Rudolf Diesel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Rudolf Diesel
Rudolf Diesel2.jpg
Ħajja
Isem propju Rudolf Christian Karl Diesel
Twelid Pariġi, 18 Marzu 1858
Nazzjonalità Ġermanja
Residenza Londra
Grupp etniku Ġermaniżi
Mewt Fliegu Ingliż, 30 Settembru 1913
Post tad-dfin baħar
Manjiera tal-mewt aċċident (għarqa)
Familja
Konjuga/i Louise Martha Diesel
Ulied
Familja
Edukazzjoni
Alma mater Università Teknika ta' Munich
Università Ludwig Maximilian ta’ Munich
Direttur tat-teżi Carl von Linde
Lingwi Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni inventur
imprenditur
inġinier
Esperantista
Impjegaturi Sulzer
MAN Truck & Bus
Premjijiet
Sħubija Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Ġermaniżi

Rudolf Christian Karl Diesel [ˈdiːzl̩]; twieled fit-18 ta' Marzu 1858 – miet fid-29 ta' Settembru 1913) kien inventur u inġinier mekkaniku Ġermaniż li kien famuż għaliex ivvinta l-magna li taħdem bid-diżil. Il-kunjom Diesel intuża wkoll għall-film tal-1942 Diesel.

Ħajja bikrija u edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Diesel twieled id-dar f'Rue Notre Dame de Nazareth 38 f'Pariġi, Franza, fl-1858.[1] Huwa kien it-tieli wild minn tlieta ta' Elise (kunjomha xebba Strobel) u Theodor Diesel. Il-ġenituri tiegħu kienu immigranti mill-Bavarja li kienu jgħixu f'Pariġi.[2][3] Theodor Diesel, li kien legatur tal-kotba tas-sengħa, telaq minn raħal twelidu Augsburg, il-Bavarja, fl-1848. Huwa ltaqa' ma' martu, bint merkant minn Nuremberg, f'Pariġi fl-1855 u hemmhekk sar manifattur tal-oġġetti tal-ġilda.[4]

Ftit ġimgħat biss wara twelidu, Rudolf Diesel ingħata lill-familja ta' bdiewa Vincennes, fejn qatta' l-ewwel disa' xhur ta' ħajtu. Meta ġie rritornat lil familtu oriġinali, dawn ittrasferew ruħhom f'appartament f'Rue de la Fontaine-au-Roi 49. Dak iż-żmien, il-familja Diesel kienet għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji. B'hekk, fi tfulitu, Rudolf Diesel kellu jaħdem fl-istudjo ta' missieru u jwassal l-oġġetti tal-ġilda lill-klijenti permezz ta' karretta b'rota waħda. Huwa attenda skola Protestanta Franċiża u malajr beda jinteressa ruħu fi kwistjonijiet soċjali u fit-teknoloġija.[5] Huwa kien student bravu ħafna, u meta kellu 12-il sena ngħata l-medalja tal-bronż mingħand is-Société pour l'Instruction Elémentaire[6] u kellu pjanijiet biex jidħol jistudja fl-Ecole Primaire Supérieure fl-1870.[7]

Meta faqqgħet il-Gwerra bejn il-Franċiżi u l-Prussjani f'dik l-istess sena, il-familja tiegħu kellha titlaq, flimkien ma' bosta familji Ġermaniżi oħra. Huma marru jgħixu f'Londra, fejn Rudolf Diesel attenda skola fejn kien jiġi mitkellem l-Ingliż. Madankollu, qabel tmiem il-gwerra, omm Diesel batitu lejn Augsburg biex jgħix maz-zijiet tiegħu, Barbara u Christoph Barnickel, biex ikollu ħakma tal-Ġermaniż u biex iżur il-Königliche Kreis-Gewerbeschule (il-Kulleġġ Vokazzjonali tal-Kontea Rjali), fejn zijuh kien jgħallem il-matematika.[7]

Meta kellu 14-il sena, Rudolf Diesel kiteb ittra lill-ġenituri tiegħu u qalilhom li ried isir inġinier. Wara li lesta l-edukazzjoni bażika tiegħu bħala l-aqwa fil-klassi tiegħu fl-1873, huwa nkiteb fl-Iskola Industrijali ta' Augsburg li kienet għadha kemm ġiet stabbilita. Sentejn wara, huwa ngħata borża ta' studju għall-merti tiegħu mill-Istitut Politekniku Bavarjan Irjali ta' Munich, li hu aċċetta kontra x-xewqat tal-ġenituri tiegħu, li kienu jippreferu li kieku beda jaħdem.[7]

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-professuri ta' Rudolf Diesel fi Munich kien Carl von Linde. Diesel ma setax jiggradwa mal-klassi tiegħu f'Lulju 1879 minħabba li marad bit-tifojde. Sakemm kien qed jistenna d-data suċċessiva tal-eżami, huwa kiseb esperjenza prattika fl-inġinerija mal-Impjant tal-Magni tal-Aħwa Sulzer f'Winterthur, l-Iżvizzera. Diesel iggradwa f'Jannar 1880 bl-ogħla unuri akkademiċi u reġa' lura f'Pariġi, fejn assista l-professur preċedenti tiegħu fi Munich, Carl von Linde, bid-disinn u bil-kostruzzjoni ta' impjant modern tar-refriġerazzjoni u tas-silġ. Rudolf Diesel sar id-direttur tal-impjant sena wara.

Fl-1883, Diesel iżżewweġ lil Martha Flasche, u kompla jaħdem għal Linde, filwaqt li kiseb diversi privattivi kemm fil-Ġermanja kif ukoll fi Franza.[8]

Fil-bidu tal-1890, Diesel ittrasferixxa ruħu lejn Berlin flimkien mal-mara u t-tfal tiegħu, Rudolf Jr, Heddy, u Eugen, biex jieħu ħsieb l-immaniġġjar tad-dipartiment tar-riċerka u l-iżvilupp korporattivi ta' Linde u biex jissieħeb ma' diversi bords korporattivi oħra hemmhekk. Peress li ma setax juża l-privattivi li żviluppa meta kien għadu impjegat ta' Linde għall-finijiet tiegħu stess, huwa mar lil hinn mill-qasam tar-refriġerazzjoni. L-ewwel beda jaħdem bl-istim, fejn ir-riċerka tiegħu fl-effiċjenza termali u l-effiċjenza tal-fjuwil wasslitu biex jibni magna li taħdem bl-istim abbażi tal-fwar tal-ammonijaka. Madankollu, matul it-testijiet, il-magna splodiet u kważi qatlitu. Ir-riċerka tiegħu fil-pressjoni taċ-ċilindri b'kompressjoni għolja ttestjat il-qawwa tas-cylinder heads tal-ħadid u tal-azzar. Wieħed minnhom sploda matul il-perjodu ta' prova. Huwa qatta' ħafna xhur l-isptar, u wara kellu bosta problemi tas-saħħa u tal-vista.

Minn mindu attenda l-lekċers ta' Carl von Linde, Rudolf Diesel kellu f'moħħu li jiddisinja magna b'kombustjoni interna li setgħet toqrob l-effiċjenza termali teorika massima taċ-ċiklu ta' Carnot. Huwa ħadem qatigħ fuq din l-idea għal bosta snin, u fl-1892, huwa qies li t-teorija tiegħu kienet kompluta. Fl-istess sena, Diesel ingħata l-privattiva Ġermaniża DRP 67207. Fl-1893, huwa ppubblika saġġ imsejjaħ Theory and Construction of a Rational Heat-engine to Replace the Steam Engine and The Combustion Engines Known Today, li kien ilu jaħdem fuqu mill-bidu tal-1892. Dan is-saġġ serva bħala l-bażi għax-xogħol u għall-iżvilupp tiegħu fir-rigward tal-magna li taħdem bid-diżil. Sas-sajf 1893, Diesel kien irrealizza li t-teorija inizjali tiegħu kienet żbaljata, u b'hekk ressaq applikazzjoni oħra għal privattiva għat-teorija kkoreġuta fl-1893.[9]

Diesel fehem it-termodinamika kif ukoll id-diffikultajiet teoriċi u prattiċi rigward l-effiċjenza tal-fjuwil. Huwa kien jaf li saħansitra sa 90 % tal-enerġija disponibbli fil-fjuwil tinħela f'magna li taħdem bl-istim. Ix-xogħol tiegħu fid-disinn tal-magni kien xprunat bl-għan li jikseb proporzjonijiet ta' effiċjenza ogħla. Fil-magna tiegħu, il-fjuwil kien injettat fl-aħħar tal-istroke tal-kompressjoni u l-magna kienet titqabbad permezz tat-temperatura għolja li kienet tirriżulta mill-kompressjoni. Mill-1893 sal-1897, Heinrich von Buz, id-direttur ta' Maschinenfabrik Augsburg f'Augsburg, ta lil Rudolf Diesel l-opportunità li jittestja u li jiżviluppa l-ideat tiegħu.[2]

L-ewwel magna li taħdem bid-diżil, il-Magna 250/400, ġiet ittestjata uffiċjalment fl-1897 u issa hija esposta fil-Mużew Tekniku Ġermaniż fi Munich.

Rudolf Diesel kiseb privattivi għad-disinn tiegħu fil-Ġermanja u f'pajjiżi oħra, inkluż fl-Istati Uniti.[10][11]

Huwa ddaħħal fil-lista tan-nies notevoli fil-qasam tal-karozzi fl-1978.

Għejbien u mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Dresden fil-Port ta' Antwerp, 1913

Filgħaxija tad-29 ta' Settembru 1913, Rudolf Diesel tela' abbord il-bastiment GER li kien jaħdem bl-istim, SS Dresden, f'Antwerp fi triqtu lejn laqgħa tal-kumpanija Consolidated Diesel Manufacturing f'Londra. Huwa kellu ċena abbord il-vapur u wara rtira fil-kabina tiegħu għall-ħabta tal-22:00, u staqsa li jiġi mqajjem l-għada filgħodu fis-06:15; iżda qatt ma deher ħaj iktar. L-għada filgħodu, il-kabina tiegħu kienet vojta u s-sodda tiegħu kienet magħmula u ma kien jidher li raqad fiha ħadd, minkejja li l-ħwejjeġ li kien jorqod bihom kienu mitwijin pulit u l-arloġġ tiegħu tħalla maġenb is-sodda fejn seta' jarah li kieku raqad hemm. Il-kappell tiegħu u l-kowt mitwi ġew skoperti taħt il-poġġaman ta' wara l-gverta tal-vapur.[12]

Għaxart ijiem wara, l-ekwipaġġ tal-bastiment Olandiż Coertsen lemaħ il-katavru ta' raġel f'wiċċ l-ilma fil-Lvant ta' Scheldt. Il-ġisem tant kien fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni li ma kienx jintgħaraf, u ma ttellax abbord minħabba li kien maltemp. Minflok, l-ekwipaġġ ħa l-oġġetti personali mill-ilbies (kaxxa tal-pilloli, kartiera, karta tal-identità, temprin, u kontenitur ta' lenti ta' għajn waħda) tar-raġel mejjet, u reġa' ntefa' l-baħar. Fit-13 ta' Ottubru, dawn l-oġġetti ġew identifikati minn iben Rudolf, Eugen Diesel, bħala oġġetti li kienu ta' missieru.[13][14]

Hemm diversi teoriji li jispjegaw il-mewt ta' Rudolf Diesel. Uħud, fosthom il-bijografu Grosser[3] u Hans L. Sittauer[15] fl-1978 argumentaw li Rudolf Diesel ikkommetta suwiċidju. Linja oħra ta' ħsieb issuġġeriet li ġie maqtul, minħabba li rrifjuta li jagħti drittijiet esklużivi lill-forzi Ġermaniżi biex jużaw l-invenzjoni tiegħu; tabilħaqq, Diesel tela' abbord l-SS Dresden bil-ħsieb li jiltaqa' mar-rappreżentanti tal-Forza Navali Rjali Brittanika sabiex jiddiskuti l-possibbiltà li s-sottomarini Brittaniċi jibdew jaħdmu bil-magni li jaħdmu bid-diżil – iżda qatt ma reġa' lura l-art. Minkejja dan, l-evidenza hija limitata għall-ispjegazzjonijiet kollha, u b'hekk l-għejbien u l-mewt tiegħu ma jistgħux jiġu spjegati b'ċertezza.[16]

Ftit wara l-għejbien ta' Rudolf Diesel, martu Martha fetħet basket li r-raġel tagħha kien taha eżatt qabel il-vjaġġ tiegħu li spiċċa ħażin, b'direzzjonijiet li ma kellux jinfetaħ qabel il-ġimgħa ta' wara. Hi skopriet li kien fih 20,000 Mark Ġermaniż fi flus kontanti u għadd ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji li kienu jindikaw li l-kontijiet bankarji tagħhom kienu virtwalment vojta.[17] Fi djarju li Rudolf Diesel ġab miegħu abbord il-vapur, għad-data tad-29 ta' Settembru 1913, huwa pinġa salib, possibbilment biex jindika mewtu.[12]

Iktar 'il quddiem, f'nofs l-1950, Magokichi Yamaoka, il-fundatur ta' Yanmar, il-manifattur tal-magna li taħdem bid-diżil fil-Ġappun, żar il-Ġermanja tal-Punent, u sar jaf li ma kienx hemm qabar jew monument iddedikat lil Rudolf Diesel. Yamaoka u n-nies assoċjati ma' Rudolf Diesel bdew il-preparamenti meħtieġa biex jonorawh. Fl-1957, fl-okkażjoni tal-100 anniversarju tat-twelid ta' Rudolf Diesel u s-60 anniversarju tal-iżvilupp tal-magna li taħdem bid-diżil, Yamaoka ħalla b'donazzjoni l-Ġnien ta' Mafkar għal Rudolf Diesel (bil-Ġermaniż: Rudolf-Diesel-Gedächtnishain) fil-Park ta' Wittelsbacher f'Augsburg, il-Bavarja, fejn Diesel qatta' tfulitu.

Legat[immodifika | immodifika s-sors]

Bolla Ġermaniża tal-1958 b'Rudolf Diesel

Wara l-mewt ta' Rudolf Diesel, il-magna tiegħu għaddiet minn ħafna żvilupp u saret sostitut importanti ħafna għall-magna tal-istim bil-pistuni f'ħafna applikazzjonijiet. Minħabba li l-magna li taħdem bid-diżil kienet teħtieġ kostruzzjonijiet iktar robusta u itqal mill-magna li taħdem bil-gasoline, l-użu tagħha fl-avjazzjoni baqa' wieħed limitat. Madankollu, il-magna li taħdem bid-diżil saret mifruxa f'ħafna applikazzjonijiet oħra, bħall-magni weqfin, il-magni agrikoli u l-makkinarju mhux tal-awtostradi inġenerali, kif ukoll is-sottomarini, il-vapuri, u ferm iktar 'il quddiem, il-ferroviji, it-trakkijiet u l-karozzi u l-vetturi moderni.

Il-magna li taħdem bid-diżil għandha l-benefiċċju li taħdem b'iktar effiċjenza tal-fjuwil mill-magni li jaħdmu bil-petrol minħabba proporzjonijiet ta' kompressjoni ogħla u żmien itwal ta' kombustjoni, li jfissru li t-temperatura togħla iktar bil-mod, u b'hekk iktar sħana tiġi kkonvertita f'ħidma mekkanika.

Rudolf Diesel kien interessat li juża t-trab tal-faħam[18] jew iż-żejt veġetali bħala fjuwil, u fil-fatt, il-magna tiegħu kienet taħdem biż-żejt tal-karawett.[19] Għalkemm dawn il-fjuwils ma kinux popolari minnufih, meta fl-2008 għolew il-prezzijiet tal-fjuwils, flimkien ma' żieda ta' tħassib dwar ir-riżervi taż-żejt, kulma jmur beda jintuża b'mod iktar mifrux iż-żejt veġetali u l-bijodiżil.

Il-fjuwil primarju li jintuża fil-magni li jaħdmu bid-diżil huwa l-fjuwil tad-diżil eponimu, li joriġina mir-raffinar taż-żejt grezz. Il-ħżin tad-diżil huwa iktar sikur minn dak tal-petrol/gasoline, minħabba li l-punt ta' fjammabbiltà tiegħu huwa madwar 79.4 °C ogħla, u ma jisplodix.[20]

Użu taż-żjut veġetali bħala fjuwil għall-magni li jaħdmu bid-diżil[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ktieb Diesel Engines for Land and Marine Work[21], Rudolf Diesel stqarr li "fl-1900 magna żgħira li taħdem bid-diżil intweriet mill-kumpanija Otto, li fuq suġġeriment tal-Gvern Franċiż, tħaddmet biż-żejt tal-karawett (arakidi), u tant ħadmet tajjeb li ftit nies biss kienu jafu dwar dan il-fatt. Il-magna kienet inbniet għal żjut ordinarji, u mingħajr l-ebda modifika tħaddmet biż-żejt veġetali. Dan l-aħħar jien irripetejt dawn l-esperimenti fuq skala kbira b'suċċess sħiħ u b'konferma assoluta tar-riżultati li kienu nkisbu preċedentement".[22]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Herring, Peter (2000). Ultimate Train (2000 ed.). Londra: Dorling Kindersley. ISBN 0-7513-0698-3., p. 148.
  2. ^ a b Moon, John F. (1974), Rudolf Diesel and the Diesel Engine, Londra: Priory Press, ISBN 978-0-85078-130-4
  3. ^ a b Grosser, Morton (1978), Diesel: The Man and the Engine, New York: Atheneum, ISBN 978-0-689-30652-5.
  4. ^ Sittauer, Hans L. (1990), Biographien hervorragender Naturwissenschaftler, Techniker und Mediziner, issue 32: Nicolaus August Otto Rudolf Diesel (4th edition), Leipzig, DDR: Springer (BSB Teubner), ISBN 978-3-322-00762-9, p. 49.
  5. ^ Sittauer, Hans L. (1990), Biographien hervorragender Naturwissenschaftler, Techniker und Mediziner, issue 32: Nicolaus August Otto Rudolf Diesel (4th edition), Leipzig, DDR: Springer (BSB Teubner), ISBN 978-3-322-00762-9, p. 50.
  6. ^ "Société pour l'instruction élémentaire" (bil-Franċiż).
  7. ^ a b c Sittauer, Hans L. (1990), Biographien hervorragender Naturwissenschaftler, Techniker und Mediziner, issue 32: Nicolaus August Otto Rudolf Diesel (4th edition), Leipzig, DDR: Springer (BSB Teubner), ISBN 978-3-322-00762-9, p. 51.
  8. ^ James, Ioan (2010). Remarkable Engineers: From Riquet to Shannon. Cambridge University Press. p. 129. ISBN 9781139486255.
  9. ^ Friedrich Sass: Geschichte des deutschen Verbrennungsmotorenbaus von 1860 bis 1918, Springer, Berlin/Heidelberg 1962, ISBN 978-3-662-11843-6. p. 383.
  10. ^ "U.S. Patent 542,846".
  11. ^ "U.S. Patent 608,845".
  12. ^ a b Greg Pahl, "Biodiesel: Growing a New Energy Economy", Chelsea Green Publishing, 2008. ISBN 978-1-933392-96-7.
  13. ^ Humanities, National Endowment for the (1913-10-14). "Evening star. [volume] (Washington, D.C.) 1854-1972, October 14, 1913, Image 13". Miġbur 2021-09-29.
  14. ^ Cincinnati Enquirer, l-14 ta' Ottubru 1913.
  15. ^ Sittauer, Hans L. (1990), Biographien hervorragender Naturwissenschaftler, Techniker und Mediziner, issue 32: Nicolaus August Otto Rudolf Diesel (4th edition), Leipzig, DDR: Springer (BSB Teubner), ISBN 978-3-322-00762-9, p. 122.
  16. ^ "The tumultuous history of the diesel engine". Autoblog (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-29.
  17. ^ "The Mystery of the Diesel Engine's Disappearing Inventor | Time". webcache.googleusercontent.com. Miġbur 2021-09-29.
  18. ^ "Espacenet - Bibliographic data". worldwide.espacenet.com. Miġbur 2021-09-29.
  19. ^ ""Biodiesel Technical Information" (PDF)" (PDF).
  20. ^ "Flash Points - Liquids". www.engineeringtoolbox.com. Miġbur 2021-09-29.
  21. ^ Chalkley, Alfred Philip (1912), Diesel engines for land and marine work (2nd ed.), New York: D. Van Nostrand, p. 3.
  22. ^ Chalkley, Alfred Philip (1912), Diesel engines for land and marine work (2nd ed.), New York: D. Van Nostrand, pp. 4–5.