Aqbeż għall-kontentut

Torri ta' Belém

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Torri ta' Belém

Belém Tower (bil-Portugiż: Torre de Belém, pronunzjat [ˈtoʁ(ɨ) dɨ bɨˈlɐ̃ȷ̃]), uffiċjalment it-Torri ta' San Vinċenz (bil-Portugiż: Torre de São Vicente) huwa fortifikazzjoni tas-seklu 16 li jinsab f'Liżbona li serva bħala punt ta' imbarkazzjoni u ta' żbark għall-esploraturi Portugiżi u bħala daħla ċerimonjali għal Liżbona.[1] Inbena matul il-qofol tar-Rinaxximent Portugiż, u huwa eżempju tal-istil Manwelin Portugiż[2], iżda jinkorpora wkoll elementi ta' stili arkitettoniċi oħra.[3] L-istruttura nbniet bil-ġebla tal-ġir ta' lioz u hija magħmula minn bastjun u minn torri ta' erba' sulari jew ta' 30 metru (98.4 pied).[4]

Mill-1983, it-torri tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien mal-Monastero dos Jerónimos jew il-Monasteru tal-Ġlormini.[5] Spiss jitqies bħala simbolu ta' Żmien l-Iskoperti fl-Ewropa u bħala binja ikonika li tirrappreżenta l-Portugall jew Liżbona. Ingħad bi żball li t-torri nbena f'nofs ix-xmara Tagus u li issa jinsab qrib ix-xatt minħabba li x-xmara ġiet ridirezzjonata wara t-terremot ta' Liżbona fl-1755. Fil-fatt, it-torri nbena fuq gżira żgħira fix-xmara Tagus qrib ix-xatt ta' Liżbona.[6]

It-torri ġie kklassifikat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 u ġie inkluż fir-reġistru tas-Seba' Għeġubijiet tal-Portugall fl-2007.

Lejn l-aħħar tas-seklu 15, ir-Re Ġwanni II ddisinja sistema ta' difiża għall-bokka tax-xmara Tagus li kienet tiddependi fuq il-fortizzi ta' Cascais u ta' São Sebastião (jew Torre Velha) f'Caparica fin-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara.[7] Dawn il-fortizzi ma kinux jipproteġu għalkollox il-bokka tax-xmara, u b'hekk kienet meħtieġa protezzjoni ulterjuri. Fil-"Kronaka ta' Ġwanni II" (bil-Portugiż: Chronica de D. Joao II), fl-1545[8], l-awtur Garcia de Resende afferma l-opinjoni tar-re li s-sistema ta' difiża ta' Liżbona ma kinitx adegwata, u li kien insista li jinbnew fortifikazzjonijiet tul id-daħla għax-xmara Tagus bħala suppliment għas-sistema ta' difiża eżistenti.[9] Għal dan l-għan, huwa ordna "li jinbena forti b'saħħtu", iżda laħaq miet qabel tfasslet il-pjanta. Ir-Re Manwel I tal-Portugall immodifika l-proposta għoxrin sena wara u ordna l-kostruzzjoni ta' fortifikazzjoni militari fuq in-naħa tat-Tramuntana tax-xmara Tagus f'Belém.[10] Fl-1513, Lourenço Fernandes kiteb ittra lil xi ħbieb tiegħu u rrefera għall-intenzjoni tar-re li jibni torri qrib Restelo Velho, peress li kien tal-fehma li kien essenzjali.

Il-proġett inbeda fuq gżejra bil-blat bażaltiku ftit 'il bogħod mix-xatt tax-xmara, u ntuża ftit mill-ġebel li nġabar biex jinbena l-Monasteru ta' Santa Marija ta' Belém. It-torri ġie ddisinjat mill-arkitett militari Francisco de Arruda[11], deskritt bħala "l-Imgħallem tax-xogħlijiet tal-forti ta' Belém" mir-Re Manwel, u fl-1516 huwa beda jirċievi s-763 blokka u l-504 ġebliet għall-kostruzzjoni tiegħu, imwassla minn Diogo Rodrigues, it-teżorier tal-proġett. Sakemm il-kostruzzjoni avvanzat, bastiment militari ta' 1,000 tunnellata msejjaħ Grande Nau (Vapur Kbir), armat sa snienu, baqa' jgħasses l-estwarju fil-bokka tax-xmara Tagus sat-tlestija tal-forti.[12][13]

Il-binja tlestiet fl-1519, sentejn biss qabel il-mewt tar-Re Manwel, u Gaspar de Paiva ġie stazzjonat temporanjament hemmhekk bil-kmand tal-fortizza f'idejh; l-istazzjonament tiegħu sar permanenti fil-15 ta' Settembru 1521, meta nħatar bħala l-ewwel Kaptan-Ġeneral, u l-fortizza ssejħet il-Kastell ta' San Vinċenz (bil-Portugiż: Castelo de São Vicente de Belém), f'ġieħ il-qaddis patrun ta' Liżbona.[14]

Fl-1571, Francisco de Holanda ta parir lill-monarka li kien meħtieġ li d-difiżi tax-xatt jittejbu sabiex il-belt kapitali tar-renju tkun imħarsa. Huwa ssuġġerixxa l-kostruzzjoni ta' forti "b'saħħtu u sod" li seta' jiddefendi faċilment lil Liżbona u li t-Torri ta' Belém "kellu jissaħħaħ, jissewwa u jitlesta... u li kien sewa ħafna flus mingħajr lanqas biss kien għadu tlesta". De Holanda ddisinja bastjun rettangolari mtejjeb b'diversi turretti. Fl-1580, wara ftit sigħat ta' battalja, il-gwarniġjon stazzjonat fit-torri arrenda quddiem il-qawwiet Spanjoli taħt il-kmand tad-Duka ta' Alba. Wara din it-telfa, il-pjan ta' taħt l-art tat-torri ntuża bħala ħabs sal-1830. Matul l-aħħar kwart tas-seklu 16 bdiet ukoll il-kostruzzjoni tal-Barrakki Filippini. Spazju rettangolari ta' żewġ sulari nbena fuq il-bastjun, u b'hekk it-torri ngħata l-profil viżiv li għandu attwalment, bi slaleb skolpiti tal-Ordni ta' Kristu u turretti msaqqfa b'qishom koppli żgħar.

Fl-1589, Filippu I tal-Portugall ordna lill-inġinier Taljan il-Patri João Vicenzio Casale jibni forti b'difiża tajba minflok "il-kastell inutli ta' San Vinċenz". L-inġinier bagħat tliet disinji u ppropona li l-bastjun jiġi mdawwar b'bastjun ieħor ikbar, iżda l-proġett qatt ma twettaq.

Bastimenti Franċiżi jisparaw lil xulxin u t-torri fil-Battalja tat-Tagus waqt il-Gwerer Liberali (1831)

Kodiċi tal-1633 għall-familja Cadaval iddaħħal f'wieħed mill-artijiet, f'waħda mill-ħnejjiet tal-barrakki, u fl-ikbar erba' ħnejjiet ta' fuq nett tal-faċċata tan-Nofsinhar. B'mod simili, referenza għas-sena 1655 ġiet imnaqqxa fuq plakka li tpoġġiet mal-ħajt tat-Tramuntana tal-kjostru, u li ċċertifikat il-funzjoni tat-torri bħala punt ta' kontroll doganali għan-navigazzjoni tul ix-xmara Tagus; il-bastimenti kienu obbligati jħallsu taxxa malli jidħlu fil-port, li żdiedet maż-żmien.

Bejn l-1780 u l-1782, fir-renju ta' Marija I tal-Portugall, il-Ġeneral Guilherme de Valleré bena l-Forti ta' Bom Sucesso, b'batterija konnessa b'ħajt fil-Punent f'għamla ta' kuritur mat-torri. Meta l-qawwiet Franċiżi invadew lil Liżbona waqt il-Gwerra Peniżolari, uħud mit-truppi tagħhom ġew stazzjonati fit-torri mill-1808 sal-1814. Wara li l-Franċiżi rtiraw, Lord Beresford ta l-parir li l-batteriji tal-artillerija kostali kellhom jissaħħu tul ix-xmara Tagus, u nnota b'mod speċifiku li batteriji iktar b'saħħithom kellhom jitqiegħdu fuq il-ġnub tal-bastjun tat-torri, b'karrijiet biex jipproteġu aħjar lis-suldati, peress li l-ħitan kienu baxxi ħafna. Ir-Re Manwel I (1828-1834) uża s-sular ta' taħt l-art bħala ħabs għall-avversarj liberali tiegħu, filwaqt li sular ieħor kien jintuża bħala dwana għall-vapuri, sakemm id-dazju fuq il-bastimenti barranin ġie abolit fl-1833. It-torri ġie msaħħaħ militarment fl-1589 u fl-1809-1814.[15] Matul ir-renju ta' Marija II, Almeida Garrett ipprotesta kontra t-telqa tas-sit u taħt il-persważjoni tad-Duka ta' Terceira, saru rinnovazzjonijiet mill-inġinier militari António de Azevedo e Cunha. Huwa ġarraf il-Barrakki Filippini u estenda elementi "revivalisti" fl-1845-1846 (bħall-merluni msaħħa, il-balavostri tal-veranda fil-faċċata tan-Nofsinhar, il-gwarniċ b'qisu bizzilla fil-kjostru u n-niċċa bi xbieha tal-Madonna bil-Bambin).

Fl-1865-1867 arblu tas-sinjalar ġie installat fit-terrazza tax-Xlokk tal-binja u nbeda s-servizz tat-telegrafiku, filwaqt li nbniet fabbrika tal-gass fil-qrib, li kienet tipproduċi ħafna duħħan li wassal għal bosta protesti. L-ewwel tentattivi ta' preservazzjoni u ta' riabilitazzjoni tat-torri bdew fl-aħħar parti tas-seklu 20. L-ewwel, it-torri ġie ttrasferit lill-Ministeru għall-Finanzi fl-1940, li wettaq xogħlijiet żgħar ta' konservazzjoni. Imbagħad il-kwartieri militari fuq l-amberżuni tneħħew u nbena l-kjostru intern. Id-disinjatur tal-pajsaġġ arkitettoniku António Viana Barreto beda proġett ta' tliet snin fl-1953 biex jintegra t-torri mal-kosta lokali. Fl-1983 is-sit ospita s-17-il Wirja Ewropea tal-Arti, ix-Xjenza u l-Kultura, u twettqu diversi proġetti li jinvolvu l-binja, fosthom wieħed li għatta l-kjostru b'koppla trasparenti tal-plastik. Fl-istess sena t-Torri ta' Belém tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-binja ġiet ittrasferita lill-Instituto Português do Património Arquitectónico (prekursur ta' IGESPAR), li beda restawr sħiħ tal-binja minn Frar 1997 sa Jannar 1998; ir-restawr kien jinkludi t-tisħiħ tat-torri u tal-bastjun, it-tisħiħ tar-riffieda tal-gallarija tan-Nofsinhar b'vireg tal-azzar inossidabbli u reżina tal-epossi, it-trattament tal-ġonot tat-tkaħħil, u t-tindif strutturali ġenerali. L-istatwi ta' San Vinċenz ta' Saragossa u tal-Arkanġlu Mikiel ingħataw l-istess trattament. Fl-1999 il-proġett ingħata l-premju Europa Nostra għar-restawr estern.[16] It-Torri ta' Belém żdied fir-reġistru tas-Seba' Għeġubijiet tal-Portugall fis-7 ta' Lulju 2007.

It-Torri ta' Belém jinsab max-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Tagus fil-parroċċa ċivili ta' Santa Maria de Belém, muniċipalità ta' Liżbona, aċċessibbli min-naħa tal-Punent tal-Avenida de Brasília permezz ta' pont żgħir. Fil-Lvant tat-torri hemm il-Monasteru tal-Ġlormini u fil-Punent hemm il-Forte do Bom Sucesso, filwaqt li fit-Tramuntana hemm ir-residenza tal-Gvernatur tat-torri, ir-residenza l-antika tal-Gvernatur tal-forti, u l-Kappella ta' San Ġlormu.

It-torri huwa iżolat tul ix-xatt tax-xmara, bejn Bom Sucesso u Pedrouços, fuq gżejra tal-blat bażaltiku tal-kumpless vulkaniku ġeomorfoloġiku ta' Liżbona-Mafra.[17] Għalkemm bosta gwidi sostnew li t-torri nbena f'nofs ix-xmara Tagus, u li issa jinsab qrib ix-xatt wara li t-terremot tal-1755 ridirezzjona x-xmara, dawn kienu żbaljati. Il-Ministeru għall-Kultura Portugiż u l-Istitut tal-Wirt Arkitettoniku jindikaw li t-torri nbena fuq gżejra qrib ix-xatt tax-xmara Tagus, fuq in-naħa opposta tax-xatt ta' Restelo. L-iżvilupp estenda l-kosta progressivament, u b'hekk ix-xatt tat-Tramuntana kulma jmur resqet iktar lejn in-Nofsinhar fix-xmara Tagus, u maż-żmien it-torri ġie integrat fix-xatt tax-xmara.[18]

It-Torri ta' Belém inbena bil-ġebla tal-ġir kannella-bajda lokali taż-żona ta' Liżbona u tal-inħawi msejħa lioz. Il-binja hija maqsuma f'żewġ partijiet: il-bastjun u t-torri ta' erba' sulari li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-bastjun.[19]

It-torri tas-seklu 16 jitqies bħala wieħed mix-xogħlijiet prinċipali tal-istil Manwelin Portugiż tal-Gotiku Aħħari. Dan joħroġ fid-dieher speċjalment mill-volti elaborati tiegħu, is-slaleb tal-Ordni ta' Kristu, id-disinji ta' sferi nawtiċi u ta' ċimi bl-għeqiedi magħmula fil-ġebel, li huma komuni għall-istil Manwelin organiku ispirat.

Terrazza tal-bastjun bit-turretti bi stil Għarbi msaqqfa b'koppli żgħar mill-Majjistral.

Il-pjanta tal-binja tikkonsisti minn torri rettangolari u bastjun eżagonali irregolari, bi ġnub ġejjin għat-tul, li joħroġ 'il barra lejn in-Nofsinhar tax-xmara. Bażikament huwa spazju artikolat kbir li jserraħ fuq ġebla orizzontali, mgħottija b'xogħlijiet tal-ġebel. Fl-angolu tal-Grigal tal-istruttura, protett minn ħajt difensiv bl-amberżuni, hemm pont tal-injam li jitla' u jinżel li jagħti aċċess għall-fortifikazzjoni, imżejjen b'motivi ta' pjanti, bl-istemma rjali fuqu u b'kolonni żgħar maġenbu, ikkomplementati bl-isferi nawtiċi. L-isferi nawtiċi Manwelini jidhru wkoll fid-daħla tat-torri, bħala simbolu tal-esplorazzjonijiet nawtiċi tal-Portugall, u kienu jintużaw fuq il-pavaljun personali tar-Re Manwel I biex jirrappreżentaw l-iskoperti Portugiżi matul ir-renju tiegħu.[20][21] Iċ-ċimi bl-għeqiedi dekorattivi u eleganti jindikaw ukoll l-istorja nawtika tal-Portugall u huma elementi komuni tal-istil Manwelin.

Fuq barra tal-bastjun t'isfel, il-ħitan għandhom spazji jew amberżuni għal 17-il kanun b'veduta għal fuq ix-xmara.[22] Is-sular ta' fuq tal-bastjun fih ħajt żgħir bi strutturi difensivi f'punti strateġiċi, imżejna b'tarki ġejjin għat-tond bis-salib tal-Ordni ta' Kristu mad-dawra tal-pjattaforma. Ir-Re Manwel I kien membru tal-Ordni ta' Kristu[23], u għalhekk is-salib tal-Ordni ta' Kristu jintuża bosta drabi fuq il-parapetti. Dawn kienu simbolu tas-setgħa militari ta' Manwel, peress li l-kavallieri tal-Ordni ta' Kristu pparteċipaw f'diversi ħakmiet militari f'dik l-epoka. It-turretti ċilindriċi fl-irkejjen li servew bħala torrijiet tal-għassa fihom ġebliet b'ornamenti żoomorfiċi u koppli qishom bil-mewġ mhux tas-soltu fl-arkitettura Ewropea u b'ħafna lavur. Il-bażijiet tat-turretti fihom immaġnijiet ta' annimali, inkluż waħda ta' rinoċeront. Dan ir-rinoċeront huwa meqjus bħala l-ewwel skultura ta' dan l-annimal fl-arti tal-Punent tal-Ewropa u x'aktarx huwa referenza għar-rinoċeront li Manwel I bagħat lill-Papa Ljun X fl-1515.[24]

Il-kjostru intern tat-torri bil-parti ta' wara tan-niċċa tal-Madonna u żewġ turretti.

Filwaqt li t-torri għandu stil Manwelin b'mod predominanti, jinkorpora fih ukoll karatteristiċi ta' stili arkitettoniċi oħra. Inbena mill-arkitett militari Francisco de Arruda, li diġà kien ħa ħsieb is-superviżjoni tal-kostruzzjoni ta' diversi fortizzi fit-territorji Portugiżi fil-Marokk. L-influwenza tal-arkitettura tal-Għarab fil-Peniżola Iberika toħroġ fid-dieher fit-tiżjin delikat, it-twieqi ġejjin għall-ponta, il-gallariji u l-koppli bil-mewġ tat-torrijiet tal-għassa.

It-torri fih erba' sulari, b'diversi sezzjonijiet, u b'ċisterna bil-volti fil-pjan terran. Fl-ewwel sular, hemm daħla rettangolari tħares lejn in-Nofsinhar, bi twieqi ġejjin għall-ponta fil-Lvant u fit-Tramuntana, u turretti fl-irkejjen tal-Grigal u tal-Majjistral. Il-parti tan-Nofsinhar tat-tieni sular hija ddominata minn veranda msaqqfa b'loġġa (matacães), li tikkonsisti minn sensiela ta' seba' arkati, mirfuda fuq ħitan bil-balavostri. Din is-sezzjoni hija mgħottija b'lavur fil-ġebla biex tidher qisha tal-bizzilla u tifforma zuntier. Is-saqaf skuntrat huwa mżejjen b'ċima mibruma skolpita bl-għeqiedi. Il-ħitan tal-Lvant, tat-Tramuntana u tal-Punent fihom kompartimenti b'arkati doppji, u l-irkejjen tal-Grigal u tal-Majjistral fihom l-istatwi ta' San Vinċenz ta' Saragossa u tal-arkanġlu Mikiel f'niċeċ. It-tielet sular fih twieqi doppji fil-faċċati tat-Tramuntana, tal-Lvant u tal-Punent, bil-balavostri, imżejna b'żewġ sferi nawtiċi u riljiev kbir bl-istemma rjali. Ir-raba' sular huwa mdawwar b'terrazza bit-tarki tal-Ordni ta' Kristu, u fih daħla ġejja għall-ponta fit-Tramuntana u tieqa ġejja għall-pont fil-Lvant. It-terrazza hija mdawra b'ħajt baxxa b'merluni piramidali bil-kolonni bit-turretti fl-erba' rkejjen. Terrazza simili fuq nett toffri veduta tal-pajsaġġ tal-madwar.[25][26]

Il-bastjun prinċipali minn ġewwa u n-niċeċ bil-kanuni.

Il-bastjun minn ġewwa fih garigor taraġ ċirkolari fin-naħa tat-Tramuntana u fih żewġ swali kontigwi b'soqfa bil-volti mirfuda minn arkati tal-ġebel, kif ukoll erba' postijiet għall-ħżin u faċilitajiet sanitarji. Fil-pjan terran, l-art hija inklinata 'l barra, filwaqt li s-soqfa huma mirfuda minn pilastri tal-ġebel u sinsliet bil-volti. Is-sistema tal-volta Gotika hija evidenti f'din l-istruttura, il-kmamar tat-torri u l-koppli tat-torrijiet tal-għassa fuq it-terrazza tal-bastjun.[27][28] Amberżuni periferiċi fit-truf tal-istruttura jħallu spazju għal kanuni individwali, u s-saqaf huwa ddisinjat b'diversi koppli asimetriċi b'għoli differenti. Il-postijiet għall-ħżin anċillari iktar 'il quddiem intużaw bħala ċelel tal-ħabs.[29]

Żewġ arkati jagħtu għall-kjostru prinċipali fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar, filwaqt li sitt arkati mhux kompluti jestendu tul il-partijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-kjostru, b'pilastri kwadri fuq ġewwa tal-bastjun bil-gargoyles. Il-kjostru miftuħ, għalkemm dekorattiv, kien iddisinjat biex id-dħaħen tal-kanuni joħorġu minnu. Is-sular ta' fuq huwa kkollegat permezz ta' sensiela ta' slaleb tal-Ordni ta' Kristu, filwaqt li fit-terrazza hemm kolonni bi sferi nawtiċi. Dan l-ispazju seta' jintuża wkoll għas-suldati b'armatura ħafifa. Din kienet l-ewwel fortifikazzjoni Portugiża b'żewġ livelli fejn joqogħdu l-armi tan-nar u timmarka żvilupp ġdid fl-arkitettura militari. Ftit mit-tiżjin imur lura għal żmien ir-rinnovazzjoni tas-snin 40 tas-seklu 19 bi stil Neo-Manwelin, bħat-tiżjin tal-kjostru ż-żgħir fuq il-bastjun.

Veduta mil-loġġa tat-tieni sular

Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-terrazza tal-kjostru hemm xbieha tal-Madonna bil-Bambin. L-istatwa tal-Verġni ta' Belém, magħrufa wkoll bħala Nossa Senhora de Bom Successo (Madonna tar-Risq), Nossa Senhora das Uvas (Madonna tal-Għeneb) jew Virgem da Boa Viagem (Madonna tar-Ritorn Sikur) hija skolpita bil-Bambin f'idha l-leminija u għanqud għeneb f'idha x-xellugija.

It-torri huwa wiesa' madwar 12-il metru (39 pied) u għoli 30 metru (98 pied). L-ewwel sular minn ġewwa fih is-Sala do Governador (Sala tal-Gvernatur), li hija spazju ottagonali li jagħti għaċ-ċisterna, filwaqt li fl-irkejja tal-Grigal u tal-Majjistral hemm kurituri li jikkollegaw mat-turretti bil-mewġ. Daħla żgħira tagħti aċċess għas-sulari l-oħra permezz ta' garigor taraġ spirali. Fit-tieni sular, is-Sala dos Reis (Sala tar-Re) tagħti għal-loġġa fuq ix-xmara, filwaqt li fuklar żgħir fir-rokna huwa estiż minn dan is-sular għall-fuklar tat-tielet sular fis-Sala das Audiências (Sala tal-Udjenzi). Is-soqfa tat-tliet sular huma miksija b'ċangaturi vojta tal-konkos. Il-kappella tar-raba' sular għandha sistema ta' volti mrikkbin fuq xulxin b'niċeċ emblematiċi tal-istil Manwelin, mirfuda bil-ġebel imnaqqax.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru tal-Ġlormini u t-Torri ta' Belém f'Liżbona ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983 b'modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit fl-2008.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]

  1. The Dock and Harbour Authority. Foxlow Publications, Limited. 1969. p. 335.
  2. Donald F. Lach (1994). Asia in the making of Europe. University of Chicago Press. pp. 57–64. ISBN 0-226-46730-9.
  3. "Visit Portugal - Torre de Belém". web.archive.org. 2011-07-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-17. Miġbur 2022-07-06.
  4. Walter Crum Watson (1908). Portuguese architecture. A. Constable & Co. Ltd. pp. 181–182.
  5. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of the Hieronymites and Tower of Belém in Lisbon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
  6. "IGESPAR IP | HERITAGE | Monastery of the Jerónimos and Tower of Belém in Lisbon". web.archive.org. 2010-11-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-11-07. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. "A Torre de S. Vicente - Torre de Belem". web.archive.org. 2016-08-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-02. Miġbur 2022-07-06.
  8. Elisabeth Feist Hirsch (31 July 1967). Damião de Gois: The Life and Thought of a Portuguese Humanist, 1502–1574. Springer Science & Business Media. p. 197. ISBN 978-90-247-0195-7.
  9. "Cronologia - Torre de Belem". web.archive.org. 2016-08-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-02. Miġbur 2022-07-06.
  10. Justino Mendes de Almeida (1992). De Olisipo a Lisboa: estudos olisiponenses. Edições Cosmos. pp. 45–46. ISBN 978-972-9170-75-1.
  11. Colum Hourihane (2012). The Grove Encyclopedia of Medieval Art and Architecture. Oxford University Press. p. 277. ISBN 978-0-19-539536-5.
  12. "Tower of Belém". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
  13. "IPPAR - IPPAR Services". web.archive.org. 2007-07-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-06. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
  15. Society for the Diffusion of Useful Knowledge (Great Britain) (1835). The Penny cyclopædia of the Society for the Diffusion of Useful Knowledge. C. Knight. p. 172.
  16. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
  17. João Pais (6 October 2011). The Paleogene and Neogene of Western Iberia (Portugal): A Cenozoic record in the European Atlantic domain. Springer Science & Business Media. p. 35. ISBN 978-3-642-22401-0.
  18. Mark Ellingham; John Fisher; Graham Kenyon (2002). The Rough Guide to Portugal (10th ed.). Rough Guides, Ltd. p. 97. ISBN 1-85828-877-0.
  19. Figueiredo; Aires-Barros; Basto; Graca; Mauricio (2007). R. Přikryl (ed.). Building Stone Decay: From Diagnosis to Conservation. B.J. Smith. Geological Society of London. p. 99. ISBN 978-1-86239-218-2.
  20. "Science in Portugal - Episodes". cvc.instituto-camoes.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-16. Miġbur 2022-07-06.
  21. "Estandartes dos reis portugueses". web.archive.org. 2007-02-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-02-23. Miġbur 2022-07-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. DK Publishing (2012). Great Buildings. DK Publishing. p. 113. ISBN 978-1-4654-0774-0.
  23. "Catholic Encyclopedia (1913)/Order of the Knights of Christ - Wikisource, the free online library". en.wikisource.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-07-06.
  24. L. C. Rookmaaker; Marvin L. Jones; Heinz-Georg Klös; Richard J. Reynolds III (1998). The Rhinoceros in Captivity: A List of 2439 Rhinoceroses Kept from Roman Times to 1994. Kugler Publications. p. 80. ISBN 978-90-5103-134-8.
  25. "Images of Belem Tower, Lisbon, Portugal". homepages.bluffton.edu. Miġbur 2022-07-06.
  26. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
  27. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
  28. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.
  29. "New Page 1". archive.ph. 2009-06-24. Miġbur 2022-07-06.