Aqbeż għall-kontentut

Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fiċ-Ċilì

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ahu Tongariki, Rapa Nui.

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Iċ-Ċilì rratifika l-Konvenzjoni fl-20 ta' Frar 1980, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

B'kollox iċ-Ċilì għandu seba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u kollha huma siti kulturali. L-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO miċ-Ċilì żdied fl-1995: il-Park Nazzjonali ta' Rapa Nui. L-iżjed sit li żdied reċentement miċ-Ċilì huwa l-Insedjament u l-Mummifikazzjoni Artifiċjali tal-Kultura ta' Chinchorro fir-Reġjun ta' Arica u ta' Parinacota, fl-2021.

Siti ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Kriterji tal-Għażla Erja

f'ettari (akri)

Sena tad-deżinjazzjoni Deskrizzjoni
Park Nazzjonali ta' Rapa Nui Moai Rano Raraku Reġjun ta' Valparaíso, Rapa Nui 27°05′S 109°16′W / 27.09°S 109.27°W / -27.09; -109.27 kulturali: (i), (iii), (v) 1995 Rapa Nui, l-isem indiġenu tal-Gżira tal-Għid (bl-Ingliż: Easter Island; bl-Ispanjol: Isla de Pascua), hija xhieda ta' fenomenu kulturali uniku. Soċjetà ta' oriġini Polineżjana li insedjat il-gżira għall-ħabta tat-300 W.K stabbilew tradizzjoni qawwija, immaġinattiva u oriġinali ta' skultura u arkitettura monumentali, ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna. Mis-seklu 10 sas-seklu 16, din is-soċjetà bniet santwarji u figuri enormi tal-ġebel magħrufa bħala moai, li ħolqu pajsaġġ kulturali uniku li għadu jsaħħar lin-nies minn madwar id-dinja kollha.[5]
Knejjes ta' Chiloé Nercón Church Reġjun ta' Los Lagos, Provinċja ta' Chiloé

42°18′S 73°28′W / 42.30°S 73.46°W / -42.30; -73.46

kulturali: (ii), (iii) 2000 Il-Knejjes ta' Chiloé jirrappreżentaw eżempju uniku fl-Amerka Latina ta' forma straordinarja ta' arkitettura ekkleżjastika bl-injam. Jirrappreżentaw tradizzjoni li nbdiet mill-Missjoni Peripatetika tal-Ġiżwiti fis-sekli 17 u 18, li tkompliet u ġiet imsaħħa mill-Franġiskani matul is-seklu 19, u li għadha prevalenti sal-lum il-ġurnata. Dawn il-knejjes jirrappreżentaw ir-rikkezza intanġibbli tal-Arċipelagu ta' Chiloé, u joħorġu fid-dieher il-fużjoni ta' suċċess tal-kultura indiġena u tal-kultura Ewropea, l-integrazzjoni sħiħa tal-arkitettura tiegħu fl-ambjent u fil-pajsaġġ, kif ukoll il-valuri spiritwali tal-komunitajiet.[6]
Kwartier Storiku tal-Belt Portwali ta' Valparaíso Concepcion Hill Reġjun ta' Valparaíso, Provinċja ta' Valparaíso

33°02′S 71°37′W / 33.04°S 71.61°W / -33.04; -71.61

kulturali: (iii) 2003 Il-belt kolonjali ta' Valparaíso hija eżempju eċċellenti tal-iżvilupp urban u arkitettoniku tal-aħħar tas-seklu 19 fl-Amerka Latina. Fl-ambjent tagħha qisu ta' anfiteatru naturali, il-belt hija kkaratterizzata minn nisġa urbana vernakolari adattata għax-xaqlibiet tal-għoljiet li huma miżgħuda b'varjetà kbira ta' kampnari tal-knejjes. Toħloq kuntrast mal-konfigurazzjoni ġeometrika fil-pjanura. Il-belt ippreservat sew l-infrastruttura industrijali bikrija tagħha, pereżempju l-bosta "liftijiet" max-xaqlibiet weqfin tal-għoljiet.[7]
Impjanti tan-Nitrat tal-Potassju ta' Humberstone u ta' Santa Laura Humberstone Reġjun ta' Tarapaca, Provinċja ta' Tamarugal

20°07′S 69°28′W / 20.12°S 69.47°W / -20.12; -69.47

kulturali: (ii), (iii), (iv) 2005 L-impjanti ta' Humberstone u ta' Santa Laura jinkludu iktar minn 200 eks impjant tan-nitrat tal-potassju fejn ħaddiema miċ-Ċilì, mill-Perù u mill-Bolivja ħadmu u għexu f'irħula tax-xogħol u sawru kultura komunali distintiva tal-pampinos. Dik il-kultura hija preżenti fil-lingwa, fil-kreattività, fis-solidarjetà, u fuq kollox fir-rwol ta' pijuniera li kellhom biex tħabtu għall-ġustizzja soċjali, li kellha impatt kbir fuq l-istorja soċjali. L-impjanti jinsabu fil-Pampas remot, wieħed mill-iżjed deżerti nexfin fid-Dinja, u minkejja l-ambjent ostili, il-pampinos għexu u ħadmu hemmhekk għal iktar minn 60 sena, mill-1880, sabiex jipproċessaw l-ikbar depożitu ta' nitrat tal-potassju fid-dinja, u pproduċew il-fertilizzant tan-nitrat tas-sodju li ttrasforma l-artijiet agrikoli fl-Amerka t'Isfel, fl-Amerka ta' Fuq u fl-Ewropa, u pproduċa ġid kbir għaċ-Ċilì. Minħabba l-vulnerabbiltà tal-istrutturi u l-impatt ta' terremot reċenti, is-sit tqiegħed ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu sabiex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-konservazzjoni. Fl-2019, is-sit tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu.[8]
Raħal tal-Estrazzjoni ta' Sewell Sewell Reġjun ta' O'Higgins, Provinċja ta' Cachapoal

34°03′S 70°13′W / 34.05°S 70.22°W / -34.05; -70.22

kulturali: (ii) 2006 Ir-Raħal tal-Estrazzjoni ta' Sewell jinsab f'għoli ta' 2,000 metru fl-Andes, 60 kilometru fil-Lvant ta' Rancagua, f'ambjent immarkat minn klima estrema. Ir-raħal inbena mill-kumpanija tar-ram ta' Braden fl-1905 sabiex jilqa' l-ħaddiema f'dik li mbagħad saret l-ikbar minjiera tar-ram taħt l-art fid-dinja, il-minjiera ta' El Teniente. Ir-raħal huwa eżempju straordinarju tal-irħula tax-xogħol li mbagħad nibtu f'bosta partijiet remoti tad-dinja permezz tal-fużjoni tal-forza tax-xogħol lokali u r-riżorsi minn nazzjon industrijalizzat, għall-estrazzjoni u għall-ipproċessar ta' riżorsi naturali b'valur għoli. Ir-raħal inbena fuq art wieqfa wisq għall-vetturi bir-roti, u madwar taraġ ċentrali li jibda minn stazzjon ferrovjarju. Tul ir-rotta, pjazez formali b'għamliet irregolari u b'siġar u bi pjanti ornamentali kienu jikkostitwixxu l-ispazji pubbliċi prinċipali tar-raħal. Il-binjiet fit-toroq huma tal-injam u spiss kienu jinżebgħu b'aħdar, isfar, aħmar u blu jgħajtu. Fl-aqwa tiegħu, Sewell kellu 15,000 abitant, iżda ġie abbandunat għalkollox fis-snin 70 tas-seklu 20.[9]
Qhapaq Ñan, Sistema tat-Toroq tal-Inka* Inca Trail il-Perù il-Bolivja l-Arġentina iċ-Ċili

il-Kolombja l-Ekwador

kulturali: (ii), (iii), (iv), (vi) 2014 Dan is-sit huwa network estensiv ta' toroq tal-Inka għall-komunikazzjoni, għall-kummerċ u għad-difiża, li jkopri 30,000 kilometru. Dan in-network straordinarju nbena mill-Inka matul diversi sekli u huwa parzjalment ibbażat fuq infrastruttura ta' qabel l-Inka. In-network jgħaddi minn wieħed mit-territorji ġeografiċi l-iktar imħarbta tad-dinja u jikkollega l-qċaċet miksijin bil-borra tal-Andes – f'altitudni ta' iktar minn 6,000 metru – mal-kosta. Jgħaddi minn foresti tropikali sħan, widien għammiela u deżerti. In-network laħaq l-espansjoni massima fis-seklu 15, meta nfirex fit-tul u fil-wisa' tal-Andes. Is-sit fih 273 komponent mifruxa fuq iktar minn 6,000 kilometru li ntgħażlu biex jiġu enfasizzati l-kisbiet soċjali, politiċi, arkitettoniċi u tal-inġinerija tan-network, flimkien mal-infrastruttura assoċjata miegħu għall-kummerċ, għall-akkomodazzjoni u għall-ħżin, kif ukoll is-siti ta' importanza reliġjuża.[10]
Siti Arkeoloġiċi tal-Kultura ta' Chinchorro Mommies of Chichorro Culture
  • Reġjun ta' Atacama
  • Reġjun ta' Antofagasta
  • Reġjun ta' Arica u ta' Parinacota
18°17′S 70°11′W / 18.28°S 70.19°W / -18.28; -70.19

23°24′S 70°15′W / 23.40°S 70.25°W / -23.40; -70.25

19°03′S 70°02′W / 19.05°S 70.04°W / -19.05; -70.04

kulturali: (iii), (v) 2021 Għall-ħabta tas-sena 7000 Q.K., fit-Tramuntana nett taċ-Ċilì, xi gruppi ta' kaċċaturi mill-Andes bdew joqorbu lejn il-kosta u jużaw ir-riżorsi tal-Oċean Paċifiku, x'aktarx immotivati mit-tibdil fil-klima wara l-aħħar glaċjazzjonijiet. F'dan il-perjodu, imsejjaħ Arkajku, il-kaċċaturi bdew jisfruttaw l-ambjenti kostali u gradwalment bdew jadattaw l-għodod tagħhom. B'hekk, twieldu l-ewwel soċjetajiet ta' sajjieda, li kienu jużaw teknoloġija tas-sajd ibbażata fuq ganċ magħmul bil-qxur tal-frott tal-baħar tat-tip choro zapato. Il-kuluri tiegħu kienu jattiraw l-attenzjoni tal-ħut mistada dak iż-żmien. Dawn il-gruppi popolaw pampa qisha deżert bejn is-6000 u l-2000 Q.K. Dan it-territorju kien estiż sal-baħar u kien ikopri min-Nofsinhar tal-Perù sar-reġjun ta' Antofagasta fiċ-Ċilì. L-aqwa evidenza ta' dan l-iżvilupp instab fil-bokka tax-xmara Camarones. Il-gruppi tal-kultura ta' Chinchorro baqgħu jikkaċċjaw fil-postijiet fil-qrib u baqgħu jisfruttaw ir-riżorsi, iżda peress li l-ikel prinċipali tagħhom kien jiġi mill-baħar, huma insedjaw il-kosta, u kienu jgħixu fi djar mibnija fuq spazji tondi mħaffra fil-ħamrija u magħhom kienu jitwaħħlu lqugħ għall-kenn mir-riħ. Qrib id-djar tagħhom, huma ddepożitaw l-iskart tagħhom, speċjalment qxur tal-frott tal-baħar, u difnu ħafna mill-mejtin tagħhom, li xtaqu jippreservawlhom il-katavri tagħhom. Għaldaqstant, 3,000 sena qabel l-Eġittu, dawn in-nies żviluppaw teknika ta' mummifikazzjoni, u ħolqu tradizzjoni li damet madwar 4,000 sena, magħrufa bħala l-kultura ta' Chinchorro.[11]
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Chile - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rapa Nui National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Chiloé". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Quarter of the Seaport City of Valparaíso". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Humberstone and Santa Laura Saltpeter Works". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sewell Mining Town". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Qhapaq Ñan, Andean Road System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Settlement and Artificial Mummification of the Chinchorro Culture in the Arica and Parinacota Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-19.