Aqbeż għall-kontentut

Yagul

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta panoramika tas-sit arkeoloġiku ta' Yagul

Yagul huwa sit arkeoloġiku u eks belt-stat assoċjat maċ-ċivilizzazzjoni Żapoteka tal-Mesoamerka pre-Kolumbjana, li jinsab fl-istat Messikan ta' Oaxaca. Is-sit ġie ddikjarat bħala wieħed mill-erba' Monumenti Naturali tal-pajjiż fit-13 ta' Ottubru 1998.[1] Is-sit huwa magħruf lokalment ukoll bħala Pueblo Viejo (Villaġġ Antik) u kien okkupat fi żmien il-Konkwista Spanjola. Wara l-Konkwista, il-popolazzjoni ġiet rilokata fir-raħal modern fil-qrib ta' Tlacolula fejn għadhom jgħixu d-dixxendenti tagħhom.[2][3]

Il-belt-stat ta' Yagul ġiet okkupata għall-ewwel darba għall-ħabta tal-500-100 Q.K. Lejn il-500-700 W.K., inbnew strutturi residenzjali, ċiviċi u ċerimonjali fis-sit. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dak li għadu viżibbli llum il-ġurnata jmur lura għall-1250-1521 W.K., meta s-sit kien jintuża bħala l-belt kapitali ta' belt-stat Postklassika.[4]

Is-sit ġie skavat fis-snin 50 u 60 tas-seklu 20 mill-arkeologi Ignacio Bernal u John Paddock.[5]

Fdalijiet ta' abitazzjoni umana fiż-żona, b'mod partikolari tpittir fuq l-irdumijiet f'Caballito Blanco, imorru lura għal mill-inqas it-3000 Q.K. Wara l-abbandun ta' Monte Albán għall-ħabta tat-800 W.K., l-abitanti tar-reġjun stabbilew lilhom infushom f'diversi ċentri żgħar bħal Lambityeco, Mitla u Yagul stess.[1]

Yagul ġejja mil-lingwa Żapoteka, u hija ffurmata minn ya (siġra) u gul (antika), jiġifieri tfisser litteralment "siġra antika".[1][2]

L-Ispazju Miftuħ għal-Logħba tal-Ballun Tradizzjonali.

Yagul jinsab ftit 'il bogħod mill-Awtostrada 190 bejn il-belt ta' Oaxaca u Mitla, madwar 36 kilometru minn Oaxaca. Is-sit jinsab fuq għolja vulkanika mdawra b'art għammiela fil-parti ta' Tlacolula tal-Wied ta' Oaxaca.[6] Ix-xmara Salado tnixxi lejn in-Nofsinhar.

L-okkupazzjoni f'Yagul tmur lura saħansitra għall-perjodu Preklassiku Nofsani sal-perjodu Preklassiku Aħħari. Oqbra elaborati tal-perjodu Preklassiku ġew skavati f'Yagul, akkumpanjati minn reċipjenti taċ-ċeramika bl-effiġji, li jindikaw l-influwenza ta' Monte Albán fuq l-elit lokali li kulma jmur bdiet tiżdied.[7]

Fil-perjodu Postklassiku Aħħari, immedjatament qabel il-Konkwista Spanjola, il-belt-stat ta' Yagul kellha popolazzjoni ta' iktar minn 6,000 ruħ.[8]

Yagul huwa wieħed mill-iżjed siti arkeoloġiċi studjati fil-Wied ta' Oaxaca. L-isem ta' dan iċ-ċentru Preispaniku importanti jfisser litteralment "Siġra Antika". Is-sit huwa stabbilit madwar għolja, u jista' jinqasam fi tliet żoni prinċipali: il-fortizza, iċ-ċentru ċerimonjali u ż-żoni residenzjali.[9] Il-ġebla tal-kostruzzjoni f'Yagul fil-biċċa l-kbira hija ġebla komuni mix-xmara ffurmata mill-blat vulkaniku bħall-bażalt. F'Yagul instabu madwar 30 qabar, uħud minnhom mibnija bħala pari. Ftit minnhom għandhom kitbiet ġeroglifiċi fuqhom.[10]

Il-fortizza tinsab fil-quċċata tal-irdumijiet fil-Grigal tas-sit u hija protetta minn ħitan naturali u artifiċjali. Tinsab f'punt panoramiku eċċellenti għall-għassa tal-Wied ta' Tlacolula kollu. Għandha diversi postijiet li llum il-ġurnata jintużaw bħala punti panoramiċi tas-sit u tal-pajsaġġ tal-madwar, inkluż wieħed li tasal għalih permezz ta' pont dejjaq.[11]

Żona residenzjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona residenzjali, ħafna minnha mhux skavata, tinsab fuq ir-raba' mtarraġ tan-Nofsinhar. Ir-residenza tal-perjodu Klassiku jinsabu fil-Majjistral taċ-ċentru ċerimonjali skavat u r-residenzi Postklassiċi ta' klassi inferjuri jingħad li jinsabu madwar il-qalba tas-sit.

Ċentru ċerimonjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qabar Triplu ta' Yagul

Iċ-ċentru ċerimonjali ġie skavat fl-1974 minn Bernal u Gamio. Jinkludi l-maġġoranza l-kbira ta' dak li ġie skavat u li hu viżibbli llum il-ġurnata. Iċ-ċentru ċerimonjali jikkonsisti minn għadd ta' terrazzi kkonfinati b'arkitettura monumentali, u jinkludi wkoll post għal-logħba tal-ballun tradizzjonali u kumpless residenzjali tal-elit.[12] Fost l-istrutturi f'din iż-żona nsibu:

  • L-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali: dan l-ispazju rrestawrat għandu orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent u huwa l-ikbar wieħed fil-Wied ta' Oaxaca. Ras ta' serp imnaqqax, li attwalment jinsab fil-Mużew Reġjonali f'Oaxaca, instab imwaħħal mal-parti ta' fuq tal-ħajt tan-Nofsinhar.[13] L-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali nbena fil-perjodu Klassiku bejn il-500 u s-700 W.K., u mbagħad twessa' bejn is-700 u d-900 W.K. Għandu tul totali ta' 47 metru u għalqa ċentrali ta' 30 metru, b'wisa' ta' sitt metri.[14]
  • Il-Palazz tas-Sitt Terrazzi: din l-istruttura qisha labirint hija magħmula minn kumpless elaborat ta' passaġġi u bosta kmamar. Il-palazz huwa magħmul minn tliet kumplessi tal-elit, kull wieħed b'żewġ terrazzi mdawra bil-kmamar. F'kull par terrazzi, dik tat-Tramuntana x'aktarx li kien tintuża bħala residenza filwaqt li dik tan-Nofsinhar x'aktarx li kienet tintuża bħala żona amministrattiva. F'kull terrazza hemm daħla għal qabar. L-istess konfigurazzjoni tinstab fis-sit ta' Mitla fil-qrib, għalkemm iż-żewġ siti x'aktarx li kienu indipendenti. Il-ħitan huma magħmula minn ġebel u stukko bit-tafal fin-nofs, l-artijiet kienu magħmula bi stukko aħmar.[15] It-Terrazza F hija kemxejn differenti mill-oħrajn fil-kumpless għaliex kienet tagħti għal fuq l-ispazju miftuħ tal-logħba tal-ballun tradizzjonali u għall-kumplessi tat-terrazza t'isfel. Milli jidher kellha funzjoni iktar pubblika. Kellha bank baxx fi ħdan kamra li kien ikun viżibbli għaż-żoni ta' taħt u b'hekk it-terrazza jaf kienet maħsuba biex tilqa' l-viżitaturi. Il-kumpless tal-palazz kien jinkludi wkoll tempju.[16]
  • It-Terrazza Nru 1: din hija spazju miftuħ kbir eżatt fix-Xlokk tal-Palazz tas-Sitt Terrazzi. Fiha kmamar fuq in-naħat kollha għajr fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Eżatt fin-Nofsinhar tat-Terrazza Nru 1 hemm tempju.
  • It-Terrazza Nru 4: din tinsab fix-Xlokk tal-ispazju miftuħ għal-logħba tal-ballun tradizzjonali u hija parti minn kumpless ta' tempju-terrazza-artal iffurmat minn erba' tumbati madwar artal ċentrali. Kienet tintuża mill-inqas mill-perjodu Klassiku sal-perjodu Postklassiku. Skultura ta' żrinġ bħala effiġju tinsab fil-bażi tat-tumbata tal-Lvant.
  • Il-Qabar Nru 30: dan il-qabar Postklassiku jinsab taħt it-Terrazza Nru 4. Huwa maqsum fi tliet kompartimenti b'panewijiet imżejnin. Il-kompartiment prinċipali għandu faċċata mżejna b'żewġt irjus imnaqqxa fil-ġebel. Id-daħla għall-qabar hija ħaġra tal-ġebel b'kitbiet ġeroglifiċi mnaqqxa fuq iż-żewġ naħat.
  • Il-Kamra tal-Kunsill: din hija kamra twila u dejqa b'orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent, li tinsab fin-Nofsinhar ta' "triq" dejqa. Xi darba kienet imżejna b'mużajk tal-ġebel u wieħed kien jidħol għaliha permezz ta' taraġ mit-Terrazza Nru 1, li tinsab eżatt lejn in-Nofsinhar. Id-daħla hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet permezz ta' żewġ pilastri wesgħin żewġ metri kull wieħed. Minħabba n-natura mhux residenzjali tagħha u n-nuqqas ta' santwarju jew ta' tempju, din il-kamra jingħad li kellha funzjoni amministrattiva.[17]
  • It-Triq Imżejna: din it-"triq" dejqa għandha orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent bejn il-Palazz tas-Sitt Terrazzi fit-Tramuntana u l-Kamra tal-Kunsill fin-Nofsinhar. Il-ħajt tan-Nofsinhar tagħha huwa twil iktar minn 40 metru u kien imżejjen b'mużajk tal-ġebel ġeometriku, simili għal dak ta' Mitla.
  • Il-Binja U: din il-binja nbniet fuq pjattaforma artifiċjali fil-parti tat-Tramuntana tas-sit. Taħtha hemm qabar. Wieħed jasal għall-binja permezz ta' taraġ lejn in-Nofsinhar u tgawdi minn veduta tajba tal-biċċa l-kbira tas-sit.

Is-sit ta' Yagul jieħu ħsiebu l-Instituto Nacional de Antropología e Historia (l-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u l-Istorja) u huwa miftuħ għall-pubbliku.

Il-Palazz tas-Sitt Terrazzi

Monument Naturali ta' Yagul

[immodifika | immodifika s-sors]

Yagul ġie ddeżinjat bħala Monument Naturali tal-pajjiż fl-1999 mill-Gvern Messikan. Il-monument għandu erja ta' 10.76 km2. Jiġi amministrat mill-Kummissjoni Nazzjonali taż-Żoni Naturali Protetti (CONANP).[18]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit arkeoloġiku ta' Yagul huwa inkluż fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Għerien Preistoriċi ta' Yagul u Mitla fil-Wied Ċentrali ta' Oaxaca" li ġie ddeżinjat fl-2010 filwaqt li s-sit arkeoloġiku ta' Mitla mhuwiex inkluż. Is-sit ta' Yagul huwa inkluż peress li jinsab qrib ħafna tat-tpittir preistoriku fuq l-irdumijiet, li fl-imgħoddi kienu l-ħitan ta' għerien li maż-żmien ċedew.[19]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[19]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Adams, Richard E.W. (1996). Prehistoric Mesoamerica (Revised ed.). Norman: University of Oklahoma Press. ISBN 0-8061-2834-8. OCLC 22593466.
  • INAH [Instituto Nacional de Antropología e Historia] (1973). The Oaxaca Valley: Official Guide (5th ed.). México, D.F.: INAH. OCLC 1336526.
  • Joyce, Arthur A. (2010). Mixtecs, Zapotecs, and Chatinos: Ancient Peoples of Southern Mexico. Chichester, West Sussex, UK.: Wiley-Blackwell. ISBN 978-0-631-20978-2. OCLC 318057918.
  • Kowalewski, Stephen A.; Gary M. Feinman; Laura Finsten; Richard E. Blanton (1991). "Pre-Hispanic Ballcourts from the Valley of Oaxaca, Mexico". In Vernon Scarborough; David R. Wilcox (eds.). The Mesoamerican Ballgame. Tucson: University of Arizona Press. ISBN 0-8165-1360-0. OCLC 51873028.
  • Winter, Marcus (1998). Oaxaca: The Archaeological Record. Indian peoples of Mexico series. Alberto Beltrán (illus.) (2nd ed.). México, D.F.: Minutiae Mexicana. ISBN 968-7074-31-0. OCLC 26752490.
  1. 1 2 3 INAH, Mediateca. "Yagul. Oaxaca, México". lugares.inah.gob.mx (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-08-18. Miġbur 2022-08-18.
  2. 1 2 Winter 1998, p. 119.
  3. Adams 1996, p. 333.
  4. Winter 1998, pp. 72, 75.
  5. Winter 1998, p. 6.
  6. Joyce 2010, pp. 271-272.
  7. Joyce 2010, p. 147.
  8. Joyce 2010, p. 271
  9. INAH 1973, p.38.
  10. INAH 1973, pp. 38, 40.
  11. Winter 1998, p. 120.
  12. Joyce 2010, p. 272
  13. INAH 1973, pp. 38-39.
  14. Kowalewski et al. 1991, p. 29.
  15. INAH 1973, p. 39.
  16. Joyce 2010, p. 273.
  17. INAH 1973, p. 40.
  18. "Protected Planet | Yagul". Protected Planet. Miġbur 2022-08-18.
  19. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Prehistoric Caves of Yagul and Mitla in the Central Valley of Oaxaca". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-18.