Royal Exhibition Building

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ir-Royal Exhibition Building u l-funtana fin-Nofsinhar tal-binja.

Ir-Royal Exhibition Building (jew il-Binji Rjali tal-Wirjiet) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Melbourne, Victoria, l-Awstralja.[1] Il-binja nbniet fl-1879-1880 bħala parti mill-moviment tal-wirjiet internazzjonali, fejn ġew ippreżentati iktar minn 50 wirja bejn l-1851 u l-1915 madwar id-dinja. Il-binja għandha superfiċe ta' madwar 26 ettaru (64 akru), twila 150 metru (490 pied) u hija mdawra b'erba' toroq tal-belt. Tinsab f'9 Nicholson Street fil-Ġonna ta' Carlton, u tmiss ma' Victoria Street, Carlton Street u Rathdowne Street, fit-tarf tal-Grigal tad-distrett kummerċjali ċentrali.[2] Inbniet biex tospita l-Wirja Internazzjonali ta' Melbourne fl-1880-1881, u mbagħad ospitat il-Wirja Internazzjonali Ċentenarja ferm ikbar fl-1888, u l-ftuħ formali tal-ewwel Parlament tal-Awstralja fl-1901. Il-binja tirrappreżenta l-flus u l-prestiġju li kellha Victoria fis-snin 70 tas-seklu 19.[3] Matul is-seklu 20 sezzjonijiet u naħat iżgħar tal-binja kienu soġġetti għat-twaqqigħ u għan-nirien; madankollu, il-binja prinċipali, magħrufa bħala s-Sala l-Kbira, baqgħet teżisti sa żminijietna.

Il-binja ġiet restawrata matul is-snin 90 tas-seklu 20 u fl-2004 saret l-ewwel binja fl-Awstralja li ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, peress li hija waħda mill-aħħar palazzi tal-wirjiet ewlenin tas-seklu 19 li għadhom jeżistu fid-dinja. Il-binja hija l-iżjed sit komplut minn żmien il-movimenti tal-wirjiet internazzjonali tal-1851-1914. Tinsab biswit il-Mużew ta' Melbourne u hija l-ikbar oġġett fil-kollezzjoni ta' Victoria tal-Mużew. Illum il-ġurnata l-binja tospita diversi wirjiet u avvenimenti oħra u hija marbuta mill-qrib ma' avvenimenti tal-Mużew ta' Melbourne.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Litografija tal-binja fl-1880. Ta' min jinnota s-sezzjonijiet ta' wara li ma għadhomx jeżistu.

Ir-Royal Exhibition Building ġiet iddisinjata mill-arkitett Joseph Reed tad-ditta Reed and Barnes, li ddisinja wkoll il-Muniċipju ta' Melbourne, il-Librerija Statali ta' Victoria u l-ġonna bi stil Barokk. Ir-Royal Exhibition Building kienet l-ikbar disinn li qatt twettaq minn Reed and Barnes. Skont Reed, id-disinn ekklettiku ġie ispirat minn bosta sorsi. Ir-Royal Exhibition Building, magħmula bil-brikks, bl-injam, bl-azzar u bil-lavanja, tirrappreżenta l-istili Biżantini, Rumaneski u Rinaxximentali Lombardi u Taljani.[1] Il-koppla ġiet immudellata fuq il-Katidral ta' Firenze, filwaqt li l-paviljuni prinċipali ġew influwenzati mill-istil tar-Rundbogenstil u diversi binjiet minn Normandija, Caen u Pariġi.[4] Il-binja għandha l-iskala tal-Belle Arti Franċiżi, bi pjanta b'għamla ta' salib Latin, b'sezzjonijiet twal qishom b'navata mpoġġija b'mod simetriku fuq assi mil-Lvant għall-Punent madwar il-koppla ċentrali, u b'sezzjoni iqsar lejn it-Tramuntana.

L-Istampa l-Kbira, il-ftuħ tal-Parlament tal-Awstralja fid-9 ta' Mejju 1901, ta' Tom Roberts.

Is-Sala l-Kbira għadha f'kundizzjoni mill-isbaħ, inkurunata b'tanbur ottagonali u b'koppla għolja 68 metru u wiesgħa 18.3-il metru. Il-koppla ġiet iffurmata permezz ta' qafas doppju tal-ħadid fondut u tal-injam. Fit-transett, it-twieqi tat-tanbur tal-koppla jdawwlu l-binja fuq ġewwa meta jkun hemm id-dawl tax-xemx. Fuq ġewwa l-iskema tal-kuluri hija dik tal-1901, b'affreski u bil-kliem "Victoria Tilqa' n-Nazzjonijiet Kollha" (bl-Ingliż: Victoria Welcomes All Nations) taħt il-koppla mill-1888.[5] Fl-1888 ġie installat it-tidwil bl-elettriku għall-Wirja Internazzjonali Ċentenarja, u b'hekk il-binja kienet waħda minn tal-bidu nett fid-dinja li kienet aċċessibbli billejl ukoll. It-tiżjin fuq ġewwa nbidel bejn iż-żewġ wirjiet tal-1880 u tal-1888. Fl-1880, il-ħitan tħallew għerija u t-twieqi u l-bibien inżebgħu bl-aħdar. Fl-1888, il-ħitan inżebgħu għall-ewwel darba. Id-dekorazzjoni fuq ġewwa saret mid-disinjatur John Ross Anderson.

Is-sala nbniet minn David Mitchell, li bena wkoll il-Knisja tal-Iskoċċiżi u l-Katidral ta' San Patrizju. Huwa kien ukoll missier is-sopran rinomata Dame Nellie Melba, li kantat fil-ftuħ tal-Kamra Temporanja tal-Parlament f'Canberra fl-1927. Mitchell kien membru tal-Kunsill tas-Soċjetà Agrikola Rjali kif ukoll tal-Assoċjazzjoni tal-Bennejja u tal-Kuntratturi.[6]

L-ewwel ġebla tal-binja tpoġġiet mill-gvernatur ta' Victoria, George Bowen, fid-19 ta' Frar 1879, u l-binja tlestiet fi 18-il xahar biss. Infetħet fl-1 ta' Ottubru 1880 bħala l-Wirja Internazzjonali ta' Melbourne. Il-binja kienet tikkonsisti mis-Sala l-Kbira li kienet tkopri iktar minn 12,000 metru kwadru, maġenb żewġ sezzjonijiet inferjuri lejn it-Tramuntana, fuq in-naħat tal-Lvant u tal-Punent, u kien hemm ukoll bosta galleriji temporanji.[7]

1880-1901[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta mill-ajru tal-Ġonna ta' Carlton fejn tinsab il-binja.

Fis-snin 80 tas-seklu 19, il-binja ospitat żewġ wirjiet internazzjonali ewlenin: il-Wirja Internazzjonali ta' Melbourne fl-1880 u l-Wirja Ċentenarja ta' Melbourne fl-1888, fejn ġie ċċelebrat seklu ta' insedjament Ewropew fl-Awstralja. L-iżjed avveniment sinifikanti li sar fir-Royal Exhibition Building kien il-ftuħ tal-ewwel Parlament tal-Awstralja fid-9 ta' Mejju 1901, wara l-inawgurazzjoni tal-Commonwealth tal-Awstralja fl-1 ta' Jannar ta' dik is-sena. Wara l-ftuħ uffiċjali, il-Parlament Federali ġie ttrasferit lejn il-Kamra tal-Parlament tal-Istat ta' Victoria, filwaqt li l-Parlament ta' Victoria ġie ttrasferit lejn ir-Royal Exhibition Building għas-26 sena ta' wara.

Fit-3 ta' Settembru 1901, il-Kontessa ta' Hopetoun, il-mara tal-Gvernatur-Ġeneral, ħabbret ir-rebbieħa ta' kompetizzjoni għad-disinn tal-Bandiera Nazzjonali Awstraljana. Bandiera kbira ta' 5.5 metri bi 11-il metru ġiet żvelata u ttajret fuq il-koppla tar-Royal Exhibition Building.[8]

1901-1979[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-binja mill-vaska.
Il-binja ntużat bħala sptar matul il-pandemija tal-influwenza Spanjola fl-1919.

Fl-1902 il-binja ospitat il-Wirja Internazzjonali Federali Awstraljana. Wara din il-wirja, il-binja ntużat għal diversi skopijiet.[9] Matul il-pandemija tal-influwenza Spanjola fl-1919, il-binja ntużat bħala sptar.[10]

Maż-żmien il-binja ddeterjorat, u saret magħrufa fost in-nies tal-post bl-ispreġjattiv "L-Iljunfant Abjad" (bl-Ingliż: The White Elephant) fis-snin 40 tas-seklu 20[11]. Sas-snin 50 tas-seklu 20, bħal bosta binjiet f'Melbourne ta' dak iż-żmien, kien maħsub li titwaqqa' biex minflokha jinbnew blokok ta' uffiċini.[12] Fl-1948, membri tal-Kunsill tal-Belt ta' Melbourne ressqu din il-proposta għall-votazzjoni u bl-iżbrixx ġie deċiż li l-binja ma titwaqqax.[13] Is-sezzjoni tal-binja li fl-imgħoddi ntużat biex tospita l-Akkwarju ta' Melbourne ħadet in-nar fl-1953. Il-binja ospitat il-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1956 u ospitat il-kompetizzjonijiet tal-basketball, tal-erfigħ tal-piżijiet, tal-lotta u tal-fencing tal-pentatlon.[14][15]

Veduta tal-binja mill-mogħdija tal-Ġonna ta' Carlton.

Matul is-snin 40 u 50 tas-seklu 20, il-binja baqgħet tintuża għaż-żfin li kien isir regolarment kull ġimgħa. Matul xi deċennji ta' dan il-perjodu saru wkoll avvenimenti ta' wiri tad-dgħajjes u tal-karozzi, kif ukoll avvenimenti oħra li kienu jsiru regolarment tal-industrija domestika u tal-bini. Barra minn hekk intużat ukoll matul is-snin 50, 60 u 70 tas-seklu 20 għall-Eżamijiet tal-Matrikola Statali u għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni ta' Victoria, fost diversi skopijiet oħra. Is-sezzjoni tal-Punent twaqqgħet fis-snin 70 tas-seklu 20. L-aħħar sezzjoni oriġinali li kien għad fadal, is-sala grandjuża tal-ballu, twaqqgħet fost kontroversja sħiħa fl-1979.[16] Fl-1980 din ġiet sostitwita b'binja ġdida fl-istess post, imlibbsa b'bosta mirja, u li kienet tipprovdi iktar spazju għall-wirjiet. Fl-1 ta' Ottobru 1980 matul żjara lejn Victoria, il-Prinċipessa Alessandra żvelat plakka li tfakkar il-ftuħ tas-Sala Ċentenarja l-ġdida bil-mirja u ċ-ċentenarju tal-binja inġenerali. Hija żvelat ukoll plakka oħra li tfakkar l-għoti tat-titlu "Rjali" (bl-Ingliż: Royal) lill-binja mill-Maestà Tagħha u r-Reġina ta' dak iż-żmien, Eliżabetta II.

1980-preżent[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sala prinċipali tal-binja minn ġewwa.

Wara l-kontroversja sħiħa minħabba t-twaqqigħ tas-sala tal-ballu, u l-ħatra ta' fiduċjarji ġodda u ta' President ġdid fl-1983, il-wirt tal-binja beda jitqies bħala xi ħaġa importanti daqs il-forniment ta' spazju modern għall-wirjiet.

L-ewwel valutazzjoni għall-konservazzjoni tal-binja saret minn Alan Willingham fl-1987, u matul id-deċennji ta' wara, is-Sala l-Kbira progressivament ġiet rinnovata u restawrata.[17] Fl-1996, il-Premier ta' Victoria ta' dak iż-żmien, Jeff Kennett, ippropona l-post għall-kostruzzjoni tal-Mużew Statali ta' Melbourne fil-parkeġġ tal-karozzi lejn it-Tramuntana, li kienet tinvolvi t-twaqqigħ tas-sezzjonijiet tas-snin 60 tas-seklu 20 fl-1997-1998.

Il-Fiera tal-Arti Biennali ta' Melbourne saret fir-Royal Exhibition Building mill-1988 sal-2014.[18][19]

Il-pożizzjoni tal-Mużew ta' Melbourne qrib ir-Royal Exhibition Building ġiet opposta ferm mill-Partit Laburista tal-Istat ta' Victoria, mill-Kunsill tal-Belt ta' Melbourne u minn xi wħud fi ħdan il-komunità lokali. Minħabba l-kampanja komunitarja ta' oppożizzjoni kontra l-iżvilupp tal-mużew, John Brumby, il-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Istat ta' dak iż-żmien, bl-appoġġ tal-Kunsill tal-Belt ta' Melbourne, ippropona n-nomina tar-Royal Exhibition Building biex titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. In-nomina ma mexietx 'il quddiem qabel l-elezzjoni tal-Partit Laburista tal-Istat ta' Victoria bħala l-gvern il-ġdid fl-1999.

In-naħa tal-Lvant tal-binja.

Fl-1 ta' Lulju 2004, ir-Royal Exhibition Building u l-Ġonna ta' Carlton tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Ir-Royal Exhibition Building hija l-unika binja tal-wirjiet tas-seklu 19 li għadha teżisti fl-Awstralja u hija waħda mill-ftit binjiet tal-wirjiet tas-seklu 19 li għadha teżisti fid-dinja.

F'Ottubru 2009, il-Mużew ta' Victoria daħal għal proġett kbir biex jirrestawra l-eks Ġnien Ġermaniż tal-Bitħa ta' Quddiem il-faċċata tal-Punent. Iż-żona kienet ġiet mgħottija bl-asfalt fis-snin 50 tas-seklu 20 għall-parkeġġ tal-karozzi.[20]

Rinnovazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-funtana tar-Royal Exhibition Building.

Fost ir-rinnovazzjonijiet hemm l-art tal-injam, is-servizzi tal-binja, ix-xogħol fil-faċċati u fil-ġebel tal-binja. Il-biċċa l-kbira tat-tarġiet tal-injam tal-binja ġew sostitwiti b'tarġiet tal-konkos, anke minħabba raġuni ta' sikurezza, għalkemm is-sit baqa' awtentiku ħafna minkejja r-rinnovazzjonijiet kollha li saru. Kull żieda mal-binja tneħħiet bħas-sezzjonijiet tal-Lvant u tal-Punent u ż-żewġ strutturi fit-Tramuntana. Il-Gvern Awstraljan dan l-aħħar ta $20 miljun għal iktar rinnovazzjonijiet għall-ħarsien u għall-promozzjoni tar-Royal Exhibition Building. Il-faċċati tan-Nofsinhar se jinkludu d-"Dinja tal-Konservazzjoni", il-koppla tas-Sala l-Kbira se tissewwa u se tinħoloq esperjenza ġdida. Is-sular ta' taħt l-art se jiġi kkonvertit f'esperjenza ta' wirja mill-kuratur. Dan se jkun post fejn l-istorja tingħata l-ħajja, u fejn se jiġu żviluppati l-ideat tal-futur. Id-Dipartiment tal-Ambjent u l-Enerġija Awstraljan, Heritage Victoria, Creative Victoria u l-Mużewijiet ta' Victoria se jissorveljaw il-proġetti.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Royal Exhibition Building u l-Ġonna ta' Carlton ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]

Użu attwali[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Royal Exhibition Building intużat bħala ċentru tal-vaċċinazzjoni tal-massa matul il-pandemija tal-COVID-19 taħt l-amministrazzjoni tal-Isptar ta' San Vinċenz.[21]

Ir-Royal Exhibition Building intużat bħala sala tal-eżamijiet għall-Università ta' Melbourne, l-Istitut Irjali tat-Teknoloġija ta' Melbourne, l-Iskola Postsekondarja ta' Melbourne, l-Iskola Postsekondarja ta' Nossal, l-Iskola Postsekondarja tal-Bniet ta' MacRobertson u l-Iskola Postsekondarja ta' Suzanne Cory.

Il-binja ma għadhiex l-ikbar ċentru tal-wirjiet kummerċjali f'Melbourne. L-alternattiva moderna hu ċ-Ċentru tal-Konvenji u tal-Wirjiet ta' Melbourne, li tinsab f'Southbank lejn in-Nofsinhar tad-distrett kummerċjali ċentrali ta' Melbourne.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Exhibition Building and Carlton Gardens". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-09.
  2. ^ "Royal Exhibition building and Carlton Gardens" (PDF).
  3. ^ "Royal Exhibition Building and Carlton Gardens, World Heritage Management Plan" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-03-09. Miġbur 2023-02-09.
  4. ^ Willis, Elizabeth (2004). The Royal Exhibition Building, Melbourne. A Guide. Melbourne, Victoria: Museum Victoria. p. 2. ISBN 0-9577471-4-4.
  5. ^ Gadd, Nick (2015-04-06). "The Royal Exhibition building of 'Marvellous Melbourne': a history of cities in 50 buildings, day 10" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-09.
  6. ^ Campbell, Joan. Mitchell, David (1829–1916). National Centre of Biography, Australian National University.
  7. ^ "The Age 150th". web.archive.org. 2009-08-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-08-21. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "It's an Honour - Symbols - Australian National Flag". web.archive.org. 2013-02-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-24. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "AUSTRALIAN FEDERAL INTERNATIONAL EXHIBITION". Melbourne, Victoria. 1902-11-01. Miġbur 2023-02-09.
  10. ^ "Melbourne at War – Stop 7 | Heritage Council of Victoria". web.archive.org. 2021-03-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-03-19. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Royal Exhibition Building: Museum Victoria". web.archive.org. 2012-01-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-04. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Who will save Melbourne from the wrecker's ball? - Opinion - www.theage.com.au". web.archive.org. 2012-10-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-10-03. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ Wills, Elizabeth (2004). The Royal Exhibition Building, Melbourne. A Guide. Melbourne, Victoria: Museum Victoria. pp. Foreword. ISBN 0-9577471-4-4.
  14. ^ "The Royal Exhibition Building in Melbourne" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-07-26. Miġbur 2023-02-09.
  15. ^ "1956 Summer Olympics official report" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-09-12. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ "Museum Victoria" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-09-10. Miġbur 2023-02-09.
  17. ^ "Global status for our greatest building - theage.com.au". web.archive.org. 2011-09-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-12. Miġbur 2023-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ artshub-au (2020-06-09). "Review: Melbourne Art Fair Viewing Rooms". ArtsHub Australia (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-09.
  19. ^ Francis, Hannah (2019-07-09). "Melbourne art fair returns with design flair". The Sydney Morning Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-09.
  20. ^ "Royal Exhibition Building: World Heritage, World Futures". web.archive.org. 2009-11-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-11-19. Miġbur 2023-02-09.
  21. ^ Richards, Tim (2021-06-11). "'It's stunning': Australia's UNESCO World Heritage-listed vaccine hub". Traveller (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-09.