Statwa tal-Libertà

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
L-Istatwa tal-Libertà

L-Istatwa tal-Libertà (Il-Libertà Tillumina d-Dinja; bl-Ingliż: Liberty Enlightening the World; bil-Franċiż: La Liberté éclairant le monde) hija skultura Neoklassika kolossali u monument fuq il-Gżira tal-Libertà fil-Port tal-Belt ta' New York, l-Istati Uniti. L-istatwa tar-ram, li kienet rigal mill-poplu Franċiż lill-poplu Amerikan, ġiet iddisinjata mill-iskultur Franċiż Frédéric Auguste Bartholdi u l-qafas tal-metall tagħha nbena minn Gustave Eiffel. L-istatwa ġiet iddedikata fit-28 ta' Ottubru 1886.

L-istatwa hija figura ta' Libertas, alla femminili Rumana mlibbsa tal-libertà. F'idha l-leminija għandha torċa li żżomm fuq rasha, u f'idha x-xellugija ġġorr tabula ansata bl-iskrizzjoni JULY IV MDCCLXXVI (l-4 ta' Lulju 1776 bl-ittri numeriċi Rumani), li hija d-data tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti. Ma' saqajha hemm qajd u katina mkissrin u tidher qisha miexja 'l quddiem, bħala kommemorazzjoni tal-abolizzjoni nazzjonali reċenti tal-jasar. Wara li ġiet iddedikata, l-istatwa saret ikona tal-libertà u tal-Istati Uniti, u titqies bħala simbolu ta' merħba lill-immigranti li jaslu bil-baħar.

Bartholdi kien ispirat mill-professur tal-liġi u politiku Franċiż, Édouard René de Laboulaye, li jingħad li fl-1865 ikkummenta li kwalunkwe monument li jinbena biex ifakkar l-indipendenza tal-Istati Uniti kellu jkun proġett konġunt bejn il-poplu Franċiż u dak tal-Istati Uniti. Il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja dewmet il-progress sal-1875, meta Laboulaye ppropona li l-Franċiżi jiffinanzjaw l-istatwa u l-Istati Uniti jipprovdu s-sit u jibnu l-pedestall. Bartholdi ikkompleta r-ras u l-id bit-torċa qabel ma l-istatwa ġiet iddisinjata għalkollox, u dawn il-biċċiet intwerew lill-pubbliku fil-wirjiet internazzjonali ta' dak iż-żmien.

L-id bit-torċa ntweriet fil-Wirja Ċentenarja f'Philadelphia fl-1876, u f'Madison Square Park f'Manhattan mill-1876 sal-1882. Il-ġbir ta' fondi kien iebes, speċjalment għall-Amerikani, u sal-1885 ix-xogħol fuq il-pedestal affaċċja nuqqas ta' fondi. Il-pubblikatur Joseph Pulitzer, ta' New York World, nieda kampanja ta' donazzjonijiet biex il-proġett jitlesta u attira lil iktar minn 120,000 kontributur, li l-biċċa l-kbira minnhom taw inqas minn dollaru. L-istatwa nbniet fi Franza, ġiet ittrasportata f'kaxxi kbar, u ġiet assemblata fuq il-pedestall li kien tlesta fil-gżira li dak iż-żmien kien jisimha l-Gżira ta' Bedloe. It-tlestija tal-istatwa ġiet iċċelebrata bl-ewwel parata bil-konfetti fi New York u b'ċerimonja ta' dedika ppresjeduta mill-President Grover Cleveland.

L-istatwa kienet amministrata mill-Bord tal-Fanali tal-Istati Uniti sal-1901 u mbagħad mid-Dipartiment tal-Gwerra; mill-1933 ġiet amministrata mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali bħala parti mill-Monument Nazzjonali tal-Istatwa tal-Libertà, u hija attrazzjoni turistika ewlenija. L-aċċess pubbliku għall-gallarija mad-dawra tat-torċa tneħħa mill-1916.

Disinn u proċess tal-kostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-alla Rumana Libertas u Sol Invictus ("Ix-Xemx Mhux Maħkuma") murija hawnhekk influwenzaw id-disinn tal-Istatwa tal-Libertà.

Oriġini[immodifika | immodifika s-sors]

Skont is-Servizz tal-Parks Nazzjonali, l-idea ta' monument ippreżentat mill-poplu Franċiż lill-poplu tal-Istati Uniti ġiet proposta għall-ewwel darba minn Édouard René de Laboulaye, il-President tas-Soċjetà Franċiża Kontra l-Jasar u ħassieb politiku prominenti u importanti fi żmienu. Il-proġett imur lura għal konversazzjoni fin-nofs tal-1865 bejn Laboulaye, abolizzjonist akkanit, u Frédéric Bartholdi, skultur. F'konversazzjoni wara ċena fid-dar tiegħu ħdejn Versailles, Laboulaye, li kien ferm favur l-Unjoni fil-Gwerra Ċivili Amerikana, jingħad li qal: "Kwalunkwe monument li jinbena fl-Istati Uniti biex ifakkar l-indipendenza tagħhom għandu jkun proġett konġunt bejn il-poplu Franċiż u dak tal-Istati Uniti".[1] Madankollu, is-Servizz tal-Park Nazzjonali, f'rapport tas-sena 2000, sostna li din kienet leġġenda li tmur lura għal fuljett tal-ġbir tal-fondi tal-1885, u li l-istatwa x'aktarx li bdiet tinħadem fl-1870.[2] F'esej ieħor disponibbli online fuq is-sit web tiegħu, is-Servizz tal-Parks Nazzjonali ssuġġerixxa li Laboulaye ried jonora r-rebħa tal-Unjoni u l-konsegwenzi tagħha, peress li "Bl-abolizzjoni tal-jasar u r-rebħa tal-Unjoni fil-Gwerra Ċivili fl-1865, ix-xewqat ta' Laboulaye għal-libertà u d-demokrazija kienu qed isiru realtà fl-Istati Uniti. Sabiex dan il-kisbiet jiġu onorati, Laboulaye ppropona li jinbena rigal għall-Istati Uniti f'isem Franza. Laboulaye kien qed jittama li billi jiġbed l-attenzjoni għall-kisbiet reċenti tal-Istati Uniti, il-poplu Franċiż seta' jiġi ispirat biex jappella għad-demokrazija tiegħu stess fid-dawl tal-monarkija repressiva".[3]

Skont l-iskultur Frédéric Auguste Bartholdi, li iktar 'il quddiem irrakkonta l-ġrajja, il-kumment allegat ta' Laboulaye ma kienx maħsub bħala proposta, iżda kien ta' ispirazzjoni għal Bartholdi. Minħabba n-natura repressiva tar-reġim ta' Napuljun III, Bartholdi ma ħa l-ebda azzjoni immedjata fir-rigward tal-idea għajr li jiddiskutiha ma' Laboulaye. Bartholdi xorta waħda kellu ħafna x'jagħmel bi proġetti oħra; fl-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 19, huwa tħaddet ma' Isma'il Pasha, il-Kediv tal-Eġittu, u ressaqlu pjanta biex jibnilu l-Progress jew l-Eġittu li Jdawwal lill-Asja, fanal enormi bl-għamla ta' fellah jew raħħala Eġizzjana femminili tal-qedem, imlibbsa u b'torċa mixgħula f'idejha, fid-daħla tat-Tramuntana tal-Kanal ta' Suez f'Port Said.[4] Tfasslu skizzi u mudelli tax-xogħol propost, għalkemm l-opra qatt ma twettqet. Kien hemm preċedent Klassiku għall-proposta ta' Suez, il-Koloss ta' Rodi: statwa antika tal-bronż tal-alla Grieg tax-xemx, Helios. Din l-istatwa jingħad li kienet tlaħħaq għoli ta' iktar minn 100 pied (30 metru), u bl-istess mod kienet tinsab fid-daħla tal-port u kellha dawl li kien jiggwida lill-vapuri.[5] Kemm il-Kediv u Lesseps irrifjutaw l-istatwa proposta minn Bartholdi, minħabba li kienet se tiswa wisq flus. Minflok inbena l-Fanal ta' Port Said minn François Coignet fl-1869.[6]

Kwalunkwe proġett kbir kompla jiddewwem mill-Gwerra bejn Franza u l-Prussja, li fiha Bartholdi serva bħala Maġġur tal-milizja. Fil-gwerra, Napuljun III nqabad u tneħħa minn re. Il-provinċja tat-twelid ta' Barthold, Alsace, intrebħet mill-Prussi, u fi Franza ġiet stabbilita repubblika iktar liberali. Peress li Bartholdi kien qed jippjana vjaġġ lejn l-Istati Uniti, hu u Laboulaye ddeċidew li kien wasal iż-żmien biex jiddiskutu l-idea ma' Amerikani influwenti.[7] F'Ġunju 1871, Bartholdi qasam l-Oċean Atlantiku, b'ittri ta' introduzzjoni ffirmati minn Laboulaye.[8]

L-Iljun ta' Belfort ta' Bartholdi, 1880

Malli wasal fil-Port ta' New York, Bartholdi ffoka fuq il-Gżira ta' Bedloe (li issa tissejjaħ il-Gżira tal-Libertà) bħala s-sit għall-istatwa, għaliex baqa' milqut mill-fatt li l-bastimenti kollha li kienu jaslu New York kellhom ibaħħru ħdejha. Kien kuntent li jsir jaf li l-gżira kellu s-sjieda tagħha l-gvern tal-Istati Uniti—kienet ġiet ċeduta fil-Leġiżlatura tal-Istat ta' New York fl-1800 għad-difiża tal-port. Għalhekk, kif spjega fl-ittra tiegħu lil Laboulaye, il-gżira kienet "art komuni għall-istati kollha".[9] Apparti li ltaqa' ma' bosta nies influwenti minn New York, Bartholdi żar il-President Ulysses S. Grant, li assigurah li ma kienx se jkun diffiċli għalih li jikseb is-sit għall-istatwa.[10] Bartholdi qasam minn naħa għall-oħra tal-Istati Uniti darbtejn bil-ferrovija, u ltaqa' ma' ħafna Amerikani li hu ħaseb li se jkunu favur il-proġett. Iżda baqa' mħasseb li l-opinjoni popolari fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku ma kinitx se tappoġġa biżżejjed il-proposta, u hu u Laboulaye ddeċidew li jistennew qabel ma jvaraw kampanja pubblika.[11]

Bartholdi għamel l-ewwel mudell tal-kunċett tiegħu fl-1870. L-iben ta' ħabib ta' Bartholdi, l-artist tal-Istati Uniti John LaFarge, iktar 'il quddiem sostna li Bartholdi għamel l-ewwel skizzi għall-istatwa matul iż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti fl-Istudjo ta' Rhode Island ta' La Farge. Bartholdi kompla jiżviluppa l-kunċett wara li rritorna fi Franza.[12] Huwa ħadem ukoll fuq għadd ta' skulturi ddisinjati biex isaħħu l-patrijottiżmu Franċiż wara t-telfa kontra l-Prussi. Waħda minn dawn l-iskulturi kienet skultura monumentali ta' ljun mnaqqxa fil-blat ramli taħt il-fortizza ta' Belfort, li kienet irreżistiet kontra assedju tal-Prussja matul tliet xhur sħaħ. L-iskultura tal-iljun, twila 73 pied (22 metru) u għolja n-nofs, toħroġ fid-dieher kwalità emozzjonali li hija karatteristika tar-Romantiċiżmu, xi ħaġa li Bartholdi iktar 'il quddiem ta lill-Istatwa tal-Libertà.[13]

Disinn, stil u simboliżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Detall minn affresk tal-1855-1856 ta' Constantino Brumidi fil-Capitol Building f'Washington, D.C., li juri ż-żewġ simboli bikrin tal-Amerka: Columbia (xellug) u l-prinċipessa Indjana (lemin).

Bartholdi u Laboulaye kkunsidraw kif setgħu jesprimu bl-aqwa mod l-idea tal-libertà Amerikana.[14] Fl-istorja Amerikana bikrija, żewġ figuri femminili spiss kienu jintużaw bħala simboli kulturali tan-nazzjon.[15] Wieħed minn dawk is-simboli, Columbia ppersonifikata, kienet tiġi identifikata mal-Istati Uniti bl-istess mod kif Britannia kienet tiġi identifikata mar-Renju Unit, u Marianne kienet tiġi identifikata ma' Franza. Columbia kienet ħadet post il-personifikazzjoni Ewropea tradizzjonali tal-Amerka bħala "prinċipessa Indjana", li kienet saret titqies bħala personifikazzjoni mhux ċivili u dispreġjattiva fil-konfront tal-Amerikani. Il-figura femminili sinifikanti l-oħra fil-kultura Amerikana kienet ir-rappreżentazzjoni tal-Libertà, li oriġinat minn Libertas, l-alla femminili tal-libertà li kienet tiġi meqjuma b'mod wiesa' f'Ruma tal-qedem, speċjalment fost l-ilsiera emanċipati. Figura tal-Libertà kienet tidher fuq il-biċċa l-kbira tal-muniti Amerikani ta' dak iż-żmien, u rappreżentazzjonijiet tal-Libertà kienu jidhru fl-arti popolari u ċivika, inkluż l-Istatwa tal-Libertà ta' Thomas Crawford (1863) fuq il-koppla tal-Capitol Building tal-Istati Uniti.[14]

Id-disinn tal-istatwa jevoka ikonografija li hija evidenti fl-istorja tal-qedem, inkluż l-alla femminili Eġizzjana Isis, l-alla Griega tal-qedem bl-istess isem, il-Columbia Rumana u l-ikonografija Kristjana tal-Verġni Marija.[16][17]

L-artisti tas-sekli 18 u 19 kienu jagħmlu ħilithom biex iqanqlu l-ideali Repubblikani u għaldaqstant kienu spiss jużaw rappreżentazzjonijiet ta' Libertas bħala simbolu allegoriku. Figura tal-Libertà dehret ukoll fuq is-Siġill il-Kbir ta' Franza. Madankollu, Bartholdi u Laboulaye evitaw li jużaw xbiha rivoluzzjonarja tal-libertà bħal dik ta' Eugène Delacroix f' Il-Libertà Tmexxi lin-Nies (1830). F'din il-pittura, li tikkommemora r-Rivoluzzjoni ta' Franza f'Lulju, il-Libertà nofsha mlibbsa tmexxi grupp armat ta' nies fuq l-iġsma tal-mejtin fil-battalja. Laboulaye ma kellu l-ebda simpatija għar-rivoluzzjoni, u b'hekk il-figura ta' Bartholdi kienet imlibbsa kollha kemm hi. Minflok l-impressjoni tal-vjolenza fix-xogħol ta' Delacroix, Bartholdi xtaq jagħti lill-istatwa dehra paċifika u għażel li jagħmilha żżomm torċa f'idha, li tirrappreżenta l-progress.[18]

L-Istatwa tal-Libertà ta' Thomas Crawford (1854-1857) fuq il-quċċata tal-koppla tal-Capitol Building tal-Istati Uniti.

L-istatwa ta' Crawford ġiet iddisinjata fil-bidu tas-snin 50 tas-seklu 19. Oriġinarjament kellha tingħata pileus, ix-xedd ir-ras li kien jingħata lill-ilsiera emanċipati f'Ruma tal-qedem. Is-Segretarju tal-Gwerra Jefferson Davis, min-Nofsinhar tal-Istati Uniti li iktar 'il quddiem sar President tal-Istati Konfederati tal-Amerka, kien imħasseb li l-pileus jitqies bħala simbolu abolizzjonista. Huwa ordna li jinbidel f'elmu.[19] Il-figura ta' Delacroix liebsa pileus, u Bartholdi għall-ewwel ikkunsidra li jlibbes wieħed lill-figura tiegħu wkoll. Minflok, huwa għażel li jlibbisha dijadema jew kuruna fuq rasha.[20] B'hekk, huwa evita referenza għal Marianne, li dejjem tkun liebsa pileus.[21] Is-seba' raġġi donnhom jiffurmaw raġġiera.[22] Dawn jevokaw ix-xemx, is-seba' ibħra, u s-seba' kontinenti, u jirrappreżentaw mezz ieħor, apparti t-torċa, li permezz tiegħu l-Libertà tillumina lid-dinja.[23]

Il-mudelli bikrin ta' Bartholdi kienu kollja simili bħala kunċett: figura femminili bi stil Neoklassiku li tirrappreżenta l-libertà, liebsa stola u pella (libsa u mantar, li kienu rappreżentazzjonijiet komuni tal-allat Rumani) b'torċa mixgħula f'idha u fuq rasha. Skont ir-rakkonti popolari, il-wiċċ kien ġie mmudellat fuq dak ta' Charlotte Beysser Bartholdi, omm l-iskultur[24], iżda Regis Huber, il-kuratur tal-Mużew ta' Bartholdi ġie rreġistrat isostni li din, fost spekulazzjonijiet oħra, ma għandha l-ebda bażi.[25] Huwa ddisinja l-figura b'fattizzi b'saħħithom u mhux ikkumplikati, u dawn kellhom joħolqu kuntrast tajjeb mal-pożizzjoni drammatika tal-istatwa fil-port u l-passiġġieri fuq il-bastimenti li jidħlu fil-Bajja ta' New York kienu jkunu jistgħu jesperjenzaw perspettiva tinbidel fuq l-istatwa fi triqithom lejn Manhattan. Huwa taha fattizzi klassiċi sodi u applika mmudellar issimplifikat, bħala riflessjoni tal-iskala enormi tal-proġett u l-iskop solenni tiegħu. Bartholdi kiteb dwar it-teknika tiegħu:

L-uċuħ għandhom ikunu wesgħin u sempliċi, definiti minn disinn sod u ċar, aċċentwati fil-postijiet importanti. It-tkabbir tad-dettalji jew il-multipliċità tagħhom għandha tqanqal il-biża'. Bl-esaġerazzjoni tal-forom, sabiex ikunu ferm iktar viżibbli, jew bl-arrikkiment tagħhom bid-dettalji, nispiċċaw neqirdu l-proporzjon tax-xogħol. Finalment, il-mudell, bħad-disinn, għandu jkollu karattru fil-qosor, pereżempju wieħed li jagħtik idea fuq fuq. Huwa neċessarju biss li dan il-karattru għandu jkun frott ir-rieda u l-istudju, u li l-artist, ikkonċentrat fuq l-għarfien tiegħu, għandu jsib il-forma u l-linja fis-sempliċità kbira tagħha.[26]

Il-Libertà tidher b'sieqha l-leminija olzata, u dan juri li qisha miexja 'l quddiem fuq qajd u katina mkissrin.

Bartholdi għamel alterazzjonijiet fid-disinn skont l-evoluzzjoni tal-proġett. Huwa kkunsidra li l-Libertà żżomm katina mkissra f'idha, iżda ddeċieda li din l-għażla kienet tifred wisq dak iż-żmien wara l-Gwerra Ċivili. L-istatwa minflok miexja fuq katina mkissra, nofsha moħbija bl-ilbies tagħha u diffiċli taraha mill-art.[27] Bartholdi inizjalment ma kienx ċert x'kien se jqiegħed fl-id ix-xellugija tal-Libertà; huwa ddeċieda li jagħtiha tabula ansata, li ntużat biex tevoka l-kunċett tad-dritt.[28] Għalkemm Bartholdi kien jammira ferm il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, huwa għażel li jinkludi l-kitbiet JULY IV MDCCLXXVI fuq it-tavla, jiġifieri l-4 ta' Lulju 1776, u b'hekk id-data tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-pajjiż ġiet assoċjata mal-kunċett tal-libertà.[27]

Bartholdi qanqal l-interess tal-ħabib u tal-mentor tiegħu, l-arkitett Eugène Viollet-le-Duc, fil-proġett. Bħala kap inġinier, Viollet-le-Duc iddisinja moll tal-brikks fl-istatwa, u l-"qoxra" esterna tal-istatwa ġiet ankrata miegħu.[29] Wara konsultazzjonijiet mal-fonderija tax-xogħol tal-metall Gaget, Gauthier & Co., Viollet-le-Duc għażel il-metall tal-qoxra esterna tal-istatwa, magħmula minn folji tar-ram, u l-metodi biex isawwar l-istatwa, repoussé, fejn il-folji kienu jissaħħnu u mbagħad jingħataw id-daqqiet bl-imrietel tal-injam.[30] Vantaġġ ta' din l-għażla kienet li l-istatwa kollha kienet se tkun ħafifa għall-volum tagħha, peress li r-ram kellu bżonn ikun oħxon 0.094 pulzieri (2.4 mm) biss. Bartholdi kien iddeċieda li l-għoli tal-istatwa kellu jkun kemm kemm 'il fuq minn 151 pied (46 metru), id-doppju tas-Sancarlone tal-Italja u l-istatwa Ġermaniża ta' Arminju, magħmula t-tnejn li huma bl-istess metodu.[31]

Tħabbira u xogħol bikri[immodifika | immodifika s-sors]

Id-driegħ bit-torċa ta' Bartholdi

Sal-1875, Franza kienet qed tgawdi minn stabbiltà politika mtejba u minn ekonomija li kienet qed tirkupra minn wara l-gwerra. Żieda fl-interess tal-Wirja Ċentenarja li kienet se ssir f'Philadelphia wasslet biex Laboulaye jiddeċiedi li kien wasal iż-żmien li jitlob appoġġ pubbliku.[32] F'Settembru 1875, huwa ħabbar il-proġett u l-formazzjoni tal-Unjoni Franċiża-Amerikana bħala l-fergħa tal-ġbir ta' fondi tiegħu. Bit-tħabbira, l-istatwa ngħatat l-isem ta' Il-Libertà Tillumina d-Dinja.[33] Il-Franċiżi kellhom jiffinanzjaw l-istatwa filwaqt li l-Amerikani kienu mistennija jħallsu għall-pedestall.[34] B'mod ġenerali, it-tħabbira pprovokat reazzjoni favorevoli fi Franza, minkejja li bosta Franċiżi baqgħu ma ħafruhiex lill-Istati Uniti talli ma ġewx jgħinuhom matul il-gwerra mal-Prussja.[35] Il-monarkiċi Franċiżi kienu kontra l-istatwa, jekk xejn għaliex ġiet proposta mil-liberali Laboulaye, li reċentement kien ġie elett senatur għall-għomor.[36] Laboulaye organizza avvenimenti ddisinjati biex jappellaw għas-sinjuruni u għas-setgħana, inkluż spettaklu speċjali fl-Opera ta' Pariġi fil-25 ta' April 1876, b'kantata ġdida mill-kompożitur Charles Gounod. Din kien jisimha La Liberté éclairant le monde, li hija l-verżjoni bil-Franċiż tal-isem imħabbar tal-istatwa.[35] Inizjalment iffukata fuq l-elit, l-Unjoni rnexxielha tiġbor fondi mis-soċjetà Franċiża kollha. Taw sehemhom it-tfal tal-iskola u ċ-ċittadini ordinarji, kif ukoll 181 muniċipalità Franċiża. L-alleati politiċi ta' Laboulaye appoġġaw is-sejħa, u l-istess għamlu d-dixxendenti tal-kontinġent Franċiż fil-Gwerra tar-Rivoluzzjoni Amerikana. B'mod inqas idealistiku, il-kontribuzzjonijiet ġew ukoll mingħand dawk li ttamaw għall-appoġġ Amerikan fit-tentattiv Franċiż li jinbena l-Kanal ta' Panama. Ir-ram jaf ġie minn diversi sorsi u ftit minnu jingħad li ġie minn minjiera f'Visnes, in-Norveġja[37], għalkemm dan ma ġiex iddeterminat b'mod konklużiv wara l-ittestjar ta' xi kampjuni.[38] Skont Cara Sutherland fil-ktieb tagħha dwar l-istatwa għall-Mużew tal-Belt ta' New York, kienu meħtieġa 200,000 libbra (91,000 kg) biex l-istatwa tinbena, u l-industrijalista Franċiż tar-ram Eugène Secrétan ta donazzjoni ta' 128,000 libbra (58,000 kg) ta' ram.[39]

Għalkemm il-pjanijiet tal-istatwa ma kinux għadhom ġew finalizzati, Bartholdi kompla bil-produzzjoni tad-driegħ tal-lemin, bit-torċa fl-id, u tar-ras. Ix-xogħol inbeda fl-istudjo ta' Gaget, Gauthier & Co.[40] F'Mejju 1876, Bartholdi vvjaġġa lejn l-Istati Uniti bħala membru tad-delegazzjoni Franċiża għall-Wirja Ċentenarja[41], u organizza t-turija ta' pittura enormi tal-istatwa f'New York bħala parti mill-festivitajiet Ċentenarji.[42] Id-driegħ ma wasalx f'Philadelphia qabel Awwissu; minħabba li wasal tard, ma ġiex elenkat fil-katalgu tal-wirja, u filwaqt li xi rapporti identifikaw ix-xogħol bl-isem korrett, oħrajn sejħulha "Driegħ Kolossali" jew "Dawl Elettriku ta' Bartholdi". It-territorju tal-wirja kien fih għadd ta' xogħlijiet monumentali, inkluż funtana kbira ddisinjata minn Bartholdi, biex jiġbdu l-interess tan-nies li kienu jmorru fil-fieri.[43] Minkejja dan, id-driegħ kien popolari fl-aħħar jiem tal-wirja, u l-viżitaturi kien jitilgħu sal-gallarija tat-torċa biex jaraw it-territorju kollu tal-fiera.[44] Wara li għalqet il-wirja, id-driegħ ġie ttrasportat lejn New York, fejn baqa' jintwera f'Madison Square Park għal diversi snin qabel ma ġie rritornat lil Franza biex jingħaqad mal-bqija tal-istatwa.[44]

Matul it-tieni vjaġġ tiegħu lejn l-Istati Uniti, Bartholdi indirizza għadd ta' gruppi dwar il-proġett, u ħeġġeġ il-formazzjoni ta' kumitati Amerikani tal-Unjoni Franċiża-Amerikana.[45] F'New York, f'Boston, u f'Philadelphia ġew iffurmati kumitat għall-ġbir ta' fondi għall-ħlas tal-pedamenti u tal-pedestall.[46] Il-grupp ta' New York eventwalment ħa l-ikbar responsabbiltà għall-ġbir ta' fondi Amerikan u spiss jiġi indikat bħala l-"Kumitat Amerikan".[47] Wieħed mill-membri tiegħu kien Theodore Roosevelt meta kellu 19-il sena, il-gvernatur futur ta' New York u l-President futur tal-Istati Uniti. Fit-3 ta' Marzu 1877, fl-aħħar jum sħiħ tiegħu fl-uffiċċju, il-President Grant iffirma riżoluzzjoni konġunta li awtorizzat lill-President jaċċetta l-istatwa meta ġiet ippreżentata minn Franza u biex jintgħażel sit għaliha. Il-President Rutherford B. Hayes, li beda l-mandat tiegħu l-għada, għażel lill-Gżira ta' Bedloe, kif kien ippropona Bartholdi.[48]

Kostruzzjoni fi Franza[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-ras tal-istatwa tintwera fil-Fiera Dinjija ta' Pariġi fl-1878.

Malli reġa' lura f'Pariġi fl-1877, Bartholdi kkonċentra fuq it-tlestija ta' ras l-istatwa, li intweriet fil-Fiera Dinjija ta' Pariġi tal-1878. Il-ġbir ta' fondi kompla, u bdew jinbiegħu mudelli tal-istatwa. Ġew offruti wkoll biljetti biex wieħed ikun jista' jara l-attività tal-kostruzzjoni fl-istudjo ta' Gaget, Gauthier & Co. Il-gvern Franċiż awtorizza lotterija; fost il-premjijiet kien hemm platt tal-fidda u mudell tat-terrakotta tal-istatwa. Sal-aħħar tal-1879, kien inġabru xi 250,000 Frank Franċiż.[49] Ir-ras u d-driegħ kienu nbnew bl-assistenza ta' Viollet-le-Duc, li marad fl-1879. Wara ftit miet, u ma laħaq ta l-ebda indikazzjoni kif kien beħsiebu jwettaq it-tranżizzjoni mill-qoxra tar-ram għall-moll tal-ġebel propost tiegħu.[50] Is-sena ta' wara, Bartholdi rnexxielu jikseb is-servizzi tad-disinjatur u bennej innovattiv Gustave Eiffel.[50] Eiffel u l-inġinier strutturali tiegħu, Maurice Koechlin, iddeċidew jabbandunaw l-idea tal-moll u minflok bnew torri tal-ħadid qisu kannizzata. Eiffel iddeċieda li ma jużaw struttura riġida għalkollox, li kienet twassal biex kwalunkwe stress takkumula fil-qoxra u eventwalment tikkawża x-xquq. Qafas sekondarju twaħħal mal-pilastru tan-nofs, u mbagħad, sabiex l-istatwa tkun tista' tiċċaqlaq kemxejn fl-irjieħ tal-Port ta' New York u peress li l-metall kien jespandi fil-jiem sħan tas-sajf, huwa kkollega b'mod mhux wisq issikkat l-istruttura ta' sostenn mal-qoxra billi uża vireg ċatti tal-ħadid li ħolqu donnhom malji minsuġa bl-istrixxi tal-metall, li ġew irbattuti mal-qoxra, biex biex jirfdu u jsaħħu l-istatwa. Fi proċess ta' ħafna xogħol, kull malja kellha tiġi maħduma individwalment.[51][52] Sabiex tiġi evitata l-korrożjoni galvanika bejn il-qoxra tar-ram u l-istruttura ta' sostenn tal-ħadid, Eiffel ħa ħsieb li mal-qoxra jkun hemm insulazzjoni bl-asbestos miblul bix-xellak.[53]

Id-disinn ta' Eiffel wassal biex l-istatwa tkun waħda mill-iktar eżempji bikrin ta' kostruzzjoni b'faċċati kontinwi, fejn il-parti esterna tal-istruttura ma tkunx qed tiflaħ it-tagħbija kollha, iżda minflok tkun mirfuda minn qafas intern. Huwa inkluda żewġ garigori interni ta' turġien, biex jagħmilha iktar faċli għall-viżitaturi li jaslu sal-punt panoramiku ta' osservazzjoni fil-kuruna tal-istatwa.[54] L-aċċess għal pjattaforma ta' osservazzjoni madwar it-torċa ġie pprovdut ukoll, iżda d-driegħ tant kien dejjaq li kulma kien joqgħod kien sellum wieħed, twil 40 pied (12-il metru).[55] Kif it-torri-pilastru beda tiela', Eiffel u Bartholdi kkoordinaw ix-xogħol tagħhom bir-reqqa ħalli s-segmenti kkompletati tal-qoxra joqogħdu eżatt fuq l-istruttura ta' sostenn.[56] Il-komponenti tat-torri-pilastru nbnew fil-fabbrika ta' Eiffel fis-subborg Pariġin fil-qrib ta' Levallois-Perret.[57]

Il-bidla fil-materjal strutturali mill-ġebla għall-ħadid ippermettiet lil Bartholdi jibdel il-pjanijiet tiegħu għall-assemblaġġ tal-istatwa. Oriġinarjament kien ħaseb li l-assemblaġġ kien se jsir fis-sit fl-istess waqt li jkun qed jinbena l-moll tal-ġebel; minflok, huwa ddeċiedi li jibni l-istatwa fi Franza u jżarmaha u jittrasportaha lejn l-Istati Uniti biċċa biċċa biex imbagħad tiġi assemblata mill-ġdid fil-post fil-Gżira ta' Bedloe.[58]

Il-kostruzzjoni tal-pedestall ta' Richard Morris Hunt f'Ġunju 1885.

F'att simboliku, l-ewwel musmar irbattut li ddaħħal fil-qoxra, sabiex jiffissa pjanċa tar-ram mas-saba' l-kbir tal-istatwa, tqiegħed mill-Ambaxxatur tal-Istati Uniti fi Franza Levi P. Morton.[59] Madankollu, il-qoxra ma ġietx maħduma f'sekwenza mill-baxx għall-għoli; ix-xogħol baqa' għaddej fuq għadd ta' segmenti f'daqqa b'mod li spiss beda jfixkil lill-viżitaturi kurjużi li kienu jiġu jittawlu lejn l-andament tax-xogħol.[60] Xi xogħol sar minn kuntratturi—wieħed mis-swaba' twettaq skont l-ispeċifikazzjonijiet preċiżi ta' Bartholdi minn ħaddiem tar-ram fir-raħal ta' Montauban fin-Nofsinhar ta' Franza.[61] Sal-1882, l-istatwa kienet tlestiet sal-qadd, avveniment li Barthodi ċċelebra billi stieden lill-ġurnalisti għall-pranzu fuq pjattaforma li nbniet fi ħdan l-istatwa.[62] Laboulaye miet fl-1883. Is-suċċessur tiegħu bħala President tal-Kumitat Franċiż kien Ferdinand de Lesseps, li bena l-Kanal ta' Suez. L-istatwa kompluta ġiet ippreżentata formalment lill-Ambaxxatur Morton f'ċerimonja f'Pariġi fl-4 ta' Lulju 1884, u de Lesseps ħabbar li l-gvern Franċiż kien qabel li jħallas għat-trasport tagħha lejn New York.[63] L-istatwa baqgħet sħiħa f'Pariġi sakemm sar biżżejjed progress fuq il-pedestall; sa Jannar 1885, ix-xogħol fuq il-pedestall kien mexa biżżejjed u l-istatwa ġiet żarmata u l-biċċiet iddaħħlu f'kaxxi kbar għall-vjaġġ twil tagħhom fuq l-oċean.[64]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Gżira tal-Libertà mill-ajru

L-Istatwa tal-Libertà ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[65]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[65]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 7-9.
  2. ^ Isl, Mailing Address: Liberty; York, New; Us, NY 10004 Phone:363-3200 Contact. "Black Statue of Liberty - Summary Report - Statue Of Liberty National Monument (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.
  3. ^ Isl, Mailing Address: Liberty; York, New; Us, NY 10004 Phone:363-3200 Contact. "Abolition - Statue Of Liberty National Monument (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.
  4. ^ University of Chicago. "The Statue of Liberty and its Ties to the Middle East" (PDF).
  5. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 7-8.
  6. ^ Karabell, Zachary (2003). Parting the desert: the creation of the Suez Canal. Alfred A. Knopf. p. 243. ISBN 0-375-40883-5.
  7. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 60-61.
  8. ^ Moreno, Barry (2000). The Statue of Liberty Encyclopedia. New York City: Simon & Schuster. ISBN 978-0-7385-3689-7. pp. 39-40.
  9. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 12-13.
  10. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 102-103.
  11. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 16-17.
  12. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 85.
  13. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 10-11.
  14. ^ a b Sutherland, Cara A. (2003). The Statue of Liberty. New York City: Barnes & Noble Books. ISBN 978-0-7607-3890-0. pp. 17-19.
  15. ^ Bodnar, John (2006). "Monuments and Morals: The Nationalization of Civic Instruction". In Warren, Donald R.; Patrick, John J. (eds.). Civic and Moral Learning in America. Macmillan. pp. 212–214. ISBN 978-1-4039-7396-2.
  16. ^ The encyclopedia of ancient history. Bagnall, Roger S. Malden, MA: Wiley-Blackwell. 2013. ISBN 978-1-4051-7935-5.
  17. ^ Roberts, J. M. (John Morris), 1928-2003. (1993). History of the world. New York: Oxford University Press. ISBN 0-19-521043-3.
  18. ^ Turner, Jane (2000). The Grove Dictionary of Art: From Monet to Cézanne : Late 19th-century French Artists. Oxford University Press US. p. 10. ISBN 978-0-312-22971-9.
  19. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 96-97.
  20. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 105-108.
  21. ^ Blume, Mary; Tribune, International Herald (2004-07-16). "The French icon Marianne à la mode" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.
  22. ^ Isl, Mailing Address: Liberty; York, New; Us, NY 10004 Phone:363-3200 Contact. "Frequently Asked Questions About the Statue of Liberty - Statue Of Liberty National Monument (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.
  23. ^ "The United States Mint Coins and Medals Program". web.archive.org. 2011-12-11. Miġbur 2021-07-19.
  24. ^ Moreno, Barry (2000). The Statue of Liberty Encyclopedia. New York City: Simon & Schuster. ISBN 978-0-7385-3689-7. pp. 52-53, 55, 87.
  25. ^ Interviewed for Watson, Corin. Statue of Liberty: Building a Colossus (TV documentary, 2001).
  26. ^ Bartholdi, Frédéric Auguste (1984). The Statue of Liberty enlightening the world. New York : New York Bound.
  27. ^ a b Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 108-111.
  28. ^ "NPS - Page In-Progress". www.nps.gov. Miġbur 2021-07-19.
  29. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 120.
  30. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 118, 125.
  31. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 26.
  32. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 121.
  33. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 123-125.
  34. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 44-45.
  35. ^ a b Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 123-125.
  36. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 44-45.
  37. ^ "Sometimes truth is found in a pure copper ore". web.archive.org. 2011-09-16. Miġbur 2021-07-19.
  38. ^ Times, The New York (2009-07-02). "Answers About the Statue of Liberty, Part 2" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.
  39. ^ Sutherland, Cara A. (2003). The Statue of Liberty. New York City: Barnes & Noble Books. ISBN 978-0-7607-3890-0. p. 36.
  40. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 126-128.
  41. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 25.
  42. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 26.
  43. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 130.
  44. ^ a b Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 49.
  45. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 134.
  46. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 30.
  47. ^ Moreno, Barry (2000). The Statue of Liberty Encyclopedia. New York City: Simon & Schuster. ISBN 978-0-7385-3689-7. p. 94.
  48. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 135.
  49. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 32.
  50. ^ a b Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 136-137.
  51. ^ Moreno, Barry (2000). The Statue of Liberty Encyclopedia. New York City: Simon & Schuster. ISBN 978-0-7385-3689-7. p. 22.
  52. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. pp. 139-143.
  53. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 30.
  54. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 33.
  55. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 32.
  56. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 34.
  57. ^ à 00h00, Par C. H. Le 30 avril 2004 (2004-04-29). "La tour a vu le jour à Levallois". leparisien.fr (bil-Franċiż). Miġbur 2021-07-20.
  58. ^ Khan, Yasmin Sabina (2010). Enlightening the World: The Creation of the Statue of Liberty. Ithaca, New York: Cornell University Press. ISBN 978-0-8014-4851-5. p. 144.
  59. ^ "Timeline". Statue of Liberty | Ken Burns | PBS (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-20.
  60. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. pp. 36-38.
  61. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 39.
  62. ^ Harris, Jonathan (1985). A Statue for America: The First 100 Years of the Statue of Liberty. New York City: Four Winds Press (a division of Macmillan Publishing Company). ISBN 978-0-02-742730-1. p. 38.
  63. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 37.
  64. ^ Bell, James B.; Abrams, Richard L. (1984). In Search of Liberty: The Story of the Statue of Liberty and Ellis Island. Garden City, New York: Doubleday & Co. ISBN 978-0-385-19624-6. p. 38.
  65. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Statue of Liberty". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-19.