Torri ta' Belém
Belém Tower (bil-Portugiż: Torre de Belém, pronunzjat [ˈtoʁ(ɨ) dɨ bɨˈlɐ̃ȷ̃]), uffiċjalment it-Torri ta' San Vinċenz (bil-Portugiż: Torre de São Vicente) huwa fortifikazzjoni tas-seklu 16 li jinsab f'Liżbona li serva bħala punt ta' imbarkazzjoni u ta' żbark għall-esploraturi Portugiżi u bħala daħla ċerimonjali għal Liżbona.[1] Inbena matul il-qofol tar-Rinaxximent Portugiż, u huwa eżempju tal-istil Manwelin Portugiż[2], iżda jinkorpora wkoll elementi ta' stili arkitettoniċi oħra.[3] L-istruttura nbniet bil-ġebla tal-ġir ta' lioz u hija magħmula minn bastjun u minn torri ta' erba' sulari jew ta' 30 metru (98.4 pied).[4]
Mill-1983, it-torri tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien mal-Monastero dos Jerónimos jew il-Monasteru tal-Ġlormini.[5] Spiss jitqies bħala simbolu ta' Żmien l-Iskoperti fl-Ewropa u bħala binja ikonika li tirrappreżenta l-Portugall jew Liżbona. Ingħad bi żball li t-torri nbena f'nofs ix-xmara Tagus u li issa jinsab qrib ix-xatt minħabba li x-xmara ġiet ridirezzjonata wara t-terremot ta' Liżbona fl-1755. Fil-fatt, it-torri nbena fuq gżira żgħira fix-xmara Tagus qrib ix-xatt ta' Liżbona.[6]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Lejn l-aħħar tas-seklu 15, ir-Re Ġwanni II ddisinja sistema ta' difiża għall-bokka tax-xmara Tagus li kienet tiddependi fuq il-fortizzi ta' Cascais u ta' São Sebastião (jew Torre Velha) f'Caparica fin-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara.[7] Dawn il-fortizzi ma kinux jipproteġu għalkollox il-bokka tax-xmara, u b'hekk kienet meħtieġa protezzjoni ulterjuri. Fil-"Kronaka ta' Ġwanni II" (bil-Portugiż: Chronica de D. Joao II), fl-1545[8], l-awtur Garcia de Resende afferma l-opinjoni tar-re li s-sistema ta' difiża ta' Liżbona ma kinitx adegwata, u li kien insista li jinbnew fortifikazzjonijiet tul id-daħla għax-xmara Tagus bħala suppliment għas-sistema ta' difiża eżistenti.[9] Għal dan l-għan, huwa ordna "li jinbena forti b'saħħtu", iżda laħaq miet qabel tfasslet il-pjanta. Ir-Re Manwel I tal-Portugall immodifika l-proposta għoxrin sena wara u ordna l-kostruzzjoni ta' fortifikazzjoni militari fuq in-naħa tat-Tramuntana tax-xmara Tagus f'Belém.[10] Fl-1513, Lourenço Fernandes kiteb ittra lil xi ħbieb tiegħu u rrefera għall-intenzjoni tar-re li jibni torri qrib Restelo Velho, peress li kien tal-fehma li kien essenzjali.
Il-proġett inbeda fuq gżejra bil-blat bażaltiku ftit 'il bogħod mix-xatt tax-xmara, u ntuża ftit mill-ġebel li nġabar biex jinbena l-Monasteru ta' Santa Marija ta' Belém. It-torri ġie ddisinjat mill-arkitett militari Francisco de Arruda[11], deskritt bħala "l-Imgħallem tax-xogħlijiet tal-forti ta' Belém" mir-Re Manwel, u fl-1516 huwa beda jirċievi s-763 blokka u l-504 ġebliet għall-kostruzzjoni tiegħu, imwassla minn Diogo Rodrigues, it-teżorier tal-proġett. Sakemm il-kostruzzjoni avvanzat, bastiment militari ta' 1,000 tunnellata msejjaħ Grande Nau (Vapur Kbir), armat sa snienu, baqa' jgħasses l-estwarju fil-bokka tax-xmara Tagus sat-tlestija tal-forti.[12][13]
Il-binja tlestiet fl-1519, sentejn biss qabel il-mewt tar-Re Manwel, u Gaspar de Paiva ġie stazzjonat temporanjament hemmhekk bil-kmand tal-fortizza f'idejh; l-istazzjonament tiegħu sar permanenti fil-15 ta' Settembru 1521, meta nħatar bħala l-ewwel Kaptan-Ġeneral, u l-fortizza ssejħet il-Kastell ta' San Vinċenz (bil-Portugiż: Castelo de São Vicente de Belém), f'ġieħ il-qaddis patrun ta' Liżbona.[14]
Fl-1571, Francisco de Holanda ta parir lill-monarka li kien meħtieġ li d-difiżi tax-xatt jittejbu sabiex il-belt kapitali tar-renju tkun imħarsa. Huwa ssuġġerixxa l-kostruzzjoni ta' forti "b'saħħtu u sod" li seta' jiddefendi faċilment lil Liżbona u li t-Torri ta' Belém "kellu jissaħħaħ, jissewwa u jitlesta... u li kien sewa ħafna flus mingħajr lanqas biss kien għadu tlesta". De Holanda ddisinja bastjun rettangolari mtejjeb b'diversi turretti. Fl-1580, wara ftit sigħat ta' battalja, il-gwarniġjon stazzjonat fit-torri arrenda quddiem il-qawwiet Spanjoli taħt il-kmand tad-Duka ta' Alba. Wara din it-telfa, il-pjan ta' taħt l-art tat-torri ntuża bħala ħabs sal-1830. Matul l-aħħar kwart tas-seklu 16 bdiet ukoll il-kostruzzjoni tal-Barrakki Filippini. Spazju rettangolari ta' żewġ sulari nbena fuq il-bastjun, u b'hekk it-torri ngħata l-profil viżiv li għandu attwalment, bi slaleb skolpiti tal-Ordni ta' Kristu u turretti msaqqfa b'qishom koppli żgħar.
Fl-1589, Filippu I tal-Portugall ordna lill-inġinier Taljan il-Patri João Vicenzio Casale jibni forti b'difiża tajba minflok "il-kastell inutli ta' San Vinċenz". L-inġinier bagħat tliet disinji u ppropona li l-bastjun jiġi mdawwar b'bastjun ieħor ikbar, iżda l-proġett qatt ma twettaq.
Kodiċi tal-1633 għall-familja Cadaval iddaħħal f'wieħed mill-artijiet, f'waħda mill-ħnejjiet tal-barrakki, u fl-ikbar erba' ħnejjiet ta' fuq nett tal-faċċata tan-Nofsinhar. B'mod simili, referenza għas-sena 1655 ġiet imnaqqxa fuq plakka li tpoġġiet mal-ħajt tat-Tramuntana tal-kjostru, u li ċċertifikat il-funzjoni tat-torri bħala punt ta' kontroll doganali għan-navigazzjoni tul ix-xmara Tagus; il-bastimenti kienu obbligati jħallsu taxxa malli jidħlu fil-port, li żdiedet maż-żmien.
Bejn l-1780 u l-1782, fir-renju ta' Marija I tal-Portugall, il-Ġeneral Guilherme de Valleré bena l-Forti ta' Bom Sucesso, b'batterija konnessa b'ħajt fil-Punent f'għamla ta' kuritur mat-torri. Meta l-qawwiet Franċiżi invadew lil Liżbona waqt il-Gwerra Peniżolari, uħud mit-truppi tagħhom ġew stazzjonati fit-torri mill-1808 sal-1814. Wara li l-Franċiżi rtiraw, Lord Beresford ta l-parir li l-batteriji tal-artillerija kostali kellhom jissaħħu tul ix-xmara Tagus, u nnota b'mod speċifiku li batteriji iktar b'saħħithom kellhom jitqiegħdu fuq il-ġnub tal-bastjun tat-torri, b'karrijiet biex jipproteġu aħjar lis-suldati, peress li l-ħitan kienu baxxi ħafna. Ir-Re Manwel I (1828-1834) uża s-sular ta' taħt l-art bħala ħabs għall-avversarj liberali tiegħu, filwaqt li sular ieħor kien jintuża bħala dwana għall-vapuri, sakemm id-dazju fuq il-bastimenti barranin ġie abolit fl-1833. It-torri ġie msaħħaħ militarment fl-1589 u fl-1809-1814.[15] Matul ir-renju ta' Marija II, Almeida Garrett ipprotesta kontra t-telqa tas-sit u taħt il-persważjoni tad-Duka ta' Terceira, saru rinnovazzjonijiet mill-inġinier militari António de Azevedo e Cunha. Huwa ġarraf il-Barrakki Filippini u estenda elementi "revivalisti" fl-1845-1846 (bħall-merluni msaħħa, il-balavostri tal-veranda fil-faċċata tan-Nofsinhar, il-gwarniċ b'qisu bizzilla fil-kjostru u n-niċċa bi xbieha tal-Madonna bil-Bambin).
Fl-1865-1867 arblu tas-sinjalar ġie installat fit-terrazza tax-Xlokk tal-binja u nbeda s-servizz tat-telegrafiku, filwaqt li nbniet fabbrika tal-gass fil-qrib, li kienet tipproduċi ħafna duħħan li wassal għal bosta protesti. L-ewwel tentattivi ta' preservazzjoni u ta' riabilitazzjoni tat-torri bdew fl-aħħar parti tas-seklu 20. L-ewwel, it-torri ġie ttrasferit lill-Ministeru għall-Finanzi fl-1940, li wettaq xogħlijiet żgħar ta' konservazzjoni. Imbagħad il-kwartieri militari fuq l-amberżuni tneħħew u nbena l-kjostru intern. Id-disinjatur tal-pajsaġġ arkitettoniku António Viana Barreto beda proġett ta' tliet snin fl-1953 biex jintegra t-torri mal-kosta lokali. Fl-1983 is-sit ospita s-17-il Wirja Ewropea tal-Arti, ix-Xjenza u l-Kultura, u twettqu diversi proġetti li jinvolvu l-binja, fosthom wieħed li għatta l-kjostru b'koppla trasparenti tal-plastik. Fl-istess sena t-Torri ta' Belém tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-binja ġiet ittrasferita lill-Instituto Português do Património Arquitectónico (prekursur ta' IGESPAR), li beda restawr sħiħ tal-binja minn Frar 1997 sa Jannar 1998; ir-restawr kien jinkludi t-tisħiħ tat-torri u tal-bastjun, it-tisħiħ tar-riffieda tal-gallarija tan-Nofsinhar b'vireg tal-azzar inossidabbli u reżina tal-epossi, it-trattament tal-ġonot tat-tkaħħil, u t-tindif strutturali ġenerali. L-istatwi ta' San Vinċenz ta' Saragossa u tal-Arkanġlu Mikiel ingħataw l-istess trattament. Fl-1999 il-proġett ingħata l-premju Europa Nostra għar-restawr estern.[16] It-Torri ta' Belém żdied fir-reġistru tas-Seba' Għeġubijiet tal-Portugall fis-7 ta' Lulju 2007.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]It-Torri ta' Belém jinsab max-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Tagus fil-parroċċa ċivili ta' Santa Maria de Belém, muniċipalità ta' Liżbona, aċċessibbli min-naħa tal-Punent tal-Avenida de Brasília permezz ta' pont żgħir. Fil-Lvant tat-torri hemm il-Monasteru tal-Ġlormini u fil-Punent hemm il-Forte do Bom Sucesso, filwaqt li fit-Tramuntana hemm ir-residenza tal-Gvernatur tat-torri, ir-residenza l-antika tal-Gvernatur tal-forti, u l-Kappella ta' San Ġlormu.
It-torri huwa iżolat tul ix-xatt tax-xmara, bejn Bom Sucesso u Pedrouços, fuq gżejra tal-blat bażaltiku tal-kumpless vulkaniku ġeomorfoloġiku ta' Liżbona-Mafra.[17] Għalkemm bosta gwidi sostnew li t-torri nbena f'nofs ix-xmara Tagus, u li issa jinsab qrib ix-xatt wara li t-terremot tal-1755 ridirezzjona x-xmara, dawn kienu żbaljati. Il-Ministeru għall-Kultura Portugiż u l-Istitut tal-Wirt Arkitettoniku jindikaw li t-torri nbena fuq gżejra qrib ix-xatt tax-xmara Tagus, fuq in-naħa opposta tax-xatt ta' Restelo. L-iżvilupp estenda l-kosta progressivament, u b'hekk ix-xatt tat-Tramuntana kulma jmur resqet iktar lejn in-Nofsinhar fix-xmara Tagus, u maż-żmien it-torri ġie integrat fix-xatt tax-xmara.[18]
It-Torri ta' Belém inbena bil-ġebla tal-ġir kannella-bajda lokali taż-żona ta' Liżbona u tal-inħawi msejħa lioz. Il-binja hija maqsuma f'żewġ partijiet: il-bastjun u t-torri ta' erba' sulari li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-bastjun.[19]
It-torri tas-seklu 16 jitqies bħala wieħed mix-xogħlijiet prinċipali tal-istil Manwelin Portugiż tal-Gotiku Aħħari. Dan joħroġ fid-dieher speċjalment mill-volti elaborati tiegħu, is-slaleb tal-Ordni ta' Kristu, id-disinji ta' sferi nawtiċi u ta' ċimi bl-għeqiedi magħmula fil-ġebel, li huma komuni għall-istil Manwelin organiku ispirat.
Esterna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanta tal-binja tikkonsisti minn torri rettangolari u bastjun eżagonali irregolari, bi ġnub ġejjin għat-tul, li joħroġ 'il barra lejn in-Nofsinhar tax-xmara. Bażikament huwa spazju artikolat kbir li jserraħ fuq ġebla orizzontali, mgħottija b'xogħlijiet tal-ġebel. Fl-angolu tal-Grigal tal-istruttura, protett minn ħajt difensiv bl-amberżuni, hemm pont tal-injam li jitla' u jinżel li jagħti aċċess għall-fortifikazzjoni, imżejjen b'motivi ta' pjanti, bl-istemma rjali fuqu u b'kolonni żgħar maġenbu, ikkomplementati bl-isferi nawtiċi. L-isferi nawtiċi Manwelini jidhru wkoll fid-daħla tat-torri, bħala simbolu tal-esplorazzjonijiet nawtiċi tal-Portugall, u kienu jintużaw fuq il-pavaljun personali tar-Re Manwel I biex jirrappreżentaw l-iskoperti Portugiżi matul ir-renju tiegħu.[20][21] Iċ-ċimi bl-għeqiedi dekorattivi u eleganti jindikaw ukoll l-istorja nawtika tal-Portugall u huma elementi komuni tal-istil Manwelin.
Fuq barra tal-bastjun t'isfel, il-ħitan għandhom spazji jew amberżuni għal 17-il kanun b'veduta għal fuq ix-xmara.[22] Is-sular ta' fuq tal-bastjun fih ħajt żgħir bi strutturi difensivi f'punti strateġiċi, imżejna b'tarki ġejjin għat-tond bis-salib tal-Ordni ta' Kristu mad-dawra tal-pjattaforma. Ir-Re Manwel I kien membru tal-Ordni ta' Kristu[23], u għalhekk is-salib tal-Ordni ta' Kristu jintuża bosta drabi fuq il-parapetti. Dawn kienu simbolu tas-setgħa militari ta' Manwel, peress li l-kavallieri tal-Ordni ta' Kristu pparteċipaw f'diversi ħakmiet militari f'dik l-epoka. It-turretti ċilindriċi fl-irkejjen li servew bħala torrijiet tal-għassa fihom ġebliet b'ornamenti żoomorfiċi u koppli qishom bil-mewġ mhux tas-soltu fl-arkitettura Ewropea u b'ħafna lavur. Il-bażijiet tat-turretti fihom immaġnijiet ta' annimali, inkluż waħda ta' rinoċeront. Dan ir-rinoċeront huwa meqjus bħala l-ewwel skultura ta' dan l-annimal fl-arti tal-Punent tal-Ewropa u x'aktarx huwa referenza għar-rinoċeront li Manwel I bagħat lill-Papa Ljun X fl-1515.[24]
Filwaqt li t-torri għandu stil Manwelin b'mod predominanti, jinkorpora fih ukoll karatteristiċi ta' stili arkitettoniċi oħra. Inbena mill-arkitett militari Francisco de Arruda, li diġà kien ħa ħsieb is-superviżjoni tal-kostruzzjoni ta' diversi fortizzi fit-territorji Portugiżi fil-Marokk. L-influwenza tal-arkitettura tal-Għarab fil-Peniżola Iberika toħroġ fid-dieher fit-tiżjin delikat, it-twieqi ġejjin għall-ponta, il-gallariji u l-koppli bil-mewġ tat-torrijiet tal-għassa.
It-torri fih erba' sulari, b'diversi sezzjonijiet, u b'ċisterna bil-volti fil-pjan terran. Fl-ewwel sular, hemm daħla rettangolari tħares lejn in-Nofsinhar, bi twieqi ġejjin għall-ponta fil-Lvant u fit-Tramuntana, u turretti fl-irkejjen tal-Grigal u tal-Majjistral. Il-parti tan-Nofsinhar tat-tieni sular hija ddominata minn veranda msaqqfa b'loġġa (matacães), li tikkonsisti minn sensiela ta' seba' arkati, mirfuda fuq ħitan bil-balavostri. Din is-sezzjoni hija mgħottija b'lavur fil-ġebla biex tidher qisha tal-bizzilla u tifforma zuntier. Is-saqaf skuntrat huwa mżejjen b'ċima mibruma skolpita bl-għeqiedi. Il-ħitan tal-Lvant, tat-Tramuntana u tal-Punent fihom kompartimenti b'arkati doppji, u l-irkejjen tal-Grigal u tal-Majjistral fihom l-istatwi ta' San Vinċenz ta' Saragossa u tal-arkanġlu Mikiel f'niċeċ. It-tielet sular fih twieqi doppji fil-faċċati tat-Tramuntana, tal-Lvant u tal-Punent, bil-balavostri, imżejna b'żewġ sferi nawtiċi u riljiev kbir bl-istemma rjali. Ir-raba' sular huwa mdawwar b'terrazza bit-tarki tal-Ordni ta' Kristu, u fih daħla ġejja għall-ponta fit-Tramuntana u tieqa ġejja għall-pont fil-Lvant. It-terrazza hija mdawra b'ħajt baxxa b'merluni piramidali bil-kolonni bit-turretti fl-erba' rkejjen. Terrazza simili fuq nett toffri veduta tal-pajsaġġ tal-madwar.[25][26]
Interna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bastjun minn ġewwa fih garigor taraġ ċirkolari fin-naħa tat-Tramuntana u fih żewġ swali kontigwi b'soqfa bil-volti mirfuda minn arkati tal-ġebel, kif ukoll erba' postijiet għall-ħżin u faċilitajiet sanitarji. Fil-pjan terran, l-art hija inklinata 'l barra, filwaqt li s-soqfa huma mirfuda minn pilastri tal-ġebel u sinsliet bil-volti. Is-sistema tal-volta Gotika hija evidenti f'din l-istruttura, il-kmamar tat-torri u l-koppli tat-torrijiet tal-għassa fuq it-terrazza tal-bastjun.[27][28] Amberżuni periferiċi fit-truf tal-istruttura jħallu spazju għal kanuni individwali, u s-saqaf huwa ddisinjat b'diversi koppli asimetriċi b'għoli differenti. Il-postijiet għall-ħżin anċillari iktar 'il quddiem intużaw bħala ċelel tal-ħabs.[29]
Żewġ arkati jagħtu għall-kjostru prinċipali fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar, filwaqt li sitt arkati mhux kompluti jestendu tul il-partijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-kjostru, b'pilastri kwadri fuq ġewwa tal-bastjun bil-gargoyles. Il-kjostru miftuħ, għalkemm dekorattiv, kien iddisinjat biex id-dħaħen tal-kanuni joħorġu minnu. Is-sular ta' fuq huwa kkollegat permezz ta' sensiela ta' slaleb tal-Ordni ta' Kristu, filwaqt li fit-terrazza hemm kolonni bi sferi nawtiċi. Dan l-ispazju seta' jintuża wkoll għas-suldati b'armatura ħafifa. Din kienet l-ewwel fortifikazzjoni Portugiża b'żewġ livelli fejn joqogħdu l-armi tan-nar u timmarka żvilupp ġdid fl-arkitettura militari. Ftit mit-tiżjin imur lura għal żmien ir-rinnovazzjoni tas-snin 40 tas-seklu 19 bi stil Neo-Manwelin, bħat-tiżjin tal-kjostru ż-żgħir fuq il-bastjun.
Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-terrazza tal-kjostru hemm xbieha tal-Madonna bil-Bambin. L-istatwa tal-Verġni ta' Belém, magħrufa wkoll bħala Nossa Senhora de Bom Successo (Madonna tar-Risq), Nossa Senhora das Uvas (Madonna tal-Għeneb) jew Virgem da Boa Viagem (Madonna tar-Ritorn Sikur) hija skolpita bil-Bambin f'idha l-leminija u għanqud għeneb f'idha x-xellugija.
It-torri huwa wiesa' madwar 12-il metru (39 pied) u għoli 30 metru (98 pied). L-ewwel sular minn ġewwa fih is-Sala do Governador (Sala tal-Gvernatur), li hija spazju ottagonali li jagħti għaċ-ċisterna, filwaqt li fl-irkejja tal-Grigal u tal-Majjistral hemm kurituri li jikkollegaw mat-turretti bil-mewġ. Daħla żgħira tagħti aċċess għas-sulari l-oħra permezz ta' garigor taraġ spirali. Fit-tieni sular, is-Sala dos Reis (Sala tar-Re) tagħti għal-loġġa fuq ix-xmara, filwaqt li fuklar żgħir fir-rokna huwa estiż minn dan is-sular għall-fuklar tat-tielet sular fis-Sala das Audiências (Sala tal-Udjenzi). Is-soqfa tat-tliet sular huma miksija b'ċangaturi vojta tal-konkos. Il-kappella tar-raba' sular għandha sistema ta' volti mrikkbin fuq xulxin b'niċeċ emblematiċi tal-istil Manwelin, mirfuda bil-ġebel imnaqqax.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru tal-Ġlormini u t-Torri ta' Belém f'Liżbona ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 b'modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-2008.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ The Dock and Harbour Authority. Foxlow Publications, Limited. 1969. p. 335.
- ^ Donald F. Lach (1994). Asia in the making of Europe. University of Chicago Press. pp. 57–64. ISBN 0-226-46730-9.
- ^ "Visit Portugal - Torre de Belém". web.archive.org. 2011-07-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-17. Miġbur 2022-07-06.
- ^ Walter Crum Watson (1908). Portuguese architecture. A. Constable & Co. Ltd. pp. 181–182.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of the Hieronymites and Tower of Belém in Lisbon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
- ^ "IGESPAR IP | HERITAGE | Monastery of the Jerónimos and Tower of Belém in Lisbon". web.archive.org. 2010-11-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-11-07. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "A Torre de S. Vicente - Torre de Belem". web.archive.org. 2016-08-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-02. Miġbur 2022-07-06.
- ^ Elisabeth Feist Hirsch (31 July 1967). Damião de Gois: The Life and Thought of a Portuguese Humanist, 1502–1574. Springer Science & Business Media. p. 197. ISBN 978-90-247-0195-7.
- ^ "Cronologia - Torre de Belem". web.archive.org. 2016-08-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-02. Miġbur 2022-07-06.
- ^ Justino Mendes de Almeida (1992). De Olisipo a Lisboa: estudos olisiponenses. Edições Cosmos. pp. 45–46. ISBN 978-972-9170-75-1.
- ^ Colum Hourihane (2012). The Grove Encyclopedia of Medieval Art and Architecture. Oxford University Press. p. 277. ISBN 978-0-19-539536-5.
- ^ "Tower of Belém". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
- ^ "IPPAR - IPPAR Services". web.archive.org. 2007-07-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-06. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
- ^ Society for the Diffusion of Useful Knowledge (Great Britain) (1835). The Penny cyclopædia of the Society for the Diffusion of Useful Knowledge. C. Knight. p. 172.
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
- ^ João Pais (6 October 2011). The Paleogene and Neogene of Western Iberia (Portugal): A Cenozoic record in the European Atlantic domain. Springer Science & Business Media. p. 35. ISBN 978-3-642-22401-0.
- ^ Mark Ellingham; John Fisher; Graham Kenyon (2002). The Rough Guide to Portugal (10th ed.). Rough Guides, Ltd. p. 97. ISBN 1-85828-877-0.
- ^ Figueiredo; Aires-Barros; Basto; Graca; Mauricio (2007). R. Přikryl (ed.). Building Stone Decay: From Diagnosis to Conservation. B.J. Smith. Geological Society of London. p. 99. ISBN 978-1-86239-218-2.
- ^ "Science in Portugal - Episodes". cvc.instituto-camoes.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-16. Miġbur 2022-07-06.
- ^ "Estandartes dos reis portugueses". web.archive.org. 2007-02-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-02-23. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ DK Publishing (2012). Great Buildings. DK Publishing. p. 113. ISBN 978-1-4654-0774-0.
- ^ "Catholic Encyclopedia (1913)/Order of the Knights of Christ - Wikisource, the free online library". en.wikisource.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
- ^ L. C. Rookmaaker; Marvin L. Jones; Heinz-Georg Klös; Richard J. Reynolds III (1998). The Rhinoceros in Captivity: A List of 2439 Rhinoceroses Kept from Roman Times to 1994. Kugler Publications. p. 80. ISBN 978-90-5103-134-8.
- ^ "Images of Belem Tower, Lisbon, Portugal". homepages.bluffton.edu. Miġbur 2022-07-06.
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
- ^ "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.