Impjanti tan-Nitrat tal-Potassju ta' Humberstone u ta' Santa Laura

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-impjant ta' Humberstone.

L-Impjanti tan-Nitrat tal-Potassju ta' Humberstone u ta' Santa Laura huma żewġ eks impjanti u raffineriji industrijali li jinsabu fit-Tramuntana taċ-Ċilì. Dawn tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005, bħala xhieda tal-importanza storika ta' dik l-industrija fiċ-Ċilì u tal-aġenda kulturali u soċjali li żviluppat madwarha fl-aħħar tas-seklu 19.[1][2] L-impjanti tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu fl-istess sena, minħabba l-fraġilità tal-binjiet abbandunati, iżda tneħħew fl-2019.[3]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

L-impjanti ta' Humberstone u ta' Santa Laura jinsabu 45 kilometru fil-Lvant tal-belt ta' Iquique fid-Deżert ta' Atacama fir-Reġjun ta' Tarapacá fit-Tramuntana taċ-Ċilì. Impjanti simili oħra jew "irħula tan-nitrat" jinkludu Chacabuco, Maria Elena, Pedro de Valdivia, Puelma u Aguas Santas.

Humberstone[immodifika | immodifika s-sors]

Santa Laura[immodifika | immodifika s-sors]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1872, il-Kumpanija tal-Estrazzjoni tan-Nitrati ta' Guillermo Wendell stabbiliet l-impjant ta' Santa Laura, meta r-reġjun kien għadu parti mill-Perù. Fl-istess sena, James Thomas Humberstone stabbilixxa l-"Kumpanija tan-Nitrati tal-Perù", u b'hekk stabbilixxa l-impjant ta' "La Palma". Iż-żewġ impjanti kibru malajr u saru rħula urbani kkaratterizzati b'binjiet bi stil Ingliż.

Filwaqt li l-impjant ta' La Palma sar wieħed mill-ikbar estratturi tan-nitrati fir-reġjun kollu, l-impjant ta' Santa Laura ma tantx mar tajjeb, u l-produzzjoni kienet baxxa. L-impjant ittieħed fl-1902 mill-Kumpanija tan-Nitrati ta' Tamarugal. Fl-1913 l-impjant ta' Santa Laura waqqaf il-produzzjoni tiegħu sa ma ġie introdott il-proċess tal-estrazzjoni ta' Shanks, li tejjeb ferm il-produttività.

Madankollu, il-mudell ekonomiku sfaxxa matul id-Depressjoni l-Kbira tal-1929 minħabba l-iżvilupp tas-sinteżi tal-ammonijaka mill-Ġermaniżi Fritz Haber u Carl Bosch, li kienu minn ta' quddiem fil-produzzjoni industrijali tal-fertilizzanti. Prattikament falluti, iż-żewġ impjanti nxtraw minn COSATAN (Compañía Salitrera de Tarapacá y Antofagasta) fl-1934. COSATAN tat isem ġdid lill-impjant ta' La Palma li sar "Oficina Santiago Humberstone" f'ġieħ il-fundatur. Il-kumpanija ppruvat tipproduċi nitrati naturali b'mod kompetittiv permezz tal-immodernizzar tal-impjant ta' Humberstone, u dan wassal biex l-impjant isir l-iżjed impjant tan-nitrati ta' suċċess fl-1940.

Iż-żewġ impjanti ġew abbandunati fl-1960 wara d-deklin rapidu li wassal biex COSATAN tgħeb fl-1958. Fl-1970, wara li ż-żewġ irħula bl-impjanti saru rħula diżabitati, ġew iddikjarati bħala monumenti nazzjonali u nfetħu għat-turiżmu. Fl-2005 iż-żewġ impjanti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Impjanti tan-Nitrat tal-Potassju ta' Humberstone u ta' Santa Laura ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2023-10-22.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Humberstone and Santa Laura Saltpeter Works". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Humberstone and Santa Laura Saltpeter Works site (Chile), removed from the List of World Heritage in Danger". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-22.