Katidral
Katidral huwa knisja li tkun il-cathedra (il-kelma bil-Latin għal “siġġu/sede”) ta’ isqof[1], u li b’hekk taqdi r-rwol tal-knisja ċentrali ta’ djoċesi, konferenza jew episkopat.[2] Il-knejjes bil-funzjoni ta’ katidral is-soltu jkunu jintużaw speċifikament mid-denominazzjonijiet Kristjani b’ġerarkija episkopali bħal dawk Kattoliċi, Anglikani, Ortodossi tal-Lvant, u xi kultant Luterani.[2] L-ewwel knejjes bil-funzjonijiet ta’ katidral dehru għall-ewwel darba fl-Italja, fil-Gallija, fi Spanja u fit-Tramuntana tal-Afrika fis-seklu 4, iżda l-katridral ma sarux universali fi ħdan il-Knisja Kattolika tal-Punent qabel is-seklu 12, meta kienu laħqu żviluppaw forom arkitetturali, strutturi istituzzjonali, u identitajiet legali distinti minn knejjes parrokkjali, knejjes monastiċi u residenzi episkopali.
Wara r-Riforma Protestanta, il-Knisja Kristjana f’diversi partijiet tal-Punent tal-Ewropa, bħall-Iskozja, in-Netherlands, għadd ta’ Kanton fl-Iżvizzera u partijiet mill-Ġermanja, adottat proċess Presbiteru li neħħa l-isqfijiet. Fejn binjiet ta' katidrali antiki f’dawn l-artijiet għadhom jintużaw għall-qima f’komunità, xorta baqgħu jissejħu katridrali iżda mingħajr ir-rabta tas-supremazija ġerarkika. Mis-seklu 16 ’il quddiem, iżda speċjalment mis-seklu 19, il-knejjes li oriġinaw fil-Punent tal-Ewropa wettqu diversi programmi ta’ attivitajiet missjunarji, li wasslu għat-twaqqif ta’ għadd kbir ta’ djoċesijiet bi stabbilimenti assoċjati ta’ katidrali differenti fl-Asja, fl-Afrika, fl-Awstralasja, fl-Oċeanja, u fl-Amerki. Barra minn hekk, kemm il-Knisja Kattolika kif ukoll il-knejjes Ortodossi ffurmaw djoċesijiet ġodda fi ħdan artijiet li qabel kienu Protestanti għal min jikkonverti u għall-koreliġjużi migranti. B’hekk, mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn li l-Kristjani f’belt partikolari jkunu moqdija minn tliet katidrali jew iktar ta’ denominazzjonijiet differenti.
Etimoloġija u definizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kelma “katidral” ġejja mill-Franċiż cathédrale, mil-Latin cathedra (“siġġu/sede”), mill-Grieg καθέδρα kathédra, “siġġu, bank”.
Il-kelma tirreferi għall-preżenza u għall-prominenza tas-siġġu tal-isqof jew it-tron tal-arċisqof, f’pożizzjoni ogħla mill-kleru u mil-lajċi, u li oriġinarjament kien iħares lejn il-kongregazzjoni minn wara l-artal. Fid-dinja l-antika, is-siġġu, olzat fuq pjattaforma, kien karatteristika distintiva ta’ għalliem jew rettur u għaldaqstant jissimboleġġa r-rwol tal-isqof bħala għalliem. Tron olzat f’sala ta’ bażilika kien jintuża wkoll għal maġistrat li jkun qed jippresjedi, u għalhekk il-cathedra tissimboleġġa wkoll ir-rwol tal-isqof biex jiggverna lid-djoċesi tiegħu.
Il-kelma "katidral", bħala s-sede ta’ isqof, tintuża f’ħafna lingwi; madankollu fl-Ewropa knisja li tkun katidral tista’ tissejjaħ Duomo (pereżempju bit-Taljan) jew Dom (pereżempju bil-Ġermaniż jew bl-Olandiż), mit-terminu bil-Latin domus ecclesiae jew domus episcopalis. Filwaqt li dawn it-termini mhumiex sinonimi (duomo hija knisja kolleġjali), ħafna knejjes li huma katidrali jkunu knejjes kolleġjali wkoll, u għalhekk il-kelma Duomo jew Dom saret tintuża wkoll għal katidral f’ċerti pajjiżi. Fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant, "katidral" normalment hija l-ekwivalenti ta’ katholikon (sobor bil-lingwi Slavi), li tfisser "assemblea", iżda dan it-titlu jingħata wkoll lil knejjes monastiċi u maġġuri oħra mingħajr responsabbiltajiet episkopali. Meta tkun trid issir referenza speċifika għal knisja li jippresjediha arċisqof jew "metropolitan", jintuża t-terminu kathedrikós naós (literalment: "katidral tempju").
It-tron episkopali jħaddan il-prinċipju li isqof biss isawwar katidral, u dan għadu japplika anke jekk f’dawk il-knejjes li ma għandhomx isqfijiet iktar, iżda li għad għandhom dinjità ta’ katidral u funzjonijiet fi knejjes antiki li kienu jippresjeduhom l-isqfijiet. Iżda t-tron jista’ jħaddan ukoll il-prinċipju li katidral isawwar isqof; kemm speċifikament; fis-sens li isqof jiġi elett fi ħdan katidral u jiġi inawgurat billi jingħata t-tron fi ħdan il-katidral bl-akklamazzjoni tal-kleru u tal-lajċi; u kif ukoll ġeneralment; fis-sens li l-kwalifiki essenzjali tal-isqfijiet ta’ talb regolari, tagħlim għoli u qima mużikali kienu għal ħafna sekli aċċessibbli primarjament permezz tal-funzjonijiet ta’ katidral. B’hekk hemm distinzjoni bejn dawk it-tradizzjonijiet tal-knisja, predominantement dawk tal-Kristjanità Ortodossa tal-Lvant iżda li qabel kienu jinkludu l-knejjes Ċeltiċi fl-Irlanda, fl-Iskozja u f’Wales, li l-isqfijiet tagħhom laħqu f’monasteri; u dawk it-tradizzjonijiet tal-knisja li l-isqfijiet tagħhom kienu jilħqu l-iktar min-nofs il-kleru ta’ katidral.[3]
Fit-tradizzjoni Kattolika jew Kattolika Rumana, it-terminu "katidral" japplika korrettament biss għal knisja li tkun is-sede tal-isqof ta’ djoċesi. Il-knisja li tkun abbazija ta’ territorju taqdi l-istess funzjoni (jiġifieri, tkun is-sede tas-superjur tal-abbazija), iżda ma tingħatax it-titlu ta’ abbazija. Fi kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra li tkun ekwivalenti kanonikament għal djoċesi iżda li ma tkunx ittellgħet kanonikament għal djoċesi (prelat, vikarjat, ordinarjat, prefettura, amministrazzjoni appostolika), il-knisja li taqdi din il-funzjoni tissejjaħ “knisja prinċipali” tal-entità rispettiva, għalkemm xi kultant xorta jintuża t-terminu katidral. Il-Knisja Kattolika tuża wkoll it-termini li ġejjin:
- Pro-Katidral huwa parroċċa jew knisja oħra li tintuża temporanjament bħala katidral, is-soltu sakemm il-katidral ta’ djoċesi jkun qed jinbena, jiġi rinnovat, jew isirilu xi tiswijiet. Din id-deżinjazzjoni tapplika biss sakemm idum l-użu temporanju;
- Kon-Katidral huwa t-tieni katidral fi djoċesi li jkollha żewġ sedi. Din is-sitwazzjoni tista’ tfeġġ f’diversi każijiet bħala fużjoni ta’ żewġ djoċesijiet preċedenti, bħala tħejjija biex djoċesi tinqasam, jew minħabba l-ħtieġa perċepita li l-funzjonijiet ta’ katidral jiġu moqdija f’post ieħor peress li t-territorju tad-djoċesi jkun kbir;
- Proto-Katidral (litteralment, "l-ewwel katidral") huwa l-katidral preċedenti ta’ sede ttrasferita.
Il-knisja li tkun katidral ta’ isqof metropolitan tissejjaħ katidral metropolitan.
It-terminu katidral effettivament mhuwiex mehmuż mad-daqs jew mal-ammont ta’ dekorazzjoni ta’ binja, minkejja li ħafna katidrali huma binjiet impressjonanti sempliċement għaliex iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ djoċesi s-soltu jirrikjedu l-kapaċità ta’ waħda mill-ikbar knejjes fid-djoċesi. Għaldaqstant, it-terminu katidral spiss jintuża kollokjalment biex jirreferi għal knejjes kbar u impressjonanti li ma jkunux jaqdu l-funzjoni ta’ katidral (eż. il-Katidral tal-Artiku fi Tromsø, in-Norveġja u s-Sagrada Familia, bażilika minuri f’Barċellona).
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġini u karatteristiċi tal-ewwel katidrali
[immodifika | immodifika s-sors]L-istorja tal-katidrali teħodna lura għas-sena 313, meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir adotta personalment il-Kristjaneżmu u ta bidu għall-Paċi tal-Knisja. Tabilħaqq, jekk nimxu eżatt mat-terminoloġija stretta, ma setax ikun hemm “katidrali” qabel din id-data, peress li qabel is-seklu 4 ma kienx hemm cathedrae Kristjani; l-isqfijiet qatt ma kienu jpoġġu bilqiegħda meta kienu jmexxu xi qima kongregazzjonali, iżda minflok kienu jkunu bilwieqfa fuq pjattaforma olzata jew pulpitum (pulptu). Fit-tielet seklu, il-frażi ad pulpitum venire (tiela’ fuq il-pjattaforma) saret il-frażi standard għall-ordinazzjoni Kristjana. Matul l-assedju ta’ Dura Europos (illum fis-Sirja) fis-sena 256, knisja Kristjana sħiħa jew domus ecclesiae ġiet midfuna f’xatt difensiv li f’xi postijiet kien ilaħħaq sal-ħitan ta’ fuq nett. Din il-knisja waslet sa żminjietna bis-saħħa tal-iskavi. Il-knisja ta’ Dura kienet ġiet konvertita minn dar urbana kbira b’forma standard, fejn żewġ kmamar twaqqgħu flimkien biex ikun hemm spazju għas-sala tal-assemblea, li kienet kapaċi tilqa’ bejn 60 u 75 ruħ bilwieqfa; filwaqt li ddaħħal tank f’kamra fuq in-naħa opposta biex iservi bħala battisterju, b’pitturi sbieħ mal-ħitan eżatt fuqu. Instab li fis-sala l-kbira kien hemm pulptu olzat fuq naħa, kbir biżżejjed biex toqgħod persuna waħda għall-qari, għall-prietki u għat-tmexxija taċ-ċelebrazzjonijiet; iżda kien baxx wisq biex seta’ jintuża bħala tron, u żgħir wisq biex joqgħod artal fuqu. Mill-bqija, is-sala l-kbira ma kellha l-ebda dekorazzjoni jew karatteristika distintiva oħra.
Fis-sena 269, ftit wara li Dura nħakmet mill-armata Persjana, numru ta’ membri tal-kleru fasslu għadd ta’ akkużi kontra l-isqof ta’ Antjokja, Pawlu ta’ Samosata, f’ittra miftuħa. Fost l-akkużi, kien qed jingħad li Pawlu, li kien irċieva t-titlu ċivili ta’ ducenarius, minħabba l-kuntatti li kellu mal-imperu, kien tella’ ħajt mhux xieraq biex ikollu kompartiment għalih jew secretum fil-knisja ta’ Antjokja; li f’dan il-kompartiment kellu tron li kien jippresjedi minnu fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ qima; u li kien ħarreġ kor femminili biex ikantaw l-innijiet li kien jixtieq hu. Dawn il-prattiki kollha ġew ikkundannati bħala innovazzjonijiet, talli daħħal is-simboli tal-maġistratura Rumana sekolari tiegħu fir-ritwali tal-knisja; filwaqt li b’mod preżuntuż u blasfemiku donnu kien qisu qed jagħti ħjiel li l-persuna tal-isqof fil-qima Ewkaristika tpoġġi fil-post ta’ Kristu nnifsu. Minkejja dan, fi żmien mitt sena, l-isqfijiet kollha fil-Mediterran kellhom katidrali, kollha kienu jpoġġu fuq tronijiet fi spazju magħluq qisu santwarju, u kollha kienu stabbilew korijiet imħarrġa biex isebbħu l-qima Ewkaristika.
Il-prinċipju ewlieni li wassal għal din il-bidla kien l-aċċettazzjoni tal-isqfijiet, ftit jew wisq minn jeddhom, ta’ stedina imperjali biex jadottaw u jibqgħu jwettqu dmirijiet, id-dinjità u l-insinja xierqa għal maġistrat pubbliku.[4] Is-soltu, maġistrat Ruman kien jippresjedi minn tron olzat f’sala rettangolari ddekorata kbira bin-navati msejħa basilica; u minn dak iż-żmien ’il quddiem l-isqfijiet bdew jagħmlu l-istess ħaġa. L-iktar katidral antik bi fdalijiet sostanzjali, li kien ukoll bażilika, jinsab taħt il-Katidral ta’ Aquileia fit-Tramuntana tal-Baħar Adrijatiku. Minn iskrizzjoni fil-mużajk, dan il-katidral ġie datat bejn is-sena 313 u 319. Il-kumpless kien jikkonsisti minn żewġ swali paralleli bin-navati fil-Lvant u fil-Punent ta’ daqs simili; b’kontrosala iżgħar fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar li tikkollega ż-żewġ swali l-oħra, u li ġiet interpretata bħala s-sala ta’ lqugħ tal-episcopium jew ir-residenza tal-isqof. It-tliet swali joħolqu qisha pjazza żgħira fil-beraħ, li fiha oriġinarjament kien hemm battisterju separat. Minn dawn iż-żewġ swali tal-katidral li kien ukoll bażilika, wasal sa żminijietna l-pavimentar rikk bil-mużajk, li fost xeni oħra, juri dik ta’ Ġona u l-Baliena, u sensiela ta’ ritratti ta’ figuri femminili ta’ donaturi. Milli jidher, katidrali simili b’bażilika doppja u battisterju nbnew wara din f’Milan, f’Pavia u f’Trier; iżda sussegwentement il-knejjes b’bażilika waħda saru l-iktar mudell komuni ta’ katidral.
Id-dikjarazzjoni imperjali ta’ Kostantinu favur il-Kristjaneżmu ttrasformat l-aspetti kollha tal-ħajja Kristjana fl-Imperu Ruman. Minn reliġjon ta’ minoranza, f’żoni urbani pjuttost ċirkoskritti u f’raggruppamenti soċjali ristretti, soġġetti għal ostilità uffiċjali u persigwitazzjoni okkażjonali; il-Kristjaneżmu żdied sew numerikament u laqa’ nies minn kull klassi soċjali, inizjalment xorta fi ħdan żoni tal-bliet, iżda eventwalment estiża wkoll għall-pagus, iż-żoni rurali tal-bliet. Il-konsegwenza kienet espansjoni radikali fil-binjiet, fil-finanzjament u fil-persunal ta’ stabbilimenti assoċjati mal-Knisja tul is-seklu 4. L-ewwel katidrali jirrappreżentaw din l-espansjoni f’forma materjali.
Binjiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pożizzjoni u l-pjanta tal-ewwel katidrali kienu jvarjaw b’mod sostanzjali minn belt għall-oħra, għalkemm il-biċċa l-kbira, bħal f’Aquileia, kellhom it-tendenza li jinbnew fi ħdan il-ħitan tal-bliet iżda ’l bogħod miċ-ċentru urban; iżda ċerti elementi kienu jiddaħħlu kważi dejjem.
Bażilika
[immodifika | immodifika s-sors]Is-swali tal-bażilika qabel kienu karatteristiċi ta’ kumplessi ċiviċi ewlenin u ta’ binjiet u kwartieri ġenerali militari; iżda mbagħad saru l-istruttura standard għall-kongregazzjonijiet Kristjani kbar. Minn hawn ’il quddiem, it-terminu bażilika jirreferi għal kwalunkwe binja ta’ knisja sostanzjali. Dawn il-bażiliki ġodda kienu differenti għalkollox bħala skala meta mqabbla ma’ swali bikrin oħra tal-Kristjaneżmu, peress li kienu differenti wkoll fl-għamla tagħhom meta mqabbla ma’ xi tempji jew strutturi reliġjużi Rumani mhux tal-Kristjaneżmu. Is-swali kienu lonġitudinali, bin-navati, u mdawla ferm permezz ta’ twieqi kbar. Il-pavimenti u l-ħitan kienu jkunu jew intarsjati jew inkella ddekorati bil-mużajk – is-soltu b’disinn astratt jew bil-fjuri. Iż-żewġ bażiliki oriġinali ta’ Aquileia kellhom daqs ta’ madwar 37 metru bi 17-il metru, iżda fi żmien 30 sena, id-daqs ta’ sala minnhom ġie kkwadruplikat għal 73 metru b’31 metru. Permezz ta’ din l-estensjoni, il-bażilika ngħatat tliet karatteristiċi addizzjonali li saru karatteristiċi tal-ewwel katidrali: kompartiment magħluq fin-naħa tal-Lvant tal-knisja madwar l-artal; synthronos fil-Lvant tal-artal u jħares lejn il-Punent, magħmul minn dais olzati bi tron ċentrali għall-isqof u bankijiet fuq kull naħa tat-tron għall-kleru tal-familia tiegħu; u narthex magħluq fin-naħa tal-Punent li l-Katekumeni kienu jinġabru fiha waqt l-att ċentrali tal-liturġija Ewkaristika.
Battisterju
[immodifika | immodifika s-sors]Id-daqs tal-battisterju fil-knisja ta’ Dura kien ta’ metru kwadru u kien fond metru; min kien jiġi biex jitgħammed, seta’ joqgħod bilwieqfa fih, iżda mhux jiġi mgħaddas. Fil-katidrali l-ġodda, kif kien jiġri qabel, l-isqfijiet biss kienu jgħammdu; u ċ-ċerimonji kienu jsiru mhux iktar minn darbtejn fis-sena biex ikun hemm biżżejjed żmien għat-tħejjija. Għalhekk, id-daqs tal-battisterji kellu jiżdied sew, biex ikun hemm biżżejjed spazju li jkun jista’ jiggarantixxi l-privatezza waqt it-tneżżigħ, il-magħmudija, u l-ilbies mill-ġdid; u l-fonti tal-magħmudija, spiss ottagonali, kienet fonda biżżejjed biex tippermetti l-immersjoni totali, u wiesgħa biżżejjed biex takkomoda kemm lil min kien jiġi biex jitgħammed kif ukoll lil xi djakni assistenti. Il-battisterji s-soltu kienu jadottaw pjanta ċentralizzata li kienet toriġina mill-kappelli funebri; u kienu jkunu separati mill-bażilika kongregazzjonali.
Episkopju
[immodifika | immodifika s-sors]Ħadd ma kien jgħix fil-knisja residenzjali ta’ Dura; il-faċilitajiet residenzjali bħal-latrina u l-kċina kienu tneħħew meta l-binja ġiet ikkonvertita. Iżda l-katidrali dejjem kienu jinkludu residenza episkopali. Fost l-akkużi prominenti li kienu tressqu kontra Pawlu ta’ Samosata, kien hemm dik li kien ikollu wisq kunfidenzi man-nisa devoti. Kif kienet it-tradizzjoni dak iż-żmien, Pawlu kien miżżewweġ meta ġie elett isqof; u mill-ġdid, kif kien universalment mistenni minn isqof, ma baqax ikollu kuntatt sesswali ma’ martu u lanqas baqa’ jikkoabita magħha. Iżda l-akkużaturi tiegħu sostnew li peress li baqa’ jkun assoċjat ma’ nisa oħra (minkejja li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kien qed iġib ruħu ħażin), hu kien qed joħloq potenzjal inaċċettabbli li jinqala’ skandlu. Sabiex jiġi evitat li jinqalgħu okkażjonijiet ta’ din ix-xorta, kien meħtieġ li l-katidrali l-ġodda jkollhom kwartieri li fihom jgħixu irġiel biss u li fihom jgħix l-isqof u dawk meħtieġa għall-funzjoni tiegħu; u ladarba, fil-knejjes tal-Punent, kien mistenni li l-presbiteri u d-djakni kollha jgħixu għalihom u mhux mal-mara tagħhom wara l-ordinazzjoni, dawn il-kwartieri tal-għajxien, magħrufa bħala l-episcopium jew l-episkopju, kienu jeħtieġu daqs pjuttost sostanzjali. Apparti l-kwartieri tal-ikel u tal-irqad għas-subien u għall-irġiel wara l-ordinazzjoni, l-episkopju wkoll kien ikollu oratorju privat jew kappella privata tal-isqof, kamra fejn kien jinħasel l-isqof, u swali privati għal xi pranzu jew ċena ta’ ospitalità li l-isqof kien mistenni joffri minħabba l-istatus soċjali msaħħaħ tiegħu.
Funzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Simbolika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katidrali jaqdu funzjoni simbolika. Spiss ikunu l-iktar binja imponenti u waħda mill-iktar binjiet antiki fil-bliet jew fl-irħula. Il-kobor u l-ġmiel tal-katidrali jaf ikunu spropozjonati mal-bliet u mal-irħula nfushom. Il-flus u t-talenti li jintużaw għall-binja jitqiesu bħala azzjoni li tagħti ġieħ lill-Alla, u jistgħu juru wkoll id-devozzjoni u l-istatus tal-fidili.
Sikwit il-katidrali jkunu orjentati Lvant/Punent, biex b’hekk il-fidili jkunu qed iħarsu lejn minn fejn titla’ x-xemx, bħala simbolu ta’ Kristu Rxoxt. L-għamla arkitetturali tal-binja ħafna drabi jkollha pjanta ta’ salib. Din l-għamla hija funzjonali u simbolika wkoll għax tirreferi għas-salib li fuqu ġie msallab Ġesù Kristu. L-għamla hija funzjonali liturġikament peress li tippermetti li l-binja tiġi maqsuma f’sezzjonijiet fejn jistgħu jseħħu attivitajiet differenti, jew jiġu okkupati minn nies differenti bħall-kleru, il-kor u l-lajċi.
Reliġjuża
[immodifika | immodifika s-sors]Apparti l-funzjoni organizzattiva bħala s-sede tal-isqof, il-katidral jaqdi funzjoni liturġika biex fih kuljum jiġu offruti servizzi tal-knisja. Ħafna mill-katidrali jiċċelebraw quddiesa kuljum, ġieli iktar minn waħda, u speċjalment il-Ħadd u fil-festi tal-Knisja meta l-quddiesa jaf tkun kantata jew ikollha s-servizzi tal-kor u akkumpanjament bl-orgni, karatteristika li hija preżenti fil-biċċa l-kbira tal-katidrali. L-omelija jew il-prietka fil-quddiesa, ħafna drabi ssir minn ambone, mill-artal stess jew minn fuq pulptu.[5]
Ħafna katidrali huma postijiet ta’ pellegrinaġġ, u ħafna nies jiddeċiedu li jivvjaġġaw distanzi twal biex jivveneraw lil xi oġġett sagru jew relikwa ta’ xi qaddis. Il-pellegrinaġġi kienu popolari l-iktar fil-Medju Evu, iżda uħud bħall-Pellegrinaġġ ta’ San Ġakbu lejn Santiago de Compostela fi Spanja għadu jsir sa llum u għadu jattira lil ħafna pellegrini.
Ċivika u soċjali
[immodifika | immodifika s-sors]Spiss it-twelid, iż-żwieġ u l-mewt jiġu ċċelebrati b’servizzi fil-katidrali u ħafna drabi l-katidrali jaġixxu bħala repożitorju tal-istorja lokali permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti. Il-katidrali jiċċelebraw iż-żminijiet ta’ ċelebrazzjoni u ta’ dieqa nazzjonali u ċiviċi lokali b’servizzi speċjali. Il-funerali statali speċjalment fil-Punent, ħafna drabi jsiru f’katidral. Nies li jkunu ta’ servizz għall-komunità jew għall-knisja kemm-il darba jiġu midfuna fil-katidral stess jew jiġu kkommemorati b’mafkar. Xi katidrali, bħal dawk ta’ Aachen fil-Ġermanja u ta’ Reims fi Franza huma l-postijiet tradizzjonali tal-inkurunazzjoni tal-monarki.
Funzjoni ċivika oħra tal-katidral hija l-għoti ta’ tagħrif ċiviku importanti. Jistgħu jsiru tħabbiriet fil-katidral stess jew f’forma stampata ġeneralment qrib id-daħla tal-katidral innifsu.
Il-biċċa l-kbira tal-katidrali jkollhom qanpiena jew qniepen. Dawn jintużaw biex jitħabbar servizz li jkun se jingħata dak il-ħin stess jew appik li jingħata. Jintużaw ukoll biex iwasslu xi informazzjoni bħall-ħin bit-tokki kull siegħa jew iktar, xi luttu bit-tokki kajmana u kiebja, jew biex joħolqu briju f’ċelebrazzjoni bħal f’tieġ. Fi żmien il-gwerra, it-tokki tal-qniepen kienu jintużaw ukoll biex jissinjalaw li faqqgħet jew li intemmet xi gwerra.
Arti, kultura u turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Ħafna binjiet ta’ katidrali huma famużi ferm għall-arkitettura tagħhom u għandhom importanza lokali, nazzjonali u internazzjonali, kemm storikament kif ukoll artistikament. Diversi katidrali huma elenkati fil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Bosta katidrali, minħabba l-kobor tagħhom u minħabba l-fatt li spiss ikollhom torrijiet, kampnari, koppli, eċċ., sas-seklu 20 kienu binjiet ikoniċi ewlenin fil-bliet jew fl-irħula. Dan l-aħħar, bil-bini dejjem jgħola ’l fuq, ittieħdet azzjoni ċivili f’ċerti każijiet biex tipprevjeni li l-veduta tal-katidral titgħatta jew tkun irvinata minn xi bini għoli ieħor.
Peress li ħafna katidrali ħadu sekli sħaħ biex inbnew u biex jiġu ddekorati, huma jikkostitwixxu investiment artistiku kbir għall-belt fejn ikunu jinsabu. Il-bini stess mhux biss jaf ikun sinifikanti minħabba l-arkitettura tiegħu, iżda l-katidral jaf ikun iħaddan fih teżori bħall-ħġieġ ikkulurit, statwi jew skulturi tal-ġebel jew tal-injam, oqbra storiċi, għamara imprezzabbli, u oġġetti ta’ valur artistiku u reliġjuż kbir bħall-pitturi jew relikwarji. Barra minn hekk, il-katidrali spiss ikollhom rwol ċentrali biex jirrakkontaw l-istorja tal-belt jew tar-raħal tagħhom, permezz tal-lapidi, l-iskrizzjonijiet, l-oqbra, eċċ.
Għal dawn ir-raġunijiet, it-turisti ilhom iżuru l-katidrali għal mijiet ta’ snin. Ħafna katidrali jilqgħu t-turisti b’xejn meta ma jkunx hemm servizzi għaddejjin, jew inkella jitolbu miżata jew donazzjoni jew ħlas biex wieħed jieħu r-ritratti. Il-katidrali li jkunu popolari ħafna bħala attrazzjonijiet turistiċi xi kultant jipprovdu gwidi, fuljetti, ħwienet fejn wieħed jista’ jixtri xi tifkiriet u kafetteriji.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Shorter Oxford English Dictionary, ISBN 0-19-860575-7.
- ^ a b New Standard Encyclopedia, 1998 by Standard Educational Corporation, Chicago, Illinois; page B-262c.
- ^ Sterk, Andrea; "Renouncing the World yet leading the Church"; Harvard University Press; 2004; p. 8.
- ^ Eusebius. Life of Constantine. p. 4:27,2.
- ^ T. Francis Bumpus, The Cathedrals and Churches of Belgium.