Aqbeż għall-kontentut

Kutná Hora

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kutná Hora
 Repubblika Ċeka
Amministrazzjoni
PajjiżRepubblika Ċeka
Regions of the Czech RepublicReġjun tal-Boemja Ċentrali
District of the Czech RepublicDistrett ta' Kutna Hora
Kap tal-Gvern Lukáš Seifert (en) Translate
Isem uffiċjali Kuttenberg
Kutná Hora
Ismijiet oriġinali Kutná Hora
Kodiċi postali 284 01, 284 03u 284 04
Ġeografija
Koordinati 49°56′53″N 15°16′05″E / 49.948°N 15.268°E / 49.948; 15.268Koordinati: 49°56′53″N 15°16′05″E / 49.948°N 15.268°E / 49.948; 15.268
Kutná Hora is located in Czech Republic
Kutná Hora
Kutná Hora
Kutná Hora (Czech Republic)
Superfiċjenti 33.071625 kilometru kwadru
Għoli 254 m
Fruntieri ma' Grunta (en) Translate, Libenice (en) Translate, Církvice (en) Translate, Nové Dvory (en) Translate, Třebešice (en) Translate, Křesetice (en) Translate, Malešov (en) Translate, Miskovice (en) Translate, Hlízov (en) Translateu Kluky (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 21,556 abitanti (1 Jannar 2024)
Informazzjoni oħra
bliet ġemellati Kamianets-Podilskyi, Reims, Egeru Tarnowskie Góry
kutnahora.cz
Il-Knisja ta’ Santa Barbara billejl

Kutná Hora (pronunzja Ċeka: [ˈkutnaː ˈɦora]; biċ-Ċek Medjevali: Hory Kutné; bil-Ġermaniż: Kuttenberg) huwa raħal fir-Reġjun tal-Boemja Ċentrali tar-Repubblika Ċeka, b’popolazzjoni ta’ madwar 21,000 ruħ.[1] Iċ-ċentru storiku tar-raħal, flimkien mal-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Katidral tal-Madonna ta’ Sedlec, tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]

L-iktar traċċi bikrin tal-fidda li nstabu jmorru lura għas-seklu 10, meta l-Boemja kienet diġà ilha f’salib it-toroq tar-rotot kummerċjali fuq distanzi twal għal bosta sekli. Id-dinari tal-fidda li nstabu f’Kutná Hora jmorru lura għal bejn id-982 u d-995 u kienu jintużaw fl-insedjament ta’ Malín, li issa huwa parti mir-raħal ta’ Kutná Hora.[3]

Ir-raħal twaqqaf fl-1142 bl-insedjament tal-Abbazija ta’ Sedlec, l-ewwel monasteru Ċisterċens fil-Boemja. L-Ordni taċ-Ċisterċensi bbażata fil-monasteru ta’ Sedlec oriġinat mill-Abbazija Imperjali ta’ Waldsassen fil-Bavarja, il-Ġermanja, qrib il-fruntiera mar-Repubblika Ċeka. Fl-1260, minaturi Ġermaniżi bdew jagħmlu xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni tal-fidda mir-reġjun muntanjuż, li huma sejħu Kuttenberg, u li kien parti mill-proprjetà tal-monasteru. L-isem tar-reġjun muntanjuż jingħad li ġej mill-kapoċċi tal-patrijiet (Kutten bil-Ġermaniż) jew minn kutání biċ-Ċek antik li tfisser xogħol fil-minjieri.[3]

Bejn is-sekli 13 u 16, ir-raħal kien jikkompeti mal-belt kapitali Praga ekonomikament, kulturalment u politikament.[4] Taħt is-Superjur tal-patrijiet Heinrich Heidenreich, it-territorju tar-raħal mar tajjeb ħafna permezz tal-minjieri tal-fidda li kisbu importanza sinifikanti matul it-tkabbir ekonomiku tas-seklu 13.

Fis-sena 1300, ir-re Wenceslaus II tal-Boemja ħareġ kodiċi rjali ġdid dwar ix-xogħol fil-minjieri msejjaħ Ius regale montanorum (magħruf ukoll bħala Constitutiones Iuris Metallici Wenceslai II). Dan kien dokument ġuridiku li kien jispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet amministrattivi kif ukoll tekniċi li kienu meħtieġa għat-tħaddim tal-minjieri. Il-muniti tal-fidda magħrufa bħala groschen ta’ Praga ġew izzekkati bejn l-1300 u l-1547/48.[3]

Veduta ta’ Kutná Hora

F’Diċembru 1402, ir-rikkezzi tar-raħal insterqu mill-Imperatur Sigismundu wara li Wenceslaus IV intefa’ l-ħabs. Minkejja dan, ir-raħal ġie difiż bil-qawwa mir-residenti tiegħu. Fil-fatt, minkejja li l-Imperatur Sigismundu rnexxa fil-konkwista tiegħu, l-uffiċjal militari tiegħu Markvart von Aulitz inqatel bi vleġġa matul l-assedju tas-27 ta’ Diċembru 1402.[5][6] Fl-2018, fl-immaġinazzjoni tal-logħba elettronika Kingdom Come: Deliverance, Markvart huwa rrappreżentat bħala l-antagonista.[7]

Ir-raħal ta’ Kutná Hora żviluppa malajr ħafna, u fiż-żmien meta faqqgħu l-Gwerer Ħussiti fl-1419, ir-raħal kien it-tieni l-iktar raħal importanti fil-Boemja wara Praga. Ir-raħal sar ir-residenza ppreferuta ta’ diversi rejiet tal-Boemja. Fit-18 ta’ Jannar 1409, Wenceslaus IV iffirma d-Digriet famuż ta’ Kutná Hora proprju fir-raħal. Permezz ta’ dan id-digriet, l-università Ċeka ngħatat tliet voti fl-elezzjonijiet tal-fakultà tal-Università ta’ Praga minflok vot wieħed bħall-universitajiet ta’ nazzjonijiet oħra.[3]

Fl-1420, l-Imperatur Sigismundu stabbilixxa r-raħal bħala l-bażi tiegħu għall-attakk kontra t-Taboriti li ma rnexxiex matul il-Gwerer Ħussiti, qabel il-Battalja ta’ Kutná Hora. Ir-raħal ta’ Kuttenberg (Kutná Hora) ittieħed minn Jan Žižka, u wara rikonċiljazzjoni temporanja bejn il-partijiet li ħadu sehem fil-battalja ngħata n-nar mit-truppi imperjali fl-1422, biex jipprevjenu li terġa’ tispiċċa f’idejn it-Taboriti. Madankollu, Žižka ħataf ir-raħal u taħt il-patroċinju tal-Boemja reġgħet gawdiet perjodu ta’ prosperità.[3]

Il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti bil-Knisja ta’ Santa Barbara fl-isfond

Flimkien mal-bqija tal-Boemja, Kuttenberg (Kutná Hora) għadda għand il-monarkija tal-Asburgi tal-Awstrija fl-1526. Fl-1546, l-iktar minjiera rikka bil-fidda ġarrbet għargħar gravi. Fir-rewwixta tal-Boemja kontra Ferdinandu I, ir-raħal tilef il-privileġġi kollha li kellu. Barra minn hekk, l-imxija ripetuta tal-pesta u l-ħerba tal-Gwerra tat-Tletin Sena kienu d-daqqa tal-mewt tar-raħal. It-tentattivi ta’ nofs kedda li kien hemm fil-perjodu ta’ paċi biex il-minjieri rvinati jiġu rkuprati fallew; ir-raħal tfaqqar, u fl-1770 ġie devastat min-nirien. Il-minjieri ġew abbandunati lejn l-aħħar tas-seklu 18.[3]

F’Mejju 1742, matul l-Ewwel Gwerra tas-Silesja, forza tal-Prussja mmexxija minn Federiku l-Kbir waqqfet fir-raħal qabel il-Battalja ta’ Chotusitz.[8]

Il-Boemja kienet l-art prinċipali tal-Imperu Awstrijaku fl-1806, u baqgħet ikkontrollata mill-monarkija Awstrijaka wara li kompromess li ntlaħaq fl-1867. Sal-1918, Kuttenberg kien il-kapitali tad-distrett ta’ Kuttenberg, wieħed minn 94 Bezirkshauptmannschaften (lokalitajiet distrettwali) fil-Boemja.[9] Flimkien mal-bqija tal-Boemja, ir-raħal sar parti miċ-Ċekoslovakkja li twaqqfet wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-isfaxxar tal-Imperu Awstro-Ungariku.

Kutná Hora ġie inkorporat fil-Protettorat tal-Boemja u tal-Moravja mill-Ġermanja Nażista fil-perjodu bejn l-1939 u l-1945, iżda reġa’ ngħadda liċ-Ċekoslovakkja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ir-raħal sar parti mir-Repubblika Ċekja fl-1993, wara li ċ-Ċekoslovakkja nqasmet f’żewġ pajjiżi.

Pittura tax-xogħol fil-minjieri ta’ Kutná Hora fis-snin 90 tas-seklu 15

Mill-1995, iċ-ċentru storiku tar-raħal tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Fin-nominazzjoni tas-sit u sussegwentement fit-titlu tiegħu ssir enfasi b’mod ewlieni fuq il-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Abbazija u l-Knisja tal-Għadam ta’ Sedlec. Huwa stmat li l-Knisja tal-Għadam ta’ Sedlec hija ddekorata bl-għadam ta’ iktar minn 40,000 skeletru.[10]

Fost l-iżjed binjiet importanti tar-raħal hemm il-Knisja ta’ Santa Barbara, b’ħames navati, li nbniet fl-1388, u l-Palazz Taljan, li qabel kien residenza rjali u zekka, li nbena lejn l-aħħar tas-seklu 13. Id-Dar Gotika, li mill-1902 intużat bħala mużew, fiha wieħed mill-iktar arkivji rikki fil-pajjiż. Il-Knisja Gotika ta’ San Ġakbu, bit-torri tal-kampnar tagħha għoli 86 metru, hija binja prominenti oħra f’Kutná Hora.[3]

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Knisja ta’ Santa Barbara
  • Il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna u ta’ San Ġwann Battista
  • Il-Katidral u l-Knisja tal-Għadam tal-Madonna ta’ Sedlec
  • Il-Knisja ta’ San Ġakbu
  • Il-Knisja ta’ San Ġwann ta’ Nepomuk
  • Il-Knisja tal-Kunvent tal-Ursolini
  • Il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti
  • Il-Palazz Taljan
  • Il-Kolonna ddedikata lill-Madonna

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Kandilabru tal-għadam tal-Katidral tal-Madonna ta’ Sedlec

Iċ-ċentru storiku tar-raħal ta’ Kutná Hora, flimkien mal-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Katidral tal-Madonna ta’ Sedlec, ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba n-nisġa urbana ta’ Kutná Hora fiha bosta binjiet ta’ kwalità arkitettonika u artistika għolja, b’mod partikolari l-Knisja ta’ Santa Barbara, li kellhom influwenza kbira fuq l-iżviluppi sussegwenti fl-arkitettura tal-Ewropa Ċentrali; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba s-sit huwa eżempju straordinarju ta’ raħal Medjevali li kien kiseb il-ġid u l-prosperità tiegħu permezz tal-minjieri tal-fidda.[2]

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Kutná Hora huwa ġemellat ma’:[11]

  1. ^ "Population of Municipalities - 1 January 2020". Population of Municipalities - 1 January 2020 (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-31.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kutná Hora: Historical Town Centre with the Church of St Barbara and the Cathedral of Our Lady at Sedlec". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-31.
  3. ^ a b ċ d e f ġ Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 50–59. ISBN 978-80-7339-067-9.
  4. ^ "Kutna Hora Czech Republic, Kuttenberg - Hotels, Virtual Tours, Basic Facts, Sights, One-day Trips, Transport". www.discoverczech.com. Miġbur 2021-03-31.
  5. ^ Zap, Karel Vadislav (1882). Česko-moavská kronika (biċ-Ċek). I.L. Kober. p. 552. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  6. ^ Rieger, Frantisek Ladislav. Slovnik naucny: S - Szyttler (biċ-Ċek). Kober. p. 1115.
  7. ^ Warhorse Studios (February 13, 2018). Kingdom Come: Deliverance. Deep Silver. Level/area: Run!. I am Sir Markvart von Aulitz, I come in the name of Sigismund of Luxembourg, King of Hungary and Croatia, to restore order in the name of his brother, King Wenceslas IV.
  8. ^ Berry, Jeff (2013-03-30). "Obscure Battles: Chotusitz 1742". Miġbur 2021-03-31.
  9. ^ Wilhelm Klein (1967). Die postalischen Abstempelungen auf den österreichischen Postwertzeichen-Ausgaben 1867, 1883 und 1890.
  10. ^ "Kutná Hora: The Silver City | Foreigners.cz Blog". blog.foreigners.cz (bl-Ingliż). 2020-07-28. Miġbur 2021-03-31.
  11. ^ Hora, Město Kutná. "Partnerská města". Kutná Hora - městský informační portál (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-31.