Aqbeż għall-kontentut

Żapoteki

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa taċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka fl-aqwa tagħha.

Iż-Żapoteki (biż-Żapotek: Be'ena'a; li tfisser "In-Nies"; għall-ħabta tas-700 Q.K. sal-1521 W.K.) kienu ċivilizzazzjoni pre-Kolombjana indiġena (imsejħa wkoll ċivilizzazzjoni Żapoteka) li tkattret fil-Wied ta' Oaxaca fil-Mesoamerka. L-evidenza arkeoloġika turi li l-kultura tagħhom oriġinat mill-inqas 2,500 sena ilu. Is-sit arkeoloġiku taż-Żapoteki fil-belt antika ta' Monte Albán għandu binjiet monumentali, spazji għal-logħba tradizzjonali tal-ballun, oqbra tal-għaġeb u oġġetti funebri, inkluż ġojjellerija tad-deheb maħduma b'mod mirqum. Monte Albán kienet waħda mill-ewwel bliet kbar fil-Mesoamerka. Kienet iċ-ċentru ta' stat taż-Żapoteki li ddomina l-biċċa l-kbira tat-territorju li llum il-ġurnata huwa magħruf bħala l-istat Messikan ta' Oaxaca.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz tal-Kolonni, Mitla, Oaxaca.

Iċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka oriġinat fil-Widien Ċentrali ta' Oaxaca fl-aħħar tas-seklu 6 Q.K. It-tliet widien kienu maqsuma fost tliet soċjetajiet ta' daqs differenti, isseparati minn 80 kilometru kwadru (31 mil kwadru) ta' art mhux okkupata fin-nofs. Il-belt ta' Oaxaca iktar 'il quddiem żviluppat f'dik iż-żona. Evidenza arkeoloġika, bħal tempji maħruqa u priġunieri tal-gwerra li ġew issagrifikati, tissuġġerixxi li t-tliet soċjetajiet kienu jikkompetu ma' xulxin. Fl-aħħar tal-fażi ta' Rosario (700-500 Q.K.), l-ikbar insedjament tal-wied, San José Mogote, u insedjament fil-qrib fil-wied ta' Etla, tilfu l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tagħhom.

Matul l-istess perjodu, insedjament kbir ġdid żviluppa fl-art mhux okkupata fil-quċċata ta' muntanja li kienet tħares fuq it-tliet widien; iktar 'il quddiem ingħata l-isem ta' Monte Albán. Il-bċejjeċ bikrin tal-fuħħar ta' Monte Albán huma simili għall-bċejjeċ tal-fuħħar minn San José Mogote, u dan jissuġġerixxi li l-belt iktar ġdida ġiet popolata b'nies li kienu telqu minn San José Mogote.[1] Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza diretta fil-fażijiet bikrin tal-istorja ta' Monte Albán, il-ħitan u l-fortifikazzjonijiet madwar is-sit matul il-fażi arkeoloġika ta' Monte Alban 2 (għall-ħabta tal-100 Q.K.–200 W.K.) jissuġġerixxu li l-belt inbniet bħala rispons għal theddida militari. L-arkeologi Amerikani Joyce Marcus u Kent V. Flannery iqabblu dan il-proċess ma' dak li ġara fil-Greċja tal-qedem, jiġifieri sinojkiżmu, li tfisser ċentralizzazzjoni ta' popolazzjonijiet iżgħar sparsi kkongregati f'belt ċentrali sabiex jaffrontaw theddida esterna.[2]

L-istat Żapotek li fforma f'Monte Albán beda jespandi matul l-aħħar tal-fażi ta' Monte Alban 1 (400-100 Q.K.) u matul l-fażi ta' Monte Alban 2 kollha (100 Q.K. – 200 W.K.). Matul il-fażi ta' Monte Alban 1c (bejn wieħed u ieħor fil-200 Q.K.) sal-fażi ta' Monte Alban 2 (200 Q.K. – 100 W.K.), il-mexxejja Żapoteki ħatfu l-kontroll tal-provinċji 'l barra mill-Wied ta' Oaxaca, peress li l-ebda waħda mill-provinċji tal-madwar ma seta' jikkompeti magħhom politikament u militarment.[3] Sal-200 W.K., iż-Żapoteki kienu estendew l-influwenza tagħhom, minn Quiotepec fit-Tramuntana sa Ocelotepec u Chiltepec fin-Nofsinhar. Monte Albán kienet saret l-ikbar belt f'dawk li llum huma magħrufa bħala l-artijiet għoljin tan-Nofsinhar tal-Messiku, u żammet dan l-istatus sa bejn wieħed u ieħor is-700 W.K.[4]

Urna funebri ta' divinità b'għamla ta' farfett il-lejl jew ġagwar, minn Oaxaca, li tmur lura għat-300–650 W.K. Għoli: 9.5 pulzier (23 ċentimetru).

L-espansjoni tal-imperu taż-Żapoteki laħqet il-quċċata tagħha matul il-fażi ta' Monte Alban 2. Iż-Żapoteki ħakmu jew ikkolonizzaw insedjamenti ferm lil hinn mill-Wied ta' Oaxaca. B'mod notevoli, l-influwenza tagħhom hija viżibbli fil-bidla ħesrem fl-istil tal-bċejjeċ taċ-ċeramika prodotti f'reġjuni 'l barra mill-wied. L-istili uniċi ta' dawn ir-reġjuni f'daqqa waħda ġew sostitwiti bl-istil tal-bċejjeċ tal-fuħħar taż-Żapoteki, u dan jindika li ġew integrati fl-imperu taż-Żapoteki. L-arkeologu Alfonso Caso, wieħed minn tal-ewwel li wettaq skavi f'Monte Albán fis-snin 30 tas-seklu 20, sostna li binja fil-pjazza prinċipali ta' Monte Albán hija evidenza ulterjuri tal-espansjoni drammatika tal-istat taż-Żapoteki. Dik li llum il-ġurnata tissejjaħ il-Binja J b'għamla ta' ponta ta' vleġġa hija pjuttost unika meta mqabbla ma' binjiet monumentali oħra. Għandha iktar minn 40 ħaġra mnaqqxa b'kitbiet ġeroglifiċi. L-arkeologi interpretaw dawn il-kitbiet bħala rappreżentazzjonijiet tal-provinċji kkontrollati miż-Żapoteki. Kull raggruppament ta' kitbiet ġeroglifiċi juri wkoll ras, b'xedd ir-ras elaborat, imnaqqxa fil-ġebel. X'aktarx li dawn jirrappreżentaw il-mexxejja tal-provinċji. L-irjus ta' taħt fuq x'aktarx li jirrappreżentaw il-mexxejja li nqatlu u li l-provinċji tagħhom ittieħdu bil-forza, filwaqt li dawk weqfin jaf jirrappreżentaw dawk li ma rreżistewx l-annessjoni u b'hekk ma nqatlux. Għal din ir-raġuni, il-Binja J tissejjaħ ukoll bħala l-"Ħaġra tal-Konkwista" mill-arkeologi.[5]

Marcus u Flannery jiddeskrivu l-espansjoni drammatika sussegwenti tal-istat ta' Monte Albán, u jindikaw meta kien hemm:

"diskrepanza kbira fil-popolazzjonijiet bejn il-qalba tal-istat u l-periferija tiegħu, x'aktarx li kien ikun meħtieġ li jintbagħtu kolonizzaturi mill-qalba għall-periferija tal-istat. Raggruppamenti żgħar jaf ħasbu li r-reżistenza kienet tkun inutli, u allura aċċettaw li jbaxxu rashom u ma jiġux umiljati. Min-naħa l-oħra raggruppamenti ikbar jaf ma kinux lesti li jitilfu l-awtonomija tagħhom u b'hekk irreżistew u kellhom jiġu mrażżna militarment. Matul l-espansjoni tal-istat fil-fażi ta' Monte Alban 2, naħsbu li kien hemm kolonizzazzjoni kif ukoll konkwisti fl-istess żmien".[6]

Gwerra u reżistenza[immodifika | immodifika s-sors]

L-aħħar battalja bejn l-Azteki u ż-Żapoteki seħħet bejn l-1497 u l-1502, taħt il-mexxej Aztek Ahuizotl. Fiż-żmien tal-konkwista Spanjola tal-Messiku, meta waslet l-aħbar li l-Azteki ġarrbu telfa kontra l-Ispanjoli, ir-Re Cosijoeza ordna lil niesu ma jikkonfrontawx lill-Ispanjoli sabiex b'hekk jevitaw l-istess destin. Huma ġarrbu telfa kontra l-Ispanjoli wara diversi kampanji militari bejn l-1522 u l-1527. Madankollu, kien hemm ukoll diversi rewwixti kontra l-awtoritajiet kolonjali fl-1550, fl-1560 u fl-1715.

Fażijiet arkeoloġiċi tal-istorja ta' Monte Albán
Fażi Perjodu
Monte Alban 1 għall-ħabta tal-400-100 Q.K.
Monte Alban 2 għall-ħabta tal-100 Q.K. – 100 W.K.
Monte Alban 3 għall-ħabta tal-200-900 W.K.
Monte Alban 4 għall-ħabta tad-900–1350 W.K.
Monte Alban 5 għall-ħabta tal-1350–1521 W.K.[7]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem Żapotek huwa eżonimu. Iż-Żapoteki kienu jissejħu tzapotēcah (singular: tzapotēcatl) mill-kelliema tan-Nahuatl, li tfisser "abitanti tal-post tas-sapote". Iż-Żapoteki kienu jirreferu għalihom infushom b'xi varjant tat-terminu Be'ena'a, li jfisser "In-Nies tas-Sħab".

Lingwa[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sistema tonali taż-Żapotek ta' Texmelucan.

Il-lingwi Żapoteki jiffurmaw parti minn familja ta' lingwi msejħa Otomangweani, familja antika ta' lingwi Mesoamerikani. Huwa stmat li l-lingwi Otomangweani tal-lum tferrqu minn għerq komuni għall-ħabta tal-1500 Q.K. Il-lingwi Mangweani x'aktarx li kienu l-ewwel li tferrqu, segwiti mil-lingwi Otopameani, filwaqt li d-diverġenza tal-lingwi Miksteki u Żapoteki seħħet wara.[8] Il-grupp ta' lingwi Żapoteki jinkludi l-lingwi Żapoteki u ċ-Ċatino li għandha rabta mill-qrib. Il-lingwi Żapoteki huma mitkellma f'partijiet mis-Sjerra tat-Tramuntana, fil-Widien Ċentrali kif ukoll f'partijiet mis-Sjerra tan-Nofsinhar, fl-Istmu ta' Tehuantepec u tul partijiet tal-Kosta Paċifika.[9] Minħabba deċennji ta' emigrazzjoni, iż-Żapotek huwa mitkellem ukoll f'partijiet mill-Belt tal-Messiku u f'Los Angeles, California. Hemm seba' lingwi Żapoteki distinti u iktar minn 100 djalett.

Iż-Żapotek huwa lingwa tonali, jiġifieri t-tifsira ta' kelma spiss tiġi ddeterminata mit-tonalità tal-vuċi (tonemi), li hija essenzjali għall-fehim tat-tifsiriet differenti tal-kelmiet differenti. Il-lingwi Żapoteki għandhom sa erba' tonemi distinti: għoljin, baxxi, jogħlew u neżlin.[10]

Soċjetà[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn il-fażijiet ta' Monte Alban 1 u 2 kien hemm espansjoni konsiderevoli tal-popolazzjoni tal-Wied ta' Oaxaca. Filwaqt li l-popolazzjoni kibret, kiber ukoll il-livell ta' differenzjazzjoni soċjali, ta' ċentralizzazzjoni tal-poter politiku, u ta' attività ċerimonjali.[11] Matul il-fażijiet ta' Monte Alban 1 u 2, milli jidher il-wied ġie fframmentat f'diversi stati indipendenti, kif manifestat fiċ-ċentri tal-poter reġjonali. Sal-fażi ta' Monte Alban 3, il-frammentazzjoni bejn il-belt u l-widien irriżultat fl-iżvilupp urban u tal-popolazzjoni ta' Monte Albán stess.[12]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tas-sit ta' Monte Albán.

Il-Widien Ċentrali ta' Oaxaca, in-nieqa taċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka, huma tliet widien wesgħin — Etla fil-Punent, Ocotlán fin-Nofinhar u Mitla fil-Lvant — li jiltaqgħu f'altitudni ta' madwar 4,500 pied 'il fuq mil-livell tal-baħar fiċ-ċentru ta' dak li llum il-ġurnata huwa l-istat ta' Oaxaca. Dawn jinsabu madwar 200 kilometru fin-Nofsinhar tal-Belt tal-Messiku. Il-muntanji jinsabu madwar il-widien bis-Sierra Norte fit-Tramuntana u l-muntanji ta' Tlacolula fix-Xlokk. L-ambjent huwa adattat ħafna għall-agrikoltura u jitqies bħala wieħed mill-postijiet minn fejn oriġina l-qamħirrum. Huwa stmat li meta feġġet iċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka, il-ħamrija fil-widien ma kinitx affettwata mill-erożjoni attwali, peress li l-foresti tas-siġar tal-ballut u taż-żnuber fil-muntanji tal-madwar ma kinux għadhom inqatgħu għall-injam.

Hemm staġun tan-nixfa minn Novembru sa Mejju iżda tul ix-xmajjar huwa possibbli li wieħed jiżra' u jaħsad l-għelejjel darbtejn. Ix-xmara Atoyac tgħaddi mill-Grigal għan-Nofsinhar tal-muntanji u tipprovdi l-ilma għal biċċa art żgħira tul ix-xmara, meta perjodikament tfur bl-ilma. Sabiex jipprovdu l-ilma għall-għelejjel fl-inħawi l-oħra fil-wied lil hinn mix-xmara, iż-Żapoteki kienu jużaw l-irrigazzjoni permezz tal-kanali. Bl-użu tal-ilma min-nixxigħat żgħar, iż-Żapoteki rnexxielhom iwasslu l-ilma sa Monte Albán, madwar 400 metru 'l fuq mill-baċir tal-wied. L-arkeologi sabu l-fdalijiet ta' sistema żgħira tal-irrigazzjoni li kienet tikkonsisti minn diga u minn kanal fuq ix-xaqliba tax-Xlokk tal-muntanja. Peress li din waħedha ma kinitx biżżejjed biex issostni l-popolazzjoni kollha ta' Monte Albán, huwa preżunt li kien hemm bosta sistemi oħra tal-irrigazzjoni. Bl-istess mod, l-għelejjel imkabbra fil-wied ma kinux biżżejjed biex isostnu t-tkabbir rapida fil-popolazzjoni fil-fażi ta' Monte Albán I. Għalhekk, l-għelejjel tkabbru fl-għoljiet ta' qabel il-muntanja fejn il-ħamrija kienet inqas għammiela u fejn kienet meħtieġa l-irrigazzjoni artifiċjali.[13]

L-innovazzjoni tal-biedja ppermettiet liż-Żapoteki jagħtu ġieħ lill-konkwistaturi Spanjoli u fl-istess ħin joħolqu biżżejjed surplus biex jitimgħu lilhom infushom minkejja d-diżastri naturali u l-mard.[14]

Teknoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Maskra Żapoteka bil-mużajk li tirrappreżenta divinità b'għamla ta' farfett il-lejl, magħmula minn 25 biċċa tal-ġada, b'għajnejn sofor magħmula bil-qxur tal-baħar. Instabet f'qabar f'Monte Albán.

Iż-Żapoteki żviluppaw kalendarju u sistema logosillabika ta' kitba li kienet tuża ġeroglifiku wieħed għal kull waħda mis-sillabi tal-lingwa. Huwa maħsub li din is-sistema ta' kitba kienet waħda mill-ewwel sistemi ta' kitba tal-Mesoamerka u predeċessur ta' dawk li ġew żviluppati mill-Maja, mill-Miksteki u mill-Azteki. Hemm dibattitu dwar jekk is-simboli OImeki, datati għas-650 Q.K., humiex tassew forma ta' kitba li tippreċedi l-iżjed kitba antika taż-Żapoteki, li hija datata għal madwar il-500 Q.K.[15]

Fil-belt kapitali tal-Azteki, Tenochtitlan, kien hemm artiġjani Żapoteki u Miksteki li kienu jipproduċu l-ġojjellerija għall-mexxejja Azteki (magħrufa bħala tlatoani), inkluż Moctezuma II. Madankollu, ir-relazzjonijiet mal-Messiku Ċentrali jmorru ferm iktar lura, kif issuġġerit mill-fdalijiet arkeoloġiċi ta' kwartier taż-Żapoteki fi ħdan Teotihuacan u ta' binja għall-mistednin bl-istil ta' Teotihuacan f'Monte Albán. Siti Żapoteki pre-Kolombjani importanti oħra jinkludu Lambityeco, Dainzú, Mitla, Yagul, San José Mogote, El Palmillo u Zaachila.

Iż-Żapoteki kienu kultura sedentarja li kienet tgħix fil-villaġġi u fl-irħula, fi djar mibnija bil-ġebel u bit-tkaħħil. Kienu jirreġistraw l-avvenimenti prinċipali fl-istorja tagħhom permezz tal-ġeroglifiċi, u fiż-żminijiet ta' gwerra kienu jużaw armatura tal-qoton. Il-fdalijiet magħrufa sew ta' Mitla ġew attribwiti lilhom.

Kitba[immodifika | immodifika s-sors]

F'Monte Albán l-arkeologi sabu test estiż b'kitba ġeroglifika. Xi simboli jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala informazzjoni ta' kalendarju iżda l-kitba inġenerali għadha ma ġietx deċifrata. Tinqara f'kolonni minn fuq għal isfel, u sa ċertu punt hija kemxejn inqas elaborata mill-kitba li ġiet iktar 'il quddiem fil-perjodu Klassiku tal-Maja. Dan wassal biex l-epigrafi jemmnu li l-kitba kienet ukoll inqas fonetika mill-kitba pjuttost sillabika tal-Maja.

L-iżjed artefatt bikri magħruf bil-kitba Żapoteka hija ħaġra ta' danzante ("żeffien"), magħrufa uffiċjalment bħala l-Monument Nru 3, li nstabet f'San José Mogote, Oaxaca. Għandha riljiev qisu ta' xi priġunier mejjet u mimli dmijja b'żewġ simboli ġeroglifiċi bejn riġlejh, x'aktarx ismu. Inizjalment datata għall-500-600 Q.K., din tqieset bħala l-iżjed kitba bikrija fil-Mesoamerka. Madankollu, tressqu dubji dwar id-datazzjoni peress li l-monument jaf reġa' ntuża. Il-kitba Żapoteka milli jidher għebet lejn l-aħħar tal-perjodu Klassiku.

Reliġjon[immodifika | immodifika s-sors]

Urna funebri mpittra taċ-ċeramika b'figura bilqiegħda. Il-kultura Żapoteka (il-fażi ta' Monte Albán III), il-Perjodu Klassiku Bikri u Nofsani (100-700 W.K).

Bħall-biċċa l-kbira tas-sistemi reliġjużi Mesoamerikani, ir-reliġjon taż-Żapoteki kienet politeista. Uħud mid-divinitajiet magħrufa kienu Cocijo, l-alla tax-xita (simili għall-alla Tlaloc tal-Azteki); Coquihani, l-alla tad-dawl; u Pitao Cozobi, l-alla tal-qamħirrum. Id-divinitajiet Żapoteki kienu assoċjati b'mod predominanti mal-fertilità jew mal-agrikoltura. Kien hemm divinitajiet maskili kif ukoll femminili, li ġew differenzjati permezz tal-kostumi. Dawk maskili jidhru lebsin biċċa drapp mal-qadd b'kappa jew mingħajr kappa, filwaqt li dawk femminili jidhru lebsin xi dublett. Hemm xi evidenza wkoll ta' qima tad-divinitajiet mhux assoċjati direttament mal-kultura Żapoteka, bħas-Serp bir-Rix ta' Teotihuacan, l-alla farfett, u l-alla tax-xita; kif ukoll l-alla tan-Nahuatl tar-rebbiegħa Xipe Totec. Huwa maħsub li ż-Żapoteki kienu jagħmlu sagrifiċċji umani f'uħud mir-ritwali tagħhom.[16]

Hemm diversi leġġendi dwar l-oriġini taż-Żapoteki. Waħda minnhom hi li huma kienu l-ewwel nies tal-Wied ta' Oaxaca u twieldu mill-blat, jew kienu dixxendenti minn felini kbar bħal pumi, ġagwari u felini selvaġġi. Oħra ssostni li ż-Żapoteki insedjaw il-Wied ta' Oaxaca wara li stabbilew l-imperu tat-Tolteki, u kienu d-dixxendenti tal-poplu ta' Chicomoztoc. Dawn il-leġġendi ma ġewx traskritti sa wara l-konkwista Spanjola.[17]

Skont leġġendi Żapoteki storiċi u kontemporanji, l-antenati tagħhom feġġew mill-art, mill-għerien, jew saru bnedmin mis-siġar jew mill-ġagwari. L-elit li kienu jmexxuhom kienu jemmnu li kienu dixxendenti minn ħlejqiet sovranaturali li kienu jgħixu fis-sħab, u li wara l-mewt kienu se jerġgħu lura fis-sħab. L-isem li bih huma magħrufa ż-Żapoteki llum il-ġurnata ġej minn dan it-twemmin. Iż-Żapoteki tal-Widien Ċentrali jsejħu lilhom infushom "Be'ena' Za'a" jew "In-Nies tas-Sħab".

Ritwali bid-dediki[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żapoteki kienu jagħmlu ritwali bid-dediki biex ibierku l-ispazji tal-għajxien u l-istrutturi tagħhom. Mill-iskavi tat-Tumbata III fit-Tempju tal-Piramidi ta' Cuilapan f'Oaxaca ħareġ senduq tad-dediki li kien fih bosta żibeġ tal-ġada, żewġ imsielet tal-ġada, tliet xfafar tal-ossidjana, qxur tal-baħar, ħaġar, perla, u għadam ta' annimali żgħar, x'aktarx ta' għasafar, li jmorru lura għas-700 W.K. Kull wieħed minn dawn il-materjali kienu jissimbolizzaw kunċetti reliġjużi differenti. Peress li ma kinitx tinkiseb faċilment, il-ġada kienet tiswa ħafna u kienet imfittxija ħafna, speċjalment il-ġada maħduma, ladarba l-elit kienu artisti primarji. Ix-xfafar tal-ossidjana huma assoċjati mas-sagrifiċċju, peress li sikwit kienu jintużaw fir-ritwali bit-tixrid tad-demm. Il-qxur tal-baħar u l-perli jirrappreżentaw id-dinja tal-mejtin, peress li ġejjin mill-oċean, u l-għadam tal-annimali żgħar jirrappreżentaw is-smewwiet u r-relazzjoni kożmika bbilanċjata. Dawn l-artefatti huma sinifikanti minħabba l-kollokament tagħhom fi struttura li kienet tintuża għar-ritwali u li kienet assoċjata mal-poter. Dan is-senduq huwa forma ta' kontenitur tad-dediki, u jiddedika t-Tempju tal-Piramidi ta' Cuilapan lil dawn l-ideat ta' poter, ta' sagrifiċċju u tar-relazzjoni bejn id-dinja tal-mejtin u s-smewwiet.

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • Marcus, Joyce; Flannery, Kent V. (1996). Zapotec Civilization: How Urban Society Evolved in Mexico's Oaxaca Valley. New aspects of antiquity series. New York: Thames & Hudson. ISBN 0-500-05078-3. OCLC 34409496.
  • Marcus, Joyce; Flannery, Kent V. (2000). "Cultural Evolution in Oaxaca: The Origins of the Zapotec and Mixtec Civilizations". In Richard E.W. Adams; Murdo J. Macleod (eds.). The Cambridge History of the Native Peoples of the Americas, Vol. II: Mesoamerica, part 1. Cambridge, ir-Renju Unit: Cambridge University Press. pp. 358–406. ISBN 0-521-35165-0. OCLC 33359444.
  • Whitecotton, Joseph W. (1990). Zapotec Elite Ethnohistory: Pictorial Genealogies from Eastern Oaxaca. Vanderbilt University publications in anthropology, no. 39. Nashville, Tennessee: Vanderbilt University. ISBN 0-935462-30-9. OCLC 23095346.
  • Whitecotton, Joseph W. (1977). The Zapotecs: Princes, Priests and Peasants. Norman: University of Oklahoma Press.
  • Zeitlin, Robert N. (2000). "Review: Two Perspectives on the Rise of Civilization in Mesoamerica's Oaxaca Valley. Review of: Ancient Oaxaca: The Monte Albán State by Richard E. Blanton; Gary M. Feinman; Stephen A. Kowalewski; Linda M. Nicholas". Latin American Antiquity. 11 (1): 87–89. doi:10.2307/1571672. JSTOR 1571672.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Marcus u Flannery, p. 144.
  2. ^ Marcus u Flannery (1996), p. 146.
  3. ^ Marcus u Flannery (1996), p. 206.
  4. ^ Marcus u Flannery (1996), p. 208.
  5. ^ Marcus u Flannery, p. 196.
  6. ^ Marcus u Flannery, p. 196.
  7. ^ Whitecotton (1977), p. 26, Ll.1-3.
  8. ^ Whitecotton (1977), pp. 12-13, Ll.2-16.
  9. ^ Whitecotton (1977), p. 12, Ll.35-37.
  10. ^ Whitecotton (1977), p. 13, Ll.20-27.
  11. ^ Whitecotton (1977), p. 33, Ll.16-18.
  12. ^ Evans, Susan Toby (2013). Ancient Mexico and Central America: Archaeology and Culture History. Londra: Thames and Hudson. p. 384. ISBN 978-0-500-29066-8.
  13. ^ Marcus u Flannery (1996), pp. 147-148.
  14. ^ González, Roberto J.. Zapotec Science : Farming and Food in the Northern Sierra of Oaxaca, University of Texas Press, 2001. ProQuest Ebook Central.
  15. ^ "Script Delivery: New World writing takes disputed turn" (bl-Ingliż). 2002-12-04. Miġbur 2022-11-14.
  16. ^ Whitecotton (1977), pp. 52–53, Ll.34- 2.
  17. ^ Whitecotton (1977), p. 23, Ll.11-26.