Università ta' Malta
Data meta nħoloq | 1769 |
---|---|
Short name | UM, UM, UM |
Mottu (test) | Ut Fructificemus Deo |
Pajjiż | Malta |
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstab | L-Imsida |
Post | L-Imsida |
Koordinati | 35°54′9″N 14°29′0″E |
Membru ta' | Mediterranean Universities Union, Utrecht Network, European University Association, Agence universitaire de la Francophonie |
Owner of | Old University Building, Valletta |
Jieħu post | Collegium Melitense |
IPv4 routing prefix | 94.138.252.0/22, 94.138.224.0/20, 94.138.240.0/21 |
Sit uffiċjali | https://www.um.edu.mt/ |
Grants | Baċellerat tal-Arti, Bachelor of European Studies, Executive Master of Business Administration, Bachelor of Accountancy |
L-Università ta' Malta hi l-ogħla istutuzzjoni edukattiva pubblika fir-Repubblika ta' Malta u għandha l-kampus tagħha l-Imsida. Hi membru tal-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet tal-Commonwealth.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-Università ta' Malta taf il-bidu tagħha lill-Collegium Melitense li twaqqaf b'intervenzjoni diretta mill-Papa fit-12 ta' Novembru 1592, Dan il-kulleġġ kien immexxi mill-Ġiżwiti fuq l-istess linji tal-kulleġġi li kellhom f'pajjiżi oħra magħrufin bħala Collegia Externorum, għall-edukazzjoni ta' dawk li ma kinux se jsiru Ġiżwiti. Bis-saħħa ta' bolla tal-Papa Piju IV tad-29 ta' Awwissu 1561, li iktar tard ġiet ikkonfermata b'bolla oħra ta' Papa Gregorju XIII fid-9 ta' Mejju 1578, il-Ġiżwiti ngħataw l-awtorità li jikkonferixxu l-lawrji ta' Magister Philosophiae u Doctor Divinitatis. Però l-att li waqqaf il-kulleġġ speċifika li barra l-Filosofija u t-Teoloġija għandhom jiġu mgħallma wkoll suġġetti oħra bħall-Grammatika u l-istudji Umanistiċi. Il-Kulleġġ fetaħ fit-8 ta' Marzu 1593 f'dar fil-belt Valletta li kienet isservi ta' skola u reżidenza għal disa' Ġiwiti. Il-bini tal-"Collegium Melitense" beda fl-1595. Fi żmien sentejn il-Ġiżwiti kienu diġà marru f'dal-bini ġdid.
Wara li ntemmet il-pesta tal-1675, il-Gran Mastru Nicolas Cotoner ħatar lil Fra Dr Giuseppe Zammit bħala lettore fl-Anatomija u l-Kirurġija fis-Sacra Infermeria fid-19 ta' Ottobru 1676. Dan it-tentattiv biex jiġi formalizzat it-tagħlim tal-mediċina fl-isptar tal-Ordni, ħafna jqisuh bħala l-bidu tal-iskola medika. Zammit waqqaf l-ewwel bibljoteka medika fil-gżejjer kif ukoll ġnien ta' ħxejjex mediċinali fil-foss tal-Forti Sant'Iermu.
Fl-1768 il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca keċċa l-Ġiżwiti minn Malta kif kien sar fir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, fi Franza, fl-Imperu Spanjol u f'Parma. Wara t-tkeċċija tal-Ordni tal-Ġiżwiti, Pinto approprija d-dħul kollu mill-proprjetà tagħha fil-gżejjer bl-għan li jwaqqaf Pubblica Università di Studi Generali. Pinto ffirma d-digriet li waqqaf l-Università fit-22 ta' Novembru 1769 wara li kien awtorizzat li jagħmel hekk bil-Brevi Appostoliku, Sedula Romani Pontifici, li rċieva fl-20 ta' Ottubru 1769. L-universitá baqgħet tuża l-bini tal-kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Triq San Pawl fil-belt Valletta. Fil-25 ta' Mejju 1771, twaqqaf Collegio Medico bħala wieħed mill-fakultajiet tal-Università. Meta twaqqfet l-università, il-Principe dell’Accademia dei Medici kien il-kirurgu Michelangelo Grima li kellu wkoll il-katedra tal-Anatomija u Kirurġija flimkien fl-iskola medika, waqt li l-Professur tal-Mediċina kien Giorgio Locano.
L-ewwel rettur tal-università kien Dun Roberto Costaguti membru tal-Ordni tas-Serviti li fis-snin ta' qabel kien għamel fama bħala predikatur. Inġabu għadd ta' professuri barranin biex jgħinu fit-twaqqif tal-università u dawn ħadu l-ħatra tagħhom f'Ġunju tal-1771. Kienu joqogħdu kollha flimkien fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti. Jidher li l-fakultà tal-mediċina biss kellha l-għalliema kollha minn Malta u din saret tradizzjoni li baqgħet tinżamm.
Ftit wara l-mewt ta' Pinto, is-suċċessur tiegħu il-Gran Mastru Francisco Ximenes de Texada naqqas in-numru ta' katedri u keċċa l-għalliema barranin kollha bħala miżura ekonomika. Napuljun abolixxieha ħamest ijiem wara l-wasla tiegħu fit-18 ta' Ġunju 1798 u matul l-okkupazzjoni Franċiża l-unversità saret istituzzjoni tal-edukazzjoni fuq mudell repubblikan. Meta Malta saret protettorat Brittaniku fl-1800 Sir Alexander Ball reġa’ waqqaf l-Università u ħatar lill-Kanonku Francesco Saverio Caruana bħala Rettur fit-28 ta’ Ottubru 1800, bħala rikonoxximent tas-servizz li kien ta fil-qawmien kontra l-Franċiżi.
L-ewwel Rettur maħtur mill-Gvernatur Sir Thomas Maitland fil-bidu tal-ħakma Brittanika kien il-patri Dumnikan Gerolamo Inglott, Professur tal-Filosofija. Matul il-perjodu Ingliż, l-Università għaddiet minn sensiela ta’ bidliet fl-istatuti u r-regolamenti tagħha sabiex tiġi timxi bħall-universitajiet fir-Renju Unit. L-istemma attwali u l-motto 'Ut Fructificemus Deo' kienu proposti fl-1 ta’ Marzu 1923 mir-Rettur, il-Professur Sir Temistokle Zammit. Bejn l-1937 u meta Malta saret Repubblika fl-1974 l-Università kisbet id-dritt li tuża l-kelma 'Rjali' fit-titlu tagħha.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, issaħħu l-Librerija u l-istrutturi ta’ appoġġ. Fl-1959 infetħu l-Evans Laboratories biex jospitaw il-Fakultà tax-Xjenza ħdejn l-isptar il-qadim tal-Kavallieri fil-Belt Valletta, u fl-1968 infetaħ il-bini ta’ Skola Medika ġdida ħdejn l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa. Fl-istess żmien ġie inawgurat il-Kampus il-ġdid fl-Imsida.
Il-Fakultà tal-Inġinerija Mekkanika u Elettrika (illum il-Fakultà tal-Inġinerija) u l-Fakultà tal-Edukazzjoni ngħaqdu mal-Università meta dak li kien il-Polytechnic (magħruf ukoll bħala l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija) ġie inkorporat magħha.
L-Università llum
[immodifika | immodifika s-sors]L-istruttura attwali tal-Università twaqqfet permezz tal-Att dwar l-Edukazzjoni ta’ l-1988.
Bħalissa studenti hemm madwar 11,000, fosthom madwar 600 barranin/fuq skambju, u qed jattendu korsijiet full-time jew part-time għal Grad jew għal diploma, li ħafna minnhom jimxu bis-sistema tal-moduli jew kredti. Il-korsijiet li jwasslu għal Grad huma mfassla b’mod li jipproduċu professjonisti kkwalifikati ħafna, b’esperjenza fir-riċerka, li ’l quddiem jokkupaw karigi ewlenin fl-industrija, fil-kummerċ u fis-settur pubbliku in ġenerali. L-Università llum għandha erbatax-il fakultà u numru ta’ ċentri u istituti interdixxiplinarji.
Fakultajiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Fakultà tal-Arti
- Fakultà tal-Ambjent mibni
- Fakultà tad-Dentistrija
- Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy
- Fakultà tal-Edukazzjoni
- Fakultà tal-Inġinerija
- Fakultà tal-Liġi
- Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija
- Fakultà tax-Xjenzi tas-saħħa
- Fakultà tax-Xjenza
- Fakultà tat-Teoloġija
- Facoltà tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni
- Fakultà tal-Midja u tax-xjenzi tal-Għerf
Xi lawrjati magħrufin
[immodifika | immodifika s-sors]- Ban Ki-Moon (laurea ad honorem)
- Ġorġ Borg Olivier, politiku
- Dom Mintoff, perit u politiku
- Edward de Bono, psikologu
- Katrine Camilleri, avvocato
- Eddie Fenech Adami, imħallef u politiku
- Karmenu Mifsud Bonnici, imħallef u politiku
- Ignazio Falzon, saċerdot u beatu
- Guido de Marco, politiku
- Lawrence Gonzi, politiku
- George Abela, politiku u president ta' Malta
- Alfred Sant, politiku
- Keith Azzopardi, diplomatiku
Retturi tal-Università
[immodifika | immodifika s-sors]Retturi | Dati | Osservazzjonijiet |
---|---|---|
Roberto Ranieri Costaguti | 1771 - 1773 | |
Francesco Bonnici | 1773 - 1776 | Prefett tal-istudji |
Domenico A. Malarbi | 1776 - 1780 | |
Giuseppe Angelo Moncada | 1780 - 1786 | |
Prospero Xuereb | 1787 - 1788 | |
Maturino Francesco de Muller | 1790 - 1797 | |
Giovanni Villet Bellet | 1798 | |
--- | --- | Okkupazzjoni Franċiża |
Francesco Saverio Caruana | 1800 - 1822 | |
Girolamo Saverio Inglott | 1822 - 1833 | |
Emmanuele Rossignaud | 1834 - 1841 | |
Thaddeus O'Malley | 1841 - 1842 | |
Pietro Paolo Psaila | 1842 - 1843 | Rettur proviżorju |
William Henry Butt | 1844 - 1854 | |
Saverio Schembri | 1854 - 1880 | |
Sigismondo Savona | 1880 - 1887 | |
Antonio Annetto Caruana | 1887 - 1896 | |
Napoleone Tagliaferro | 1897 - 1904 | |
Eduardo Magro | 1904 - 1920 | |
Temistokle Zammit | 1920 - 1926 | |
Thomas Agius | 1926 - 1934 | |
Robert Victor Galea | 1934 - 1948 | |
Joseph Albert Manché | 1948 - 1963 | |
Edwin J. Borg Costanzi | 1963 - 1980 | |
Donald H. Walwyn-James | 1980 - 1982 | |
George P. Xuereb | 1982 - 1987 | |
Peter Serracino Inglott | 1987 - 1988 | |
Edwin J. Borg Costanzi | 1988 - 1991 | |
Peter Serracino Inglott | 1991 - 1996 | |
Roger Ellul-Micallef | 1996 - 2006 | |
Juanito Camilleri | 2006 - 2016 | |
Alfred J. Vella | 2016 - | Rettur attwali |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Università ta' Malta (University of Malta) |