Aqbeż għall-kontentut

Nessebar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nessebar
 Bulgarija
Amministrazzjoni
PajjiżBulgarija
Oblast of BulgariaProvinċja ta' Burgas
Municipality of BulgariaMuniċipalità ta' Nessebar
Isem uffiċjali Несебър
Nesebar
Ismijiet oriġinali Несебър
Kodiċi postali 8230
Ġeografija
Koordinati 42°39′34″N 27°43′29″E / 42.659507°N 27.724724°E / 42.659507; 27.724724Koordinati: 42°39′34″N 27°43′29″E / 42.659507°N 27.724724°E / 42.659507; 27.724724
Nessebar is located in Bulgaria
Nessebar
Nessebar
Nessebar (Bulgaria)
Superfiċjenti 31.852 kilometru kwadru
Għoli 30 m
Demografija
Popolazzjoni 16,804 abitanti (31 Diċembru 2024)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0554
Żona tal-Ħin UTC+2u UTC+3
bliet ġemellati Distrett XVIII ta' Budapest, Oħrid, Kotoru San Pietruburgu
nesebarinfo.com

Nessebar (spiss traskritta wkoll bħala Nesebar jew Nesebur, bil-Bulgaru: Несебър, ippronunzjata [nɛˈsɛbɐr]) hija belt antika u waħda mill-iżjed bliet ewlenin bil-baħar tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed, li tinsab fil-Provinċja ta' Burgas. Hija ċ-ċentru amministrattiv tal-Muniċipalità ta' Nessebar. Spiss imlaqqma l-"Perla tal-Baħar l-Iswed", Nessebar hija belt-mużew rikka li ssawret b'iktar minn tliet millenji ta' evoluzzjoni storika. Il-belt żgħira teżisti f'żewġ partijiet isseparati minn istmu dejjaq magħmul mill-bniedem, b'parti antika tal-insedjament fuq il-peniżola (li qabel kienet gżira), u b'parti iktar moderna (bil-lukandi u bl-iżvilupp modern) fuq in-naħa tal-art kontinentali. Il-parti l-antika fiha evidenza ta' okkupazzjoni minn varjetà ta' ċivilizzazzjonijiet differenti tul l-eżistenza tagħha.

Hija waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi u portijiet marittimi prominenti mal-Baħar l-Iswed, f'żona li saret tassew popolari b'diversi lukandi kbar — l-ikbar żona hija magħrufa mat-turisti bħala Sunny Beach (il-Bajja Xemxija) u tinsab fit-Tramuntana ta' Nessebar.

Nessebar sabet ruħha diversi drabi fil-frunitera ta' imperu mhedded, u għaldaqstant hija belt bi storja rikka ħafna. Minħabba l-abbundanza ta' binjiet storiċi fil-belt, iċ-ċentru storiku tal-belt ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Sa Diċembru 2019, il-belt kellha popolazzjoni ta' 13,600 abitant.[2]

L-insedjament kien magħruf bil-Grieg bħala Mesembria (bil-Grieg: Μεσημβρία), xi kultant imsemmi Mesambria jew Melsembria (jiġifieri l-belt ta' Melsas).[3] Jingħad li l-isem jaf oriġina minn Melsambria ta' Traċja.[4] Madankollu, l-oriġini Traċjana ta' dak l-isem hi kemxejn dubjuża. Barra minn hekk, it-tradizzjoni rigward Melsas, bħala l-fundatur tal-belt, hija dgħajfa u hija parti minn ċiklu ta' leġġendi etimoloġiċi abbundanti fost il-bliet Griegi. Milli jidher ukoll, il-ġrajja ta' Melsas kienet rikostruzzjoni aħħarija tal-perjodu Ellenistiku, meta Mesembria kienet belt kostali importanti.[5]

Qabel l-1934, l-isem Bulgaru komuni tal-belt kien Месемврия, Mesemvriya. Dan ġie sostitwit bl-isem attwali, li qabel kien jintuża fid-djalett ta' Erkech biswit Nessebar. Iż-żewġ forom tal-isem x'aktarx li oriġinaw mill-isem Grieg ta' Mesembria.[6]

L-arkeologa Bulgara Lyuba Ognenova-Marinova mexxiet sitt spedizzjonijiet arkeoloġiċi taħt l-ilma għall-Akkademja Bulgara tax-Xjenzi bejn l-1961 u l-1972[7][8] fl-ilmijiet tul il-kosta Bulgara tal-Baħar l-Iswed. Ix-xogħol tagħha wassal għall-identifikazzjoni ta' ħames perjodi kronoloġiċi ta' urbanizzazzjoni fuq il-peniżola madwar Nessebar sal-aħħar tat-tieni millenju Q.K., li kienu jinkludu il-protopoli Traċjana, il-kolonja Griega ta' Mesambria, villaġġ immexxi mir-Rumani sal-Perjodu Kristjan Bikri, insedjament Medjevali u raħal Rinaxximentali, magħruf bħala Mesembria jew Nessebar.

Ix-xogħol tal-inġinerija madwar il-kosta tal-peniżola twettaq fis-snin 80 tas-seklu 20, kemm għall-preservazzjoni tal-kosta (u tal-importanza storika tagħha) kif ukoll għall-konsolidazzjoni taż-żona bħala port.[9]

Oriġinarjament insedjament Traċjan magħruf bħala Mesembria, ir-raħal sar kolonja Griega meta ġie insedjat mid-Dorjani minn Megara fil-bidu tas-seklu 6 Q.K. Minn hemm 'il quddiem ir-raħal sar ċentru kummerċjali importanti u rivali ta' Apollonja (Sozopol). Baqa' l-unika kolonja Dorjana tul il-kosta tal-Baħar l-Iswed, peress li l-kumplament kienu kolonji tipiċi tal-Baħar Jonju. Fl-425-424 Q.K. ir-raħal ingħaqad mal-Lega Deljana, taħt it-tmexxija ta' Ateni.[10]

Il-fdalijiet li nstabu jmorru lura l-iktar għall-perjodu Ellenistiku u jinkludu akropoli, tempju ta' Apollo u agora. Ħajt li kien parti mill-fortifikazzjonijiet Traċjani għadu viżibbli fin-naħa tat-Tramuntana tal-peniżola.

F'Mesembria ġew zekkati muniti tal-bronż u tal-fidda mis-seklu 5 Q.K. u muniti tad-deheb mis-seklu 3 Q.K. Ir-raħal spiċċa taħt ir-Rumani fil-71 Q.K., iżda baqa' jgawdi l-privileġġi li kellu, bħad-dritt li jizzekka l-muniti tiegħu stess.[11]

Pjanta tal-Fortizza ta' Mesembria.

Mesembria kienet waħda mill-iżjed fortizzi importanti tal-Imperu Ruman tal-Lvant mis-seklu 5 W.K. 'il quddiem, iġġieldu għaliha l-Biżantini u l-Bulgari, u nħatfet u ġiet inkorporata fl-artijiet tal-Ewwel Imperu Bulgaru fit-812 mill-Khan Krum wara assedju ta' ġimagħtejn, allavolja mbagħad ġiet ċeduta mill-ġdid lil Biżanzju minn Knyaz Boris I fit-864 u nħakmet mill-ġdid minn ibnu il-Ksar Xmun il-Kbir. Matul it-Tieni Imperu Bulgaru l-belt ġiet ikkontestata wkoll mill-forzi Bulgari u Biżantini u gawdiet prosperità partikolari taħt il-Ksar Bulgaru Ivan Alexander (1331-1371) sa ma nħakmet mill-ġellieda tal-Kruċjati mmexxija minn Amadeus VI, il-Konti tas-Savoia fl-1366. Il-verżjoni Bulgara tal-isem, trażlitterata bħala Nesebar jew Mesebar, ġiet iddokumentata mis-seklu 11.

Fost il-monumenti Medjevali hemm l-iStara Mitropoliya ("veskovat l-antik"; magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' Santa Sofija), bażilika tas-seklu 5-6 mingħajr transett; il-knisja tas-seklu 6 iddedikata lill-Madonna; u n-Nova Mitropoliya ("veskovat il-ġdid"; magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' San Stiefnu) tas-seklu 11 li baqgħet tissebbaħ sas-seklu 18. Fis-sekli 13 u 14 inbniet sensiela notevoli ta' knejjes: ta' San Teodoru, San Paraskeva, San Mikiel, San Gabriel u San Ġwann Aliturgetos.

Fl-1453 il-belt inħatfet mill-Imperu Ottoman u dan immarka l-bidu tad-deklin tagħha, iżda l-wirt arkitettoniku tagħha baqa' intatt u ġie arrikkit fis-seklu 19 bil-kostruzzjoni ta' djar tal-injam bi stil tipiku tal-kosta Bulgara tal-Baħar l-Iswed f'dak il-perjodu. Fil-bidu tas-seklu 19 bosta ċittadini lokali ngħaqdu fl-organizzazzjoni patrijottika Griega, Filiki Eteria, filwaqt li meta faqqgħet il-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821), parti miż-żgħażagħ tal-belt ħadu sehem fit-taqbida taħt Alexandros Ypsilantis.

Nessebar kienet ċentru kaza fis-sanjak ta' İslimye tal-Provinċja ta' Edirne qabel l-1878.

Tielet Stat Bulgaru

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-Liberazzjoni tal-Bulgarija mill-ħakma Ottomana fl-1878, Nessebar saret parti mill-provinċja Ottomana awtonoma tal-Lvant ta' Rumelia fid-dipartiment ta' Burgas sa ma ngħaqdet mal-Prinċipat tal-Bulgarija fl-1885. Għall-ħabta ta' tmiem is-seklu 19, Nessebar kienet raħal żgħir ta' sajjieda u ta' vitikolturi Griegi. Fl-1900 ir-raħal kellu popolazzjoni ta' madwar 1,900 ruħ, li 89 % minnhom kienu Griegi[12], iżda baqa' raħal relattivament vojt. Żviluppa bħala belt ewlenija Bulgara żviluppat mal-baħar mill-bidu tas-seklu 20. Wara l-1925 inbniet parti ġdida moderna tal-belt u ċ-ċentru storiku antik tal-belt ġie rrestawrat.[13]

Nessebar xi kultant jingħad li hija l-belt bl-ogħla għadd ta' knejjes pro capita. Illum il-ġurnata hemm total ta' erbgħin knisja, sħaħ jew fdalijiet, fl-inħawi tal-belt. Uħud mill-iżjed famużi jinkludu:

  • il-Knisja ta' Santa Sofija jew il-Veskovat l-Antik (Stara Mitropoliya) (is-sekli 5 - 6)
  • il-Bażilika tal-Madonna ta' Eleusa (is-seklu 6)
  • il-Knisja ta' San Ġwann il-Battista (is-seklu 11)
  • il-Knisja ta' San Stiefnu jew il-Veskovat il-Ġdid (Nova Mitropoliya) (is-seklu 11; rikostruwita fis-sekli 16-18)
  • il-Knisja ta' San Teodoru (is-seklu 13)
  • il-Knisja ta' San Paraskevi (is-sekli 13-14)
  • il-Knisja tal-Arkanġli Mqaddsa Mikiel u Gabriel (is-sekli 13-14)
  • il-Knisja ta' Kristu Pantokrator (is-sekli 13-14)
  • il-Knisja ta' San Ġwann Aliturgetos (is-seklu 14)
  • il-Knisja ta' San Spas (is-seklu 17)
  • il-Knisja ta' San Klement (is-seklu 17)
  • il-Knisja ta' Marija Assunta (is-seklu 19)

Il-knejjes ta' Nessebar, li nbnew taħt it-tmexxija tal-Biżantini, tal-Bulgari jew tal-Ottomani, jirrappreżentaw il-wirt arkitettoniku rikk tad-dinja Ortodossa tal-Lvant u juru l-iżvilupp gradwali mill-bażiliki Kristjani Bikrin għall-knejjes Medjevali b'għamla ta' salib u msaqqfa bil-koppli.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fortifikazzjonijiet fid-daħla ta' Nessebar.

Il-Belt Antika ta' Nessebar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Futbol

It-tim lokali tal-futbol ta' PFC Nesebar jieħu sehem fil-kampjonat tal-futbol nazzjonali tat-tielet diviżjoni (dilettanti). Il-grawnd tal-klabb jesa' sa 6,000 spettatur u jintużaw ukoll grawnd komplementari għall-kiri jew għall-prattika.

Tennis

Fil-belt hemm bosta possibbiltajiet fejn wieħed jista' jilgħab it-tennis speċjalment fl-istaġun tas-sajf. Iż-żewġ klabbs prinċipali b'courts fil-beraħ u fuq ġewwa huma TC Egalite u l-Akkademja tat-Tennis ta' Nessebar.[14]

Id-Distakk ta' Nessebar fuq il-Gżira ta' Livingston fil-Gżejjer tan-Nofsinhar ta' Shetland, l-Antartika, huwa msemmi għall-belt ta' Nessebar.

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Nessebar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  2. "Popolazzjoni". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-11-13. Miġbur 2023-06-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. Shuckburgh, E.S., ed. (1976). Herodotos, VI, Erato ([Reprinted]. ed.). Cambridge: University Press. p. 236. ISBN 9780521052481.
  4. Ivanov, Rumen Teofilov (2007). Roman cities in Bulgaria, Vol. 2. National Museum of Bulgarian Books and Polygraphy. p. 41. ISBN 9789544630171.
  5. Nawotka, Krzysztof (1997). The Western Pontic cities: history and political organization. Hakkert. ISBN 9789025611125.
  6. Deliradev, Pavel (1953). Contribution to the historical geography of Thrace (bil-Bulgaru). Publisher of the Bulgarian Academy of Sciences. p. 189.
  7. Илиева (Ilieva), Павлина (Pavlina); Прешленов (Preshlenov), Христо (Christo) (2005). "Люба Огненова-Маринова—Ученият, Учителят И Човекът". In Стоянов (Stoyanov), Тотко (Totko); Тонкова (Tonkova), Милена (Milena); Прешленов (Preshlenov), Христо (Christo); Попов (Popov), Христо (Christo) (eds.). Heros Hephaistos: Studia In Honorem: Liubae Ognenova-Marinova [Luba Ognenova-Marinova—scientist, teacher and man] (bil-Bulgaru). Sofia, Bulgaria: Археологически институт с Музей на БАН & Cobrxiur Университет “Св. Кл. Охридски”. pp. 7–11. ISBN 954-775-531-5.
  8. "Как Започнаха Подводните Археологически Проучвания В Несебър". web.archive.org. 2016. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. Preshlenov, Hristo (2022-05-26). "Postglacial Black Sea Level Rising, Urban Development and Adaptation of Historic Places. The case study of the city-peninsula of Nesebar (Bulgaria)". Internet Archaeology (bl-Ingliż) (60).
  10. "Μεγάλη διαδικτυακή εγκυκλοπαίδεια του Εύξεινου Πόντου". www.ehw.gr. Miġbur 2023-06-09.
  11. "Blog". conservation environment (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-09.
  12. Dragostinova, Theodora K. (2011). Between Two Motherlands: Nationality and Emigration among the Greeks of Bulgaria, 1900–1949. Cornell University Press. p. 26. ISBN 978-0801461163.
  13. Fermor, Patrick Leigh, "The Broken Road," (2016: John Murray)(ISBN 9781590177549), p. 259.
  14. "ТК Егалите – Тенис уроци в Несебър". egalitetennis.net (bil-Bulgaru). Miġbur 2023-06-09.