Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Doñana

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Imraġ tal-Park Nazzjonali ta' Doñana fil-provinċja ta' Huelva.

Il-Park Nazzjonali ta' Doñana (bl-Ispanjol: Parque Nacional de Doñana) huwa riżerva naturali fl-Andalusija, fin-Nofsinhar ta' Spanja, fil-provinċji ta' Huelva (il-biċċa l-kbira tat-territorju tagħha), Cádiz u Sivilja. Il-park ikopri 543 km2 (209.65 mili kwadri), li minnhom 135 km2 (52.12 mil kwadru) huma żona protetta. Il-park huwa żona ta' mraġ, nixxigħat baxxi u għaram tar-ramel f'Las Marismas, id-delta fejn ix-xmara Guadalquivir tnixxi fl-Oċean Atlantiku. Ġie stabbilit bħala riżerva naturali fl-1969 meta l-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi ngħaqad mal-gvern Spanjol u xtara sezzjoni ta' mraġ biex jipproteġi s-sit.[1] L-ekosistema ilha taħt theddida kostanti minħabba d-drenaġġ tal-imraġ, l-użu tal-ilma tax-xmara għall-ixprunar tal-produzzjoni agrikola permezz tat-tisqija tal-art tul il-kosta, it-tniġġis tal-ilma permezz tal-estrazzjoni iktar 'il fuq tul ix-xmara, u t-tkabbir tal-faċilitajiet turistiċi. Il-park huwa msemmi għal Doña Ana de Silva y Mendoza, il-mara tas-seba' Duka ta' Medina Sidonia.

Il-Park Nazzjonali ta' Doñana għandu bijodiversità unika fl-Ewropa, għalkemm hemm xi similaritajiet mal-Park Naturali Reġjonali tad-delta tax-xmara ta' Camargue (bil-Franċiż: Parc Naturel Régional de Camargue) fi Franza. Iż-żewġ parks naturali huma ġemellati ma' xulxin.[2] Il-Park Nazzjonali ta' Doñana fih varjetà kbira ta' ekosistemi u postijiet imkennija għall-organiżmi selvaġġi, fosthom eluf ta' għasafar tal-passa Ewropej u Afrikani[3], ċriev selvaġġi, ċriev ħamranija Spanjoli, ċingjali selvaġġi, baġers Ewropej, mangus Eġizzjani, u speċijiet fil-periklu bħall-ajkla imperjali Spanjola u l-linċi Iberika.

Ir-riżerva naturali ta' Doñana tinkludi kemm il-Park Nazzjonali ta' Doñana, stabbilit fl-1969, kif ukoll il-Park Naturali ta' Doñana, maħluq fl-1989 u mkabbar fl-1997, fejn inħolqot żona ta' lqugħ u ta' protezzjoni taħt il-ġestjoni tal-gvern reġjonali. Minn dak iż-żmien 'l hawn, iż-żewġ parks ġew ikklassifikati bħala pajsaġġ naturali uniku. Minħabba l-pożizzjoni strateġika tal-Park Nazzjonali ta' Doñana bejn il-kontinenti tal-Ewropa u tal-Afrika u l-prossimità tiegħu mal-Istrett ta' Ġibiltà, il-bur salmastru enormi ta' Doñana huwa post ta' tnissil kif ukoll punt ta' tranżitu għal eluf ta' għasafar Ewropej u Afrikani (akkwatiċi u terrestri), u jospita bosta speċijiet ta' għasafar tal-ilma li jpassu matul ix-xitwa, tipikament sa 200,000 għasfur. Iżjed minn 300 speċi differenti ta' għasafar jokkorru fil-park kull sena. Il-park jitqies bħala l-ikbar riżerva naturali fl-Ewropa u diversi istituzzjonijiet xjentifiċi għandhom stazzjonijiet ta' monitoraġġ fi ħdan il-konfini tiegħu sabiex jiżguraw l-iżvilupp xieraq tal-artijiet biswit il-park kif ukoll il-konservazzjoni tal-ispeċijiet mhedda li jgħixu fih. Il-Park Nazzjonali ta' Doñana ġie ddikjarat Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994[4]; fl-2006, il-park irreġistra 376,287 viżitatur.

Matul is-sekli 19 u 20, merħla dromedarji kienet tgħix fl-inħawi tal-park. X'aktarx li kienu ddaħħlu matul il-Konkwista ta' Spanja min-naħa tal-Għarab Iberiċi fis-seklu 8, jew jaf kienu ħarbu minn xi merħla introdotta mill-Markiża ta' Molina bħala bhejjem tal-ġarr fl-1829.[5][6] Sas-snin 50 tas-seklu 20, kien għad fadal tmien individwi biss u dawn kienu mhedda min-nassaba.[7]

Ġeoloġija u ġeomorfoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-park mill-ajru.

Il-profil ġeoloġiku tal-Park Nazzjonali ta' Doñana jirrifletti l-iżvilupp tul diversi mijiet ta' eluf ta' snin ta' karatterisitiċi ġeomorfiċi u ta' akwifer fond li saħħew il-bijodiversità tal-ħabitats tal-organiżmi selvaġġi li attwalment jinstabu hemmhekk. Wara t-tmiem tal-aħħar perjodu glaċjali, iż-żona ġiet miksija bl-imraġ salmastri u tal-ilma ħelu, bl-għadajjar u bl-għaram tar-ramel[8], b'xi intrużjonijiet tal-baħar ikkawżati minn avvenimenti b'enerġija kbira bħal tsunamis u maltempati kbar. Perjodu ta' żieda komparattivament rapida fil-livel globali tal-baħar matul l-ewwel parti tal-perjodu interglaċjali Flandrijan jew l-Oloċen ġie assoċjat mad-dewbien tal-paleoglaċieri, u l-livell massimu ntlaħaq xi 6,500-7,000 sena ilu. Matul dak iż-żmien, il-Park Nazzjonali ta' Doñana u l-inħawi tal-madwar ġew mgħerrqa, u ffurmat laguna, li iktar 'il quddiem issejħet Lacus Ligustinus mir-Rumani. Il-pass tas-sedimentazzjoni tal-laguna żdied matul l-aħħar 6,000 sena, flimkien mat-tkabbir aċċellerat tal-istmi tar-ramel u l-ħolqien ta' mraġ u ta' artijiet mistagħdra interni ġodda. L-imraġ estensivi tal-Park Nazzjonali ta' Doñana issa għandhom topografija ċatta, b'xi depressjonijiet interni okkupati minn artijiet mistagħdra temporanji jew permanenti, imsejħa "lucios" lokalment.[9] Iż-żona kollha hija protetta mill-istmu ta' Doñana, barriera litorali wiesgħa bir-ramel fejn sistemi tal-għaram mobbli qed jikbru lejn ix-Xlokk.[10]

Żmien il-qedem

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xtut tax-xmara Guadalquivir fil-Park Nazzjonali ta' Doñana.

Għalkemm it-topografija ta' Doñana hija karatteristika terrestri relattivament ġdida meta mkejla skont il-kronoloġija ġeoloġika, fl-inħawi nstabu fdalijiet ta' għodod Neolitiċi. Diversi ċivilizzazzjonijiet tal-qedem jaf kellhom preżenza hemmhekk saħansitra 2,800 sena ilu, inkluż il-Feniċi, il-Griegi Feniċi u t-Tartessjani, iżda ma nstabux fdalijiet arkeoloġiċi tagħhom.[11][12][13] Fl-1923, l-arkeologu Ġermaniż Adolf Schulten, akkumpanjat minn Adolf Lammerer u George Bonsor, fittxew għas-sit tal-belt kapitali antika tat-Tartessjani fl-għaram ta' Doñana, iżda ma sabu xejn ta' interess. Dawn l-iskavi twettqu f'Cerro del Trigo u ġew iffinanzjati mid-Duka ta' Tarifa u Denia, li dak iż-żmien kien is-sid ta' Doñana.[14][15] Minkejja dan, fl-1978 Schulten sab l-istele ta' Villamanrique[16] fir-raħal fil-qrib ta' Villamanrique de la Condesa.[17] Fl-2007 saru stħarriġiet fil-bur salmastru ta' Hinojos jew "Marisma de Hinojos", fil-provinċja ta' Huelva, fi sforz biex jiġu skoperti t-traċċi tal-belt tal-qedem. Fost is-sejbiet notevoli kien hemm il-fdalijiet ta' insedjamenti Rumani, li jmorru lura għas-sekli 2 sa 5 W.K., li primarjament kienu jipprattikaw is-sajd u t-tmelliħ tal-ħut jew it-tħejjija tal-garum. L-imraġ ta' Guadalquivir (bl-Ispanjol: Las Marismas del Guadalquivir), li huma żona ta' artijiet bassasa baxxi qrib ix-xatt tax-xellug tal-bokka tax-xmara Guadalquivir, fl-imgħoddi kienu lag intern kbir magħruf bħala Lacus Ligustinus bil-Latin.[18] Bil-mod il-mod il-lag imtela bid-depożiti tas-sedimenti, u gradwalment żviluppa fl-imraġ attwali.[19]

Alfonso X l-Għaref

Fl-1262, wara li ħakem ir-renju tal-vassalli ta' Niebla, ir-Re Alfonso X stabbilixxa Real Cazadero (riżerva rjali għall-kaċċa) fil-foresta ta' Las Rocinas, bejn ir-Rio Tinto u x-xmara Guadalquivir, parzjalment minħabba l-abbundanza ta' ċriev hemmhekk, kif ukoll minħabba s-santwarju żgħir ta' Santa Olalla, li minn dak iż-żmien għeb, fl-Arroyo de la Rocina.[20]

Fl-1297, ibnu Sancho IV ta lil Guzmán el Bueno t-titlu ta' Sinjur u t-tmexxija territorjali ta' Sanlúcar, li kien jikkonsisti mit-territorju li jinsab wara Arenas Gordas max-xatt tax-xellug tal-estwarju tax-xmara Guadalquivir, u li baqa' f'idejn il-familja Medina-Sidonia għal iktar minn sitt sekli. il-familja nobbli ġiet stabbilita fl-1369, meta Enriku II ta' Kastilja ta l-Kontea ta' Niebla lir-raba' Sinjur ta' Sanlúcar.[21] Fl-1493 il-Monarki Kattoliċi taw parti mill-art tal-villaġġ attwali ta' El Rocío b'donazzjoni lis-segretarjat irjali, li mbagħad bigħha lir-raħal ta' Almonte. Preċedentement, bhejjem ġodda tat-tnissil ġew introdotti fost il-popolazzjonijiet lokali ta' ċingjali selvaġġi u ċriev, filwaqt li l-kaċċa għal-lupi kienet imħeġġa għall-benefiċċju tat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat u taż-żwiemel.

Fl-inħawi ta' Niebla, speċifikament f'Las Rocinas, l-art hija ċatta, miksija bl-arbuxelli, u dejjem ikun hemm iċ-ċingjali selvaġġi hemmhekk... ...wieħed ma jistax jaqsam minn din l-art fix-xitwa, li ġeneralment tkun dejjem b'ħafna xita nieżla, għajr f'xi nixfa, u lanqas fis-sajf peress li mbagħad tkun wisq niexfa u wisq sħana. ~ Alfonso XI fil-Libro de la Montería (Il-Ktieb tal-Kaċċa), li nkiteb bejn l-1342 u l-1348 (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Żmien modern bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Kważi seklu wara, Alonso Pérez de Guzmán y Sotomayor, is-seba' Duka ta' Medina Sidonia u kmandant tal-Armada Spanjola, reġa' xtara parti mill-art. Martu, Ana de Silva y Mendoza, bint il-Prinċipessa ta' Eboli, marret tgħix f'villeġġjatura hemmhekk imsejħa "Coto de Doña Ana" (ir-Riżerva tal-Kaċċa ta' Doña Ana), li kienet l-oriġini tal-isem attwali ta' "Doñana"[22]; din id-dar ġiet rinnovata snin wara bħala palazz. Issir referenza għall-użu ta' Coto Donana bħala loġġa tal-kaċċa fl-ewwel versi ta' La Fábula de Polifemo y Galatea (Il-Ħrafa ta' Polifemu u Galatea), li l-poeta liriku Luis de Góngora ddedika lill-Konti ta' Niebla, u fejn jitlob lin-nobbli jissospendu l-attivitajiet tal-kaċċa tagħhom sabiex jisimgħu l-versi tiegħu. Fl-1624, ir-Re Filippu IV qagħad fil-loġġa għal diversi jiem bħala mistieden tad-disa' Duka ta' Medina Sidonia, u ssieħeb f'attivitajiet kbar tal-kaċċa. Huwa ġab miegħu varjetà kbira ta' affarijiet lussużi bħal borra mill-muntanji għall-banketti frekwenti li kien jagħmel f'ġieħ id-duka. Fl-1797 Francisco Goya qagħad fil-palazz bħala mistieden tal-patruni tiegħu, il-15-il Duka ta' Medina-Sidonia u martu, it-13-il Dukessa ta' Alba. Hemmhekk Goya ħoloq l-Álbum A tiegħu, kollezzjoni ta' tpinġijiet, u milli jidher pitter uħud mir-ritratti famużi tiegħu, La Maja Vestida ("Il-Maja Mlibbsa") u La Maja Desnuda ("Il-Maja Għerwiena"), li jingħad li kienu jirrappreżentaw lid-dukessa.[23]

Ħolqien tal-Park Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-1854, permezz tal-pubblikazzjoni ta' diskussjoni dwar iż-żona f'trattat imsejjaħ "Avifauna de Doñana: Catálogo de las aves observadas en algunas provincias andaluzas" ("Avifawna ta' Doñana: Katalogu tal-għasafar osservati f'xi provinċji tal-Andalusija") ta' Antonio Machado y Nunez, il-pubbliku beda japprezza l-valur ekoloġiku tas-sit bis-saħħa tal-bosta speċijiet differenti ta' organiżmi selvaġġi li kienu jinstabu fih. B'hekk, bdew iżuru s-sit naturalisti u kaċċaturi Brittaniċi, inkluż Abel Chapman u Walter J. Buck, u t-tnejn li huma kitbu kotba li ġibdu l-attenzjoni ta' udjenza usa' fl-Ewropa dwar l-importanza strateġika ta' Doñana għall-għasafar tal-passa fil-vjaġġ tagħhom lejn l-Afrika. Iktar 'il quddiem, meta José Joaquín Álvarez de Toledo y Caro (1865-1915) sar id-19-il Duka ta' Medina Sidonia, huwa wiret djun kbar u biex iħallashom kellu jbigħ diversi assi, inkluż il-Coto de Doñana, li nbigħet għal 750,000 peseta, u b'hekk ma baqgħetx marbuta mal-familja nobbli.

Meta l-Baruni William Garvey xtara Doñana mid-Duka fl-1901, is-sit kien abbandunat u fi stat ta' telqa. Garvey irrestawra l-palazz għal kif kien qabel fl-aqwa tiegħu, u meta miet il-proprjetà għaddiet għand ħuh Joseph Garvey u n-neputija tiegħu Maria Medina y Garvey, li kienet miżżewġa mad-Duka ta' Tarifa, li kien inġinier forestali. Fl-1934 il-proprjetà għaddiet għand oħt id-Dukessa ta' Tarifa, Blanca Medina y Garvey, li kienet miżżewġa lill-Markiż ta' Borghetto. Fl-1942, il-Markiż bigħ il-proprjetà lil kumpanija ffurmata minn Salvador Noguera, Manuel Gonzalez u l-Markiż ta' Mérito. Ħamsin sena wara, il-park ġie kkonsolidat bħala żona naturali.

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-Park Nazzjonali ta' Doñana miċ-ċentru għall-viżitaturi f'El Acebuche.

In-negozjant Spanjol Mauricio González-Gordon y Díez, il-Markiż ta' Bonanza, li kellu s-sjieda ta' proprjetà kbira f'Doñana, sar interessat fl-ekosistemi tas-sit u l-għasafar ta' hemmhekk, u stieden lill-ornitologi minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru s-sit. Fl-1952, l-ornitologi Spanjoli José Antonio Valverde u Francisco Bernis żaru s-sit, flimkien ma' González-Gordon li kien il-gwida tagħhom. Valverde u l-familja González-Gordon raw li l-artijiet mistagħdra, bid-diversità rikka ta' organiżmi selvaġġi li jgħixu fihom, kienu mhedda mill-proposti ta' drenaġġ mill-gvern Spanjol għall-biedja u ta' tħawwil ta' siġar tal-ewkaliptu. Mauricio, flimkien ma' missieru, staqsa lil Bernis jipprova jinfluwenza d-dittatur Spanjol Francisco Franco biex jabbanduna l-pjanijiet li kellu. It-tlieta f'daqqa kitbu memorandum li ġie ppreżentat lil Franco nnifsu minn missier Mauricio, Manuel. Sa Novembru 1953 Bernis kien lesta rapport dwar l-istatus ta' Doñana fejn wera li ż-żona kellha valur ekoloġiku eċċezzjonali. Flimkien ippruvaw jiksbu l-appoġġ internazzjonali biex jilħqu l-għanijiet tagħhom u rnexxielhom. L-isforzi ta' González-Gordon biex jipperswadi lil Franco esponewh għal xi periklu, iżda l-gvern ta' Franco kkonċeda u ħassar il-pjanijiet ta' drenaġġ tas-sit.

Valverde mexxa l-ewwel spedizzjoni xjentifika organizzata lejn Doñana fl-1957, flimkien man-naturalisti Brittaniċi Guy Montfort, Roger Peterson, u Sir Julian Huxley. Grupp ta' esperti Ewropej dwar il-konservazzjoni – inkluż Guy Monfort, Max Nicholson u Luc Hoffmann – imbagħad urew l-importanza kruċjali taż-żona bħala punt ta' waqfien għall-għasafar li jpassu bejn il-kontinenti tal-Ewropa u l-Afrika. Fl-1959, il-familja Gonzalez bigħet il-parti tagħha tal-art f'Doñana għall-iżvilupp tal-lukanda ta' Matalascañas. Dan allarma lill-konservazzjonisti Ewropej, u wassal biex diversi istituzzjonijiet u donaturi anonimi joffru li jixtru parti mill-proprjetà. Valverde, Hoffman, u Nicholson, fi sħubija mal-British Nature Conservancy, iffurmaw assoċjazzjoni li organizzat sejħa internazzjonali għall-fondi biex il-park jitwessa'. Il-kampanja ġabret żewġ miljun Frank Żvizzeru biex jinxtraw 7,000 ettaru ta' art għall-annessjoni mal-art li diġà kienet ingħatat b'donazzjoni minn González-Gordon. Finalment, fl-1963 il-gvern Spanjol u d-WWF xtraw parti mit-territorju u ħolqu l-ewwel riżerva ta' Doñana, u fl-1964 stabbilew l-Istazzjon Bijoloġiku ta' Doñana u l-Kunsill Spanjol tar-Riċerka Nazzjonali (bl-Ispanjol: Consejo Superior de Investigaciones Científicas - CSIC) biex jistudjaw il-bijodiversità ta' Doñana u ta' ekosistemi Spanjoli oħra.[24]

L-osservatorju ta' El Porrón.

Fl-1969, id-WWF reġgħet issieħbet mal-gvern Spanjol biex flimkien jixtru sezzjoni oħra tal-imraġ tad-delta tax-xmara Guadalquivir u jiġi stabbilit il-Park Nazzjonali ta' Doñana. F'dik l-istess sena, il-Park Nazzjonali ta' Doñana nħoloq permezz ta' digriet, u s-sjieda ta' parti mit-territorju tiegħu kienet tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Kompetittività filwaqt li l-parti l-oħra kienet għadha tal-privat.[25] Għaxar snin wara, iż-żona protetta twessgħet u nħoloq l-hekk imsejjaħ "Preparque Doñana". Fl-1980, l-UNESCO rrikonoxxiet il-Park Nazzjonali ta' Doñana bħala Riżerva ta' Bijosfera ta' 77,260 ettaru. Iż-żona ewlenija tikkonsisti minn 50,720 ettaru fil-Park Nazzjonali ta' Doñana. Iż-żona ta' lqugħ fiha 54,250 ettary fil-Park Naturali ta' Doñana.[4] L-altitudni tvarja mil-livell tal-baħar sa 40 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. L-UNESCO tqis li l-Park Nazzjonali ta' Doñana għandu importanza dinjija, abbażi tal-varjetà tal-ekosistemi tiegħu u l-għadd kbir ta' speċijiet li jgħixu fih. Fl-1982 is-sit tniżżel fil-lista tal-artijiet mistagħdra tal-Konvenzjoni Ramsar, u fl-1989 il-Gvern Reġjonali tal-Andalusija kkonverta l-"Preparque" fil-Park Naturali ta' Doñana.[26] Fl-1994 il-Park Nazzjonali ta' Doñana tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u b'hekk setgħu jiġu stabbiliti programmi ta' preservazzjoni u ta' ġestjoni tas-sit. Storikament, dawn l-artijiet mistagħdra vitali ġew mhedda kostantement minn skemi biex tiżdied il-produzzjoni agrikola lokali u jiżdied it-turiżmu. Id-WWF għadha tappoġġa l-Park Nazzjonali ta' Doñana, u ġġieldet kontra proposti ta' drenaġġ tal-imraġ, ta' teħid tal-ilma għat-tisqija tar-raba' agrikolu tul il-kosta u ta' espansjoni tal-faċilitajiet għat-turisti.[27]

Fl-1998, seħħ id-Diżastru ta' Aznalcóllar meta diga ta' żamma nfaqgħet fil-minjiera ta' Los Frailes ta' sjieda ta' Boliden-Apirsa (li qabel kienet Andaluza de Piritas, S.A.), il-fergħa sussidjarja ta' Boliden, u ġie rrilaxxat ħafna ħama tossiku li wasal fix-xmara Guadiamar, is-sors prinċipali tal-ilma għall-park. Fis-sena 2000, wara dan id-diżastru ambjentali kbir, il-Ministeru Spanjol għall-Ambjent ippromwova l-programm "Doñana 2005", immirat lejn ir-riġenerazzjoni tal-imraġ. Fl-2006 ir-responsabbiltajiet taż-żamma tal-park ġew ittrasferitit lill--Gvern tal-Andalusija permezz tad-Digriet Irjali tad-9 ta' Ġunju; il-funzjonijiet u s-servizzi tal-amministrazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura b'hekk ġew ittrasferiti lill-Andalusija u twessgħu, u l-Park Nazzjonali u l-Park Naturali ta' Doñana saru ż-"Żona Naturali ta' Doñana", territorju uniku maqsum f'żoni b'livelli differenti ta' protezzjoni ambjentali. Fl-2008 dan il-park ġie ġemellat mal-Park Naturali Reġjonali ta' Camargue fi Franza, peress li għandhom aspetti antropoloġiċi u etnografiċi komuni.

Matul il-gvern tiegħu, il-Prim Ministru Spanjol Felipe González beda juża l-Park Nazzjonali ta' Doñana bħala post għall-btajjel tiegħu, u b'hekk stabbilixxa preċedent għas-suċċessuri tiegħu. Fl-2010, 9,200 ettaru ta' art tul il-kosta ġew esproprjati għall-protezzjoni mill-eks Ministeru għall-Ambjent. F'Lulju 2012, l-UNESCO approvat l-estensjoni tar-Riżerva ta' Bijosfera ta' Doñana minn 77,260 ettaru għal iktar minn 255,000 ettaru u b'hekk ippermettiet il-konformità mal-linji gwida tal-Programm il-Bniedem u l-Bijosfera. B'hekk inħolqot żona ta' tranżizzjoni fejn jiġu rrappreżentati l-interessi soċjoekonomiċi tad-diversi muniċipalitajiet fl-inħawi ta' Doñana. Fl-2019, il-pulizija għalqet għexieren ta' bjar illegali mill-bdiewa li jkabbru l-frott madwar il-park li għal bosta snin kienu qed iwettqu d-drenaġġ tal-ilma mill-ilma tal-pjan tal-park.[28]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tarf tal-bur salmastru ta' Ayamonte.

Il-Park Nazzjonali ta' Doñana ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994. Fl-2004 saru modifiki minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[4]

Il-Park Nazzjonali ta' Doñana għandu klima miti tipikament Mediterranja, ikkaratterizzata minn sjuf nexfin u xtiewi relattivament bix-xita, b'riżultat ta' varjazzjonijiet fil-front polari u arja subtropikali ta' pressjoni għolja. L-istaġuni bix-xita huma intermedji, u jseħħu l-iktar fir-rebbiegħa u fil-ħarifa; fil-ħarifa speċjalment jaf ikun hemm xita torrenzjali kkawżata mill-akkumulu ta' sħana matul is-sajf fil-korpi tal-ilma fil-qrib, u l-wasla tal-mases tal-arja polari. Madankollu, fix-xitwa jaf ikun hemm antiċikluni termali lokali. It-temperaturi jkunu miti matul is-sena kollha, b'temperaturi massimi li jvarjaw għal madwar 17 °C mix-xitwa għas-sajf. L-iżjed karatteristika sinifikanti tal-klima huma t-tliet xhur sa ħames xhur ta' nixfa fis-sajf, meta jiddomina l-antiċiklun subtropikali.

Veduta tal-park minn fuq l-għaram tar-ramel.

Hemm bosta speċijiet ta' flora fil-park: siġar, inkluż is-siġar taż-żnuber, fjuri bħall-ward, u arbuxelli. L-ispeċijiet ta' interess speċjali huma Vulpia fontquerana, Tursica linaria, Juniperus macrocarpa (ġnibru marittimu), Micropyropsis tuberosa, Hydrocharis morsus-ranae jew Thorella verticillatinundata, ħafna minnhom mhedda. L-ispeċijiet mhux nattivi bħall-ewkaliptu, Acacia longifolia, Gomphocarpus fruticosus, Nicotiana glauca jew Carpobrotus edulis jitneħħew mis-servizz tal-park.

Speċijiet notevoli oħra fil-park, minn iżjed minn 875 speċi indiġena fl-ekosistemi ta' Doñana huma: l-olijandru, il-ballut, ix-xeblikija marittima, il-ħaxixa tal-irmied xewwikija, il-ħurrieq, il-ħaxix marram, ħaxixet il-mikinsa, il-kamarina, il-lavanda, xewk ir-ramel, il-qasab, il-qronfol, il-qasab tal-imraġ, il-felċi, il-ward tal-blat, il-ġummar, il-labiérnago (Phillyrea angustifolia), it-tengħud marittimu, id-deru, is-simar, il-palm, is-siġar taż-żnuber, il-ġenistra Skoċċiża, ir-rożmarin, il-ġnibru, il-ġinestrun, is-sagħtar, it-tengħud u t-tut tal-għollieq.

Flora tal-għaram mobbli

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ekosistema tal-għaram mobbli, magħrufa wkoll bħala transduni, li jiffurmaw bir-riħ prevalenti mil-Lbiċ, kważi ma jeżisti mkien iktar fil-Peniżola Iberika. Il-ħruxija ta' din l-ekosistema hija evidenti fl-adattamenti li għamlu xi speċijiet ta' pjanti għal dawn il-kundizzjonijiet speċjali: l-għaram tar-ramel u tal-ħamrija huma inkonsistenti. Gradwalment il-veġetazzjoni tintradam, speċjalment siġar li jispuntaw imbagħad imutu, wara li jinqatlu mill-moviment kajman tar-ramel. Din hija waħda mill-iktar fenomeni magħrufa fiż-żona tal-bajja tal-park.

Fost l-annimali rreġistrati fi ħdan il-park hemm 20 speċi ta' ħut tal-ilma ħelu, 10 speċijiet ta' anfibji, 13-il speċi ta' rettili, 37 speċi ta' mammiferi u 360 speċi ta' għasafar mhux tal-baħar, li minnhom 127 speċi tnisslu fil-park.

Fil-Park Nazzjonali ta' Doñana jgħix ħut indiġenu bħas-sallura kif ukoll speċijiet introdotti bħall-karpjun, il-gambusja jew il-luċċju; dawn tal-aħħar jitqiesu bħala theddida invażiva għall-ekosistemi lokali. Barra minn hekk, fl-imgħoddi wieħed seta' jsib ukoll l-isturjun iżda llum il-ġurnata huwa estint.[29]

Fost ir-rettili fil-Park Nazzjonali ta' Doñana hemm il-fekruna Ewropea tal-għadajjar, il-fekruna Spanjola tal-għadajjar, il-fekruna tal-art, il-gremxula Iberika, ix-xaħmet l-art ta' Bedriaga, ix-xaħmet l-art tal-Punent, il-wiżgħa komuni, il-gremxula xewkija, il-gremxula tal-marki mal-għajnejn, il-gremxula ta' Carbonell, il-gremxula tal-Andalusija, il-Psammodromus manuelae, il-Psammodromus Spanjola, is-serp nagħla, is-serp sellum, is-serp tan-Nofsinhar, is-serp ta' Montpellier, is-serp lixx, is-serp vipera, is-serp tal-ħaxix, il-vipera ta' Lataste, il-fekruna tal-baħar ġgantija u l-fekruna tal-baħar tat-tip leatherback.[30]

Ir-russett aħmar.

Iktar minn 300 speċi ta' għasafar ġew irreġistrati fl-inħawi, fosthom speċijiet b'firxa ristretta bħall-ajkla imperjali Spanjola, is-sarsella mnaqqxa, il-brajmla rasha bajda u t-tiġieġa tat-toppu. Fost l-ispeċijiet tal-artijiet mistagħdra hemm il-velleran, il-gallozza tal-Punent, il-brajmla ħamra, il-paletta, il-brajmla tat-toppu aħmar, l-agrett abjad u l-agrett tal-bhejjem, il-kwakka, l-agrett isfar u l-fjamingu, filwaqt li fl-inħawi tal-madwar ikun hemm id-daqquqa tat-toppu, it-tellerita, l-għammiel tal-bejt, il-bilbla u il-ganga ta' Spanja. Is-sit jattira wkoll bosta migranti tas-sajf, fosthom ir-russett aħmar, iċ-ċirlewwa geddumha oħxon, il-bilblun, l-ajkla bajda, il-farruġ, il-bekkafik griż, il-bagħal aħmar, ir-russett tas-siġar, l-ajkla tal-kalzetti, iċ-ċirlewwa bil-mustaċċi u l-pitirross tax-xagħri.[31]

B'kollox ġew irreġistrati 38 speċi ta' mammiferi, inkluż tnax-il speċi ta' friefet il-lejl, iċ-ċerva ħamra, il-fenek Ewropew, il-qanfud Ewropew, il-genetta, il-qattus selvaġġ, iċ-ċingjal, il-linċi Iberika, il-ġurdien tal-imramma, il-mangus Eġizzjan, il-bugeddum tas-snien bojod, il-lontra, il-ġurdien tal-bosk, in-nemes, il-volpi aħmar, il-baġer Ewropew, il-ballottra tal-Mediterran, il-ballottra tal-ilma tal-Lbiċ u l-far iswed.[32]

Linċi Iberika

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-linċi.

Il-linċi Iberika, b'ħabitat ristrett fil-Peniżola Iberika, hija l-iżjed speċi mhedda fost il-felini l-kbar. Tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tal-linċi minħabba t-tnaqqis kbir fl-istokkijiet tal-ħut li huwa s-sors ewlieni tal-ikel tagħha wassal biex tiġi ddikjarata bħala speċi protetta fl-1966. L-unika kolonji eżistenti tal-linċi Iberika jinsabu fil-Parks Naturali ta' Sierra de Andujar u Cardena, Montoro, u Doñana flimkien mal-inħawi tal-madwar; il-kolonji l-oħra tal-art kontinentali li kien hemm fl-imgħoddi huma estinti. Fil-Portugall saru sforzi ta' rkupru għall-preservazzjoni tal-ħabitat li għad baqa' tal-linċi u dawn wasslu għall-ħolqueb tar-Riżerva Naturali ta' Sierra Malcata.

Iċ-Ċentru tat-Tnissil ta' Acebuche fil-Park Nazzjonali ta' Doñana żviluppa programm ta' tnissil mhux fis-selvaġġ li ppermetta s-sopravivenza ta' ħdax-il individwu li twieldu fiċ-ċentru, u ta' iktar minn tletin li nqabdu mill-park u li s-sopravivenza tagħhom kienet pjuttost imxekkla. Dawn l-isforzi ta' konservazzjoni jiġu mhedda minn rata għolja ta' mortalità fost il-felini u vjolazzjonijiet ripetuti tal-liġijiet li jipprojbixxu lill-karozzi milli jidħlu fil-park jew isuqu fit-toroq tal-park, għalkemm xi aġenziji rrappurtaw li l-kawżi tal-mewt mhux dejjem ikunu ċari. Is-sitwazzjoni prekarja ta' sopravivenza ta' dan l-annimal saret simbolu emblematiku tal-park għall-pubbliku ġenerali.

Fil-Park Nazzjonali ta' Doñana hemm żewġ insla indiġeni ta' żwiemel[33]: il-Marismeño u r-Retuertas; dan tal-aħħar huwa wieħed mill-eqdem insla Ewropej, u x'aktarx li jmur lura għall-1000 Q.K., u huwa l-unika nisel li jgħix fis-selvaġġ u iżolat mill-popolazzjonijiet l-oħra.[34][35]

Matul is-sekli 19 u 20, merħla dromedarji selvaġġi kienu jirgħu liberament fl-inħawi. Dawn ġew introdotti matul il-Konkwista ta' Spanja mill-Għarab Iberiċi fis-seklu 8, jew jaf ħarbu minn merħla introdotta mill-Gżejjer Kanarji fl-1829 mill-Markiż de Molina bħala bhejjem tal-ġarr.[36][37] Sas-snin 50 tas-seklu 20, kien fadal tmien individwi biss, u dawn kienu mhedda min-nassaba.[38] Sal-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, kien fadal tlieta biss, iżda nħelsu oħrajn fis-selvaġġ wara li ntużaw fil-ġbid tal-film Lawrence of Arabia fl-1962.[39]

Pinar de la Algaida.

Park Naturali ta' Doñana: Preparque

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Abalario–Asperillo. Din iż-żona kostali tinsab fil-Punent tal-Park Nazzjonali minn Matalascañas sa Mazagon, u tifforma rettangolu twil 25 km li jasal sa madwar 5 kilometri 'l ġewwa mill-baħar. Tikkonsisti minn żona ta' għaram, diversi laguni antiki u artijiet mistagħdra, kif ukoll foresta kbira ta' siġar taż-żnuber u tal-ewkaliptu. Iż-żona toffri kenn lil abbundanza ta' organiżmi selvaġġi, inkluż il-linċi Iberika. Din iż-żona tinkludi l-irħula ta' Matalascañas u ta' Mazagon, kif ukoll iċ-Ċentru tal-Ittestjar ta' El Arenosillo, sit tal-varar tar-rokits suborbitali, iżda d-dikjarazzjoni tagħha bħala park nazzjonali imblokkat il-kostruzzjoni ta' proġett urban kbir fil-Punent ta' Matalascañas.
  • Preparque Norte–Pinares de Hinojos. Din iż-żona hija estiża lejn it-Tramuntana tal-Park Nazzjonali minn El Rocío sa Hinojos, b'inħawi ta' mraġ u foresti. Il-Pinar del Pinto ta' Coto del Rey, bejn Aznalcázar u Villamanrique de la Condesa, jospita diversi speċijiet tal-priża.[40]
  • Preparque Este–Brazo de la Torre-Entremuros. Din iż-żona tinsab fil-Lvant tal-Park Nazzjonali, bejn Brazo de la Torre u x-xmara Guadalquivir, b'inħawi ta' mraġ u caños (kanali tal-marea li jaslu sal-art imtajna tal-imraġ). Tattira bosta għasafar li jgħixu fil-Park Nazzjonali ta' Doñana matul is-sajf u matul ix-xtiewi meta jkun hemm xi nixfiet. Parti mill-imraġ ġew ikkonvertiti għall-kultivazzjoni tar-ross.
  • Pinar de la Algaida–Marismas de Bonanza. Din iż-żona tinsab fix-Xlokk tal-Park Nazzjonali u fit-Tramuntana ta' Sanlúcar de Barrameda fuq ix-xatt tax-xellug tax-xmara Guadalquivir. Tinkludi foresta kbira ta' siġar taż-żnuber u l-imraġ f'Salinas. Dawn l-imraġ huma l-unika li għadhom jiġu mgħerrqa bl-għargħar mill-mareat (l-imraġ l-oħra kollha jiddependu biss fuq in-nixxigħat tal-ilma ħelu u x-xita), u b'hekk, fihom spiss jintlemħu l-fjamingi u x-xifa. It-terminu "Algaida" joriġina mill-Għarbi, u ġeneralment ifisser kwalunkwe post miksi bis-siġar u bl-arbuxelli.[41] El Pinar de la Algaida jinsab qrib il-henarllo, li huwa santwarju ddedikat lid-divinità femminili Astarte, u s-sit tal-bir Ruman ta' Caveros.[42] F'Algaida ilhom jerġgħu jiġu introdotti l-ispeċijiet tal-għasafar tal-priża mill-bidu tas-seklu 19, u llum il-ġurnata fiż-żona tgħix kolonja kbira ta' astuni suwed.[43]

Problemi ambjentali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Port ta' Huelva.

Wara li seħħ id-diżastru tad-Diga ta' Aznalcóllar fl-1998, żdiedet is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku rigward ir-riskji ambjenti li huwa espost għalihom il-pajsaġġ tal-park. Diversi studji tal-impatt u gruppi ambjentali wissew kemm-il darba x'inhuma l-problemi li jheddu l-flora, il-fawna, l-ilma u l-ħamrija tar-reġjun. Filwaqt li l-pressjoni tal-urbanizzazzjoni u l-impatti tagħha fuq l-ekosistemi lokali kienu ta' tħassib matul is-snin, dawn ma kinux l-uniku fattur ta' riskju assoċjat. Tul is-snin l-UNESCO rrieżaminat in-nominazzjoni tal-park fil-lista ta' Sit ta' Wirt Dinji fil-Periklu diversi drabi.

Impatt tal-infrastruttura

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm għadd ta' problemi relatati mal-infrastruttura qrib il-park. Proġett biex jinbena pipeline taż-żejt bejn Extremadura u l-port ta' Huelva ġie kkritikat mill-gruppi ambjentali, li allegaw li jispiċċa jżid b'mod sinifikanti t-traffiku tat-tankers taż-żejt fl-inħawi b'riskju assoċjat ta' rqajja' taż-żejt. It-tħammil frekwenti tax-xmara Guadalquivir sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-vapuri lejn il-port ta' Sivilja tqies li jikkawża tfixkil serju fil-bijodinamika tal-estwarju. Adena, l-Associación de defensa de la naturaleza (l-Assoċjazzjoni għad-difiża tan-natura), il-fergħa Spanjola tad-WWF, rabtet il-passaġġ ta' dawn il-vapuri mal-introduzzjoni ta' annimali ġodda fl-ekosistemi lokali, xi ħaġa li tiġri meta jiskarikaw l-ilma tas-sentina bi speċijiet eżotiċi.

Il-port ta' Huelva, ftit kilometri mill-Park Nazzjonali, huwa wieħed mit-theddidiet ambjentali ewlenin. Francisco Bella, is-senatur tal-PSOE u eks sindku tar-raħal ta' Almonte Huelva, isostni li ma jagħmilx sens li l-proġett tal-pipeline ġie approvat meta l-gvern nazzjonali u dak reġjonali tal-Andalusija jinvestu fl-enerġija rinnovabbli. Bħala s-sindku ta' Almonte, huwa nnota d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' politiki li jippromwovu l-impjiegi qrib il-park: "...nafu kważi kollox dwar in-nemel u l-linċi, iżda jeħtieġ li nkunu nafu kif jevolvu l-impjiegi f'Doñana". F'konformità mal-pożizzjoni ta' Bella rigward l-akkwedott, Ginés Morata, bijologu u eks president tal-Consejo de Participación de Doñana (Kunsill tal-Parteċipazzjoni ta' Doñana), isostni li l-proġett, li jinvolvi l-passaġġ ta' mijiet ta' tankers taż-żejt fis-sena li jħottu l-merkanzija tagħhom qrib Doñana, iwassal għal żieda fil-probabbiltà li jkun hemm irqajja' taż-żejt.

Sfruttament żejjed tar-riżorsi tal-ilma

[immodifika | immodifika s-sors]

Problema ambjentali oħra hija t-teħid tal-ilma għat-tisqija, bosta drabi b'mod illegali, li rdoppjaw mill-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20 sabiex jissaqqew l-għelejjel intensivi fl-użu tal-ilma bħall-qoton, ir-ross, u iktar reċentement il-frawli. Dawn tal-aħħar jitkabbru fis-serer, f'żona stmata taħt il-plastik ta' bejn 4,500 u 6,000 ettaru fiż-żona tal-Park Nazzjonali ta' Doñana, fejn jiġu prodotti iktar minn 90 % tal-frawli ta' Spanja. It-tħaffir ta' bjar illegali għall-ilma tat-tisqija mill-akwifers taħt l-art milli jidher kien prassi komuni[44], filwaqt li d-domanda għall-ilma ta' kumplessi residenzjali fil-qrib u l-użu mhux xieraq tar-riżorsi tal-ilma tax-xmajjar fil-qrib jaf jaffettwaw ukoll l-idroloġija tal-park. Riskji potenzjali oħra jinkludu s-salinizzazzjoni li tirriżulta mit-tibdil fil-klima; l-intrużjoni tal-ilma baħar mill-Atlantiku tipperikola diversi speċijiet ta' annimali. Min-naħa l-oħra, tista' sseħħ ukoll id-deżertifikazzjoni; dan l-aħħar trasferiment mis-sistema tal-ilma ta' Chanza-Piedras ġie approvat mid-Diputación de Huelva (il-Kunsill Provinċjali ta' Huelva) sabiex jagħmel tajjeb għal din l-eventwalità.[45]

Impatt tal-agrikoltura

[immodifika | immodifika s-sors]
Għalqa tar-ross f'Las Marismas, qrib Isla Mayor.

Fl-2007, il-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi (WWF) wissa li l-għelieqi tal-frawli madwar il-park, fejn 95 % tal-frawli ta' Spanja jiġu prodotti, kienu qed jheddu li jikkawżaw ħsara katastrofika lill-park mit-tnaqqis tal-ilma tal-pjan tal-madwar, l-iktar fejn kien hemm bjar illegali, kif ukoll kienu qed joħolqu tniġġis konsiderevoli bil-pestiċidi u l-iskart tal-plastik li kienu qed jakkumulaw fil-qaliet lokali; l-AFP irrappurtat ukoll li d-WWF kien qed jappella għal bojkott tal-frawli ta' Spanja[46], iżda kelliem għad-WWF fi Spanja kkontradiċa dan ir-rapport u sostna li mhijiex xi ħaġa karatteristika tad-WWF li jsejjaħ għal bojkotts b'dak il-mod.[47]

Diżastru ta' Aznalcóllar

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-25 ta' April 1998 infaqgħet diga fil-minjiera ta' Los Frailes operata mill-kumpanija tal-estrazzjoni Boliden-Apirsa, qrib Aznalcóllar fil-Provinċja ta' Sivilja, u ġew irrilaxxati 4-5 miljun metru kubu ta' skart minerarju. L-iskart aċidiku, li kien fih livelli perikolużi ta' diversi metalli tqal, malajr wasal sax-xmara Agrio fil-qrib, u mbagħad fit-tributarju tagħha, ix-xmara Guadiamar, għal madwar 40 kilometru tul dawn il-mogħdijiet tal-ilma qabel ma t-tnixxija setgħet titwaqqaf u ġie evitat li tasal sal-Preparque.[48] L-operazzjoni ta' tindif damet tliet snin, b'kost stmat ta' €240 miljun.[49] Għalkemm ir-roqgħa ġiet ikkontrollata kemm jista' jkun u ddevjata mix-xmara Guadalquivir għall-baħar, il-vulnerabbiltà tal-ekosistemi tal-Park Nazzjonali ta' Doñana għal diżastri ambjentali simili kien evidenti.

Sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli kemm fil-kampanja kif ukoll fil-provinċji tal-madwar, anke biex jiġu evitati theddidiet ambjentali futuri, fl-1992 iltaqgħet Kummissjoni ta' Esperti Internazzjonali sabiex jiġu proposti soluzzjonijiet, u pproduċew il-Plan de Desarrollo Sostenible de Doñana y su Entorno (Pjan għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Park Nazzjonali ta' Doñana u tal-Madwar), deskritt fil-qosor bħala:

Pjan ta' azzjoni, implimentat permezz tal-Programm Operazzjonali ta' Doñana u ffinanzjat mill-gvern reġjonali tal-Andalusija u mill-Istat Spanjol, kif ukoll mill-Fondi Feder, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, sabiex kemm l-infrastruttura reġjonali kif ukoll in-nisġa soċjali jerġgħu jingħataw il-ħajja permezz ta' mudell ekonomiku ġdid ta' żvilupp kompatibbli mal-preservazzjoni tal-bijodiversità ta' wirt naturali daqstant importanti bħall-Park Nazzjonali ta' Doñana.

Effettivament din saret il-missjoni tal-Fondazzjoni ta' Doñana 21, maħluqa fl-1997 bħala partenarjat bejn il-Kunsill Governattiv tal-Gvern Reġjonali tal-Andalusija u l-banek tat-tfaddil ta' El Monte, San Fernando u Unicaja. Il-pjan stabbilixxa fost l-objettivi tiegħu l-promozzjoni ta' azzjonijiet ta' benefiċċju għall-ambjent naturali, u fittex il-kooperazzjoni ta' korpi governattivi nazzjonali u Ewropej, u diversi organizzazzjonijiet b'interess ekonomiku jew ġenerali fil-park, għal żvilupp sostenibbli fiż-żona (eż. billi tiġi mħeġġa l-biedja organika tar-ross). Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-rappreżentanti minn aġenziji tal-Kunsill, negozji, trade unions u organizzazzjoni tal-konservazzjoni bħad-WWF issieħbu fil-fondazzjoni u kkollaboraw biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.[50]

Fl-2013 il-Ministeru Spanjol għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent awtorizzat l-kostruzzjoni ta' pipeline qrib il-park.[51]

Il-Palazz ta' Acebrón.

Punti oħra ta' interess

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Palazz ta' Acebrón Palace: inbena fis-snin 60 tas-seklu 20 minn Luis Espinosa Fondevilla bħala residenza u loġġa tal-kaċċa, u attwalment jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi tal-park.
  • Il-Park tal-Għaram ta' Matalascañas u l-Mużew tal-Baħar.
  • Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi f'Acebuche: jinsab f'dar rurali antika u huwa l-punt ta' tluq għaż-żjarat fil-park. Fih diversi mogħdijiet u osservatorji tal-għasafar mal-lag bl-istess isem.
  • Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi tad-Dar tas-Silġ: jinsab f'Sanlucar de Barrameda fil-barrio jew il-kwartier tal-baħħara ta' Bajo de Guía. Din l-eks dar tas-silġ tal-bidu tas-seklu 20 ġiet ikkonvertita biex tilqa' lill-viżitaturi tal-Park Nazzjonali ta' Doñana. Maġenbha hemm il-moll għar-Real Fernando, dgħajsa li tieħu lill-viżitaturi għal dawra fuq ix-xmara Guadalquivir sar-raħal ta' La Plancha, fejn hemm kabini fl-imraġ u minn fejn wieħed jista' jaċċessa l-Llanos de Velázquez (il-Pjanuri ta' Velázquez) u l-Llanos de la Plancha (il-Pjanuri ta' La Plancha), fejn hemm għadd ta' osservatorji tan-natura.
  • Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi ta' Bajo de Guía: li jinsab f'Sanlucar de Barrameda, huwa maħsub biex jilqa' lill-viżitaturi tal-Park Nazzjonali ta' Doñana.
  • Iż-Żoni Storiċi tal-popli tal-Comarca (reġjun).
  1. "For a living planet. WWF" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-06-21. Miġbur 2022-10-14.
  2. "El hermanamiento del Espacio Natural de Doñana y la Camarga francesa permitirá compartir proyectos de gestión". web.archive.org. 2009-08-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-08-03. Miġbur 2022-10-14.
  3. "Doñana | Ramsar Sites Information Service". web.archive.org. 2018-05-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-05-26. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Doñana National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-14.
  5. Abel Chapman; Walter John Buck (1893). Wild Spain (España Agreste): Records of Sport with Rifle, Rod, and Gun, Natural History and Exploration. Gurney and Jackson. pp. 94-101.
  6. Walter John Buck (1910). Unexplored Spain. Longmans, Green. pp. 275–282.
  7. Hans Otto Meissner (1963). Unknown Europe. Blackie. pp. 100–124.
  8. Antti Roose (2006). Managing drought and water scarcity in vulnerable environments: proceedings of the 10th European seminar on the geography of water. University of Tartu, Institute of Geography. p. 32. ISBN 978-9985-4-0497-3.
  9. Luis Blas Aritio (1988). Parques nacionales españoles. Anaya. p. 64. ISBN 9788420729534.
  10. "V Regional Committee on Atlantic Neogene Stratigraphy Congress - Huelva". web.archive.org. 2014-04-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-06. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. Adolfo J. Domínguez (2004). "Greek Identity in the Phocaean Colonies". In Brian Benjamin Shefton; Kathryn Lomas (eds.). Greek Identity in the Western Mediterranean: Papers in Honour of Brian Shefton. Brill. pp. 430–431. ISBN 90-04-13300-3.
  12. J. Oliver Thomson (28 March 2013). History of Ancient Geography. Cambridge University Press. p. 53. ISBN 978-1-107-68992-3.
  13. Michael Dietler (22 September 2015). Archaeologies of Colonialism: Consumption, Entanglement, and Violence in Ancient Mediterranean France. Univ of California Press. p. 107. ISBN 978-0-520-28757-0.
  14. Adolf Schulten (2006). Tartessos: contribución a la historia más antigua de Occidente. Editorial Renacimiento. p. 12. ISBN 978-84-8472-240-3.
  15. "TARTESSOS : EL CERRO DE TRIGO (JORGE BONSOR). - REHA". web.archive.org. 2014-02-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-05. Miġbur 2022-10-14.
  16. Madrider Mitteilungen. F. H. Kerle. 1997. p. 50.
  17. Adolf Schulten (2006). Tartessos: contribución a la historia más antigua de Occidente. Editorial Renacimiento. ISBN 978-84-8472-240-3. p. 20.
  18. Julio Mangas Manjarrés; Domingo Plácido (1994). Avieno. Editorial Complutense. p. 91. ISBN 978-84-89039-00-1.
  19. "Cambios Paleoambientales en la desembocadura del río Guadalquivir durante el Holoceno reciente" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-07-13. Miġbur 2022-10-14.
  20. Francisco García Novo; Robert M. M. Crawford; Mari Cruz Díaz Barradas (1 January 1997). The Ecology and Conservation of European Dunes. Universidad de Sevilla. p. 109. ISBN 978-84-7405-992-2.
  21. Peter Pierson (1 January 1989). Commander of the Armada: The Seventh Duke of Medina Sidonia. Yale University Press. p. 9. ISBN 978-0-300-04408-9.
  22. Laura Riley; William Riley (1 January 2005). Nature's Strongholds: The World's Great Wildlife Reserves. Princeton University Press. pp. 417. ISBN 0-691-12219-9.
  23. Alfonso Lowe (2000). The Companion Guide to the South of Spain. Companion Guides. p. 148. ISBN 978-1-900639-33-0.
  24. "Co-founder of SEO/BirdLife and saviour of Doñana dies aged 89 | BirdLife". web.archive.org. 2013-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-10-29. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  25. Luis Mariano González (2012). El águila imperial ibérica: el resurgir de una especie amenazada. Fundacion BBVA. p. 133. ISBN 978-84-92937-38-7.
  26. Mariëlle van der Zouwen (2006). Nature Policy Between Trends and Traditions: Dynamics in Nature Policy Arrangements in the Yorkshire Dales, Doñana, and the Veluwe. Eburon Uitgeverij B.V. pp. 105–108. ISBN 978-90-5972-097-8.
  27. Elizabeth Nash (16 September 2005). Seville, Cordoba, and Granada : A Cultural History: A Cultural History. Oxford University Press. p. 167. ISBN 978-0-19-972537-3.
  28. "Medio Ambiente expropia y protege 9.200 hectáreas de la costa de Doñana | Edición impresa | EL PAÍS". web.archive.org. 2013-12-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-17. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. "Peces de Doñana" (bl-Ispanjol). 2010-02-14. Miġbur 2022-10-14.
  30. "Reptiles of Doñana" (bl-Ingliż). 2010-01-08. Miġbur 2022-10-14.
  31. "Birds in Coto Donana Spain birding sites". www.easybirder.co.uk. Miġbur 2022-10-14.
  32. "Mammals of Doñana" (bl-Ingliż). 2010-03-21. Miġbur 2022-10-14.
  33. "Rare Horses Released In Spain As Part Of 'Rewilding' Effort" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-14.
  34. "Identifican en Donana la raza de caballos mas antigua de Europa | elmundo.es". web.archive.org. 2016-06-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-25. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  35. "Free as the wind, old as the hills". web.archive.org. 2014-04-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-02. Miġbur 2022-10-14.
  36. Chapman, Abel; Walter John Buck (1893). Wild Spain. Londra: Gurney and Jackson. pp. 94–101.
  37. Chapman, Abel; Walter John Buck (1910). Unexplored Spain. New York: E. Arnold. pp. 275–282.
  38. Meissner, Hans Otto (1963). Unknown Europe. trans. Florence and Isabel McHugh. Londra u Glasgow: Blackie & Sons. pp. 100–124.
  39. Morris, Jan (1979). Spain. Oxford: Oxford University Press. p. 90. ISBN 978-0-19-520169-7.
  40. Francisco García Novo; Ángel Martín Vicente; Julia Toja Santillana (2007). La frontera de Doñana. Universidad de Sevilla. pp. 214–215. ISBN 978-84-472-0950-7.
  41. Diccionario de voces españolas geográficas. Academia de la Historia. 1800. p. 7.
  42. Noticiario arqueológico hispánico. La Comisaría. 1952. p. 127.
  43. José Antonio Montero; Eduardo de Juana Aranzana; Fernando Barrio (2006). Where to Watch Birds in Spain: The 100 Best Sites. Lynx Edicions. ISBN 978-84-96553-04-0.
  44. "Spanish national park could lose Unesco status over illegal boreholes | Environment | theguardian.com". web.archive.org. 2013-09-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-09-08. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. "La Diputación respalda el trasvase de agua del sistema Chanza-Piedras..." web.archive.org. 2014-03-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-23. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  46. "Call for Spain strawberry boycott" (bl-Ingliż). 2007-03-16. Miġbur 2022-10-14.
  47. "How the thirst for strawberries is draining Spain's precious water". The Independent (bl-Ingliż). 2007-02-14. Miġbur 2022-10-14.
  48. "El vertido toxico de Aznalcóllar. Desastre ecologico en Doñana.El accidente". web.archive.org. 2011-03-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-03-17. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  49. País, El (2010-10-06). "El desastre que amenazó Doñana" (bl-Ispanjol). Madrid. Miġbur 2022-10-14.
  50. "Fundacion Donana 21 presenta manana su proyecto de arroz 100% ecologico - Economia - Economia - abcdesevilla.es". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. "Autorizada la extracción de gas en el entorno de Doñana | Sociedad | EL PAÍS". web.archive.org. 2013-04-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-04-30. Miġbur 2022-10-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)