Aqbeż għall-kontentut

Sabratha

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Teatru ta' Sabratha.

Sabratha (bl-Għarbi: صبراتة, b'ittri Rumani: Ṣabrāta; kif ukoll Sabratah, Siburata), fid-Distrett ta' Zawiya tal-Libja, kienet l-iżjed belt fil-Punent mit-"tliet bliet" antiki tat-Tripolis Rumana, flimkien ma' Oea u Leptis Magna. Mill-2001 sal-2007 kienet il-belt kapitali tal-eks Distrett ta' Sabratha wa Sorman. Tinsab tul il-kosta Mediterranja madwar 70 kilometru (43 mil) fil-Punent ta' Tripli moderna. Is-sit arkeoloġiku eżistenti tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]

Sabratha antika

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa ta' Sabratha.

Il-port ta' Sabratha x'aktarx li ġie stabbilit għall-ħabta tal-500 Q.K., bħala ċ-ċentru kummerċjali Feniċju ta' Tsabratan (bil-Puniku: ‬𐤑𐤁‬‬𐤓𐤕‬𐤍, ṣbrtn, jew ‬𐤑𐤁‬‬𐤓𐤕𐤏‬𐤍, ṣbrtʿn). Milli jidher dan kien isem Berberu, li jagħti x'jifhem li kien jeżisti xi insedjament nattiv qabel il-belt.[2][3] Il-port serva bħala ċentru Feniċju għall-prodotti tal-periferija Afrikana. Il-Griegi sejħulha Sabrata (bil-Grieg Antik: Σαβράτα), Sabaratha (bil-Grieg Antik: Σαβαραθά), Sabratha (bil-Grieg Antik: Σαβράθα) kif ukoll Abrotonon (bil-Grieg Antik: Ἀβρότονον). Wara l-waqgħa tal-Feniċja, Sabratha sfat taħt l-influwenza ta' Kartaġni.[4][5][6]

Wara l-Gwerer Puniċi, Sabratha saret parti mir-Renju Numidjan b'għomru qasir ta' Massinissa qabel ma dan ġie anness mar-Repubblika Rumana bħala l-provinċja ta' Africa Nova fis-seklu 1 Q.K. Sussegwentement ġiet Rumanizzata u rikostruwita fis-sekli 2 u 3 W.K. L-Imperatur Septimius Severus twieled fil-qrib, f'Leptis Magna, u Sabratha laħqet l-quċċata tagħha taħt it-tmexxeja tas-Severani, meta kważi rdoppjat bħala daqs. Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi minħabba terremoti li heżżew l-art matul is-seklu 4, b'mod partikolari t-terremot tat-365. Il-belt sfat taħt il-kontroll tar-renju tal-Vandali fis-seklu 5, u partijiet kbar mill-belt ġew abbandunati. Reġgħet ingħatat ftit ħajjja taħt it-tmexxija Biżantina, meta nbnew diversi knejjes u ħajt difensiv (għalkemm madwar parti żgħira mill-belt). Il-belt kienet ukoll is-sede ta' veskovat.[7] Fi żmien mitt sena mill-invażjoni Musulmana tal-Magreb, il-kummerċ kien għadda għand portijiet oħra u Sabratha ċkienet għad-daqs ta' villaġġ.

Sit arkeoloġiku

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru ta' Sabratha.
It-Teatru ta' Sabratha.

F'Sabratha saru diversi kampanji ta' skavi mill-1921, l-iktar minn arkeologi Taljani. Ġiet skavata wkoll minn tim Brittaniku mmexxi minn Dame Kathleen Kenyon u John Ward-Perkins bejn l-1948 u l-1951.[8] Apparti t-Teatru ta' Sabratha li għad għandu l-isfond arkitettoniku fuq tliet sulari, f'Sabratha hemm tempji ddedikati lil Liber Pater, Serapis u Isis. Hemm bażilika Kristjana ta' żmien Ġustinjanu kif ukoll fdalijiet ta' wħud mill-artijiet bil-mużajk li kienu jżejnu l-binjiet tal-elit tat-Tramuntana tal-Afrika Rumana (pereżempju, fil-Villa ta' Sileen, qrib Homs). Madankollu, dawn huma ppreservati l-iktar fil-mudelli kkuluriti fil-banjijiet fuq in-naħa tal-baħar (jew il-Forum), direttament faċċata tal-kosta, u fl-artijiet bojod u suwed tal-banjijiet tat-teatru. Qrib is-sit arkeoloġiku hemm mużew li fih uħud mit-teżori ta' Sabratha, għalkemm hemm fdalijiet oħra li jistgħu jiġu ammirati fil-Mużew Nazzjonali f'Tripli.

Fl-1943, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-arkeologu Max Mallowan, ir-raġel tar-rumanziera Agatha Christie, kien ibbażat f'Sabratha bħala assistent tal-Uffiċjal Għoli tal-Affarijiet Ċivili tal-Provinċja tal-Punent ta' Tripolitanja. Il-kompitu prinċipali tiegħu kien li jissorvelja l-allokazzjoni tar-razzjonijiet tal-qmuħ, iżda fi kliem il-bijografu ta' Christie, dan kien "stazzjonament glorjuż", li matulu Mallowan għex f'villa Taljana b'terrazzin li jagħti fuq il-baħar u kien jiekol ħut frisk u żebbuġ.[9]

Erożjoni u elementi

[immodifika | immodifika s-sors]
Parti mill-artijiet tal-Fiera Internazzjonali ta' Tripli (taħt it-tmexxija Taljana).

Skont rapport ta' April 2016, minħabba l-kompożizzjoni ratba tal-ħamrija u n-natura tal-kosta ta' Sabratha, li hija magħmula l-iktar minn blat artab u ramel, il-fdalijiet ta' Sabratha jgħaddu minn perjodi perikolużi ta' erożjoni kostali. Il-banjijiet pubbliċi, il-binja bil-moli taż-żebbuġ u l-"port" jistgħu jitqiesu bħala l-iżjed li ġarrbu ħsarat peress li l-binjiet ikkrollaw minħabba maltempati u baħar qawwi. Peress li l-materjal tal-bini l-iktar komuni f'Sabratha, il-kalkarenit, huwa ferm suxxettibbli għall-erożjoni fiżika, kimika u bijoloġika minħabba l-elementi (b'mod partikolari r-raxx tal-baħar), il-konservazzjoni fit-tul tal-monumenti hija mhedda. Iż-żieda fil-livell tal-baħar ukoll tista' tikkomprometti l-integrità tas-sit.[10][11]

Din l-erożjoni tal-kosta ta' Sabratha Antika tista' tiġi osservata kull sena b'differenzi sinifikanti fil-konfigurazzjoni tal-bajja u b'binjiet li dan l-aħħar tmermru u kkrollaw. Il-breakwaters stabbiliti qrib il-port u l-moli taż-żebbuġ mhumiex adegwati u huma żgħar wisq biex jipproteġu b'mod effiċjenti l-Belt Antika ta' Sabratha.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Sabratha ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Sabratha moderna

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-belt moderna ta' Sabratha hemm ukoll l-Università ta' Sabratha. Wefaq Sabratha huwa l-klabb tal-futbol tal-belt, u jilgħab fl-Istadium ta' Sabratha.

Kif innotat fid-dokumentarju tal-2021 The Beatles: Get Back, tar-reġista Peter Jackson, it-Teatru ta' Sabratha kien jitqies bħala wieħed mill-postijiet possibbli fejn The Beatles setgħu jagħmlu l-kunċert finali f'ħin reali tagħhom bħala grupp (minflok l-aħħar kunċert tagħhom għamluh fuq il-bejt tal-kwartieri ġenerali tal-Apple Corps).[12]

Sabratha għandha klima sħuna u semiarida skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen (BSh).

Data klimatika għal Sabratha
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 17.2

(63.0)

18.8

(65.8)

20.9

(69.6)

23.7

(74.7)

25.9

(78.6)

29.2

(84.6)

31.3

(88.3)

32.1

(89.8)

30.2

(86.4)

27.5

(81.5)

23.6

(74.5)

18.8

(65.8)

24.9

(76.9)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 6.8

(44.2)

7.9

(46.2)

9.9

(49.8)

13.1

(55.6)

15.4

(59.7)

19.0

(66.2)

20.0

(68.0)

21.1

(70.0)

20.3

(68.5)

17.0

(62.6)

12.2

(54.0)

8.1

(46.6)

14.2

(57.6)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 45

(1.8)

26

(1.0)

17

(0.7)

11

(0.4)

4

(0.2)

1

(0.0)

0

(0)

0

(0)

8

(0.3)

23

(0.9)

33

(1.3)

51

(2.0)

219

(8.6)

Sors: Climate-data.org[13]

Sit arkeoloġiku

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Sabratha". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  2. Ghaki, Mansour (2015), "Toponymie et Onomastique Libyques: L'Apport de l'Écriture Punique/Néopunique", La Lingua nella Vita e la Vita della Lingua: Itinerari e Percorsi degli Studi Berberi, Studi Africanistici: Quaderni di Studi Berberi e Libico-Berberi, vol. No. 4, Napli: Unior, pp. 65–71, ISBN 978-88-6719-125-3.
  3. Head, Barclay; et al. (1911), "Syrtica", Historia Numorum (2nd ed.), Oxford: Clarendon Press, p. 875.
  4. Stephanus of Byzantium, Ethnica, §A9.7.
  5. "Strabo, Geography, book 17, chapter 3, section 18".
  6. Pseudo Scylax, Periplous, §110.
  7. Francois Decret, Early Christianity in North Africa (James Clarke & Co, 2011) p. 83.
  8. Kenrick, Philip M. (2009). Tripolitania. Society for Libyan Studies (London, England). Londra: Society for Libyan Studies. ISBN 978-1-900971-08-9.
  9. Janet Morgan (1984) Agatha Christie: a Biography.
  10. Reimann, Lena; Vafeidis, Athanasios T.; Brown, Sally; Hinkel, Jochen; Tol, Richard S. J. (2018-10-16). "Mediterranean UNESCO World Heritage at risk from coastal flooding and erosion due to sea-level rise". Nature Communications. 9 (1): 4161.
  11. El-Shahat, Adam; Minas, Haithem; Khomiara, Sadek (March 2014). "Weathering of Calcarenite Monuments at Roman and Byzantine Archaeological Sites at Sabratha, Northwestern Libya: A Pilot Study". African Archaeological Review. 31 (1): 45–58.
  12. "Peter Jackson's Beatles series Get Back is a feast for obsessives" (bl-Ingliż). 2021-11-26. Miġbur 2023-10-31.
  13. "Sabrata climate: Average Temperature by month, Sabrata water temperature". en.climate-data.org. Miġbur 2023-10-31.