Barokk
Il-Barokk huwa stil ta' arkitettura, mużika, żfin, pittura, skultura, poeżija u arti oħra li ffjorixxa fl-Ewropa mill-bidu tas-seklu 17 sa nofs is-seklu 18.[1] Ġie wara l-arti Rinaxximentali u l-Manjeriżmu u qabel ir-Rokokò (fl-imgħoddi spiss imsejjaħ bħala l-"Barokk Aħħari") u n-Neoklassiku. Ġie mħeġġeġ mill-Knisja Kattolika bħala mezz biex jikkuntrasta s-sempliċità u l-awsterità tal-arkitettura, tal-art u tal-mużika tal-Protestantiżmu, għalkemm l-arti Barokka Luterana żviluppat f'partijiet mill-Ewropa wkoll.[2]
L-istil Barokk kien juża l-kuntrast, il-moviment, id-dettall eżuberanti, il-kuluri skuri, il-kobor u s-sorpriża biex jinkiseb sens ta' għaġeb. L-istil beda fil-bidu tas-seklu 17 f'Ruma, u mbagħad infirex malajr fil-kumplament tal-Italja, ta' Franza, ta' Spanja u tal-Portugall, imbagħad fl-Awstrija, fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, u fil-Polonja. Sas-snin 30 tas-seklu 18, evolva fi stil saħansitra iktar elaborat, imsejjaħ rocaille jew Rokokò, li feġġ fi Franza u fl-Ewropa Ċentrali san-nofs u l-aħħar tas-seklu 18. Fit-territorji tal-Imperi Spanjoli u Portugiżi, inkluż il-Peniżola Iberika, l-istil kompla flimkien ma' stili ġodda, sal-ewwel deċennju tas-seklu 19.
Fl-arti dekorattivi, l-istil jinkludi bosta tiżjin elaborat. It-tbegħid mill-Klassiċiżmu Rinaxximentali żviluppa b'mod differenti f'kull pajjiż. Iżda karatteristika ġenerali hi li kullimkien il-punt tat-tluq huma l-elementi ornamentali introdotti mir-Rinaxximent. Ir-repertorju klassiku huwa ffullat, dens, bi trikkib, u miżgħud apposta sabiex jipprovoka effetti ta' xokk. Motivi ġodda introdotti mill-Barokk huma: l-istemmi, it-trofej u l-armi, il-qfief tal-frott jew il-bukketti tal-fjuri, u oħrajn, magħmula bil-marqueterie, bl-istukko, jew bit-tinqix.[3]
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]It-terminu "Barokk" ġej mill-Franċiż. Xi studjuża jsostnu li t-terminu bil-Franċiż oriġina mit-terminu bil-Portugiż barroco ("perla bid-difetti"), li nibet mit-terminu bil-Latin verruca, ("dudu"), jew minn terminu bis-suffiss -ǒccu (komuni fl-Iberja pre-Rumana). Sorsi oħra jissuġġerixxu terminu Latin Medjevali użat fil-loġika, baroco, bħala l-iktar sors probabbli.[4]
Fis-seklu 16, it-terminu Latin Medjevali baroco beda jintuża lil hinn mil-loġika skolastika u beda jintuża biex jikkaratterizza kwalunkwe ħaġa li kienet tidher tassew kumplessa. Il-filosfu Franċiż Michel de Montaigne (1533-1592) assoċjat it-terminu baroco ma' "stramb u kkumplikat bla bżonn". Sorsi bikrin oħra jassoċjaw baroco mal-maġija, mal-kumplessità, mal-konfużjoni u mal-eċċess.
It-terminu barokk kien assoċjat ukoll mal-perli irregolari qabel is-seklu 18. It-terminu Franċiż baroque u t-terminu Portugiż barroco kienu termini li spiss kienu assoċjati mal-ġojjellerija. Eżempju mill-1531 juża t-terminu għad-deskrizzjoni tal-perli f'inventarju ta' Karlu V tat-teżori ta' Franza. Iktar 'il quddiem, it-terminu jidher f'edizzjoni tal-1694 ta' Le Dictionnaire de l'Académie Française, dizzjunarju li jiddeskrivi baroque bħal terminu "li jintuża biss għall-perli li ma jkunux perfettament tondi". Dizzjunarju Portugiż tal-1728 jiddeskrivi barroco b'mod simili li jirreferi għal "perla irregolari u ħarxa".
Oriġini alternattiva tat-terminu barokk tindika lejn isem il-pittur Taljan Federico Barocci (1528-1612).
Fis-seklu 18, it-terminu beda jintuża biex tiġi deskritta l-mużika, u b'mod mhux daqshekk pożittiv. F'rieżami satiriku anonimu tal-première ta' Hippolyte et Aricie ta' Jean-Philippe Rameau f'Ottubru 1733, li ġiet stampata fil-Mercure de France f'Mejju 1734, il-kritiku kiteb li l-innovazzjoni f'din l-opra kienet "du barocque", u lmenta li l-mużika kellha nuqqas ta' melodija koerenti, kienet mimlija dissonanzi, kienet kostantement tibdil in-nota u l-metrika, u kienet tindaqq rapidament permezz ta' kull strument tal-kompożizzjoni.
Fl-1762, Le Dictionnaire de l'Académie Française rreġistra li t-terminu seta' jiddeskrivi b'mod figurattiv xi ħaġa "irregolari jew stamba".
Jean-Jacques Rousseau, li kien mużiċist u kompożitur kif ukoll filosfu, kiteb fl-Encyclopédie fl-1768: "Il-mużika Barokka għandha armonija konfuża, mimlija modulazzjonijiet u dissonanzi. Il-kant huwa aħrax u mhux naturali, l-intonazzjoni tassew diffiċli, u l-moviment limitat. Milli jidher it-terminu ġej mit-terminu "baroco" użat mil-loġiċisti".
Fl-1788, Quatremère de Quincy iddefinixxa t-terminu fl-Encyclopédie Méthodique bħala "stil arkitettoniku elaborat u ttormentat ferm".
It-termini Franċiżi style baroque u musique baroque dehru f'Le Dictionnaire de l'Académie Française fl-1835. Sa nofs is-seklu 19, il-kritiċi u l-istoriċi tal-arti kienu adottaw it-terminu baroque bħala mod biex tiġi ridikolizzata l-arti post-Rinaxximentali. Din kienet it-tifsira tat-terminu kif kien jintuża fl-1855 mill-istoriku ewlieni tal-arti Jacob Burckhardt, li kiteb li l-artisti Barokki "jistkerrhu u jabbużaw id-dettall" minħabba li kellhom nuqqas ta' "rispett għat-tradizzjoni".
Fl-1888, l-istoriku tal-arti Heinrich Wölfflin ippubblika l-ewwel xogħol akkademiku serju dwar l-istil, Renaissance und Barock, fejn iddeskriva d-differenzi bejn il-pittura, l-iskultura u l-arkitettura Rinaxximentali u Barokki.
Differenzi bejn ir-Rokokò u l-Barokk
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn li ġejjin huma karatteristiċi tar-Rokokò mhux preżenti fil-Barokk:
- L-abbandun parzjali tas-simetrija, u kollox kompost minn linji u kurvi grazjużi, bħal dawk tal-Art Nouveau.
- Il-kwantità enormi ta' kurvi asimetriċi u għamliet tal-ittra C.
- L-użu mifrux ħafna tal-fjuri fit-tiżjin, pereżempju l-festuni tal-fjuri.
- Il-motivi Ċiniżi u Ġappuniżi.
- Il-kuluri pastel[5] (isfar fl-abjad, lewn il-krema, griż perla, blu ma jgħajjatx).[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "About the Baroque Period - Music of the Baroque". www.baroque.org. Miġbur 2023-08-16.
- ^ Heal, Bridget (1 December 2011). "'Better Papist than Calvinist': Art and Identity in Later Lutheran Germany". German History. German History Society. 29 (4): 584–609.
- ^ Graur, Neaga (1970). Stiluri în arta decorativă (bir-Rumen). Cerces. pp. 153, 154, 156.
- ^ Robert Hudson Vincent, Vincent, Robert Hudson (2019). "Baroco: The Logic of English Baroque Poetics". Modern Language Quarterly. 80 (3): 233–259.
- ^ Graur, Neaga (1970). Stiluri în arta decorativă (bir-Rumen). Bucharest: Cerces. p. 160 & 163.
- ^ Graur, Neaga (1970). Stiluri în arta decorativă (bir-Rumen). Bucharest: Cerces. p. 192.
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Barokk (Baroque art) |