Aqbeż għall-kontentut

Yazd

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Yazd
 Iran
Amministrazzjoni
Stat sovranIran
Province of IranProvinċja ta' Yazd
County of IranKontea ta' Yazd
District of IranDistrett Ċentrali
Isem uffiċjali یزد
Ismijiet oriġinali یزد
Ġeografija
Koordinati 31°53′50″N 54°22′03″E / 31.8972°N 54.3675°E / 31.8972; 54.3675Koordinati: 31°53′50″N 54°22′03″E / 31.8972°N 54.3675°E / 31.8972; 54.3675
Yazd is located in Iran
Yazd
Yazd
Yazd (Iran)
Għoli 1,216 m
Demografija
Popolazzjoni 529,673 abitanti (2016)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0351
Żona tal-Ħin UTC+03:30
bliet ġemellati Jászberény, Homs, Ġakarta, Nizwa, Holguínu Herat
yazd.ir

Yazd (bil-Persjan: یزد [jæzd]), li qabel kienet magħrufa bħala Yezd,[1][2] hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Yazd, fl-Iran. Il-belt tinsab 270 kilometru (170 mil) fix-Xlokk ta' Esfahan. Skont iċ-ċensiment tal-2016, il-popolazzjoni tal-belt kienet ta' 529,673 ruħ.[3] Fl-2017 il-belt storika ta' Yazd tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4][5]

Minħabba ġenerazzjonijiet sħaħ ta' adattamenti fl-ambjent ta' deżert tal-madwar, Yazd għandha arkitettura Persjana unika. Hija mlaqqma bħala l-"Belt tat-Torrijiet tar-Riħ" (bil-Persjan: شهر بادگیرها, b'ittri Rumani: Shahr-e Badgirha) minħabba l-bosta eżempji ta' torrijiet tar-riħ fil-belt. Hija magħrufa sew ukoll għat-tempji tan-nar tagħha taż-Żoroastrijaniżmu, għall-ab anbars (ċisterni), għall-qanat (kanali taħt l-art), għall-yakhchal (postijiet tat-tkessiħ), għall-artiġjanat Persjan, għad-drappijiet minsuġa bl-idejn (termeh Persjan), għall-insiġ tal-ħarir, għall-ħelu Persjan qisu tajjar, u għad-dolċeriji antiki tagħha. Yazd hija magħrufa wkoll bħala l-Belt tar-Roti, minħabba l-istorja antka tagħha ta' ċiklisti, u l-ogħla għadd ta' roti per capita fl-Iran. Huwa rrapportat li l-kultura tar-roti fl-Iran oriġinat f'Yazd bħala riżultat tal-kuntatt mal-viżitaturi u mat-turisti Ewropej f'dan l-aħħar seklu.[6]

Yazd tfisser "safja" u "sagra"; il-Belt ta' Yazd tfisser il-"Belt Sagra [jiġifieri ta' Alla]". Fl-imgħoddi l-belt kienet magħrufa wkoll bħala Kath jew Isatis.[7]

L-evidenza arkeoloġika 12-il kilometru fit-Tramuntana ta' Yazd tissuġġerixxi li l-inħawi ilhom popolati minn żmien l-Imperu Akemenid (550 Q.K.-330 Q.K.).[8] Fl-Istorja Naturali tiegħu, Plinju x-Xiħ (li miet fid-79 W.K.) isemmi raħal fl-Imperu Partiku (247 Q.K.-224 AD) jismu "Issatis", li x'aktarx kien marbut mal-isem ta' Asagarta/Istachae/Sagartjani.[9] B'hekk, xi studjużi ssuġġerew li isem Yazd oriġina minn Issatis (trażlitterata wkoll bħala Isatichae, Ysatis jew Yasatis), u li dan l-isem tal-aħħar beda jintuża fi żmien il-Medjani jew l-Akemenidi.[10]

Iż-żona li tinkludi lil Yazd bdiet tikseb prominenza għall-ewwel darba fl-Antikità Aħħarija, l-iktar taħt l-Imperu tas-Sassanidi (224-651). Taħt Yazdegerd I (li rrenja bejn it-399 u l-420), ġiet stabbilita zekka f'Yazd (bil-marka taz-zekka "YZ" fuq il-muniti), li turi kemm il-belt kienet kisbet importanza.[11] Skont il-kronaka Persjana l-ġdida Tarikh-i Yazd ("L-Istorja ta' Yazd") tal-1441, Yazd ġiet stabbilita mill-ġdid minn "Yazdegerd, iben Bahram", jiġifieri Yazdegerd II (li rrenja fl-438-457).[12] Il-kelma yazd tfisser Alla.[13] Wara l-ħakma Musulmana tal-Persja, bosta Żoroastrijani wettqu migrazzjoni lejn Yazd mill-provinċji ġirien. Permezz tal-ħlas ta' imposta, Yazd tħalliet tibqa' Żoroastrijana anke wara l-ħakma, u l-Iżlam sar ir-reliġjon dominanti tal-belt maż-żmien biss.

Minħabba l-pożizzjoni remota tagħha fid-deżert u d-diffikultà tal-aċċess, Yazd fil-biċċa l-kbira ma ġietx affettwata minn battalji kbar u mill-qerda u t-tifrik tal-gwerra. Pereżempju, kienet post għall-kenn għal dawk li kienu jaħarbu mill-qerda f'partijiet oħra tal-Imperu Persjan matul l-invażjoni tal-Mongoli. Fl-1272 Marco Polo żar il-belt u enfasizza l-industrija tal-insiġ tal-ħarir fin tal-belt. Fil-ktieb Il-Vjaġġi ta' Marco Polo, huwa ddeskriva lil Yazd b'dan il-mod:

Hija belt twajba u nobbli, u għandha kummerċ kbir. Hawnhekk jinsġu kwantitajiet ta' tessut partikolari tal-ħarir magħruf bħala ta' Yazd, li l-merkanti jieħdu f'bosta kwartieri biex jiddisponu minnu. Meta tiġi biex titlaq minn din il-belt biex tkompli l-vjaġġ tiegħek, iddum tivvjaġġa għal sebat ijiem fil-pjanuri kbar, u ssib il-kenn jilqgħek fi tliet postijiet biss. F'din it-triq hemm ħafna boskijiet fini li jipproduċu t-tamal, pjuttost aċċessibbli; u fihom wieħed jista' jikkaċċja u jiddeverti bl-arti tal-falkunerija, peress li hemm bosta ħaġliet u summien, kif ukoll abbundanza ta' annimali tal-kaċċa; b'hekk il-merkanti li jgħaddu minn hemm jistgħu jgħaddu ż-żmien b'diversi modi. Hemm ukoll ħmir selvaġġi, ħlejqiet tassew ħelwin. U fl-aħħar, wara dawk is-sebat ijiem ta' vvjaġġar fil-pjanura, tasal f'renju fin imsejjaħ Kerman. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

It-Torri tas-Silenzju ta' Yazd.

Għal żmien qasir, Yazd kienet il-belt kapitali tad-dinastija Mużaffarida fis-seklu 14, u ġiet assedjata bla suċċess fl-1350-1351 mill-Inġuwidi taħt Shaikh Abu Ishaq. Il-Moskea tal-Ġimgħa (jew Kongregazzjonali), x'aktarx l-ikbar attrazzjoni arkitettonika tal-belt, kif ukoll binjiet importanti oħra, imorru lura għal dan il-perjodu. Matul id-dinastija Qajar (is-seklu 18), il-belt ġiet immexxija mill-Khan Bakhtiari.

Taħt it-tmexxija tas-Safavidi (is-seklu 16), xi nies wettqu migrazzjoni minn Yazd u insedjaw żona li llum il-ġurnata tinsab fil-fruntiera bejn l-Iran u l-Afganistan. L-insedjament, imsejjaħ Yazdi, kien jinsab f'dik li issa hija magħrufa bħala l-belt ta' Farah fil-provinċja bl-istess isem fl-Afganistan. Sal-lum il-ġurnata, in-nies minn dawn l-inħawi jitkellmu b'aċċent li jixbah ħafna lil dak tal-poplu ta' Yazd.

Waħda mill-affarijiet notevoli dwar Yazd hi l-kultura tagħha ċċentrata fuq il-familja. Skont l-istatistika uffiċjali mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għar-Reġistru Ċivili tal-Iran, Yazd hija fost it-tliet bliet bl-iżjed rata baxxa ta' divorzji fl-Iran.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Storika ta' Yazd ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[4]

Atash Behram.

Lingwa u gruppi etniċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-maġġoranza tan-nies f'Yazd huma Persjani. Jitkellmu bil-Persjan b'aċċent ta' Yazd, li huwa differenti mill-aċċent Persjan ta' Tehran.

Il-biċċa l-kbira tan-nies f'Yazd huma Musulmani Xiiti. Yazd hija belt konservattiva, tradizzjonalista u tassew reliġjuża.[14] Diversi tradizzjonijiet tal-belt huma marbuta ma' festi u okkażjonijiet Musulmani tal-ġemgħa, li b'mod prinċipali huma purċissjonijiet imsejħa azadari li jsiru biex ifakkru l-avvenimenti li esperjenzaw il-martri Iżlamiċi ewlenin u figuri importanti oħra. Dawn l-avvenimenti pubbliċi kbar ħolqu sensiela ta' spazji, li peress li l-biċċa l-kbira huma qrib monumenti urbani importanti, jintużaw fi żminijiet oħra bħala ċentri li minnhom il-viżitaturi jistgħu jesploraw l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt.[15]

Fil-belt hemm popolazzjoni mdaqqsa ta' Żoroastrijani. Fl-2013, Sepanta Niknam ġie elett fil-kunsill tal-belt ta' Yazd u sar l-ewwel kunsillier Żoroastrijan fl-Iran. Is-santwarju ta' Pir-e-Naraki huwa waħda mid-destinazzjonijiet importanti tal-pellegrinaġġi Żoroastrijani,[16] fejn issir kongregazzjoni annwali u matul is-sena jsiru żjarat frekwenti; is-santwarju issa sar attrazzjoni turistika tal-belt ukoll. Il-ġrajja tal-aħħar prinċep Persjan li żar Yazd qabel il-wasla tal-Iżlam iżżid l-importanza tas-sit. Tali trasformazzjoni seħħet diversi drabi.

Fl-imgħoddi kien hemm ukoll komunità relattivament kbira ta' Lhud f'Yazd, madankollu, wara l-ħolqien ta' Iżrael, bosta marru jgħixu hemmhekk għal raġunijiet differenti. L-eks President ta' Iżrael Moshe Katsav huwa eżempju minnhom.

Skont iċ-ċensiment tal-2006, il-popolazzjoni tal-belt ta' Yazd kienet ta' 423,006 ruħ f'114,716-il unità domestika.[17] Skont iċ-ċensiment ta' wara, tal-2011, il-popolazzjoni tal-belt kienet ta' 486,152 ruħ f'141,572 unità domestika.[18] Fiċ-ċensiment tal-2016, il-popolazzjoni żdiedet għal 529,673 ruħ f'158,368 unità domestika.

Fi żmien il-Qajar, parti kbira mit-tribù Kord-Qeshlaqi Kurda f'Piranshahr fil-Majjistral tal-Iran ġiet ittrasferita lejn il-bliet ta' Yazd u ta' Mehriz u l-kwartieri tagħhom imsejħa "Kordmahaleh" għadhom preżenti fil-partijiet l-iktar antiki taż-żewġ bliet.

Popolazzjoni storika
Sena Pop. ±% p.a.
1986 230,483 —    
1991 275,298 +3.62%
1996 326,776 +3.49%
2006 432,194 +2.84%
2011 486,152 +2.38%
2016 529,673 +1.73%
Sors:[19]

Siti storiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Yazd hija ċentru importanti tal-arkitettura Persjana. Minħabba l-klima tagħha, għandha wieħed mill-ikbar networks ta' qanat (sistemi tal-provvista tal-ilma taħt l-art) fid-dinja, u l-bennejja tal-qanat minn Yazd jitqiesu bħala dawk bl-ikbar ħiliet fl-Iran.

Sabiex jindirizzaw is-sjuf estremament sħan, bosta binjiet antiki f'Yazd għandhom torrijiet tar-riħ mill-isbaħ kif ukoll żoni kbar taħt l-art.

Il-belt fiha wkoll eżempji mill-aqwa ta' yakhchals, li kienu jintużaw għall-ħżin tas-silġ mill-glaċieri fil-muntanji fil-qrib. Yazd hija wkoll waħda mill-ikbar bliet li nbniet kważi għalkollox mit-tajn.

Il-wirt ta' Yazd bħala ċentru taż-Żoroastrijaniżmu huwa importanti wkoll. Fil-periferiji hemm Torri tas-Silenzju, u l-belt għandha ateshkadeh b'ħuġġieġa li jingħad li ilha mixgħula kontinwament mill-470 W.K. Iż-Żoroastrijani huma minoranza sinifikanti tal-popolazzjoni tal-belt, madwar 20,000-40,000 ruħ jew 5 sa 10 fil-mija.

Il-mawżolew tal-brikks tas-seklu 11 u s-santwarju ta' Davāzdah Imām huwa l-eqdem binja fil-belt.[20]

Mibnija fis-seklu 12 u għadha tintuża, il-Moskea tal-Ġimgħa ta' Yazd hija eżempju tal-ifjen mużajk Persjan u ta' arkitettura eċċellenti. Il-minareti tagħha huma l-ogħla fil-pajjiż. Qrib il-moskea hemm ukoll il-Qabar ta' Sayyed Rukn ad-Din.

Yazd għandha klima sħuna tad-deżert (BWh skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Hija l-iżjed belt kbira niexfa fl-Iran, b'preċipitazzjoni fis-sena ta' 60 millimetru (2.4 pulzieri) u 14-il jum biss bil-preċipitazzjoni. It-temperaturi tas-sajf spiss jaqbżu l-40 °C (104 °F) meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha, b'umdità baxxa. Anke billejl, it-temperaturi fis-sajf ikunu pjuttost għoljin. Fix-xitwa, il-jiem jibqgħu miti u xemxin, iżda filgħodu l-arja u s-sħab baxx jikkawżaw temperaturi kesħin li xi kultant jinżlu sew taħt iż-0 °C (32 °F).

Data klimatika għal Yazd (1951-2010, temp. normali u rekord fl-1951-2020)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 27.0

(80.6)

29.4

(84.9)

35.2

(95.4)

38.0

(100.4)

41.0

(105.8)

44.1

(111.4)

45.6

(114.1)

45.6

(114.1)

42.0

(107.6)

36.4

(97.5)

30.8

(87.4)

28.5

(83.3)

45.6

(114.1)

Temp. għolja medja ta' kuljum f'°C (°F) 12.7

(54.9)

16.0

(60.8)

21.0

(69.8)

26.9

(80.4)

32.5

(90.5)

38.1

(100.6)

39.6

(103.3)

38.0

(100.4)

34.5

(94.1)

27.8

(82.0)

19.9

(67.8)

14.5

(58.1)

26.8

(80.2)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 6.4

(43.5)

9.3

(48.7)

14.2

(57.6)

19.9

(67.8)

25.3

(77.5)

30.5

(86.9)

32.3

(90.1)

30.2

(86.4)

26.3

(79.3)

19.9

(67.8)

12.7

(54.9)

7.8

(46.0)

19.6

(67.2)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) -0

(32)

2.6

(36.7)

7.4

(45.3)

12.9

(55.2)

18.0

(64.4)

22.8

(73.0)

24.9

(76.8)

22.3

(72.1)

18.1

(64.6)

12.0

(53.6)

5.5

(41.9)

1.1

(34.0)

12.3

(54.1)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −14

(7)

−10.1

(13.8)

−7

(19)

0.0

(32.0)

2.0

(35.6)

11.0

(51.8)

16.0

(60.8)

12.0

(53.6)

2.0

(35.6)

−3

(27)

−10

(14)

−16

(3)

−16

(3)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 12.2

(0.48)

7.6

(0.30)

12.5

(0.49)

7.3

(0.29)

3.6

(0.14)

0.3

(0.01)

0.2

(0.01)

0.1

(0.00)

0.1

(0.00)

1.2

(0.05)

4.1

(0.16)

10.0

(0.39)

59.2

(2.32)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni 4.8 3.5 4.8 4.3 2.2 0.3 0.2 0.1 0.1 0.8 2.2 3.7 27
Medja ta' jiem bil-borra 2.1 0.8 0.2 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.1 0.8 4
Umdità relattiva medja (%) 54 44 37 32 25 18 17 17 19 27 38 50 32
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 194.1 210.3 225.4 246.2 302.7 343.1 347.2 346.1 316.4 286.9 226.2 200.3 3,244.9
Sors 1:[21]
Sors 2:[22]

Yazd minn dejjem kienet magħrufa għall-kwalità tal-ħarir u tat-twapet tagħha u llum il-ġurnata l-belt hija waħda miċ-ċentri industrijali tal-Iran għall-produzzjoni tat-tessuti. Hemm ukoll industrija konsiderevoli taċ-ċeramika u tal-materjali tal-kostruzzjoni, kif ukoll tad-dolċeriji u tal-ġojjellerija. Parti sinifikanti mill-popolazzjoni tal-belt hija impjegata f'industriji oħra, inkluż l-agrikoltura, il-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib, il-metallurġija, u l-manifattura tal-makkinarju. Hemm għadd ta' kumpaniji involuti fl-industrija dejjem tikber tat-teknoloġija informatika, l-iktar fil-manifattura ta' materjali primarji bħal kejbils u konnetturi. Attwalment, Yazd tospita l-ikbar manifattur tal-fibra ottika fl-Iran.

Id-dolċeriji ta' Yazd huma magħrufa sew fl-Iran kollu u ilhom sors ta' turiżmu għall-belt. Il-ħwienet tad-dulċiera (khalifehs jew esperti) iżommu r-riċetti tagħhom sigrieti, u ħafna baqgħu jaħdmu f'negozju privat tal-familja għal bosta ġenerazzjonijiet. Il-baklava, il-ghotab u l-pashmak huma l-iżjed ħelu popolari fil-belt.

Fis-sena 2000, infetaħ il-Mużew tal-Ilma ta' Yazd li għandu għall-wiri reċipjenti tal-ħżin tal-ilma u teknoloġiji storiċi marbuta mal-ilma.

Yazd wessgħet iż-żoni industrijali tagħha mis-snin 80 tas-seklu 20. Bis-saħħa ta' mill-inqas tliet żoni industrijali prinċipali, b'iktar minn 70 fabbrika f'kull waħda, Yazd saret waħda mill-iżjed bliet avvanzati teknoloġikament tal-Iran.

Apparti li hija kkollegata mal-bliet Iranjani ewlenin permezz tal-Linji Ferrovjarji Iranjani, Yazd hija moqdija wkoll mill-Ajruport ta' Shahid Sadooghi.[23]

Lista ta' sindki ta' Yazd

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Eskandar Aslani (għall-ħabta tal-1979);
  • Muhammad-Ali Vahdati;
  • Ali-Akbar Farshi;
  • Muhammad-Hassan Khorshidnam;
  • Hosseyn A'laii;
  • Muhammad-Mahdi Sherafat;
  • Ali-Akbar Aramun;
  • Morteza Shayeq;
  • Ali-Akbar Mirvakili;
  • Mohammad Azim Zadeh (għall-ħabta tal-2017).
Khatami.

Residenti famużi

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Mohammad Khatami, eks President tal-Iran, li twieled f'Ardakan;
  • Mohammad Ali Jafari, kmandant tal-Armata tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran;
  • Mohammad Reza Aref, Viċi President tal-Iran mill-2001 sal-2005;
  • Mirza Mohammad Farrokhi Yazdi, poeta u politiku;
  • Vahshi Bafghi, poeta;
  • Habibollah Bitaraf, eks Ministru għall-Enerġija;
  • Moshe Katsav, eks President ta' Iżrael;
  • Mohammad-Ali Eslami Nodooshan, awtur Iranjan;
  • Mehdi Azar Yazdi, awtur tal-istejjer tat-tfal;
  • Reza Amrollahi, Kap tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika tal-Iran bejn l-1981 u l-1997;
  • Iraj Afshar, biblijografu, storiku u figura ikonika fil-qasam tal-istudji Persjani;
  • Ahmad Fardid, filosfu Iranjan prominenti u professur iddedikat u ta' ispirazzjoni;
  • Sharaf ad-Din Ali Yazdi, storiku Persjan tas-seklu 15;
  • Zia'eddin Tabatabaee, politiku Iranjan u Prim Ministru tal-Iran;
  • Reza Ardakanian, professur, politiku u eks Ministru għall-Enerġija tal-Iran;
  • Sems Kesmai, poeta;
  • Ardeshir Jamshid Khosraviani, newrokirurgu Iranjan prominenti u tabib iddedikat u ta' ispirazzjoni.
L-Università ta' Yazd.

L-Università ta' Yazd ġiet stabbilita fl-1988. Għandha kulleġġ tal-arkitettura speċjalizzat fl-arti u fl-arkitettura Persjani tradizzjonali. Yazd u l-irħula tal-madwar fihom l-istituti tal-edukazzjoni għolja li ġejjin:

  • l-Istitut tax-Xjenza u r-Riċerka ta' Yazd;
  • l-Università ta' Yazd;
  • l-Università Shahid Sadoughi tax-Xjenzi Mediċi u s-Servizzi tas-Saħħa;
  • l-Università Payam e Nour ta' Yazd;
  • l-Istitut tal-Edukazzjoni Għolja ta' Yazd (ACECR);
  • l-Università Azad Iżlamika ta' Bafq;
  • l-Università Azad Iżlamika ta' Maybod;
  • l-Università Azad Iżlamika ta' Yazd;
  • iċ-Ċentru ta' Informazzjoni Sampad ta' Yazd;
  • il-Park tax-Xjenza u t-Teknoloġija ta' Yazd;
  • l-Università tax-Xjenza Applikata ta' Yazd;
  • il-Kulleġġ Universitarju tal-Imam Java;
  • l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Barazande Muqadam (Tizhushan);
  • l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Shahid Sadoughi (Tizhushan);
  • l-Iskola Sekondarja ta' Shahid Sadoughi (Tizhushan);
  • l-Iskola Sekondarja ta' Farzanegan (Tizhushan);
  • l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Bahadori;
  • l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Farzanegan (Tizhushan);
  • l-Iskola tal-Edukazzjoni Għolja ta' Iranshahr.

Yazd hija ġemellata ma':

  1. ^ Yazd. Miġbur 2023-12-31.
  2. ^ Yezd (city). Volume 28. Miġbur 2023-12-31.
  3. ^ "Ċensiment tal-2016". web.archive.org. 2020-11-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-11-18. Miġbur 2023-12-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic City of Yazd". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
  5. ^ "Historical City Of Yazd Inscribed As World Heritage Site - Iran Front Page". ifpnews.com (bl-Ingliż). 2017-07-09. Miġbur 2023-12-31.
  6. ^ "GhoolAbad \ Yazd Popular Articles \ شهر دوچرخه". ghoolabad.com. Miġbur 2023-12-31.
  7. ^ "معنی یزد در فرهنگ لغات ها (دهخدا،معین و ... ) + سایر منابع اطلاعاتی | جدول یاب". jadvalyab.ir (bil-Persjan). Miġbur 2023-12-31.
  8. ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. p. 222. ISBN 978-90-04-43433-2.
  9. ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 222-223. ISBN 978-90-04-43433-2.
  10. ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 223. ISBN 978-90-04-43433-2.
  11. ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 227. ISBN 978-90-04-43433-2.
  12. ^ Choksy, Jamsheed K. (2020). "Yazd: a "Good and Noble City" and an "Abode of Worship"". In Durand-Guédy, David; Mottahedeh, Roy; Paul, Jürgen (eds.). Cities of Medieval Iran. Brill. pp. 225. ISBN 978-90-04-43433-2.
  13. ^ Steingass, Francis Joseph. A Comprehensive Persian-English dictionary, including the Arabic words and phrases to be met with in Persian literature. Londra: Routledge & K. Paul, 1892.
  14. ^ Michael M. J. Fischer (2003). University of Wisconsin Press (ed.). Iran: From Religious Dispute to Revolution. p. XV. ISBN 9780299184735.
  15. ^ "آشنایی با برخی آئین‌های عزاداری در استان یزد". همشهری آنلاین (bil-Persjan). 2012-11-24. Miġbur 2023-12-31.
  16. ^ "Pir-e Seti. Pir-e Naraki. Pilgrimage in Zoroastrianism". www.heritageinstitute.com. Miġbur 2023-12-31.
  17. ^ "Ċensiment tal-2006". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Ċensiment tal-2011". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-01-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Iran: Provinces, Major Cities & Towns - Population Statistics, Maps, Charts, Weather and Web Information". www.citypopulation.de. Miġbur 2023-12-31.
  20. ^ Anisi, Alireza (2009). "The Davāzdah Imām Mausoleum at Yazd: A Re-Examination". Iran. 47: 57–68.
  21. ^ "Climate & Weather Averages in Yazd, Iran". www.timeanddate.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
  22. ^ "Yazd Annual Weather Averages". WorldWeatherOnline.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-31.
  23. ^ "Yazd Transportation – Taxi, Train, Bus, and Airport Tips". SmarterTravel (bl-Ingliż). 2017-02-23. Miġbur 2023-12-31.