Ġużè Diacono

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Ġużè Diacono
Ġużè Diacono
Ħajja
Twelid Valletta, 1912
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 17 Novembru 2002
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni drammaturgu
rumanzier

Ġużè Diacono (Valletta, 24 ta' Novembru 1912Pietà, 17 ta' Novembru 2002) kien awtur, ġurnalist u drammaturgu Malti.

Bidu[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Francis Xavier u Victoria, imwielda Meli, huwa studja fl-iskola Stella Maris (Tas-Sliema), ta’ San Pawl, il-Belt Valletta) u fl-Università ta' Malta, fejn kiseb id-Diploma ta' Prokuratur Legali (1938); iżda flok il-professjoni legali għażel dik letterarja u ta ruħu għall-ġurnaliżmu.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Diacono kien xellugi imma fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1962, li fiha l-Knisja imponiet id-dnub il-mejjet fuq min jivvota lill-Partit Laburista, huwa kien ikkontesta bħala kandidat f'isem il-Partit Kostituzzjonali Progressiv (ta' Mabel Strickland) fuq l-10 distrett li kien ikopri lil Għawdex. Kien ġab 74 vot fl-ewwel għadd u spiċċa b'94 vot.

Ġurnaliżmu u xandir[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa beda bħala editur tal-aħbarijiet tat-Times of Malta, aġixxa ta' editur tas-Sunday Times of Malta u għal xi żmien kien korrispondent tal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters. Fi żmien il-Gwerra, 1939-1945, ġie trasferit fir-redazzjoni ta' Il-Berqa, fejn waqqaf il-paġna sportiva bil-Malti u ħoloq diversi espressjonijiet sportivi. Huwa beda l-paġna ta' kuljum tal-fiction u bdieha bit-traduzzjoni ta' The Rosary, ir-rumanz magħruf ta' Florence L. Barclay. Din il-paġna kellha kontribuzzjonijiet ta' diversi awturi Maltin, xjuħ u żgħażagħ, iżda l-biċċa l-kbira kitibhom Diacono nnifsu. Huma baqa' mal-Allied Newspapers sal-1966.

Kien l-ewwel editur tal-ġurnal tal-Knisja Il-Ħajja bejn l-1965 u l-1967. Kien ukoll jieħu ħsieb ir-reklamar għall-ġurnal Il-Ħaddiem bejn is-snin 1966 u 1969. Sadanittant kien għamel żmien jgħallem il-Letteratura Maltija fl-Università ta' Malta.

Xandar bosta taħditiet minn fuq ir-Rediffusion speċjalment fis-serje Kotba x'taqra u tagħrif u tagħlim dwar l-arti drammatika.

B'riżq l-Ilsien Malti[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa kien membru akkademiku tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u ko-fundatur tal-Għaqda ta' Awturi Maltin. Kien ukoll fil-kummissjoni biex ikun standardizzat l-ilsien Malti. Irreveda u ppubblika l-Ħames Volum tad-Dizzjunarju Ingliż–Malti ta' Dun Karm Psaila fil-bidu tas-snin disgħin.

Diacono kien wieħed mill-aktar kittieba prolifiċi Maltin tas-seklu għoxrin. Kiteb drammi, novelli, traduzzjonijiet u kritika letterarja. Fost il-kritika tiegħu nsibu Wara Ibsen u Il-Fidwa tal-Bdiewa ta' Ninu Cremona: Studju Kritiku.

Bħala studjuż tal-lingwa, kien ħareġ ktieb fl-1977 bl-isem Għeltijiet u Barbariżmi fil-Malti.

Kien ħareġ ġabra ta' novelli bl-isem ta' Dik is-Siġra Mħattba.

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

Iżda l-qawwa ta' Diacono toħroġ fid-drammi tiegħu. L-għarfien tiegħu ta' kif żviluppa t-teatru ta' Ibsen u Strindberg għenu biex fetaħ id-drama Maltija lejn fruntieri ġodda, 'il bogħod mill-kitba tradizzjonali u konservattiva. Huwa ma kienx jiddejjaq jikteb biex juri s-sigrieti magħrufa soċjali tal-ħajja Maltija. Fost l-iktar drammi magħrufin tiegħu hemm dawk tas-snin sittin: L-Ewwel Jien u Erwieħ Marbuta.

Il-Madonna taċ-Ċoqqa[immodifika | immodifika s-sors]

L-iktar dramm li baqa' sinonimu ma' Diacono kien it-teledramm Il-Madonna taċ-Ċoqqa li kien jidher fuq TVM fl-1979, black and white. Dan ix-xogħol ta' Diacono juri l-qilla li jista' juri l-bniedem meta ffaċċjat minn istituzzjoni bħalma hija l-Knisja. Juri li l-imħabba tirbaħ fuq kollox, anke meta tiltaqa' ma' bosta tfixkil. Il-ħsieb wara dan il-kapolavur kien ġieh wara li lill-istess Diacono kienu ħadulu biċċa art. Il-ġrajja ta' Karmnu ta' Randu, li minkejja li kien jagħmel kollox għall-knisja u għall-festa, spiċċa mċaħħad mill-art li kienet tagħti l-għajxien lilu u lill-familja tiegħu hija qawwija wisq.

Dan it-teledramm kien qajjem ħafna kontroversji fil-pajjiż, mhux l-inqas għax kien fi żmien meta l-Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff kien qed iwettaq fil-prattika d-distinzjoni bejn Stat u Knisja. Ħafna telespettaturi ddarsu waqt xena fejn Rita (il-protagonista), tkisser in-niċċa tal-Madonna u tneħħilha ċ-ċoqqa. Oħrajn ma rawx għaliex din it-teleserje ngħatat dan l-isem, tant li ħassew li bħal donnu ssemma l-isem tal-Madonna fil-batal.

Imma l-akbar kontroversja kienet fil-fatt li Rita il-protagonista (parti maħduma minn Jane Marshall) kellha relazzjoni ma' Marjanu (Lino Mintoff) li kien novizz reliġjuż. Rita anke twelled tarbija fil-kampnar tal-Kappella fit-teleserje. Imma minħabba l-impatt qawwi li ħalliet din is-serje kien diffiċli għal uħud li jagħmlu distinzjoni bejn l-atturi u l-ħajja reali u għalhekk bdiet persekuzzjoni qawwija fuq Diacono, l-atturi prinċipali, u d-direttur.

Il-persekuzzjoni tant kienet qawwija li l-attriċi prinċipali Jane Marshall u r-raġel tagħha Albert Marshall li kien id-direttur ta' din it-teleserje rċevew ittri mimlija attakki, theddid u mibegħda. Dan wassal biex il-koppja Marshall (b'żewġt itfal żgħar) saħansitra titlaq minn Malta u temigra lejn l-Awstralja. 

Kull meta kien jidher Il-Madonna taċ-Ċoqqa, it-toroq kienu jkunu baħħ, għax minkejja l-kritika, kulħadd kien jarah.

Ħajja personali[immodifika | immodifika s-sors]

Diacono kien bniedem paċenzjuż ħafna, metikoluż ħafna speċjalment fil-kitbiet u meta jiġi biex jaqra kitbiet ta' ħaddieħor. Kien iħobb il-mużika klassika u kellu kollezzjoni ta' diski b'mużika tal-opri. Kien iħobb ukoll l-isport, iżda meta kiber ftit seta' jipprattikah minħabba li f'żogħżitu kien weġġa' siequ waqt logħba tennis. Fil-futbol kien iżomm mas-Sliema u f'dak barrani mal-Ingliżi.

Lejn it-Tmiem[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1997, huwa kien onorat bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali ta' Mertu mill-President Ugo Mifsud Bonnici għall-kontribut kbir tiegħu lejn is-soċjetà Maltija.

Lejn l-aħħar ta' ħajtu kien residenti fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana. Jum biss qabel mewtu, nhar is-16 ta' Novembru 2002, ir-remake tas-serje Il-Madonna taċ-Ċoqqa bi produzzjoni ta' Hermann Bonaci Productions li kien ixxandar ftit xhur qabel fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista Super One Television, rebaħ il-premju għall-Aħjar Drama Televiżiv ta' dik is-sena.

Xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Salib ħaddieħor
  • Ruħ Imxekkla
  • L-Għarajjes
  • Id-Dar il-Kbira
  • Nebħ il-hemm
  • Ħaddieħor
  • L-Għarusa (1964)
  • Kollox bis-sod
  • Il-Maskri tar-Ruħ
  • Magħkom nibqa'
  • L-Għajn
  • Ebda Jies
  • L-Ixkora
  • Ir-raġel li kienet tħobb (1954)
  • Kemm Għaġġel! (1956)
  • L-Ewwel Jien (1963)
  • Il-Martri tal-Uganda (1964)
  • Erwieħ Marbuta (1966)
  • Il-Madonna taċ-Ċoqqa (1979) - teledramm

Novelli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Serenata
  • Il-Ġnien
  • Kif sar sinjur
  • Il-Qanpiena misħuta
  • Qrara ta' mejta
  • Iz-Zija Tonin jagħmel biċċa xogħol
  • Qatel lil Martu
  • L-Kagħka tas-Sinjura Kamilla
  • Dak li nħallu warajna
  • Missieri u ħija u ommi
  • Gaspard imfejjaq
  • Sidtna ta' Guadalupe
  • Il-Milied ta' Kelinu
  • Tancredi
  • Rica u Tancredi
  • It-Tfajla li pinġiet imrewħa
  • Seba' Sigħat
  • Pjanista u Mara
  • Dinja Tiegħu
  • Ulied il-Qanfud