Aqbeż għall-kontentut

Alfred Nobel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Alfred Nobel
Ħajja
Isem propju Alfred Bernhard Nobel
Twelid Jakob and Johannes parish (en) Translateu Stokkolma, 21 Ottubru 1833
Nazzjonalità Żvezja
Residenza is-16 arrondissement ta' Pariġi
Sevran (mul) Translate
L-ewwel lingwa Żvediż
Mewt Sanremo, 10 Diċembru 1896
Post tad-dfin Ċimiterju tat-Tramuntana
Kawża tal-mewt kawżi naturali (emorraġija ċerebrali)
Familja
Missier Immanuel Nobel
Omm Karolina Andriette Ahlsell
Konjuga/i Not married
Aħwa
Tribù familja Nobel
Edukazzjoni
Lingwi Żvediż
Franċiż
Russu
Ingliż
Ġermaniż
Taljan
Għalliema Jules Pelouze (mul) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kimiku
industrijalista
filantropu
fotografu
manifattur tal-armi
inġinier
xjenzat
inventur
Post tax-xogħol Żvezja
Italja
Sevran (mul) Translate
Xogħlijiet importanti Premju Nobel
dynamite (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi

Alfred Bernhard Nobel (/noʊˈbɛl/ noh-BEL, bl-Iżvediż: [ˈǎlfrɛd nʊˈbɛlː]; twieled fil-21 ta' Ottubru 1833 – miet fl-10 ta' Diċembru 1896) kien kimiku, inġinier, inventur, negozjant u filantropu Żvediż. Huwa baqa' magħruf l-iktar talli ħalla l-wirt tiegħu biex jiġi stabbilit il-Premju Nobel, għalkemm ta ukoll diversi kontributi importanti għax-xjenza, u matul ħajtu rnexxielu jikseb 355 privattiva. L-iktar invenzjoni famuża ta' Nobel kienet id-dinamit, mezz iktar sikur u faċli biex wieħed jisfrutta l-qawwa splussiva tan-nitrogliċerina; ingħata l-privattiva fl-1867 u f'qasir żmien id-dinamit beda jintuża fid-dinja kollha għax-xogħol fil-minjieri u għall-iżilupp tal-infrastruttura.

Nobel wera interess fix-xjenza u biex jitgħallem minn kmieni, b'mod partikolari b'rabta mal-kimika u mal-lingwi; huwa kellu ħakma tajba ta' sitt lingwi u kiseb l-ewwel privattiva tiegħu meta kellu 24 sena. Huwa daħal għal bosta biċċiet ta' negozju mal-familja tiegħu, fosthom is-sjieda ta' Bofors, produttur tal-ħadid u tal-azzar li huwa żviluppa f'manifattur maġġuri tal-kanuni u ta' armamenti oħra.

Wara li qara aħbar żbaljata tal-mewt tiegħu fejn ġie kkundannat bħala wieħed li għamel qligħ mill-gwerra, Nobel ġie ispirat biex iħalli l-ġid tiegħu bħala wirt biex tiġi stabbilita l-istituzzjoni tal-Premju Nobel, li kull sena tagħti rikonoxximent lil dawk li jkunu "wasslu l-iktar benefiċċji għall-umanità".[1][2] L-element sintetiku nobelju[3] issemma għalih, u ismu u l-legat tiegħu ntużaw ukoll f'kumpaniji bħal Dynamit Nobel u AkzoNobel, li nħolqu minn fużjonijiet ma' kumpaniji li huwa stabbilixxa.

Nobel ġie elett bħala membru tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi, li skont it-testment tiegħu, hija responsabbli għall-għażla tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Fiżika u għall-Kimika.

Ħajja personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħajja bikrija u edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Alfred Nobel twieled f'Stokkolma, fir-Renji Uniti tal-Iżvezja u n-Norveġja fil-21 ta' Ottubru 1833. Huwa kien it-tielet iben ta' Immanuel Nobel (1801-1872), li kien inventur u inġinier, u Karolina Andriette Nobel (kunjomha xebba Ahlsell; 1805-1889).[4][5] Il-koppja żżewġet fl-1827 u kellha tmint itfal. Il-familja tfaqqret u Alfred u t-tliet aħwa subien tiegħu għexu iktar mit-tfulija.[6] Min-naħa ta' missieru, Alfred Nobel kien dixxendent tax-xjenzat Żvediż Olaus Rudbeck (1630-1702)[7], u min-naħa tiegħu, meta kien żgħir kien interessat fl-inġinerija, partikolarment fl-isplussivi, u tgħallem il-prinċipji bażiċi minn missieru ta' età żgħira. L-interess ta' Alfred Nobel fit-teknoloġija wirtu mingħand missieru, li kien student tal-Istitut Irjali tat-Teknoloġija fi Stokkolma.[8] Wara diversi fallimenti fin-negozju, missier Nobel ittrasferixxa ruħu f'San Pietruburgu, ir-Russja u kiseb suċċess hemmhekk bħala manifattur ta' għodod motorizzati u ta' splussivi. Huwa vvinta t-torn tal-folji tal-injam (li witta t-triq għall-produzzjoni tal-plywood modern[9]) u beda x-xogħol fuq it-torpedo.[10] Fl-1842[11], il-familja ngħaqdet miegħu fil-belt. Ladarba saru għonja, il-ġenituri ta' Nobel setgħu jibagħtuh għand għalliema privati u huwa bbrilla fl-istudji, b'mod partikolari fil-kimika u fil-lingwi, u kiseb ħakma tajba tal-Ingliż, tal-Franċiż, tal-Ġermaniż u tar-Russu. Għal 18-il xahar, mill-1841 sal-1842, Nobel attenda l-unika skola li qatt attenda bħala tifel, fi Stokkolma.

Nobel kiseb ħakma tajba tal-Iżvediż, tal-Franċiż, tar-Russu, tal-Ingliż, tal-Ġermaniż u tat-Taljan. Huwa żviluppa wkoll biżżejjed ħiliet letterarji biex jikteb il-poeżiji bl-Ingliż. In-Nemesi tiegħu hija proża traġika b'erba' atti dwar Beatrice Cenci. Ġiet stampata meta kien qed imut, iżda l-ħażna kollha nqerdet minnufih wara mewtu għajr tliet kopji, peress li tqieset bħala skandaluża u blasfemika. Ġiet ippubblikata fl-Iżvezja fl-2003 u ġiet tradotta bl-Isloven u bil-Franċiż.[12]

Nobel kien Luteran u attenda l-Knisja tal-Iżvezja Barra l-Pajjiż regolarment meta għex f'Pariġi. Il-mexxej spiritwali tiegħu kien Nathan Söderblom li ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1930.[13][14] Nobel sar anjostiku meta kien żagħżugħ u sar ateu iktar 'il quddiem f'ħajtu, minkejja li xorta waħda ta donazzjonijiet ġenerużi lill-Knisja.[15][16][17]

Saħħa u relazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Nobel ivvjaġġa għall-biċċa l-kbira tal-ħajja tiegħu bħala negozjant, kellu kumpaniji fl-Ewropa u fl-Amerka, u kellu dar f'Pariġi mill-1873 sal-1891. Huwa baqa' b'karattru solitarju, b'waqtiet ta' dipressjoni.[18] Huwa baqa' ma żżewwiġx, għalkemm il-bijografi tiegħu jisħqu li kellu mill-inqas tliet innamrati. L-ewwel waħda fir-Russja ma' tfajla jisimha Alexandra li rrifjutat il-proponiment tiegħu. Fl-1876, il-Kontessa Awstrijaka-Boemjana Bertha Kinsky saret is-segretarja tiegħu, iżda telqitu wara soġġorn qasir biex tiżżewweġ lin-namrat preċedenti tagħha l-Baruni Arthur Gundaccar von Suttner. Il-kuntatt tagħha ma' Nobel kien qasir, iżda baqgħet tikkorrispondi miegħu sa mewtu fl-1896, u x'aktarx li influwenzat id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi premju għall-paċi fit-testment tiegħu.[19] Hija ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1905 "għall-attivitajiet sinċieri tagħha għall-paċi".[20] L-itwal relazzjoni ta' Nobel kienet ma' Sofija Hess minn Celje li ltaqa' magħha fl-1876.[21] Ir-relazzjoni damet 18-il sena.

Bejn l-1865 u l-1873, Alfred Nobel kellu d-dar tiegħu fi Krümmel, Hamburg, u wara mar jgħix f'dar f'Avenue Malakoff f'Pariġi fl-1873.[22]

Fl-1894, meta akkwista lil Bofors-Gullspång, il-Villa ta' Björkborn kienet inkluża[23], u huwa għex fiha fl-Iżvezja matul is-sajf. Il-villa saret l-aħħar residenza tiegħu fl-Iżvezja u wara mewtu saret mużew.[24]

Alfred Nobel miet fl-10 ta' Diċembru 1896, f'Sanremo, l-Italja, fl-aħħar residenza inġenerali tiegħu, il-Villa Nobel, b'veduta fuq il-Baħar Mediterran.[25][26]

Karriera xjentifika

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala żagħżugħ, Nobel studja mal-kimiku Nikolai Zinin; imbagħad, fl-1850, mar Pariġi sabiex ikompli jistudja u jaħdem. Hemmhekk iltaqa' ma' Ascanio Sobrero, li kien ivvinta n-nitrogliċerina tliet snin qabel. Sobrero oppona b'qawwa l-użu tan-nitrogliċerina minħabba li kienet imprevedibbli, u kienet tisplodi meta kienet tkun soġġetta għal sħana jew pressjoni varjabbli. Iżda Nobel interessa ruħu ferm biex isib mod kif jikkontrolla u juża n-nitrogliċerina bħala splussiv li seta' jintuża b'mod kummerċjali, ladarba kellha ferm iktar qawwa mill-porvli. Fl-1851, ta' 18-il sena, huwa mar l-Istati Uniti għal sena biex jistudja[27], u ħadem għal perjodu qasir taħt l-inventur Żvediż-Amerikan John Ericsson, li ddisinja l-bastiment militari tal-Gwerra Ċivili Amerikana, il-USS Monitor. Nobel kiseb l-ewwel privattiva tiegħu, privattiva Ingliża għal miter tal-gass fl-1857, filwaqt li l-ewwel privattiva Żvediża tiegħu, li huwa rċieva fl-1863, kienet dwar "modi kif jitħejjew il-porvli".[28][29]

Il-fabbrika tal-familja pproduċiet l-armamenti għall-Gwerra tal-Krimea (1853-1856), iżda sabitha diffiċli li terġa' lura għall-produzzjoni domestika regolari meta ntemm il-kunflitt u falliet. Fl-1859, missier Nobel ħalla l-fabbrika f'idejn it-tieni iben tiegħu, Ludvig Nobel (1831-1888), li tejjeb in-negozju ferm. Nobel u l-ġenituri tiegħu rritornaw lejn l-Iżvezja mir-Russja u Nobel iddedika lilu nnifsu għall-istudju tal-isplussivi, u speċjalment għall-manifattura sikura u għall-użu sikur tan-nitrogliċerina. Nobel ivvinta detonatur fl-1863, u fl-1865 iddisinja detonatur li jieħu wara ftit.

Fit-3 ta' Settembru 1864, kamra li ntużat għat-tħejjija tan-nitrogliċerina splodiet fil-fabbrika ta' Heleneborg, Stokkolma, l-Iżvezja, u mietu ħamsa min-nies, inkluż Emil, l-iżgħar wieħed mill-aħwa subien ta' Nobel. Mifni mill-aċċident, Nobel stabbilixxa l-kumpanija Nitroglycerin Aktiebolaget AB f'Vinterviken sabiex ikun jista' jkompli bix-xogħol f'post iktar iżolat.[30] Nobel ivvinta d-dinamit fl-1867, sustanza kimika li kienet ferm iktar faċli u sikura min-nitrogliċerina li kienet tassew instabbli. Id-dinamit ingħata l-privattiva fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit u ntuża b'mod estensiv fix-xogħol fil-minjieri u internazzjonalment fil-bini tan-networks tat-trasport. Fl-1875, Nobel ivvinta ġelignit, li kien iktar stabbli u iktar qawwi mid-dinamit, u fl-1887, ingħata l-privattiva għall-ballistit, li kien il-predeċessur tal-kordit.

Nobel ġie elett bħala membru tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi fl-1884, l-istess istituzzjoni li iktar 'il quddiem bdiet tagħżel ir-rebbieħa ta' tnejn mill-Premjijiet Nobel, u huwa kiseb dottorat onorarju mill-Università ta' Uppsala fl-1893.

L-aħwa Nobel Ludvig u Robert stabbilew il-kumpanija taż-żejt Branobel u saru tassew għonja. Alfred Nobel investa fihom u akkumula ġid kbir permezz tal-iżvilupp tar-reġjuni l-ġodda taż-żejt. Matul ħajtu, Nobel kiseb 355 privattiva internazzjonalment, u sa mewtu, in-negozju tiegħu kien stabbilixxa iktar minn 90 fabbrika tal-armamenti, minkejja l-karattru apparentement paċifista.[31]

Invenzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Nobel sab li meta n-nitrogliċerina tiġi inkorporata f'sustanza inerti assorbenti bħal kieselguhr (materjal diatomiku), tiġi iktar sikura u iktar konvenjenti biex tikkontrollaha, u din it-taħlita kiseb privattiva għaliha fl-1867 bħala "dinamit".[32] Nobel wera dan l-isplussiv għall-ewwel darba dik is-sena, f'barriera f'Redhill, Surrey, l-Ingilterra. Sabiex jgħin biex jerġa' jistabbilixxi r-reputazzjoni tiegħu u jtejjeb l-immaġni tan-negozju tiegħu mill-kontroversji ta' qabel assoċjati ma' splussivi perikolużi, Nobel ikkunsidra wkoll li jsemmi s-sustanza bħala "t-Trab Sikur ta' Nobel", iżda mbagħad għażel Dinamit minflok, b'referenza għall-kelma Griega għal "qawwa" (δύναμις).[32]

Nobel iktar 'il quddiem ikkombina n-nitrogliċerina ma' diversi komposti tan-nitroċelluloża, simili għall-kollodju, iżda fl-aħħar mill-aħħar għażel riċetta iktar effiċjenti u kkombina splussiv nitrat ieħor, u kiseb sustanza trasparenti qisha ġelatina, li kienet iktar qawwija mid-dinamit. Din semmiha ġelignit jew ġelatina splussiva, u kiseb privattiva għaliha fl-1876; imbagħad għamel diversi kombinamenti simili oħra, li ġew immodifikati biż-żieda tan-nitrat tal-potassju u diversi sustanzi oħra. Il-ġelignit kien iktar stabbli, trasportabbli u ffurmat b'mod iktar konvenjenti biex joqgħod f'toqob apposta bħal dawk fit-tħaffir u fl-estrazzjoni tal-minjieri, b'mod ferm aħjar mill-komposti li kienu jintużaw qabel. Ġie adottat bħala t-teknoloġija standard għax-xogħol fil-minjieri fl-"Epoka tal-Inġinerija", u b'hekk Nobel kiseb suċċess finanzjarju kbir, anke jekk b'impatt kbir fuq saħħtu. Fergħa oħra minn din ir-riċerka rriżultat fl-invenzjoni tal-ballistit minn Nobel. Dan kien il-prekursur ta' bosta splussivi moderni bla duħħan u għadu jintuża bħala propellant għar-rokits.[32]

Fl-1888, il-mewt ta' ħuh Ludvig waslet biex diversi gazzetti ppubblikat obitwarji żbaljati bħallikieku miet Alfred. Gazzetta Franċiża kkundannatu għall-invenzjoni tiegħu ta' splussivi militari—mhux, kif spiss jiġi kkwotat, id-dinamit, li kien jintuża l-iktar għal raġunijiet ċivili—u jingħad li dan wassal biex jieħu d-deċiżjoni li jħalli legat aħjar wara mewtu.[33] L-obitwarju ddikjara Le marchand de la mort est mort ("Il-merkant tal-mewt miet"), u sostna li "Dr. Alfred Nobel, li stagħna billi sab modi kif jinqatlu iktar nies u iktar malajr minn qatt qabel, miet ilbieraħ".[34] Nobel qara l-obitwarju u baqa' ħażin bl-idea li seta' jibqa' mfakkar b'dan il-mod. Id-deċiżjoni tiegħu li jagħmel donazzjoni wara mewtu tal-maġġoranza ta' ġidu biex jiġi stabbilit il-Premju Nobel ġie kkreditat mill-inqas parzjalment bħala mod kif seta' jħalli legat aħjar wara mewtu.[35]

Fis-27 ta' Novembru 1895, fil-Klabb Żvediż-Norveġiż f'Pariġi, Nobel iffirma l-aħħar testment tiegħu u warrab il-biċċa l-kbira tal-patrimonju tiegħu sabiex wara mewtu jiġu stabbiliti l-Premjijiet Nobel, li kellhom jingħataw kull sena mingħar distinjoni ta' nazzjonalità. Wara t-tnaqqis tat-taxxi u l-laxxiti lil individwi, it-testment ta' Nobel alloka 94 % tal-assi totali tiegħu, jiġifieri 31,225,000 kronor Żvediż, biex jiġu stabbiliti l-ħames Premjijiet Nobel. Dan l-ammont kien jiswa £1,687,837 dak iż-żmien.[36][37][38] Fl-2012, il-kapital kien jiswa madwar SEK 3.1 biljun (US$472 miljun, EUR 337 miljun), jiġifieri kważi d-doppju tal-ammont ta' kapital inizjali, meta titqies l-inflazzjoni.[36]

L-ewwel tliet premjijiet kellhom jingħataw bħala rikonoxximent tal-eċċellenza fix-xjenza fiżika, fil-kimika u fix-xjenza medika jew il-fiżjoloġija; ir-raba' premju kellu jingħata għax-xogħlijiet letterarji "f'direzzjoni ideali" u l-ħames premju kellu jingħata lill-persuna jew lill-kumpanija jew lill-organizzazzjoni li tagħti l-ikbar servizz lill-kawża tal-fratellanza internazzjonali, lit-tneħħija jew lit-tnaqqis ta' armati, jew lill-istabbiliment jew l-issoktar ta' kungressi għall-paċi.

Il-formulazzjoni għall-premju letterarju għal xogħol "f'direzzjoni ideali" (i idealisk riktning bl-Iżvediż), hija kriptika u kkawżat ħafna konfużjoni. Għal bosta snin, l-Akkademja Żvediża interpretat "ideali" bħala "idealistika" (idealistisk) u użatha bħala raġuni biex il-premju ma jingħatax lil awturi importanti iżda inqas romantiċi, bħal Henrik Ibsen u Leo Tolstoy. Din l-interpretazzjoni sadanittant ġie reveduta, u l-premju ngħata pereżempju lil Dario Fo u lil José Saramago, li mhumiex parti mill-qasam tal-idealiżmu letterarju.[39]

Kien hemm lok għall-interpretazzjoni mill-korpi li kien semma biex jiddeċiedu dwar il-premjijiet għax-xjenza fiżika u għall-kimika, peress li ma kienx ikkonsultahom qabel għamel it-testment. Fit-testment ta' paġna tiegħu, huwa stipula li l-flus kellhom imorru għall-iskoperti jew għall-invenzjonijiet fix-xjenza fiżika u għall-iskoperti jew it-titjib fil-kimika. Huwa kien fetaħ il-bieb għall-premjijiet għat-teknoloġija, iżda ma ħalliex struzzjonijiet dwar kif kellha ssir distinzjoni bejn ix-xjenza u t-teknoloġija. Ladarba l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa kien għażel kienu iktar imħassbin dwar ix-xjenza, il-premjijiet kemm-il darba ngħataw lix-xjenzati iktar milli lill-inġiniera, lit-tekniċi jew lil inventuri oħra.

Il-bank ċentrali tal-Iżvezja, Sveriges Riksbank, iċċelebra t-300 anniversarju tiegħu fl-1968 billi ta donazzjoni ta' somma kbira ta' flus lill-Fondazzjoni Nobel sabiex tintuża għas-sitt premju fil-qasam tax-xjenza ekonomika f'ġieħ Alfred Nobel. Fl-2001, il-proproneputi ta' Alfred Nobel, Peter Nobel (li twieled fl-1931), talab lill-Bank tal-Iżvezja tagħmel distinzjoni bejn il-premju "tagħha" lill-ekonomisti "f'ġieħ Alfred Nobel" mill-ħames premjijiet l-oħra. Din it-talba kompliet iżżid il-kontroversja dwar jekk il-Premju tal-Bank tal-Iżvezja għax-Xjenzi Ekonomiċi f'Ġieħ Alfred Nobel huwiex tassew "Premju Nobel" leġittimu.[2]

Nobel ġie akkużat għal tradiment kontra Franza minħabba l-bejgħ tal-ballistit lill-Italja, u għalhekk ittrasferixxa ruħu minn Pariġi għal Sanremo, l-Italja fl-1891.[40][41] Fl-10 ta' Diċembru 1896, huwa kellu puplesija u miet. Huwa kien ħalla l-biċċa l-kbira ta' ġidu f'fond fiduċjarju, minn wara dahar il-familja tiegħu, sabiex jiġu ffinanzjati l-Premjijiet Nobel. Huwa ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta' Norra fi Stokkolma.[42]

Il-Monument għal Alfred Nobel (bir-Russu: Памятник Альфреду Нобелю, 59.960787°N, 30.334905°E) f'San Pietruburgu jinsab tul ix-xmara Bolshaya Nevka fix-Xatt ta' Petrogradskaya. Ġie ddedikat fl-1991 biex jikkommemora d-90 anniversarju tal-ewwel preżentazzjoni tal-Premju Nobel. Id-diplomatiku Thomas Bertelman u l-Professur Arkady Melua ħadmu flimkien biex jinħoloq dan il-monument (1989). Il-Professur Arkady Melua pprovda l-fondi għall-istabbiliment tal-monument (J.S.Co. "Humanistica", 1990-1991). L-iskultura astratta tal-metall ġiet iddisinjata mill-artisti lokali Sergey Alipov u Pavel Shevchenko, u qisha splużjoni jew friegħi ta' siġra. Ix-Xatt ta' Petrogradskaya huwa t-triq fejn il-familja Nobel għexet sal-1859.[43]

Il-kritika kontra Nobel tiffoka fuq ir-rwol ewlieni tiegħu fil-manifattura u fil-bejgħ tal-armi, u wħud jiddubitaw x'kien l-għanijiet tiegħu li jinħolqu l-Premjijiet Nobel, għaliex isostnu li kienu biss mossa biex itejbu r-reputazzjoni tiegħu.[44]

  1. "Alfred Nobel's fortune | Nobels fredspris". web.archive.org. 2017-01-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-01-06. Miġbur 2021-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. 1 2 "Alfred Nobel's will - Nobel Peace Prize". www.nobelpeaceprize.org (bl-Ingliż). 2021-08-30. Miġbur 2021-10-21.
  3. "Nobelium - Element information, properties and uses | Periodic Table". www.rsc.org. Miġbur 2021-10-21.
  4. "Alfred Nobel | Biography, Inventions, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-21.
  5. "Alfred Nobel's life and work". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-21.
  6. Encyclopedia of Modern Europe: Europe 1789–1914: Encyclopedia of the Age of Industry and Empire, "Alfred Nobel", 2006 Thomson Gale.
  7. Schück, Henrik, Ragnar Sohlman, Anders Österling, Carl Gustaf Bernhard, the Nobel Foundation and Wilhelm Odelberg, eds. Nobel: The Man and His Prizes. 1950. 3rd ed. Coordinating Ed., Wilhelm Odelberg. New York: American Elsevier Publishing Company, Inc., 1972, p. 14. ISBN 0-444-00117-4, ISBN 978-0-444-00117-7.
  8. "Nobel inventor" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-01-10. Miġbur 2021-10-22.
  9. "Nobel Plywood" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-21.
  10. "The Man Who Made It Happen - Alfred Nobel | www.3833.com". web.archive.org. 2014-05-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-05-30. Miġbur 2021-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. "Alfred Nobel". NE (bl-Iżvediż). 2020-07-01. Miġbur 2021-10-21.
  12. Alfred Nobel (2008). Némésis: tragédie en quatre actes. Belles lettres. ISBN 978-2-251-44342-3.
  13. "The Nobel Peace Prize 1930". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-21.
  14. "Alfred Nobel, hans far och hans bröder". web.archive.org. 2013-12-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-14. Miġbur 2021-10-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. "Alfred Nobel – St. Petersburg, 1842-1863". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  16. Michael Evlanoff; Marjorie Fluor (1969). Alfred Nobel, the loneliest millionaire. W. Ritchie Press. p. 88.
  17. Cobb, Cathy, and Harold Goldwhite. Creations of Fire: Chemistry's Lively History from Alchemy to the Atomic Age. New York: Plenum, 1995. Print.
  18. "Alfred Nobel | Biography, Inventions, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  19. "The Nobel Peace Prize 1905". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  20. "The Nobel Peace Prize 1905". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  21. "Širokogrudni Alfred Nobel in njegova razsipna celjska ljubezen Sofija Hess" (bl-Isloven). 2018-10-11. Miġbur 2021-10-22.
  22. "Alfred Nobel – Alfred Nobels Björkborn" (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-10-22.
  23. "Björkborn Manor". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  24. "Björkborn Manor – Alfred Nobels Björkborn" (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-10-22.
  25. "Alfred Nobel's final years in Sanremo". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  26. "Nobel Prize Museum" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-10-21. Miġbur 2021-10-22.
  27. "Alfred B Nobel - Svenskt Biografiskt Lexikon". sok.riksarkivet.se. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-02-24. Miġbur 2021-10-22.
  28. Carlisle, Rodney (2004). Scientific American Inventions and Discoveries, p. 256. John Wiley & Songs, Inc., New Jersey. ISBN 0-471-24410-4.
  29. "Alfred Nobel's patents". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  30. "Alfred Nobel - Dynamit". Tekniska museet (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-10-22.
  31. "BBC - History - Historic Figures: Alfred Nobel (1833-1896)". www.bbc.co.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  32. 1 2 3 Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Nobel, Alfred Bernhard". Encyclopædia Britannica. 19 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 723–724.
  33. The History Channel, Modern Marvels, episodju 38
  34. "The Worst And The Brightest - TIME". web.archive.org. 2007-11-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-03. Miġbur 2021-10-22.
  35. Magazine, Smithsonian; Schultz, Colin. "Blame Sloppy Journalism for the Nobel Prizes". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  36. 1 2 Lobell, Håkan (2010). Historical Monetary and Financial Statistics for Sweden Exchange rates, prices, and wages, 1277–2008. S V E R I G E S R I K S B A N K. p. 291. ISBN 978-91-7092-124-7.
  37. Abrams, Irwin (2001). The Nobel Peace Prize and the Laureates. Watson Publishing International. p. 7. ISBN 0-88135-388-4.
  38. Fant, Kenne (Ruuth, Marianne, transl.) (1991). Alfred Nobel: a biography. New York: Arcade Publishing ISBN 1-55970-328-8, p. 327.
  39. The Nobel Peace Prize, Northern Light, Renaissance Books, pp. 59–61, 30 April 2019, doi:10.2307/j.ctvzgb63g.13, ISBN 978-1-898823-91-9.
  40. "Alfred Nobel's House in Paris". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  41. "Alfred Nobel's final years in Sanremo". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  42. "Blogs at KTH". Blogs at KTH (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-22.
  43. "Monument to Alfred Nobel in St Petersburg".
  44. "How 'merchant of death' Alfred Nobel became a champion of peace" (bl-Ingliż). 2010-10-04. Miġbur 2021-10-22.