BBC Wales. Miġbur 2008-05-10.
  32. "Cardiff's 1927 FA Cup Victory" (bl-Ingliż). BBC Wales. Miġbur 2008-05-10.
  33. Martin Tyler (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 66.
  34. "FA Cup Final 1932" (bl-Ingliż). fa-cupfinals.co.uk. Miġbur 2008-05-10.
  35. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 57.
  36. 1 2 Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 60.
  37. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 59.
  38. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 63.
  39. "Third Round upsets" (bl-Ingliż). The FA. Miġbur 2008-05-10.
  40. "England 1934/35" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-10.
  41. "Most Players from a Single Club in an England Team" (bl-Ingliż). England Football Online. Miġbur 2008-05-10.
  42. "A Conservation Plan for Highbury Stadium, London" (PDF) (bl-Ingliż). islington.gov.uk. p. 4. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-09-10. Miġbur 2008-03-21.
  43. 1 2 "Club Records" (bl-Ingliż). Arsenal FC. Miġbur 2008-05-09.
  44. Soar & Tyler (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 87.
  45. "ArseWeb on... Wartime Arsenal" (bl-Ingliż). Arseweb. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2008-05-09.
  46. Spurling (2004). Rebels For The Cause. p. 72.
  47. Spurling (2004). Rebels For The Cause. p. 77.
  48. Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause. p. 74.
  49. Spurling, Jon (2004). Rebels For The Cause. pp. 74–76.
  50. Anton Rippon (2007). Gas Masks for Goal Posts: Football in Britain During the Second World War. Sutton. pp. 153–6. ISBN 0-7509-4031-X.
  51. "Season 1947–48" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-06.
  52. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. pp. 92–93.
  53. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 98.
  54. "Season 1951–52" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-05.
  55. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 99.
  56. "Season 1952–53" (bl-Ingliż). RSSSF. Miġbur 2008-05-05.
  57. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 100.
  58. "England in World Cup 1966: Squad Records" (bl-Ingliż). englandfootballonline.com. Miġbur 2008-05-05.
  59. Soar, Phil; Tyler, Martin (2005). The Official Illustrated History of Arsenal. p. 103.