Abbazija ta' Corvey

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Il-Westwerk ta' Corvey

L-Abbazija ta' Corvey (bil-Ġermaniż: Fürststift Corvey jew Fürstabtei Corvey) hija eks abbazija Benedittina u prinċipat ekkleżjastiku li issa tinsab fin-Nord Rhein-Westfalen, il-Ġermanja. Hija waħda minn nofs tużżana abbaziji b'awtogovernanza ta' prinċep-isqof tal-Imperu Ruman Sagru mill-aħħar tal-Medju Evu sal-1792, meta Corvey ġiet elevata għal prinċipat-veskovat. Corvey, li kellha territorju estiż fuq żona kbira, ġiet lajċizzata fl-1803 matul il-medjatizzazzjoni Ġermaniża u ġiet assorbita fil-Prinċipat ġdid ta' Nassau-Orange-Fulda. Fl-2014, l-Abbazija ta' Corvey tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Stabbiliment u snin bikrin[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Gwerer tas-Sassonja li damu sejrin għal iktar minn tletin sena wara s-772, Karlu Manju, ir-re tal-Franki, eventwalment ħareġ rebbieħ, u żied it-territorju tas-Sassonja mal-imperu tiegħu u beda l-Kristjanizzazzjoni tal-poplu tas-Sassonja. Għal dak l-għan, ġew stabbiliti veskovati (f'Hildesheim u f'Halberstadt). Barra minn hekk, l-idea li tiġi stabbilita abbazija fis-Sassonja ssemmiet għall-ewwel darba matul ir-renju ta' Karlu Manju. Madankollu, il-pjan ġie implimentat biss taħt ibnu, l-Imperatur Lwiġi d-Devot, li ħabbar il-ħolqien ta' abbazija fil-Lvant tax-xmara Weser f'sinodu f'Paderborn fit-815. Din kienet tinsab f'post jismu Hethis. Għalkemm hemm xi inċertezza dwar il-pożizzjoni eżatta, illum il-ġurnata huwa maħsub li l-post kien qrib Neuhaus im Solling.[1] L-ewwel patrijiet waslu fit-816 mill-Abbazija Benedittina ta' Corbie f'Picardie, Franza. Huma stabbilew Probstei, jiġifieri fergħa sussidjarja tal-abbazija omm. Minħabba li l-post li ntgħażel ma tantx kien xieraq, il-patrijiet għażlu li jiċċaqilqu fit-822 lejn il-post attwali li dak iż-żmien kien jinsab qrib il-Villa Huxori. Il-binja l-ġdida saret magħrufa bħala Nova Corbeia (li bil-Latin tfisser "il-Corbie l-ġdida"; bil-Ġermaniż Antik: Corvey; ippronunzjata [ˈkɔʁvaɪ]).[2][3]

Territorju tal-Abbazija ta' Corvey fis-seklu 18

L-ewwel superjur tal-patrijiet tal-Abbazija ta' Corvey kien kuġin ta' Karlu Manju, Adalard ta' Corbie. Ansgar, li iktar 'il quddiem sar l-"Appostlu tal-Iskandinavja", stabbilixxa l-iskola tal-abbazija fit-823. Il-librerija tal-abbazija ġiet stabbilita b'xogħlijiet minn Corbie, u msaħħa bix-xogħol tal-iscriptorium lokali. Fit-826, Corvey saret abbazija indipendenti ddedikata lil San Stiefnu. Fit-833, ingħatat id-dritt li tizzekka l-muniti fil-Frankonja, bħala l-ewwel post fil-Lvant tax-xmara Renu.

Fit-836, il-fdalijiet ta' San Vitu ngħataw lil Corvey mill-Abbazija ta' Saint-Denis ħdejn Pariġi. San Vitu b'hekk sar il-qaddis patrun tas-Sassonja. Ladarba kien ukoll wieħed mill-Erbatax-il Ajjutant Qaddis, il-venerazzjoni tiegħu kienet popolari ħafna fil-Medju Evu u Corvey saret destinazzjoni għall-pellegrini. Xi rigali u donazzjonijiet oħra mingħand individwi wasslu biex l-Abbazija ta' Corvey issir waħda mill-iżjed abbaziji għonja fl-Ewropa Ċentrali u għamluha possibbli li jitwettqu proġetti ambizzjużi tal-bini. Il-pożizzjoni tagħha bħala Reichsabtei kienet tfisser li s-superjur tagħha kellu jagħti rendikont ta' għemilu direttament lill-imperatur fuq kwistjonijiet lajċi.

Id-Daħla ta' Corvey

L-ewwel knisja tal-ġebel ġiet ikkonsagrata fit-844.[4] Fit-873-885 inbniet il-Westwerk li għadha teżisti attwalment.[5]

B'hekk Corvey saret "wieħed mill-iżjed santwarji monastiċi Karolinġjani privileġġati fid-Dukat tas-Sassonja tas-seklu 9".[6] F'qasir żmien saret famuża għall-iskola tagħha, li pproduċiet bosta studjużi famużi, fosthom l-istoriku tas-Sassonja tas-seklu 10 Widukind ta' Corvey, l-awtur ta' Res gestae Saxonicae. Mill-kjostri tagħha ħarġu bosta missjunarji li evanġelizzaw it-Tramuntana tal-Ewropa.

Is-sit tal-abbazija, fejn ir-rotta mil-Lvant għall-Punent imsejħa l-Hellweg kienet taqsam ix-xmara Weser, kellu importanza strateġika u b'hekk dan żgura l-importanza ekonomika u kulturali tal-abbazija. L-istoriku tal-abbazija H. H. Kaminsky jistima li l-familja rjali u l-qaddejja kollha tagħha żaru l-Abbazija ta' Corvey mill-inqas 110 darbiet qabel l-1073, fl-okkażjonijiet għall-ħruġ tal-Karti Rjali.

Drittijiet imperjali[immodifika | immodifika s-sors]

Diploma mogħtija minn Otto I fid-940, l-ewwel tax-xorta tagħha, stabbiliet lis-superjur tal-patrijiet tal-abbazija, Folcmar, b'mod ġdid. Is-superjur ingħata bannus – jiġifieri setgħat ta' infurzar – fuq il-popolazzjoni ta' raħħala li kellhom ifittxu l-kenn fil-fortizza li nbniet fl-artijiet tal-monasteru; bi tpattija għal dan, kienu mistennija jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-istruttura, taħt is-superviżjoni tas-superjur. Il-forza tax-xogħol taħt il-protezzjoni monastika twasslet minn tliet pagi, taħt il-ġurisdizzjoni ta' erba' Kontijiet, li madankollu ma kellhom l-ebda dritt li jitolbu xogħol mingħandhom fuq il-bini.[7]

Kunflitt u deklin[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz ta' Corvey

Fil-Kontroversja tal-Investitura, is-superjur tal-Abbazija ta' Corvey ħa pożizzjoni man-nobbli tas-Sassonja kontra Enriku IV, l-Imperatur Ruman Sagru. Is-superjur Markward (fil-kariga mill-1081 sal-1107), "mingħajr ebda dubju wieħed mill-iżjed superjuri importanti fl-istorja ta' elf sena tal-abbazija" (Kaminsky), u s-suċċessur tiegħu Erkenbert (1107-1128) mexxew l-abbazija matul il-perjodu kritiku.

L-abbazija pparteċipat ukoll f'tentattivi ta' riforma tal-Knisja Kattolika matul is-seklu 11. Kienet iċ-ċentru teoloġiku dominanti fir-reġjun u ġew stabbiliti diversi abbaziji sussidjarji.

L-abbazija gawdiet minn perjodu finali ta' prosperità taħt it-tmexxija ta' Wibald (li kien is-superjur mill-1146 sal-1158). Dak iż-żmien, ġiet rikostruwita l-Westwerk bl-istil Rumanesk Għoli, u l-konfigurazzjoni bi tliet torrijiet Karolinġjani ġiet sostitwita b'żewġ torrijiet indaqs. Sa nofs is-seklu 12, raħal sostanzjali (imsemmi wkoll Corvey) żviluppa madwar l-abbazija.

Fl-1265, ir-raħal ġar ta' Höxter, rabba għira għar-raħal ġar rivali tiegħu u għall-pont li nbena fuq ix-xmara Weser, sar alleat mal-Isqof ta' Paderborn, u t-truppi tagħhom qerdu r-raħal ta' Corvey u kkawżaw ħsarat lill-abbazija. Ir-raħal qatt ma rkupra u matul id-deċennji ta' wara baqa' villaġġ żgħir. Dan l-avveniment immarka l-bidu tal-perjodu twil ta' deklin tal-abbazija.

Il-paġna inizjali tal-Vanġelu ta' Wernigerode tas-seklu 10 mill-iscriptorium tal-Abbazija ta' Corvey, li issa jinsab fil-Morgan Library & Museum f'New York.

Ir-Riformazzjoni heddet lil Corvey bħalma heddet lit-territorji ekkleżjastiċi l-oħra fil-Majjistral tal-Ġermanja iżda l-abbazija rnexxielha tibqa' teżisti kemxejn b'mod prekarju bħala prinċipat awtogovernanti fil-fruntiera ta' Brunswick Protestanta u Hesse-Kassel. Minn nofs is-seklu 16 'il quddiem, is-superjur-prinċep u l-patrijiet tiegħu ħadu ħsieb l-amministrazzjoni b'kooperazzjoni ma' assemblea parzjalment Protestanta li kienet tikkonsisti minn tliet familji nobbli, raħal (Höxter) u prelat. Is-superjur-prinċep, li kellu siġġu u drittijiet tal-vot fir-Reichstag bħala membru tal-Kulleġġ tal-Prinċpijiet Mexxejja, ħa biss sehem mudest fl-affarijiet imperjali, filwaqt li l-affarijiet interni tal-abbazija kienu limitati għal iktar minn ġestjoni tal-proprjetà.[8]

Fl-1508, il-kotba 1-6 tal-Annali ta' Taċitu ġew skoperti fl-abbazija minn Giovanni Angelo Arcimboldi (l-Arċisqof futur ta' Milan, l-Italja).[9]

Fl-1634, matul il-Gwerra ta' Tletin Sena, ir-rikkezzi tal-abbazija ġew misruqa mit-truppi imperjali li assedjaw ukoll lil Höxter. Iktar 'il quddiem iġġarrfet kollha għajr il-Westwerk attwali.

Rikostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona lokali damet għexieren ta' snin biex irkuprat mid-devastazzjoni tal-gwerra. Imbagħad, Christoph Bernhard von Galen, l-Isqof ta' Münster sar prinċep u amministratur tal-abbazija fl-1665, u bdiet ir-rikostruzzjoni. Il-knisja Karolinġjana ġiet sostitwita b'binja Gotika, bl-eċċezzjoni tal-Westwerk. Taħt is-suċċessiri ta' von Galen, Christoph von Bellinghausen (1678-1696), Florenz von der Felde (1696-1714) u Maximilian von Horrich (1714-1722), inbnew binjiet Barokki sostanzjali oħra li għadhom jeżistu sa llum il-ġurnata.

Prinċipat-Veskovat ta' Corvey[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1792, l-Abbazija ta' Corvey ma baqgħetx abbazija Benedittina iktar u l-istatus tagħha ġie elevat għal prinċipat-veskovat mill-Papa Piju VI. Theodor von Brabeck (is-superjur/l-isqof fl-1776-1794) u Ferdinand von Lüninck (l-isqof fl-1794-1825) kienu l-aħħar prinċpijiet ekkleżjastiċi ta' Corvey.

Fl-1803, il-Prinċipat-Veskovat ta' Corvey ġie lajċizzat taħt l-amministrazzjoni ta' Napuljun u għal żmien qasir sar parti mill-Prinċipat ta' Nassau-Orange-Fulda. Fl-1807, għaddiet għand ir-Renju ta' Westfalen ta' Jérôme Bonaparte. Wara l-Kungress ta' Vjenna, Corvey sfat f'idejn il-Prussja fl-1815. Bħala kumpens għat-territorju mitluf fil-Punent tax-xmara Renu, ingħatat lil Victor Amadeus, il-Langravju ta' Hesse-Rotenburg, fl-1820.

Filwaqt li Corvey ma baqgħetx teżisti bħala stat politiku wara l-1803, baqgħet teżisti bħala djoċesi sal-1825.

Schloss Corvey[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kaisersaal tal-Abbazija ta' Corvey

Il-Langravju Victor Amadeus reġa' bena l-binjiet tal-abbazija bħala palazz (Schloss). Fl-1834, il-proprjetà għaddiet għand Victor von Hohenlohe-Schillingfürst, membru tal-familja ta' Hohenlohe. Fl-1840, ingħata t-titlu ta' Herzog von Ratibor und Fürst von Corvey (Duka ta' Ratibor u Prinċep ta' Corvey) mir-Re Frederick William IV tal-Prussja. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ix-Schloss Corvey baqa' proprjetà tal-familja.

Librerija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-librerija famuża tal-abbazija ilha li ġiet sparpaljata f'postijiet differenti, iżda l-"librerija tal-prinċipat" (Fürstliche Bibliothek), librerija ta' familja aristokratika li fiha madwar 74,000 volum, l-iktar bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ingliż, tal-ħabta tal-1834, għadha teżisti fil-palazz. Karatteristika li tispikka tal-kollezzjoni hija l-għadd kbir ta' rumanzi Romantiċi bl-Ingliż, uħud f'kopji uniċi, għaliex fir-Renju Unit il-fizzjoni iktar kienet tiġi mislufa milli tinxtara, u kienet tinqara b'mod estensiv fil-libreriji li jsellfu l-kotba. Il-poeta u l-awtur tad-Deutschlandlied, August Heinrich Hoffmann von Fallersleben, ħadem hemmhekk bħala librar mill-1860 sa mewtu fl-1874. Huwa ġie midfun fiċ-ċimiterju tal-knisja.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bitħa tal-Abbazija ta' Corvey

L-Abbazija ta' Corvey ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Ġunju 2014.[10] Is-sit huwa delimitat mill-kobor tal-monasteru oriġinali Karolinġjan, li minnu fadal biss il-Westwerk.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[10]

Preżent[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Westwerk (il-faċċata tal-Punent) Karolinġjana tal-abbazija, biż-żewġ torrijiet indaqs tagħha, hija l-iżjed struttura Medjevali bikrija eżistenti, iżda issa l-biċċa l-kbira tal-knisja tal-abbazija hija Barokka.

Is-sid attwali tal-palazz huwa Viktor, il-ħames Duka ta' Ratibor, il-ħames Prinċep ta' Corvey, u l-Prinċep ta' Hohenlohe-Schillingsfürst-Metternich-Sándor (li twieled fl-1964).

Ix-Schloss, il-librerija u l-knisja huma miftuħin għall-pubbliku.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Proċedimenti ta' konferenza dwar it-tema "Die karolingischen Stuckfiguren im Westwerk von Corvey : zur Frage ihrer Deutung [Figuri tal-istukko Karolinġjani fil-faċċata tal-Punent ta' Corvey: dwar mistoqsijiet rigward it-tifsira tagħhom]", li saret fl-1-3 ta' Novembru 1996 fl-Institut für Kunstgeschichte [Istitut tal-istorja tal-arti], fl-Università ta' Münster.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Hethis, noting Herbert Krüger, "Wo lag Hethis, der Ort der ersten Corveyer Klostergründung?", Mannus 24, Leipzig, (1932:320—32)).
  2. ^ Duden Aussprachewörterbuch (6 ed.). Mannheim: Bibliographisches Institut & F.A. Brockhaus AG. 2006.
  3. ^ Arnhold, Elmar (2015). Architekturführer Corvey (bil-Ġermaniż). Kotyrba Verlag, Braunschweig. ISBN 978-3-942712-18-7.
  4. ^ Nathan, Carola (2014). "Ideenwelt der Karolinger". Monumente (bil-Ġermaniż). p. 34.
  5. ^ "Karolingische Malereien im Kloster Corvey | Monumente Online". www.monumente-online.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-05-05.
  6. ^ Leyser, Karl. "Ottonian Government" The English Historical Review 96, No. 381 (1981), p. 735.
  7. ^ Leyser, Karl. "Henry I and the Beginnings of the Saxon Empire", The English Historical Review 83, No. 326 (1968), p. 9
  8. ^ G. Benecke, Society and Politics in Germany 1500–1750, Routledge and Kegan Paul, Londra 1974, pp.102–103.
  9. ^ Latin Literature: A History by Gian Biagio Conte, Don P. Fowler, Glen W. Most and Joseph Solodow (Nov 4, 1999) ISBN 0-8018-6253-1 Johns Hopkins University Press, p. 543.
  10. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Carolingian Westwork and Civitas Corvey". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-05.