Aqbeż għall-kontentut

Kuldīga

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kuldīga
 Latvja
Amministrazzjoni
Stat sovranLatvja
Municipality of LatviaMuniċipalità ta' Kuldīga
Isem uffiċjali Kuldīga
Goldingen
Ismijiet oriġinali Kuldīga
Goldingen
Kodiċi postali LV-3301
LV-3302
Ġeografija
Koordinati 56°58′02″N 21°58′12″E / 56.9672°N 21.97°E / 56.9672; 21.97Koordinati: 56°58′02″N 21°58′12″E / 56.9672°N 21.97°E / 56.9672; 21.97
Kuldīga is located in Latvia
Kuldīga
Kuldīga
Kuldīga (Latvia)
Superfiċjenti 13.24 kilometru kwadru, 12.54 kilometru kwadru
Demografija
Popolazzjoni 9,940 abitanti (1 Jannar 2024)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1378
Żona tal-Ħin Ħin tal-Lvant tal-Ewropa
kuldiga.lv

Kuldīga (bil-Ġermaniż: Goldingen) huwa raħal fir-reġjun ta' Courland fil-Punent tal-Latvja.[1][2] Huwa ċ-ċentru tal-Muniċipalità ta' Kuldīga, b'popolazzjoni ta' madwar 13,500 ruħ.[3]

Kuldīga ssemma għall-ewwel darba fl-1242 u ngħaqad mal-Lega Anseatika fl-1368.[4] Fis-seklu 17, Kuldīga (flimkien ma' Jelgava) kien waħda mill-bliet kapitali tad-Dukat ta' Courland mill-1596 sal-1616.[5]

Kuldīga huwa raħal antik fir-reġjun ta' Kurzeme fil-Punent tal-Latvja, b'arkitettura distintiva, u huwa inkluż fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[6][7] Jingħad li Santa Katarina hija l-qaddisa patruna ta' Kuldīga, u l-eqdem knisja tal-belt hija ddedikata lil Santa Katarina. Il-pedamenti tal-bini ġew stabbiliti saħansitra fl-1252 u l-knisja ġiet immodifikata diversi drabi. Ix-xmara żgħira Alekšupīte tgħaddi mill-qalba stess taċ-ċentru storiku ta' Kuldīga, tul il-ħitan tad-djar.

Iċ-ċentru storiku madwar ix-xmara ż-żgħira huwa l-unika kumpless ta' dan it-tip tas-seklu 17–18 li għad baqa' fl -istati Baltiċi. Hemm ukoll kaskata għolja 4.2 metri fuq ix-xmara Alekšupīte, li hija l-ogħla waħda fil-Latvja.[8] In-Nixxiegħa ta' Venta, wiesgħa 240 metru fuq ix-xmara Venta, hija l-iktar wiesgħa fl-Ewropa. Mhux 'il bogħod min-nixxiegħa hemm il-pont tal-brikks ta' Kuldīga li nbena fl-1874, li huwa l-itwal pont ta' dan it-tip fl-Ewropa.[9]

Ir-raħal ta' Kuldīga ġie rikonoxxut bħala destinazzjoni EDEN fl-2007.[10]

Il-Kastell ta' Kuldiga fl-1680.
L-istemma ta' Kuldīga, 1681.

L-oriġini taċ-ċentru storiku ta' Kuldīga hija evidenti mill-pożizzjoni tiegħu f'salib it-toroq: il-mogħdijiet tal-ilma tax-xmara Venta u l-mogħdijiet tal-art li jingħaqdu mal-artijiet Prussjani mal-parti t'isfel tax-xmara Daugava. Ir-raħal antik ta' Kuldiga tal-Kuronjani – tumbata ffortifikata b'kastell u b'insedjament jinsabu 3.5 kilometri lejn it-Tramuntana, iktar 'l isfel mix-xmara Venta, fuq ix-xatt tax-xellug tagħha. It-tumbata tal-kastell għadha viżibbli sal-lum. Din tinsab max-xatt tax-xmara Venta bejn il-baċir fond tax-xmara Veckuldīga u l-wied antik tax-xmara Venta. Is-sit tal-kastell innifsu jinsab fi ħdan l-erja ta' iktar minn għaxar ettari flimkien maċ-ċentru storiku ta' Kuldiga. Fl-imgħoddi jaf kien hemm port ukoll max-xmara Veckuldīga.

Fid-19 ta' April 1242, l-Ordni tal-Kavallieri Livonjani ngħata il-permess mill-Gran Mastru biex jibni kastell max-xtut tax-xmara Venta. Peress li dan il-permess huwa l-eqdem dokument bil-miktub ippreservat fejn jissemma Kuldiga, l-1242 titqies bħala s-sena tal-istabbiliment ta' Kuldiga. Il-Kastell tal-Ordni tal-Kavallieri Livonjani nbena fuq ix-xatt tax-xellug tax-xmara Venta, u d-dolomit minn qiegħ ix-xmara ntuża bħala l-materjal tal-kostruzzjoni. Fl-1263, il-kastell u l-insedjamenti ta' madwaru kienu diġà meqjusa bħala r-raħal ta' Goldingen, u l-jeddijiet tiegħu bħala raħal kienu bbażati fuq il-jeddijiet tal-belt ta' Riga.

Fit-28 ta' April 1355, il-Gran Mastru tal-Ordni Goswin von Herike alloka nħawi b'artijiet ġodda. Fl-istess ħin huwa attribwixxa privileġġ ġdid lir-raħal, flimkien ma' stemma bix-xbieha ta' Santa Katarina. Mill-1439, Kuldiga/Goldingen ingħata privileġġ li jarma suq kull ġimgħa. Ir-raħal ġie stabbilit billi ġew magħquda it-tliet żoni popolati ewlenin: ir-raħal, il-villaġġ żgħir tal-kastell (ir-raħal tal-Kuronjani) u r-raħal ta' fuq l-għolja (l-hekk imsejjaħ "Kalnamiests" bil-Latvjan; illum il-ġurnata fl-inħawi ta' Kalna Iela).

Il-Komtur kien jgħix fil-Kastell tal-Ordni tal-Kavallieri Livonjani flimkien mat-tnax-il aħwa subien tiegħu li kienu kavallieri u mal-hekk imsejħa aħwa tar-rispett li kienu jieħdu ħsieb il-ħajja ekonomika. Il-Komtur mexxa wkoll lill-Komturei ta' Kuldiga, li kellhom fis-sjieda tagħhom ukoll lil Durbe, Sabile, Skrunda, Aizpute, Alsunga u Saldus flimkien ma' Kuldiga.

Kuldīga (Goldingen) immarkat f'mappa ta' Livonja tas-sekli 16-17.

Wara li ġie stabbilit id-Dukat ta' Courland u ta' Semigallia fl-1561, beda perjodu ġdid fl-istorja ta' Kuldiga. L-ewwel Duka Gotthard Kettler għażel l-eks kastell tal-Ordni biex ikun wieħed mir-residenzi tiegħu. Hu, u iktar tard duki oħra, approvaw il-jeddijiet ta' qabel ta' Kuldiga billi appoġġaw l-iżvilupp ekonomiku tiegħu. Meta miet id-Duka Gotthard, id-dukat inqasam f'żewġ partijiet u sal-1618 Kuldiga kien ir-residenza ta' ibnu ż-żgħir Wilhelm u l-kapitali ta' Kurzeme. Ir-raħal gawda mill-kummerċ ma' Riga u ma' Jelgava bis-saħħa tat-taxxi fuq il-merkanzija kollha li kienet tgħaddi minn naħa għall-oħra tal-pont. Fl-1615, il-pont inqered mill-għargħar, u dan ikkawża telf kbir għar-raħal. Fl-istess sena, kien hemm nar kbir li qered il-parti l-kbira tal-kostruzzjonijiet tal-injam fir-raħal.

Wara r-rikostruzzjoni tar-raħal, ġiet stabbilita pjazza ġdida tas-suq (illum il-ġurnata il-Pjazza tal-Muniċipju) u nbena Muniċipju ġdid (attwalment f'Baznīcas Iela 5). Għalhekk iċ-ċentru tar-raħal ġie ttrasferit mill-post l-antik ħdejn il-Knisja ta' Santa Katarina għall-Pjazza attwali tal-Muniċipju tar-raħal. L-iżjed ċittadini u merkanti għonja bnew djarhom madwar iċ-ċentru l-ġdid tar-raħal.

Fit-tieni parti tas-seklu 19, kumpaniji industrijali żgħar bdew jiġu żviluppati fir-raħal. Xi wħud minnhom saru fabbriki b'iktar minn 100 ħaddiem. L-ikbar fabbrika f'Kuldiga kienet il-fabbrika ta' Vulkāns li tipproduċi s-sulfarini (li ġiet stabbilita fl-1878 u li ngħalqet fl-2004), u t-tikketta tal-kaxxi tas-sulfarini kellha xbieha ta' ċerva fuqha. It-tieni l-ikbar kienet il-fabbrika ta' Vintelers Tūki. Barra minn hekk, f'Kuldiga kienu jiġu prodotti labar, sigarri, sapun, vodka, likuri u ilma minerali. Il-produzzjoni tal-birra kienet tradizzjoni b'għeruq fondi – il-birra kienet tiġi prodotta fil-kastell tal-Ordni, fir-residenzi tad-Duka u fir-raħal ukoll.

F'dan il-perjodu nbnew ħafna binjiet ġodda, mhux binjiet residenzjali biss, iżda anke binjiet muniċipali u pubbliċi. Wara diversi sekli, Kuldiga kiseb pont ġdid fuq ix-xmara Venta (1873–1874), u nbnew Muniċipju ġdid (1868), id-Dar Parrokkjali Ortodossa u knisja f'Liepājas Iela, ħabs (li llum sar uffiċċju postali), id-Dar tas-Soċjetà Latvjana (li llum sar iċ-Ċentru għall-Kultura), il-Liċeo Ġermaniż (skola sekondarja) f'Kalna Iela 19 u binjiet oħra wkoll. F'qasir żmien, l-għadd ta' abitanti lokali rdoppja, u laħaq it-​13,000 ruħ eżatt qabel l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ir-raħal spiċċa taħt l-okkupazzjoni Sovjetika mill-1940, u mbagħad spiċċa taħt l-okkupazzjoni Ġermaniża mill-1941 sal-1944.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Raħal Antik ta' Kuldīga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[7]

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xmara Alekšupīte li tnixxi fil-qalba ta' Kuldīga.

Kuldīga huwa raħal żgħir u attraenti f'Kurzeme li minn dejjem kien ammirat u mfaħħar mill-poeti u mill-pitturi. Iċ-ċentru storiku tar-raħal, li żviluppa fis-sekli 17 u 18, għadu jippreserva l-binjiet antiki tal-injam li jiffurmaw toroq żgħar u dojoq. L-eqdem binja tal-injam f'Kurzeme li nbniet fl-1670 tinsab ħdejn il-pjazza tar-raħal. Il-Muniċipju tar-raħal inbena fis-seklu 17. Il-pjazza tar-raħal, sa mill-oriġini stess tal-insedjament, kienet post fejn in-nies tal-belt kienu jinġabru. It-tradizzjoni baqgħet ħajja: il-polz tal-belt jinħass l-iktar fil-pjazza ċentrali, post fejn isiru l-wirjiet tan-nissieġa, il-festi tradizzjonali u avvenimenti oħra.

Il-kaskata ta' Venta (Ventas rumba) hija l-usa' kaskata fl-Ewropa. Din il-kaskata ffurmata b'mod naturali hija wiesgħa 240 metru u hija assoċjata ma' għadd ta' leġġendi u avvenimenti storiċi. Fir-rebbiegħa, wieħed jista' jara l-ħut jaqbeż sax-xifer; minħabba dan, Kuldīga darba kien famuż bħala "post fejn kienu jaqbdu s-salamun fl-arja".

Il-pont antik tal-brikks minn naħa għall-oħra tax-xmara Venta nbena fl-1874 u huwa l-itwal pont ta' dan it-tip fl-Ewropa – b'tul ta' 164 metru. Inbena skont l-istandards tas-seklu 19 – twil 500 pied u wiesa' 26 pied, u b'hekk żewġ vetturi jistgħu jgħaddu ħdejn xulxin minn fuqu. Dan jikkonsisti minn seba' ħnejjiet b'volti tal-brikks. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija tnejn mill-ħnejjiet ġew sploduti. It-"tellieqa tal-għerwenin" fuq il-pont saret tradizzjoni annwali għall-iljieli ta' Nofs is-sajf.[11]

Il-pont tal-brikks minn naħa għall-oħra tax-xmara Venta.

Ix-xmara Alekšupīte tgħaddi direttament tul il-ħitan ta' ħafna binjiet u għalhekk Kuldīga tlaqqam il-Venezja tal-Latvja. Inizjalment il-binjiet taċ-ċentru tar-raħal inbnew bħala s-subborg ta' Kuldīga. Fl-1701, matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, l-armata Żvediża invadiet il-Kastell ta' Kuldīga u fl-1709 sar mhux abitabbli, iżda fis-seklu 19 il-fdalijiet tal-kastell ġew rilokati.

Il-Kaskata ta' Alekšupīte ġiet stabbilita fis-seklu 17 b'tali mod li tuża n-nixxiegħa għat-tħaddim tal-ewwel mitħna għall-produzzjoni tal-karta f'Kurzeme. Kull sena ssir tellieqa fuq ix-xmara ta' Alekšupīte, fejn il-kontestanti jiġru direttament tul il-qiegħ tax-xmara.

Il-Knisja ta' Santa Katarina nbniet oriġinarjament fl-1252. Madankollu, inbniet mill-ġdid b'tinqix fl-injam bi stil Barokk fuq l-artal. Il-knisja ngħatat l-isem ta' Santa Katarina, il-patruna tar-raħal. Wieħed mill-iktar ħakkiema ta' suċċess tad-Dukat ta' Courland, id-Duka Ġakobb, tgħammed f'din il-knisja, u hawn sar ukoll it-tieġ tiegħu mal-Prinċipessa Louise Charlotte ta' Brandenburg.

Il-Knisja ta' Santa Katarina.

It-triq ta' Liepājas hija triq pedonali b'diversi binjiet tas-seklu 17-20, b'bibien interessanti u bi twieqi speċjali.

Il-Mużew tal-Iskultura tal-Iskultriċi Livija Rezevska ġie stabbilit fl-2003. Il-viżitaturi jistgħu jaraw iktar minn 15-il skultura li jikkaratterizzaw in-nazzjon Latvjan, kif ukoll l-għaqda u l-imħabba tiegħu.

L-Għerien tar-Ramel ta' Riežupe jiffurmaw l-itwal labirint ta' għerien fil-Latvja (minn tul ta' madwar 2 kilometru, 460 metru jistgħu jiġu viżitati). Matul ir-renju tad-Duka Ġakobb, ir-ramel mill-Għerien tar-Ramel ta' Riežupe kien jittieħed fuq vapuri 'l barra mill-pajjiż għall-produzzjoni tal-ħġieġ.

Is-sinagoga Lhudija hija waħda mill-ikbar binjiet f'Kuldiga u hija magħrufa għall-ġmiel intern tagħha bl-irħam b'dettalji indurati. Xi dokumenti bl-Ebrajk Antik li jiddeskrivu l-kostruzzjoni tal-binja fl-1875 jinsabu fil-Mużew tad-Distrett ta' Kuldiga. Inbniet matul ir-renju tal-Ksar Alessandru II u kienet iċ-ċentru ta' komunità Lhudija vibranti. Is-sinagoga kienet parti minn kumpless ikbar b'dar tat-talb biswit, is-sepulkru Lhudi, u skola Lhudija, li għadhom viżibbli sal-lum. Il-komunità Lhudija kienet ilha attiva mill-istabbiliment fid-Dukat ta' Courland fis-seklu 16. Ħafna mill-ewwel immigranti ġew minn territorji tal-Majjistral tal-Ġermanja, iżda madwar nofs is-seklu 17 l-irvelli fil-Polonja kkawżaw influss ta' Lhud minn dak ir-reġjun. Sas-seklu 18, il-popolazzjoni Lhudija ta' Kurzeme kellha rwol attiv fil-ħajja ekonomika tal-provinċja. Fl-1941 is-sinagoga saret nassa meta l-Lhud kollha ta' Kuldigas intefgħu l-ħabs fis-sinagoga u ġew miżmuma hemmhekk għal diversi jiem min-Nażisti u mis-simpatizzanti Latvjani, qabel ma ġew maqsuma fi gruppi iżgħar u sparawlhom fil-foresti fil-qrib.

Ftit wara l-qerda tal-Lhud, il-Ġermaniżi stabbilew maħżen tal-ikel fis-sinagoga. Iktar 'il quddiem, matul l-ewwel snin tal-Unjoni Sovjetika, ġie stabbilit maħżen tal-qamħ fis-sinagoga, u wara ġiet abbandunata għal xi snin. Fl-1958, is-sinagoga ġiet ittrasformata fiċ-ċinema ta' Kurzeme. Kienet tesa' 450 ruħ u kien fiha wkoll sala tal-qari. Baqgħet tintuża bħala ċinema sal-2003, wara l-indipendenza tal-Latvja. Fis-snin ta' wara kien hemm ukoll kafetterija u night club.

Mill-2011, is-sinagoga ġiet kompletament ittrasformata fil-librerija ċentrali ta' Kuldiga u spazju għall-ispettakli. Il-binja fl-istat attwali ma fihx ħsarat, iżda ma hemm l-ebda sinjal minn barra tal-passat Lhudi tal-binja (bħal xi stilla ta' David). It-tiżjin tas-saqaf li jidhru f'ritratti antiki tas-sinagoga għadhom neqsin: tliet zokkli vojta, bħal ċmieni, jimmarkaw is-saqaf forfċi fuq kull naħa tal-binja. Hemm ukoll (minn Awwissu 2017) plakka li tispjega l-istorja tal-binja.

Mill-2006, kull sena f'Kuldīga ssir in-Nofs Maratona ta' Kuldīga.

L-ewwel arena interna tal-Latvja għall-atletika nfetħet f'Kuldīga fl-2008.

Residenti notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Jacob Kettler (1610–1682), id-Duka ta' Courland u ta' Semigallia;
  • Zelig Kalmanovich (1885–1944), filologu, traduttur u storiku Lhudi;
  • Ben-Zion Harel (1892–1972), tabib u politiku minn Iżrael;
  • Max Weinreich (1894–1969), lingwista;
  • James Martin Eder (1838-1921), pijunier tal-industrija taz-zokkor fil-Kolombja;
  • Aivis Ronis (twieled fl-1968), politiku u diplomatiku;
  • Jānis Miņins (twieled fl-1980), atleta tal-bob;
  • Dana Reizniece-Ozola (twieldet fl-1981), politika u plejer taċ-ċess;
  • Jānis Šmēdiņš (imwieled fl-1987), plejer tal-beach volley;
  • Roberts Ozols (twieled fl-1995), plejer tal-futbol.

Kuldīga huwa ġemellat ma':[12]

  1. ^ "Town - Kuldīgas novads". Kuldiga.lv (bil-Latvjan). Miġbur 25 May 2022.
  2. ^ "Kuldiga". Latvia.travel. Miġbur 25 May 2022.
  3. ^ "Municipality". Kuldiga.lv (bil-Latvjan). Miġbur 25 May 2022.
  4. ^ "History". City of Kuldiga.
  5. ^ "History". Kuldiga.lv. Miġbur 25 May 2022.
  6. ^ "The Historical Centre of Kuldiga". Latvia.travel. Miġbur 25 May 2022.
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Old town of Kuldīga". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-28.
  8. ^ "Alekšupīte Waterfall". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 25 May 2022.
  9. ^ "The Old Brick Bridge across the Venta river". Latvia.travel. Miġbur 25 May 2022.
  10. ^ "Kuldīga, the pearl of small towns, shines ever brighter". Latvia.travel. Miġbur 25 May 2022.
  11. ^ "LUSTĪGU LĪGOŠANU: Jāņu naktī Kuldīgā kā katru gadu notiks pliko skrējiens" (bil-Latvjan). nra.lv. 22 June 2016. Miġbur 9 September 2016.
  12. ^ "Sadraudzības pilsētas". kuldiga.lv (bil-Latvjan). Kuldīga. Miġbur 2019-08-31.