Ġorġ Pisani

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Ġorġ Pisani bil-korteżija tal-Bażilika ta' San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex

Ġorġ Pisani (Ir-Rabat, Għawdex, 6 ta' Mejju 1909 - 24 ta’ Frar 1999) kien kittieb Malti.

Ġorġ Pisani jibqa’ magħruf l-aktar għall-importanza li jagħti lil Għawdex bħala post sabiħ u mimli sliem. Waqt li jitkellem dwar bosta problemi soċjali u umani, l-aħjar xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-imqades u mill-imkejjen tal-qedem. Aktarx għalhekk li Ġużè Chetcuti jsejjaħlu "l-poeta tal-istorja" għax għadd ġmielu ta’ poeżiji li kiteb għandhom tema preistorika bħal Ħaġar Qim, Il-Ġgantija t’Għawdex u Għar Dalam. Imma kien magħruf ukoll bħala l-poeta taż-żgħożija, kif kiteb il-Prof. Ġużè Aquilina fl-1945 fil-prefazju tal-ktieb ta’ Pisani, Il-Għid taż-Żgħożija: "Tneħħi… l-waqtiet suwed ta’ qtigħ il-qalb jew disperazzjoni, l-akbar motiv tal-poeżija ta’ Pisani tibqa’ ż-żgħożija qalbiena li tħares ’il quddiem mimlija ħeġġa u mgħaġġla fit-tiġrija tal-ħajja."

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Ġorġ Pisani twieled ir-Rabat, minn Pawlu, negozjant tal-inbid Ghawdxi, u Tereża mwielda Calleja, Maltija, li kienet tgħix Għawdex flimkien mal-familja tagħha. Għex it-tfulija tiegħu f’dar kbira fi Triq it-Tiġrija, illum magħrufa bħala Triq ir-Repubblika, li tista’ tgħid hi l-arterja prinċipali tal-gżira. Ċensu Tabone li sar President tar-Repubblika ta' Malta, kien kuġinuh u kien joqgħod bieb ma bieb miegħu. Attenda l-iskola primarja tal-Gvern, imbagħad daħal il-Liċeo t’Għawdex.

Fl-adoloxxenza, Pisani ħass is-sejħa reliġjuża u beda n-novizzjat mal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini. Fl-Ordni Franġiskan, Pisani kellu l-isem ta' Fra Alipju. Hemmek huwa għamel studji avvanzati fil-letteratura klassika u t-teoloġija. Kien f'dan iż-żmien li beda jikteb poeżiji bil-Malti fir-rivista tal-Franġiskani Kapuċċini L-Immakulata. Iżda dan ma' kienx l-ewwel attentat għall-kitba tal-poeżija ta' Pisani. Huwa stess jistqarr li l-ewwel attentat ta' poeżija tiegħu kienet “sunett” tal-festa fl-okkażjoni tal-festa tal-Assunta. Kien ghamillu inkoraġġiment sabiex jikteb, Monsinjur Luigi Vella, rumanzier, poeta, teologu u kittieb Għawdxi.

Wara li ħalla l-kunvent, Pisani beda l-karriera tiegħu ta' għalliem. F'dan iż-żmien ikkolabora ma' E.B. Vella fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jinġabar materjal didattiku ghall-kotba tat-tgħalim tal-Malti Ġabra ta’ Ward li gew stampati fl-1930. Pisani nħatar l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo t'Għawdex fl-1935. Kien f’dan l-istess żmien li Ġorġ Pisani introduċa l-istudju tal-Malti fis-Seminarju t'Għawdex u fl-1936 introduċa t-tagħlim tal-Malti lill-għalliema Għawdxin tal-iskejjel primarji. Fl-1935 inħatar l-ewwel surmast tal-Malti fil-Liċeo.

Fl-1940 daħal jaħdem bħala traduttur u aktar tard bħala ko-editur tal-Information Service Bulletin bil-Malti fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni, il-Belt Valletta. Fl-istess żmien għallem it-Taljan u l-Malti fl-iskola sekondarja tal-Bniet, fil-Belt u lill-istudenti bniet tas-Sacred Heart f’San Ġiljan. Ġorġ Pisani sar Assistent Uffiċjal tal-Informazzjoni għal Għawdex fl-1942, u ħmistax-il sena wara laħaq Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Fl-1957 sar l-ewwel Uffiċjal għall-Informazzjoni.

Fl-4 ta’ Novembru 1963 Pisani żżewweġ lil Mary Rose Formosa u kellhom tifel wieħed. Pisani baqa’ fis-servizz mal-gvern sa Ġunju 1972.

Ġorġ Pisani miet ta’ disgħin sena wara ħajja twila mimlija attività fil-ħajja kulturali Għawdxija.

Pisani miss bosta fergħat tal-letteratura:

Ġabriet ta' poeżija[immodifika | immodifika s-sors]

  • L-Għid taż-Żgħożija (1945),
  • Il-Waltz tad-Dellijiet (1951),
  • Melodiji u Kuluri (1953),
  • It-Trijonf u Poeziji Ohra (1984).

Wara mewtu, fis-sena 2000, il-Professur Oliver Friggieri ħareġ antoloġija mill-kotba kollha ta' Pisani bl-isem Ġorġ Pisani - Poeżiji.

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Ġabra tal-Qamħ (1945),
  • Is-Sengħa ta' l-Imħabba (1945),
  • L-Għanja tar-Rebbiegħa (1947),
  • Il-Kewkba (1949),
  • Apoteosi (1978),
  • Is-Sigriet ta' Suor Kristina (1978).

Rumanzi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Għoxrin Novella (1946),
  • Beraq u Qawsalli (1976),
  • Żerniq fuq l-Għoljiet (1982).

Oħrajn[immodifika | immodifika s-sors]

  • Evviva l-Ħajja (saġġi),
  • Għawdex Joħlom fil-Leġġendi (studji folkloristiċi) (1980),
  • Mill-Gzira tal-Ħolm (studji folkloristiċi) (1995),
  • Id-Duwa tal-Maddalena (studji folkloristiċi) (2000) (wara mewtu).

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Pisani rebaħ għadd ta’ premjijiet letterarji, fosthom dawk imnedija mill-Għaqda tal-Malti għal-Leħen il-Malti u l-Pronostku Malti fl-ewwel snin tat-tletinijiet. Fl-1977 ħa l-ewwel post fil-Malta Literary Award għar-rumanz Beraq u Qawsalli u sitt snin wara t-tieni post bir-rumanz Żerniq fuq l-Għoljiet. Ingħata l-premju Città di Valletta fl-1983 u f’għeluq it-tmenin sena tiegħu l-Akkademja tal-Malti tatu ġieh f'lejla mużiko-letterarja.

Fl-2001, twaqqaf monument bl-istatwa ta' Ġorġ Pisani fi Triq Putirjal, ir-Rabat, Ghawdex. L-istatwa tal-bronż hija x-xogħol tal-iskultur Alfred Camilleri Cauchi.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]