Aquileia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aquileia
 Italja
Amministrazzjoni
Stat sovranItalja
Autonomous region with special statuteFriuli-Venezia Giulia
Regional decentralization entityregional decentralization entity of Udine (en) Translate
Ismijiet oriġinali Aquilêe
Kodiċi postali 33051
Ġeografija
Koordinati 45°46′N 13°22′E / 45.77°N 13.37°E / 45.77; 13.37Koordinati: 45°46′N 13°22′E / 45.77°N 13.37°E / 45.77; 13.37
Aquileia is located in Italy
Aquileia
Aquileia
Aquileia (Italy)
Superfiċjenti 37.44 kilometru kwadru
Għoli 5 m
Fruntieri ma' Fiumicello Villa Vicentina (en) Translate, Grado (en) Translateu Terzo d'Aquileia (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 3,128 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0431
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Piran
comune.aquileia.ud.it

Aquileia ([akwiˈlɛːja]; bis-Sloven: Oglej; bil-Friulan: Olee / Olea / Acuilee / Aquilee / Aquilea;[1] bil-Venezjan: Aquiłeja / Aquiłegia) hija belt Rumana antika fl-Italja, fit-tarf tal-laguni tal-Adrijatiku, xi 10 kilometru mill-baħar, fuq ix-xmara Natiso (magħrufa llum bħala Natisone), l-fluss tal-ilma tagħha nbidel kemxejn minn żmien ir-Rumani. Illum il-ġurnata, il-belt hija waħda żgħira (madwar 3,500 abitant), iżda kienet kbira u prominenti fl-Antikità Klassika u waħda mill-ikbar bliet fid-dinja b'popolazzjoni ta' xi 100,000 ruħ fis-seklu 2 W.K.[2][3] Aquileia tħaddan wieħed mis-siti arkeoloġiċi prinċipali tat-Tramuntana tal-Italja. Fl-aħħar tal-Antikità, il-belt kienet l-ewwel belt fil-Peniżola Taljana li r-rikkezzi tagħha ġew misruqa minn Attila (tal-Unni).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Antikità Klassika[immodifika | immodifika s-sors]

Repubblika Rumana[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit arkeoloġiku ta' Aquileia

Aquileia ġiet stabbilita bħala kolonja mir-Rumani fil-180/181 Q.K. tul ix-xmara Natiso, fuq biċċa art fin-Nofsinhar tal-Alpi ta' Jura iżda madwar 13-il kilometru fit-Tramuntana tal-laguni. Il-kolonja kienet isservi ta' fortizza strateġika fil-fruntiera fir-rokna tal-Grigal tal-Italja Trans-Padana (fuq it-tarf nett tax-xmara Po) u kienet maħsuba biex tipproteġi lill-Veneti, alleati leali ta' Ruma matul l-invażjoni ta' Annibale fit-Tieni Gwerra Punika u matul il-Gwerer ta' Illirija. Il-kolobja serviet bħala ċittadella biex tikkontrolla l-avvanzar fil-Gallija Ċisalpina ta' popli oħra ta' theddida, bħall-Karni ostili fil-Grigal mill-art li issa hija magħrufa bħala Carnia u bħat-tribujiet Istrijani fix-Xlokk mill-art li issa hija magħrufa bħala Istria. Fil-fatt, is-sit magħżul għal Aquileia kien xi sitt kilometri lil hinn minn fejn huwa stmat li 12,000 nomadu Tawrixxiku Ċeltiku kienu ppruvaw jinsedaw ruħhom fil-183 Q.K. Madankollu, mis-seklu 13 Q.K., is-sit ta' Aquileia kellu importanza kummerċjali wkoll bħala l-aħħar punt tal-kummerċ Baltiku tal-ambra (sucinum). Għalhekk, teorikament, x'aktarx li Aquileia kienet oppidum Gallika qabel għaddiet għand ir-Rumani. Madankollu, ftit artefatti Ċeltiċi ġew skopruti mill-500 Q.K. sal-wasla tar-Rumani.[4]

Il-kolonja ġiet stabbilita bi Drittijiet Latini tat-trijumvirat ta' Publius Cornelius Scipio Nasica, Kajjin Flaminju, u Lucius Manlius Acidinus. Tnejn minnhom kienu konsli, filwaqt li wieħed minnhom kien pretorjan. Kull wieħed minnhom kien jiġi mgħarraf personalment x'kien qed jiġri fil-Gallija Ċisalpina. Nasica kien ħaken il-Boii fil-191. Flaminju kien issorvelja l-kostruzzjoni tat-triq imsemmija għalij minn Bononia (Bologna) sa Arretium (Arezzo). Acidinus kien ħakem lit-Tawrixxi fil-183.[5][6]

It-trijumvirat wassal biex 3,000 familja tinsedja ruħha fiż-żona u b'hekk Aquileia x'aktarx li kellha popolazzjoni ta' 20,000 ftit wara li ġiet stabbilita. Sadanittant, abbażi tal-evidenza tal-ismijiet imnaqqxin fuq il-ġebel, il-maġġoranza tal-familji kolonizzaturi ġew minn Picenum, Samnium, u Campania, li jispjega wkoll għaliex il-kolonja kienet Latina u mhux Rumana. Fost dawn il-kolonizzaturi, il-pediti rċevew 50 iugera ta' art kull wieħed, iċ-ċenturjuni rċevew 100 iugera kull wieħed, u l-ekwiti rċevew 140 iugera kull wieħed. Jew fl-istabbiliment jew mhux wisq wara, il-kolonizzaturi mill-Venetia ssupplixxu lil dawn il-familji.[4]

Il-fdalijiet tal-port antik tax-xmara

F'qasir żmien it-toroq ikkollegaw lil Aquileia mal-kolonja Rumana ta' Bologna x'aktarx fil-173 Q.K. Fil-148 Q.K. ġiet ikkollegata ma' Genova permezz tal-Via Postumia, li kienet tgħaddi tul il-pjanura Padana kollha minn Aquileia għal jew qrib Opitergium, Tarvisium, Vicetia, Verona, Bedriacum, u l-aħħar tliet kolonji Rumani ta' Cremona, Placentia, u Dertona. Il-kostruzzjoni tal-Via Popilia mill-kolonja Rumana ta' Ariminium sa Ad Portum qrib Altinum fil-132 Q.K. tejbet il-komunikazzjonijiet iktar. Fl-ewwel seklu W.K., il-Via Gemina kkollegat lil Aquileia ma' Emona fil-Lvant tal-Alpi ta' Jura, u sat-78 jew sad-79 W.K. il-Via Flavia kkollegat lil Aquileia ma' Pula.

Sadanittant, fil-169 Q.K., 1,500 kolonizzatur ieħor bil-familji tagħhom, immexxija mit-trijumvirat ta' Titus Annius Lucius, Publius Decius Subulo, u Marcus Cornelius Cethegus, insedjaw il-belt bħala tisħiħ tal-gwarniġjon. L-iskoperta tal-minjieri tad-deheb ħdejn il-moderna Klagenfurt fil-130 Q.K. wasslet biex il-kolonja tkompli tiġbed l-attenzjoni, u malajr saret post ta' importanza kbir, mhux biss minħabba l-pożizzjoni militari strateġika tagħha, iżda bħala ċentru kummerċjali, speċjalment għall-prodotti agrikoli u għall-vitikoltura. Barra minn hekk, iktar 'il quddiem kellha wkoll diversi barrieri tal-brikks.

Fid-90 Q.K., il-kolonja oriġinali Latina saret municipium u ċ-ċittadini tagħha x'aktarx li kienu t-tribù Rumana ta' Velina. Il-konfini doganali tal-Italja kienu qrib fi żmien Ċiċerun. Ġulju Ċesri żar il-belt diversi drabi u fix-xitwa tal-59-58 Q.K. qagħad f'kamp fil-qrib.

Il-Bażilika Patrijarkali ta' Santa Marija Assunta

Imperu Ruman[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm il-Japodi serqu lil Aquileia matul il-perjodu ta' Awgustu, iż-żieda sussegwenti fl-insedjament u l-ebda nuqqas ta' xogħol bi profitt kienu jfissru li l-belt setgħet tiżviluppa r-riżorsi tagħha. L-artiġjani Lhud stabbilew kummerċ tal-ħġieġ li ffjorixxa. Il-metall minn Noricum kien jiġi fondut u esportat. Il-kummerċ antik ta' Venetia fl-ambra mill-Baltiku kompla. L-inbid, speċjalment il-famuż Pucinum, kien jiġi esportat. Iż-żejt taż-żebbuġa kien jiġi importat mill-Afrika. Fejn il-baħar, ġie żviluppat il-port ta' Aquae Gradatae (illum Grado, Friuli-Venezia Giulia). Fuq l-art, Aquileia kienet il-punt tat-tluq ta' diversi toroq importanti li jwasslu sa barra mill-Italja lejn il-Grigal tal-imperu — it-triq Via Julia Augusta ta' Iulium Carnicum (Zuglio) sa Veldidena (illum Wilten, ħdejn Innsbruck), li minnha kienet tofroq it-triq lejn Noricum, li tgħaddi minn Virunum (Klagenfurt) sa Laurieum (Lorch) fuq id-Danubju, it-triq li tgħaddi minn Emona u li twassal sal-Pannonja u sa Sirmium (Sremska Mitrovica), it-triq li twassal sa Tarsatica (ħdejn Fiume, issa Rijeka) u Siscia (Sisak), u t-triq li twassal sa Tergeste (Trieste) u l-kosta ta' Istria.

L-Imperatur Ruman Flavju Vittorju fuq munita miz-zekka ta' Aquileia.

Awgustu kien l-ewwel imperatur minn ħafna li żaru lil Aquileia, speċjalment matul il-Gwerer tal-Pannonja fis-sekli 12-10 Q.K. Kienet il-belt fejn twieled iben Tiberju fl-10 Q.K. Il-poeta Ruman Marzjal faħħar lil Aquileia bħala l-kenn u l-post ta' mistrieħ li tant xtaq għall-anzjanità tiegħu.[7]

F'termini ta' reliġjon, il-popolin adottaw il-panteon Ruman, għalkemm l-alla Ċeltiku tax-xemx, Belenus, kellu bosta nies jadurawh. Il-Lhud ipprattikaw ir-reliġjon tal-antenati tagħhom u x'aktarx li kienu wħud minn dawn il-Lhud li saru l-ewwel Kristjani. Sadanittant, is-suldati ġabu l-kult Marzjali ta' Mithras.

Fil-gwerra kontra l-Markomanni fil-167, il-belt batiet; il-fortifikazzjonijiet tagħha ġġarrfu u kienu pjuttost mitluqa wara żmien twil ta' paċi. Madankollu, meta fil-168 Marku Awrelju għamel lil Aquileia l-fortizza prinċipali tal-imperu kontra l-Barbari fit-Tramuntana u fil-Lvant, reġgħet laħqet il-qofol tagħha bħala kobor u f'qasir żmien kellha popolazzjoni ta' xi 100,000 ruħ. Settimu Severu żar lil Aquileia fil-193. Fil-238, meta l-belt żammet mas-Senat kontra l-Imperatur Massiminju Traks, il-fortifikazzjonijiet ġew restawrata malajr, u xorta kellhom biżżejjed qawwa biex jirreżistu għal diversi xhur, sa ma nqatel Massiminju stess.

L-aħħar tal-Antikità[immodifika | immodifika s-sors]

L-art bil-mużajk taħt l-art iktar reċenti tal-Bażilika ta' Aquileia

F'Aquileia nbena palazz imperjali li fih kienu jirresjedu b'mod frekwenti l-imperaturi ta' wara żmien Djoklezjanu.

Matul is-seklu 4, Aquileia żammet l-importanza tagħha. Kostantinu għamel soġġorn hemmhekk diversi drabi. Il-belt saret stazzjoni navali u s-sede tal-Corrector Venetiarum et Histriae. Barra minn hekk, ġiet stabbilita zekka li pproduċiet bosta muniti, u l-isqof laħaq arċisqof metropolitan. Il-kunsill li sar fil-belt fit-381 kien biss l-ewwel wieħed minn sensiela ta' Kunsilli ta' Aquileia li saru matul is-sekli. Madankollu, il-belt kellha rwol fit-taqbid bejn il-mexxejja tas-sekli 4. Fit-340, l-Imperatur Kostantinu II nqatel fil-qrib hu u jinvadi t-territorju ta' ħuh iż-żgħir Kostanzju.

Fl-aħħar tas-seklu 4, Awsonju semma lil Aquileia bħala d-disa' belt fost il-bliet il-kbar tad-dinja, u qabilha għażel lil Ruma, Kostantinopli, Kartaġni, Antjokja, Lixandra, Trier, Mediolanum, u Capua. Madankollu, din il-prominenza għamlitha fil-mira tal-għedewwa, fosthom l-Alariċi u l-Visigoti li assedjawha fl-401, u wħud mir-residenti ħarbu lejn il-laguni fil-qrib. L-Alariċi reġgħu attakkaw il-belt fl-408. Attila attakka l-belt fl-452. Matul din l-invażjoni li seħħet fit-18 ta' Lulju, Attila u l-Unni tiegħu tant għamlu ħerba mill-belt li wara bil-kemm seta' jingħaraf is-sit oriġinali tagħha fejn kien. Il-waqgħa ta' Aquileia kienet l-ewwel inkursjoni ta' Attila f'territorju Ruman; imbagħad ġara l-istess fi bliet bħal Mediolanum u Ticinum. L-abitanti Rumani, flimkien ma' dawk ta' rħula ġirien iżgħar, ħarbu bi ħġarhom lejn il-laguni, u b'hekk stabbilew il-pedamenti għall-bliet ta' Venezja u Grado.

Minkejja dan, Aquileia reġgħet qamet fuq saqajha, għalkemm fuq livell ridott, u kompliet teżisti sal-invażjoni tal-Lombardi fil-568; il-Lombardi qerduha t-tieni darba fil-590. Sadanittant, il-patrijarka ħarab lejn il-belt gżira ta' Grado, li kienet taħt il-protezzjoni tal-Biżantini. Meta l-patrijarka li kien qed jirresjedi fi Grado rrikonċilja ma' Ruma fis-606, dawk li kienu qed ikomplu bix-Xiżma tat-Tliet Kapitoli, filwaqt li rrifjutaw it-Tieni Kunsill ta' Kostantinopli, eleġġew patrijarka f'Aquileia. B'hekk, id-djoċesi essenzjalment ġiet maqsuma f'żewġ partijiet, bil-patrijarkat kontinentali ta' Aquileia taħt il-protezzjoni tal-Lombardi, u l-patrijarkat gżira ta' Aquileia bis-sede fi Grado taħt il-protezzjoni tal-eksarkat ta' Ravenna u iktar 'il quddiem tad-Doġi ta' Venezja, bil-kollużjoni tal-Lombardi. Is-suċċessjoni tal-patrijarki f'Aquileia kompliet bix-xiżma sas-699 W.K. Madankollu, għalkemm żammew it-titlu ta' patrijarka ta' Aquileia, huma ċaqilqu r-residenza tagħhom l-ewwel f'Cormons u mbagħad f'Cividale.

Medju Evu[immodifika | immodifika s-sors]

Aquileia fil-Kronaka ta' Nuremberg tal-1493 ta' Hartmann Schedel

Id-duki Lombardi ta' Friuli mexxew lil Aquileia u t-territorju kontinentali tal-madwar minn Cividale. Fis-774, Karlu Manju ħakem id-dukat tal-Lombardi u għamlu wieħed tal-Franki b'Enriku ta' Friuli bħala d-duka. Fis-787, Karlu Manju għamel lill-qassis u lill-mastru tal-grammatika fl-Iskola tal-Palazz ta' Pawlinu II l-patrijarka l-ġdid ta' Aquileia. Il-patrijarkat, minkejja li ġie diviż b'porzjon tat-Tramuntana assenjat lill-indukrar pastorali tal-Arċiveskovat il-ġdid ta' Salzburg, baqa' wieħed mill-ikbar djoċesijiet. Għalkemm Pawlinu kien jirresjedi l-iktar f'Cividale, is-suċċessur tiegħu Massenzju kkunsidra li jerġa' jibni lil Aquileia. Madankollu, il-proġett qatt ma twettaq.

Meta Massenzju kien patrijarka, il-Papa approva s-Sinodu ta' Mantova, li ta l-preċedenza lill-patrijarkat kontinentali ta' Aquileia fuq il-patrijarkat ta' Grado. Madankollu, il-kundizzjonijiet materjali għal Aquileia malajr marru għall-agħar. Il-fdalijiet ta' Aquileia bdew kontinwament jittieħdu bħala materjal tal-bini, u bil-kollass tal-Karolinġji fis-seklu 10, l-abitanti batew mill-attakki tal-Ungeriżi.

Sas-seklu 11, il-patrijarka ta' Aquileia kien sar b'saħħtu biżżejjed biex jiddikjara sovranità temporanja fuq Friuli u Aquileia. L-Imperatur Ruman Sagru ta r-reġjun lill-patrijarka bħala pussess fewdali. Madankollu, l-awtorità tal-patrijarka kienet tiġi kkontestata u assaltata min-nobbiltà territorjali.

Fl-1027 u fl-1044, il-Patrijarka Poppo ta' Aquileia, li reġa' bena l-katidral ta' Aquileia, daħal fi Grado u seraqha, u, għalkemm il-Papa reġa' kkonferma l-Patrijarka ta' Grado, il-belt qatt ma reġgħet irkuprat għalkollox, għalkemm baqgħet tkun is-sede tal-Patrijarkat sat-trasferiment formali tagħha lil Venezja fl-1450.

Fis-seklu 14, l-Istat Patrijarkali laħaq l-ikbar kobor tiegħu, mix-xmara Piave sal-Alpi Ġuljani u t-Tramuntana ta' Istria. Is-sede tal-Patrijarkat ta' Aquileia ġiet ittrasferita lejn Udine fl-1238, iżda reġgħet ingħatat lil Aquiliea fl-1420, bl-annessjoni tat-territorju ta' Udine min-naħa ta' Venezja.

Fl-1445, il-patrijarka tellief Ludovico Trevisan irnexxielu jikseb salarju annwali ta' 5,000 dukat mit-teżor Venezjan talli qabad u ċeda l-patrimonju tiegħu wara t-telfa li ġarrab. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-Venezjani biss tħallew ikollhom it-titlu ta' Patrijarka ta' Patriarch of Aquileia. L-Istat Patrijarkali ġie inkorporat fir-Repubblika ta' Venezja bl-isem ta' Patrija ta' Friuli, immexxija minn provveditur ġenerali jew logutenent li kien jgħix f'Udine. Id-djoċesi Patrijarkali finalment tneħħiet biss fl-1751, u minflok ġew stabbiliti s-sedi ta' Udine u ta' Gorizia.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Bażilika ta' Aquileia minn ġewwa

Iż-Żona Arkeoloġika u l-Bażilika Patrijarkali ta' Aquileia ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[8] Fl-2017 u fl-2018 saru xi modifiki minuri fil-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-sit. Is-sit arkeoloġiku ta' Aquileia jingħad li huwa s-sit tal-ikbar belt Rumana li qatt ġiet skavata.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[8]

Attrazzjonijiet ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

Katidral[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Cathedral huwa bażilika b'saqaf ċatt li nbniet mill-Patrijarka Poppo fl-1031 fuq is-sit ta' knisja preċedenti, u li reġgħet inbniet għall-ħabta tal-1379 bi stil Gotiku mill-Patrijarka Marquard ta' Randeck.

Fdalijiet Rumani Antiki[immodifika | immodifika s-sors]

Illum il-ġurnata, Aquileia hija raħal iżgħar mill-kolonja li ġiet stabbilita minn Ruma. Tul is-sekli, assedji, terremoti, għargħar u serq ta' materjali mill-binjiet antiki wasslu biex l-ebda binja tal-perjodu Ruman ma għadha teżisti fuq l-art. Madankollu, l-iskavi żvelaw ftit kif kien imqassam ir-raħal Ruman. Pereżempju, instab segment ta' triq, l-anglu tal-Majjistral tas-swar tar-raħal, il-port tax-xmara, u l-pożizzjonijiet preċedenti fejn kienu jinsabu l-banjijiet, anfiteatru, ċirku, ċimiterju, il-Via Sacra, il-forum, u s-suq. Il-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Aquileia fih iżjed minn 2,000 iskrizzjoni, statwi u antikitajiet oħra u mużajk, kif ukoll bċejjeċ tal-ħġieġ prodotti lokalment u kollezzjoni numismatika (muniti).

Oħrajn[immodifika | immodifika s-sors]

Il-frazzjoni ta' Monastero hemm bażilika Kristjana tas-seklu 5, li iktar 'il quddiem saret monasteru Benedittin, li llum tospita l-Mużew Paleo-Kristjan.

Nies notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Papa Piju I x'aktarx li twieled f'Aquileia fl-aħħar tal-ewwel seklu W.K.
  • San Krisogonu miet martri f'Aquileia fil-bidu tas-seklu 4 W.K.

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Aquileia hija ġemellata ma':[9]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "austriahungary.info". ww12.austriahungary.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-12. Miġbur 2021-08-11.
  2. ^ The Oxford Classical Dictionary, p. 129.
  3. ^ A Brief History of Venice, p. 16.
  4. ^ a b G. Bandelli, "Aquileia dalla fondazione al II secolo d.C" in Aquileia dalla fondazione al alto medioevo, M. Buora, ed. (Udine: Arte Grafiche Friulane, 1982), 20.
  5. ^ Livy, XL, 34, 2-4.
  6. ^ E. Mangani, F. Rebecchi, and M.J. Srazzulla, Emilia Venezie (Bari: Laterza & Figli, 1981), 210.
  7. ^ "Martial IV". www.thelatinlibrary.com. Miġbur 2021-08-12.
  8. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Area and the Patriarchal Basilica of Aquileia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-11.
  9. ^ "Comune di Aquileia". Comune di Aquileia (bit-Taljan). Miġbur 2021-08-12.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]