Aqbeż għall-kontentut

Val di Noto

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja ta' San Duminku, Noto

Val di Noto jew Vallo di Noto[1] (litteralment "il-Wied ta' Noto") hija żona storika u ġeografika li tinkludi t-tarf tax-Xlokk tal-gżira ta' Sqallija, dominata mill-promontorju tal-ġebla tal-ġir tal-għoljiet Iblei. Storikament, din iż-żona kienet waħda mit-tliet widien ta' Sqallija.

Val di Noto kienet ċirkoskrizzjoni amministrattiva li kienet tieħu ħsieb il-ġustizzja, it-teżor u qajla anke l-affarijiet militari tar-Renju ta' Sqallija minn żmien in-Normanni sa meta r-renju ġie abolit fl-1812. Fl-2002 tmien bliet Barokki ta' Sqallija fi ħdan dan il-wied tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Dawn huma Caltagirone, Catania, Militello, Modica, Noto, Palazzolo, Ragusa u Scicli.[3]

Ġeografija fiżika

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa ta' Sqallija b'Val di Noto bl-oranġjo

Il-wied kien jinkludi ż-żona tax-Xlokk tal-gżira ta' Sqallija, bejn il-provinċji ta' Ragusa u ta' Siracusa, u parti mill-provinċji ta' Catania, ta' Enna u ta' Caltanissetta, inkluż ix-xmajjar Salso, Dittaino u Simeto bħala konfini tal-Punent u tat-Tramuntana rispettivament, kif ukoll ix-xmara Amenano fit-Tramuntana jew Longane. Fl-imgħoddi l-wied kien jinkludi wkoll il-belt ta' Catania, li s-soltu titqies bħala parti minn Val Demone. Fil-fatt, il-belt kienet spiss tinsab dejjem qrib il-konfini bejn iż-żewġ widien u ċirkoskrizzjonijiet amministrattivi u kienet titqies bħala parti ta' wied jew ta' ieħor skont l-amministrazzjoni relattiva ta' dak iż-żmien.[4]

Iż-żona hija kkaratterizzata mill-għoljiet prinċipali Iblei u parti mill-għoljiet Erei. Il-preżenza ta' bosta xmajjar u rdumijiet twassal biex iż-żona titqies bħala kumplessa ferm ġeografikament. Ġeoloġikament, iż-żona hija ffurmata minn promontorju kbir tal-għoljiet Iblei magħmul minn saffi sedimentarji u saffi oħra fejn titfaċċa l-lava preistorika li kienet irriżultat mill-fenomeni tal-vulkaniżmu taħt l-għoljiet Iblei. Tul il-linja tat-Tramuntana ta' Val di Noto ġiet identifikata l-linja ta' kuntatt bejn il-plakka Ewroasjatika u tat-Tramuntana tal-Afrika. Dan in-nuqqas ta' stabbiltà ġeoloġika jwassal biex iż-żona titqies bħala b'riskju sismoloġiku qawwi, u dan ħareġ fid-dieher bit-terremoti tal-1542 u tal-1693. Il-veġetazzjoni, fejn mhijiex marbuta mal-għelejjel, hija tipika tal-makkja Mediterranja. L-insedjamenti prinċipali huma ddistribwiti fuq ġewwa tat-territorju, għalkemm xorta waħda hemm bliet u rħula qrib il-kosta.

Il-Knisja ta' Ragusa

L-iktar insedjament antik iddokumentat f'Val di Noto huwa dak ta' Akrai, ħdejn Palazzolo Acreide, li ġie stabbilit fis-664 Q.K. Din kienet l-ewwel kolonja tal-insedjament tal-Korinzji f'Siracusa.

L-insedjamenti ta' Val di Noto nqerdu għalkollox mit-terremot enormi tal-1693 li heżżeż il-gżira ta' Sqallija. Wara t-terremot, ħafna rħula reġgħu ġew rikostruwiti fuq siti ġodda għalkollox, fosthom Noto u Grammichele. Il-mexxejja ta' dak iż-żmien, ir-rejiet ta' Spanja, taw awtorità speċjali lin-nobbli Giuseppe Lanza biex jiddisinja mill-ġdid l-irħula mġarrfin, u rnexxielu jagħmel dan billi ddisinja l-irħula bi stil Barokk u Rinaxximentali.

L-insedjamenti ġodda ġew iddisinjati mill-ġdid bi pjazza kwadra fiċ-ċentru tagħhom bit-toroq jinbtu minnha. Il-binjiet ewlenin bħall-knejjes, il-kjostri u l-palazzi nbnew bħala punti fokali għat-toroq il-ġodda, u t-toroq stess inbnew qishom grilja. Bosta mill-irħula individwali reġgħu nbnew biex ikollhom karattru uniku, bħar-raħal ta' Grammichele li nbena b'għamla eżagonali bi pjazza kwadra fiċ-ċentru, magħmula minn knisja parrokkjali u muniċipju.

L-irħula reġgħu nbnew bl-istil Barokk Sqalli; l-iktar raħal notevoli huwa r-raħal ta' Noto stess, li issa sar destinazzjoni popolari tat-turiżmu bis-saħħa tal-arkitettura Barokka fina tiegħu.

Etimoloġija u l-ewwel sekli mingħajr dokumentazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' San Bartilmew ta' Scicli

L-oriġini etimoloġika tat-terminu Vallo ġiet diskussa b'mod wiesa' u ma teżistix ipoteżi waħda definittiva. B'mod ġenerali jingħad li ġej minn terminu Għarbi[5], spiss identifikat bħala wālī (وَالِ), jiġifieri "gvernatur" jew "viċirè". Madankollu, it-terminu jiddefinixxi l-maġistraturi tal-provinċji u mhux il-provinċji nfushom, li iktar jissejħu waliya (وَلِيَ). Skont l-istudjuż u Orjentalista Michele Amari, it-terminu vallis għandu jiġi interpretat bħala t-traduzzjoni bil-lingwa Latina tat-terminu ʾiqlīm (إقليم) (plural: ʾaqālīm), b'tifsiriet differenti fl-ewwel diplomi Normanni fejn it-"territorju" seta' jirreferi għal kwalunkwe belt, distrett jew provinċja; minkejja dan, din tibqa' biss ipoteżi. Fir-rigward tad-deklinazzjoni tat-terminu ntlaħaq qbil fuq l-użu tal-maskil, b'distinzjoni mil-lemma valle b'oriġini ferm differenti, għalkemm kemm-il darba kien hemm attribuzzjonijiet żbaljati tat-terminu u mhux xi ħaġa rari li d-deklinazzjoni tkun bil-femminil, jiġifieri la Val di Noto.[6]

L-isem Vallo di Noto oriġina minn isem il-belt ta' Noto, li attwalment tagħmel parti mill-konsorzju komunali ħieles ta' Siracusa u hija l-belt kapitali tiegħu. Minkejja l-ipoteżi ta' Amari li jattribwixxi lil Noto bħala s-sede tal-gvernatur tal-wied fl-epoka Iżlamika, fil-verità ma jeżisti l-ebda sors li jmur lura għal żmien l-Għarab fi Sqallija li jiddokumenta l-konfigurazzjoni tal-belt skont dik l-ipoteżi.[7]

Wieħed jista' jistaqsi pereżempju għaliex Val di Noto kellu jkun l-eċċezzjoni meta mqabbel maż-żewġ widien l-oħra ta' Val Demone u ta' Val di Mazara, li l-bliet kapitali tagħhom ma kellhomx x'jaqsmu mal-bliet li tawhom isimhom: isem Val Demone oriġina etimoloġikament mill-belt Biżantina ta' Demenna, u l-belt kapitali tiegħu kienet Messina, filwaqt li isem Val di Mazara oriġina etimoloġikament mill-belt ta' Mazara del Vallo, u ċ-ċentru prinċipali tiegħu kien Palermo, u mill-inqas qatt ma saret ipoteżi, la minn Amari u lanqas minn storiċi magħrufa oħra, li bħal ma jingħad għal Noto, anke Demenna u Mazara setgħu jirrappreżentaw il-bliet kapitali tal-Vallo.

It-taraġ famuż ta' Caltagirone

L-unika xrara ta' evidenza, fin-nuqqas totali ta' sorsi, hija l-avveniment storiku traġiku li wassal għall-qerda temporanja ta' Siracusa, il-belt kapitali ta' Sqallija kollha sal-ħakma tal-Għarab. B'hekk, Amari jagħmel l-ipoteżi li l-ħakkiema l-ġodda kienu jimirħu fuq l-għoljiet Iblei u ddisinjaw l-lokalità fl-għoljiet ta' Noto bħala ċ-ċentru maġġuri ġdid tat-territorju; fil-verità proprju l-għoljiet, jew mill-inqas il-pożizzjoni ġeografika strateġika ideali għad-difiża u biex jingħalqu qaqoċċa (ta' min ifakkar li f'Noto stkennet il-familja tal-aħħar emir Għarbi ta' Sqallija li miet jiġġieled fl-ilmijiet tal-port ta' Siracusa) x'aktarx li kien l-aspett komuni li kellhom ukoll it-tliet bliet li wasslu għall-ismijiet tal-Valli.

Dejjem skont Amari, wieħed jista' jissaponi li l-wied ħaddan fih lil Siracusa bħala s-sede amministrattiva tiegħu, għalkemm imbagħad lejn l-aħħar tas-seklu 14, jiġifieri diversi sekli wara l-istabbiliment preżunt tagħha, l-istess belt ġiet innominata bħala s-sede ta' Kamra Reġinali, jiġifieri "Stat fi ħdan l-Istat ta' Sqallija", u b'hekk kellha awtonomija amministrattiva fuq diversi bliet, u fosthom Noto ma tissemmiex.

Madankollu, ta' min jiftakar li malli Vallo di Noto ma baqax jeżisti, ġiet stabbilita l-provinċja ta' Siracusa taħt il-Borboni, mhux dik ta' Noto, bl-istess mod bħalma ġew stabbiliti ż-żewġ provinċji tal-Borboni ta' Messina u ta' Palermo li ħadu post il-widien rispettivi.

Storja suċċessiva

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' San Ġorġ, Modica

Vallo di Noto kellu jissostitwixxi l-Provinċja preċedenti ta' Siracusa, u minnha tnaqqas it-territorju li ntuża għall-kostruzzjoni tan-nukleu ta' Val Demone.[8] L-ewwel referenza għall-Vallo saret pjuttost tard meta mqabbel ma' Val Demone, kważi mitt sena wara, fl-1172.[9] Effettivament tressqet is-suppożizzjoni li t-tqassim fi tliet widien x'aktarx li saret qabel l-istabbiliment Normann tar-Renju u x'aktarx li b'hekk kien jeżisti iqlīm Iżlamiku diġà mill-bidu tal-okkupazzjoni Aglabida ta' Sqallija. B'hekk, jagħmel sens l-istabbiliment taħt Ruġġieru II fil-mument tat-twaqqif tar-Renju fl-1130.[10]

Il-funzjoni amministrattiva li kellu l-wied primarjament kien li jieħu ħsieb il-ġustizzja tal-parti tiegħu tar-Renju. Din il-funzjoni tnaqqset ferm, kif ġara anke fir-rigward tal-widien l-oħra, permezz tar-riforma ta' Federiku prevista fil-Kostituzzjonijiet ta' Melfi, li wasslet għat-twaqqif ta' żewġ Provinciae (li ngħataw it-titlu tal-istess istituzzjonijiet Rumani: Lilibetana u Siracusana) minkejja li nżamm ukoll it-titlu ta' Vallo.[11] Taħt Pietru I reġgħet ġiet stabbilita l-funzjoni amministrattiva tal-Vallo, abbażi tal-konfini tal-arċidjoċesi antika ta' Siracusa.[12] Fiċ-ċiklu ta' konċessjonijiet ta' Federiku IV li ngħataw matul is-snin 70 tas-seklu 14 minn Val di Noto, tneħħew il-capitanati tal-kontea ta' Modica u l-artijiet ta' Ragusa, Caltagirone, Lentini, Siracusa u forsi l-istess Noto.[13] Fir-riforma li ried Martinu I fil-Kostituzzjonijiet tal-1403 kien previst l-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonijiet oriġinarji tat-tliet Valli, madankollu ma kienx hemm applikazzjoni konkreta ta' dan kollu.[14]

Fl-1583, il-viċiré Marcantonio Colonna rriforma l-konfigurazzjoni politika tar-Renju, u reġa' stabbilixxa t-tliet Valli, li għal xi żmien taħt l-Aragoniżi kienu saru seba', u Val di Noto reġa' sar struttura unitarja, bl-istess konfini tal-iklim taż-żmien Iżlamiku, għalkemm fit-Tramuntana nbidlu kemxejn minħabba t-twessigħ ta' Val Demone lejn in-Nofsinhar li kiseb parti minn Val di Castrogiovanni, li nqasam bejn Val Demone u Val di Noto.[15] Val di Noto żamm il-funzjonijiet tiegħu sal-1812, u mbagħad ġie maqsum f'ċirkoskrizzjonijiet ferm iżgħar, jiġifieri id-distretti ta' Piazza, Terranova, Caltagirone, Modica, Noto u Siracusa.[16]

Il-fdalijiet tar-raħal ta' Angie ġew skoperti mill-ġdid mill-istoriku Tomas Fuentes fis-seklu 16. Skavi ulterjuri fil-bidu tas-seklu 19 mill-Baruni Gabrielle Ally żvelaw artefatti importanti mill-istorja bikrija tal-Lvant ta' Sqallija.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-plakka tal-UNESCO

Wara t-terremot tal-1693, iċ-ċentri urbani ewlenin ta' Val di Noto nqerdu kważi għalkollox. Ir-rikostruzzjoni suċċessiva tal-ewwel deċennji tas-seklu 18 wasslet biex il-bliet mifnija mit-terremot adottaw soluzzjonijiet arkitettoniċi u artistiċi li jikkaratterizzaw il-wied kollu. L-istil Barokk reġa' ffjorixxa u dan ġie rikonoxxut fl-2002 mill-UNESCO bit-tniżżil ta' Val di Noto fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2][17]

  1. Tommaso Fazello, "Della Storia di Sicilia - Deche Due", Volum 1, Palermo, p. 547.
  2. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Late Baroque Towns of the Val di Noto (South-Eastern Sicily)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-06.
  3. "Val di Noto - World Heritage Site - Pictures, Info and Travel Reports". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2022-03-06.
  4. Vito Maria Amico, Dizionario topografico della Sicilia, Gioacchino Dimarzio, Volum I, Palermo, Pietro Morvillo, 1855, pp. 282-283.
  5. Antonino Marrone, Circoscrizioni amministrative, compiti e reclutamento dei giustizieri siciliani dal 1282 al 1377 (PDF), in Mediterranea. Ricerche storiche, n. 21, aprile 2011, p. 17.
  6. Salvatore Chindemi, Siracusa e l'ex-prefetto di polizia di Palermo memoria di, 1848, pp. 15-16.
  7. Michele Amari, Storia dei Musulmani di Sicilia, Volume I, Firenze, Le Monnier, 1854, p. 465.
  8. Michele Amari, Storia dei Musulmani di Sicilia, Volume I, Firenze, Le Monnier, 1854, pp. 466-467.
  9. Henri Bresc, Jean-Michel Poisson, Limites internes de la Sicilie Médiévale, in Frontière et pleupement dans le monde méditerranéen au Moyen Âge. École française de Rome - Casa de Velázquez, Castrum 4, Madrid, 1992, pp. 323-326, ISBN 84-86839-34-3.
  10. Michele Amari, Storia dei Musulmani di Sicilia, Volume I, Firenze, Le Monnier, 1854, pp. 466-468.
  11. Guglielmo Capozzo, Memorie su la Sicilia, Volume II, Palermo, Tipografia di Bernardo Virzì, 1840, p. 567.
  12. Antonino Marrone, Circoscrizioni amministrative, compiti e reclutamento dei giustizieri siciliani dal 1282 al 1377, in Mediterranea. Ricerche storiche, n. 21, aprile 2011, p. 18.
  13. Antonino Marrone, Circoscrizioni amministrative, compiti e reclutamento dei giustizieri siciliani dal 1282 al 1377, in Mediterranea. Ricerche storiche, n. 21, aprile 2011, pp. 33-36.
  14. Francesco Testa, cap. 51 di re Martino, p. 164.
  15. Luigi Santagati, Viabilità e topografia della Sicilia antica (PDF), Volume I, La Sicilia del 1720, Palermo, Regione Siciliana, 2004, ISBN 88-88559-96-5. p. 46.
  16. Costituzione del regno di Sicilia, Cap. V, p. 10.
  17. "Le città tardo barocche del Val di Noto". web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2022-03-06.