Aqbeż għall-kontentut

Teatru tal-Opri ta' Sydney

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney mill-Punent.

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney (bl-Ingliż: Sydney Opera House) huwa binja li tħaddan fiha diversi positijiet fejn jittellgħu l-ispettakli tal-arti f'Sydney, l-Awstralja. Il-binja tinsab fuq in-naħa ta' quddiem tax-xatt tal-Port ta' Sydney, u titqies b'mod wiesa' bħala waħda mill-iżjed binjiet famużi u li jintgħarfu fid-dinja kif ukoll kapulavur tal-arkitettura tas-seklu 20.[1][2]

Iddisinjata mill-arkitett Daniż Jørn Utzon, iżda mlestija minn tim ta' arkitetti Awstraljani mmexxi minn Peter Hall, il-binja nfetħet formalment mir-Reġina Eliżabetta II fl-20 ta' Ottubru 1973[3] wara li x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni kienu bdew fl-1957 meta Utzon kien intgħażel bħala r-rebbieħ ta' kompetizzjoni internazzjonali tad-disinn. Il-Gvern ta' New South Wales, immexxi mill-Premier, Joseph Cahill, awtorizza l-bidu tax-xogħlijiet fl-1958 b'Utzon fit-tmun. Id-deċiżjoni tal-gvern li jinbena d-disinn ta' Utzon spiss tintesa minħabba ċ-ċirkostanzi li seħħew wara, fosthom id-dewmien fit-twettiq tax-xogħlijiet u l-kostijiet żejda, kif ukoll ir-riżenja finali tal-arkitett.[4]

Il-binja u l-madwar tagħha jokkupaw il-Punt ta' Bennelong kollu fil-Port ta' Sydney, bejn Sydney Cove u Farm Cove, biswit id-distrett ċentrali tan-negozju ta' Sydney u l-Ġonna Botaniċi Rjali, u qrib il-Pont tal-Port ta' Sydney.

Il-binja fiha diversi postijiet fejn jittellgħu l-ispettakli, li kollha f'daqqa jospita iktar minn 1,500 spettaklu kull sena, b'attendenza ta' iktar minn 1.2 miljun ruħ. L-ispettakli jiġu ppreżentati minn bosta artisti tal-ispettakli, inkluż tliet kumpaniji residenti: Opera Australia, il-Kumpanija tat-Teatru ta' Sydney u l-Orkestra Sinfonika ta' Sydney. Bħala wieħed mill-iżjed attrazzjonijiet popolari fl-Awstralja, b'kollox iżuruh iktar minn tmien miljun persuna fis-sena, u bejn wieħed u ieħor 350,000 viżitatur jagħmlu żjara ggwidata tal-binja kull sena. Il-binja hija ġestita mit-Trust tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, aġenzija tal-Gvern Statali ta' New South Wales.[5]

Fit-28 ta' Ġunju 2007, it-Teatru tal-Opri ta' Sydney sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[6][7], wara li kien ġie elenkat fir-Reġistru tal-Wirt Nazzjonali (li ma għadux jeżisti) fl-1980, fir-Reġistru tat-Trust Nazzjonali tal-Awstralja fl-1983, fl-Inventarju tal-Wirt ta' Sydney mis-sena 2000, fir-Reġistru tal-Wirt Statali ta' New South Wales fl-2003, u fil-Lista tal-Wirt Nazzjonali tal-Awstralja fl-2005. It-Teatru tal-Opri ta' Sydney kien finalista wkoll fil-kampanja ta' New7Wonders of the World li fasslet il-lista tas-Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[8][9]

Il-faċilità għandha disinn modern tal-Espressjoniżmu, b'sensiela ta' "qxur" kbar tal-konkos iffurmati minn qabel[10], kull waħda magħmula minn sezzjonijiet ta' sfera b'raġġ ta' 75.2 metru (246 pied u 8.6 pulzier)[11], li jiffurmaw is-soqfa tal-istruttura, stabbiliti fuq pjattaforma monumentali. Il-binja tkopri 1.8 ettaru (4.4 akri) ta' art u hija twila 183 metru (600 pied) u wiesgħa 120 metru (394 pied) fl-iżjed punt wiesa' tagħha. Hija mirfuda fuq 588 pilastru tal-konkos mgħerrqa saħansitra sa 25 metru (82 pied) taħt il-livell tal-baħar. L-ogħla punt tas-saqaf huwa 67 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, jiġifieri l-istess għoli ta' binja ta' 22 sular. Is-saqaf huwa magħmul minn 2,194 sezzjoni tal-konkos iffurmat minn qabel, li jiżnu sa 15-il tunnellata kull waħda.[12]

Għalkemm l-istrutturi tas-saqaf spiss jissejħu bħala "qxur", fil-fatt huma panewijiet tal-konkos iffurmati minn qabel li huma mirfuda minn qishom kustilji tal-konkos iffurmat minn qabel, mhux qxur f'sens strettament strutturali.[13] Minkejja li l-qxur jidhru bojod b'mod uniformi mill-bogħod, effettivament għandhom disinn sottili f'għamla ta' vleġġa, magħmula minn 1,056,006 maduma b'żewġ kuluri: abjad ileqq u krema matta. Il-madumiet ġew manifatturati mill-kumpanija Żvediża Höganäs AB li b'mod ġenerali kienet tipproduċi madum tal-ġebel għall-industrija tal-karta.[14]

Apparti l-madum tal-qxur u l-ħitan tal-ħġieġ tal-ispazji ta' lqugħ, kollox ma' kollox il-binja minn barra hija mlibbsa b'panewijiet aggregati magħmula minn granit roża miġjub mill-barrieri ta' Tarana. Fost it-trattamenti sinifikanti fuq ġewwa tal-binja hemm ukoll il-konkos b'disinn prestabbilit, il-plywood tal-betula tal-Awstralja fornut minn Wauchope fit-Tramuntana ta' New South Wales, u l-injam glulam.[15]

Mill-ikbar żewġ spazji, is-Sala tal-Kunċerti tinsab fil-grupp ta' qxur tal-Punent u t-Teatru Joan Sutherland jinsab fil-grupp ta' qxur tal-Lvant. L-iskala tal-qxur intgħażlet biex tirrefletti r-rekwiżiti tal-għoli fuq ġewwa, bi spazji baxxi fid-daħla, li jitilgħu 'l fuq fiż-żoni fejn l-ispettaturi joqogħdu bilqiegħda sat-torrijiet għoljin tal-palk. L-ispazji iżgħar (it-Teatru tad-Drama, it-Teatru tar-Reċti u l-Istudjo) jinsabu fi ħdan il-pjattaforma, taħt is-Sala tal-Kunċerti. Grupp iżgħar ta' qxur stabbiliti fin-naħa tal-Punent tat-Taraġ Monumentali jospitaw ir-Ristorant ta' Bennelong. Il-pjattaforma hija mdawra bi spazji pubbliċi sostanzjali fil-beraħ, u l-ispazju kbir pavimentat bil-ġebel ta' quddiem l-istruttura, bit-taraġ monumentali fil-qrib, jintuża regolarment bħala spazju fejn jittellgħu l-ispettakli.

Postijiet u faċilitajiet fejn jittellgħu l-ispettakli

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Sala tal-Kunċerti prinċipali waqt spettaklu.
Ir-Ristorant ta' Bennelong, li jinsab fl-iżjed qala' fin-Nofsinhar.

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney jinkludi għadd ta' postijiet fejn jittellgħu l-ispettakli:[16]

  • is-Sala tal-Kunċerti: b'2,679 post bilqiegħda, tospita l-Orkestra Sinfonika ta' Sydney u tintuża minn għadd kbir ta' preżentaturi oħra tal-kunċerti. Fiha hemm l-Orgni l-Kbir tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, l-ikbar orgni b'azzjoni mekkanika fid-dinja, b'iżjed minn 10,000 pajp.[17]
  • it-Teatru Joan Sutherland: teatru proxenju b'1,507 post bilqiegħda[18], jospita l-kumpanija tal-opri ta' Sydney, Opera Australia u l-kumpanija taż-żfin klassiku, The Australian Ballet. Sas-17 ta' Ottubru 2012 kien magħruf bħala t-Teatru tal-Opri.[19][20]
  • it-Teatru tad-Drama: teatru proxenju b'544 post bilqiegħda, li jintużaw mill-Kumpanija Teatrali ta' Sydney u minn preżentaturi teatrali u taż-żfin oħrajn.
  • it-Teatru tar-Reċti: teatru mhux proxenju bi 398 post bilqiegħda.
  • l-Istudjo: spazju flessibbli b'280 post bilqiegħda permanenti (uħud minnhom jistgħu jintwew 'il fuq) u b'kapaċità massima ta' 400 ruħ, skont kif tkun il-konfigurazzjoni tiegħu.
  • is-Sala ta' Utzon: post żgħir li jintuża għal diversi skopijiet, fosthom festini, funzjonijiet korporattivi u produzzjonijiet żgħar (bħal spettakli mużikali tal-kamra).
  • l-Istudjo tar-Reġistrazzjoni
  • l-Ispazju fil-Beraħ Quddiem it-Teatru: spazju flessibbli fil-beraħ b'firxa wiesgħa ta' konfigurazzjonijiet possibbli, inkluż il-possibbiltà li t-taraġ monumentali jintuża bħala postijiet bilqiegħda għall-udjenza; jintuża għal firxa ta' avvenimenti tal-komunità u spettakli kbar fil-beraħ.

Okkażjonalment, żoni oħra (pereżempju l-ispazji ta' lqugħ fit-Tramuntana u fil-Punent) jintużaw ukoll għall-ispettakli. Id-diversi postijiet imsemmija hawn fuq jintużaw ukoll għal konferenzi, ċerimonji u funzjonijiet soċjali.

Faċilitajiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-binja tospita wkoll studjo tar-reġistrazzjoni, ħwienet, kafetteriji, ristoranti u bars, inkluż il-Bar tal-Opri u l-Kċina tal-Opri. Isiru żjarat iggwidati, inkluż żjara frekwenti tal-ispazji ta' quddiem, u żjara ta' wara l-kwinti li ssir kuljum f'postijiet li normalment ikunu rriżervati għall-artisti tal-ispettakli u għat-tekniċi tal-ispettakli.

Storja tal-kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Punt ta' Bennelong bil-venda tat-tramm fis-snin 20 tas-seklu 20 (in-naħa ta' fuq fix-xellug tar-ritratt), waqt il-kostruzzjoni tal-Pont tal-Port ta' Sydney (fuq quddiem).

L-ippjanar beda fl-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 20 meta Eugene Goossens, id-Direttur tal-Konservatorju Statali tal-Mużika ta' New South Wales, appella għal post adattat għal produzzjonijiet teatrali kbar. Il-post fejn is-soltu kienu jsiru dawn il-produzzjonijiet, Is-Sala tal-Muniċipju ta' Sydney, ma kinitx meqjusa kbira biżżejjed. Sal-1954, Goossens irnexxielu jikseb l-appoġġ tal-Premier ta' New South Wales Joseph Cahill, li fetaħ sejħa għal disinni għal teatru tal-opri. Kien Goossens ukoll li insista li t-teatru kellu jinbena fil-Punt ta' Bennelong: Cahill ried li jinbena fl-Istazzjon Ferrovjarju ta' Wynyard jew fil-qrib, fil-Majjistral tad-distrett ċentrali tan-negozju.[21]

Kompetizzjoni internazzjonali tad-disinn ġiet varata minn Cahill fit-13 ta' Settembru 1955 u ġew riċevuti 233 disinn ta' arkitetti minn 32 pajjiż. Il-kriterji kienu jispeċifikaw sala kbira bi 3,000 post bilqiegħda u sala żgħira għal 1,200 ruħ; it-tnejn li huma kellhom jiġu ddisinjati għal użi differenti, inkluż opri fuq skala sħiħa, kunċerti orkestrali u korali, laqgħat tal-massa, lekċers, spettakli taż-żfin klassiku, u preżentazzjonijiet oħra.[22]

L-iskizzi inizjali ta' Utzon fl-1957.

Ir-rebbieħ, imħabbar fl-1957, kien l-arkitett Daniż Jørn Utzon. Id-disinn ta' Utzon ġie salvat mill-arkitett Finlandiż-Amerikan Eero Saarinen wara 30 vot ta' ċaħda.[23] Fit-tieni post ġie tim ibbażat f'Philadelphia msawwar minn Robert Geddes u George Qualls, li t-tnejn kienu jgħallmu fl-Iskola tad-Disinn tal-Università ta' Pennsylvania. Ġabru flimkien grupp ta' membri tal-fakultà u ħbieb mill-uffiċċji tal-arkitettura ta' Philadelphia, fosthom Melvin Brecher, Warren Cunningham, Joseph Marzella, Walter Wiseman u Leon Loschetter. Geddes, Brecher, Qualls u Cunningham flimkien stabbilew l-azjenda GBQC Architects. L-ewwel premju kien jinkludi għotja ta' 5,000 lira Awstraljana. Utzon żar Sydney fl-1957 biex jgħin fis-superviżjoni tal-proġett.[24] L-uffiċċju tiegħu resaq lejn Palm Beach, Sydney fi Frar 1963.[25]

Utzon ingħata l-Premju Pritzker għall-Arkitettura, l-ogħla unur tal-arkitettura, fl-2003.[26] Il-kwotazzjoni mill-Premju Pritzker kienet:

Ma hemm l-ebda dubju li t-Teatru tal-Opri ta' Sydney huwa kapulavur. Huwa wieħed mill-binjiet ikoniċi l-kbar tas-seklu 20, iħaddan fih sbuħija kbira u sar magħruf mad-dinja kollha – sar simbolu mhux biss tal-belt iżda tal-pajjiż u tal-kontinent kollu.

Disinn u kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Venda tat-Tramm tal-Forti Macquarie, li kienet tokkupa s-sit meta saru dawn il-pjanijiet, twaqqgħet fl-1958 u l-kostruzzjoni tat-teatru bdiet f'Marzu 1959. It-teatru nbena f'erba' stadji: l-istadju I (1957-1959) kien jinkludi l-ippjanar tal-binja; l-istadju II (1959-1963) kien jikkonsisti mill-kostruzzjoni tal-pjattaforma ta' fuq; l-istadju III (1963-1967) kien jikkonsisti mill-kostruzzjoni tal-qxur esterni; u l-istadju IV (1967-1973) kien jikkonsisti mid-disinn u mill-kostruzzjoni fuq ġewwa.

Stadju I: il-Pjattaforma

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istadju I beda fit-2 ta' Marzu 1959 bl-azjenda tal-kostruzzjoni Civil & Civic, immonitorjata mill-inġiniera Ove Arup & Partners. Il-gvern kien għafas biex ix-xogħlijiet jibdew kmieni, minħabba biża' li l-finanzjament, jew l-opinjoni pubblika, iduru kontrih. Madankollu, Utzon kien għadu ma lestiex id-disinni finali. Kien għad hemm kwistjonijiet strutturali maġġuri li kienu għadhom mhux solvuti. Sat-23 ta' Jannar 1961, ix-xogħol kien jinsab 47 ġimgħa lura[27], l-iktar minħabba diffikultajiet mhux mistennija (maltemp, diffikultà mhux mistennija biex jiġi ddevjat l-ilma tax-xita, il-kostruzzjoni bdiet qabel ma kienu tħejjew tpinġijiet xierqa tal-kostruzzjoni, u bidliet fid-dokumenti tal-kuntratt oriġinali). Ix-xogħol fuq il-pjattaforma finalment tlesta fi Frar 1963. Il-bidu bikri sfurzat wassal għal problemi sinifikanti iktar 'il quddiem, l-iktar il-fatt li l-kolonni tal-pjattaforma ma kinux b'saħħithom biżżejjed biex jirfdu l-istruttura tas-saqaf, u kellhom jinbnew mill-ġdid.[28]

Stadju II: is-Saqaf
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qxur tad-disinn tal-kompetizzjoni oriġinarjament kellhom ġeometrija mhux definita, iżda minn kmien fil-proċess tad-disinn, il-"qxur" ġew perċepiti bħala sensiela ta' strutturi mirfuda minn kustilji tal-konkos iffurmat minn qabel. Madankollu, l-inġiniera Ove Arup & Partners ma kinux kapaċi jsibu soluzzjoni aċċettabbli għall-kostruzzjoni tagħhom. Ix-xogħol tal-iffurmar fil-post biex il-konkos ikun jista' jintuża kien ikun għali wisq, u minħabba li ma kien hemm l-ebda repetizzjoni fil-forom tas-soqfa, il-kostruzzjoni tal-konkos iffurmat minn qabel għal kull sezzjoni individwali possibbilment kienet tqum saħansitra iktar flus.

Il-"kustilji" tal-qxur tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney.

Mill-1957 sal-1963, it-tim tad-disinn wettaq mill-inqas 12-il varjetà fil-forma tal-qxur sabiex jipprova jsib forma ekonomikament aċċettabbli (inkluż skemi bi strutturi li jgħattu t-teatru, kustilji ċirkolari u ellipsojdi), qabel ma nstabet soluzzjoni vijabbli. Ix-xogħol tad-disinn fuq il-qxur kien jinvolvi wieħed mill-użi l-iktar bikrin ta' kompjuters fl-analiżi strutturali, sabiex jiġu mifhuma l-forzi kumplessi li l-qxur kienu se jiġu soġġetti għalihom. Is-sistema kompjuterizzata ntużat ukoll fl-assemblaġġ tal-ħnejjiet. Il-"labar" fil-ħnejjiet ġew mistħarrġa fl-aħħar ta' kull jum, u l-informazzjoni kienet tiddaħħal fil-kompjuter biex il-ħnejja ta' wara setgħet titqiegħed kif suppost l-għada. F'nofs l-1961, it-tim tad-disinn sab soluzzjoni għall-problema: li l-qxur kollha jinħolqu bħala sezzjonijiet minn sfera. Din is-soluzzjoni kienet tippermetti li l-ħnejjiet ta' tul differenti jiġu ffurmati f'forma komuni, u għadd ta' segmenti ta' ħnejjiet ta' tul komuni setgħu jitqiegħdu biswit xulxin, biex jiffurmaw sezzjoni sferika. Minn fejn oriġinat eżattament din is-soluzzjoni kienet kwistjoni pjuttost kontroversjali. Oriġinarjament is-soluzzjoni ġiet ikkreditata lil Utzon. F'ittra ta' Ove Arup lil Ashworth, membru tal-Kumitat Eżekuttiv tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, jiddikjara li: "Utzon ħareġ bl-idea li l-qxur isiru b'kurvatura uniformi fiż-żewġ direzzjonijiet". Peter Jones, l-awtur tal-bijografija ta' Ove Arup, jiddikjara li "l-arkitett u dawk li kienu jappoġġawh saħqu li jiftakru l-mument preċiż meta nstabet is-soluzzjoni ...; l-inġiniera u wħud mill-ħaddiema tagħhom, bl-istess konvinzjoni, ifakkru li kien hemm diskussjoni kemm fiċ-ċentru ta' Londra kif ukoll fid-dar ta' Ove".

Il-madum ileqq taċ-ċeramika tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney.

Huwa jsostni wkoll li "l-evidenza eżistenti turi li Arup irsista fir-rigward ta' diversi possibbiltajiet għall-ġeometrija tal-qxur, minn strutturi li jgħattu, sa ellipsojdi u sferi". Yuzo Mikami, membru tat-tim tad-disinn, jippreżenta fehma opposta fil-ktieb tiegħu dwar il-proġett, Utzon's Sphere. Huwa ċar li l-verità assoluta qatt mhu se tkun magħrufa fiċ-ċert, iżda hemm konsensus ċar li t-tim tad-disinn ħadem tassew tajjeb għall-ewwel parti tal-proġett u li Utzon, Arup u Ronald Jenkins (sħab ta' Ove Arup & Partners responsabbli għall-proġett tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney) kollha kellhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tad-disinn.

Kif jiddikjara Peter Murray f'The Saga of the Sydney Opera House:

... iż-żewġt irġiel — u t-timijiet tagħhom — kellhom kollaborazzjoni li kienet notevoli u tat il-frott, u minkejja bosta trawmi, kienet titqies mill-biċċa l-kbira ta' dawk li kienu involuti fil-proġett bħala kollaborazzjoni tajba ħafna bejn l-arkitt u l-inġiniera. (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Id-disinn tas-saqaf ġie ttestjat fuq mudelli ta' skala f'tagħmir li jivverifika l-effett tal-forza tar-riħ fl-Università ta' Southampton u iktar 'il quddiem l-NPL sabiex tiġi stabbilita d-distribuzzjoni tal-pressjoni tar-riħ madwar l-għamla tas-saqaf f'kundizzjonijiet ta' riħ qawwi ħafna, u dawn għenu fid-disinn tal-madum tas-saqaf u fit-twaħħil tiegħu.

Il-qxur tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney billejl; veduta min-Nofsinhar.

Id-disinn immensament kumpless u l-kostruzzjoni tal-qxur tlestew minn Hornibrook Group Pty Ltd, li kienu responsabbli wkoll għall-kostruzzjoni fl-Istadju III. Hornibrook immanifatturaw l-2,400 kustilja ffurmati minn qabel u l-4,000 panew tas-saqaf f'fabbrika fil-post u żviluppaw ukoll il-proċessi tal-kostruzzjoni. Il-kisba ta' din is-soluzzjoni kienet li ġiet evitata l-ħtieġa ta' kostruzzjoni għolja bix-xogħol tal-iffurmar billi ppermettiet l-użu ta' unitajiet iffurmati minn qabel u ppermettiet ukoll il-fabbrikazzjoni minn qabel tal-madumiet tas-saqaf f'folji fuq l-art, minflok kellhom jitwaħħlu waħda waħda fl-għoli.

Il-madum innifsu ġie mmanifatturat mill-kumpanija Żvediża Höganäs Keramik. Kien hemm bżonn tliet snin ta' żvilupp biex jiġi prodott l-effett li ried Utzon li mbagħad sar magħruf bħala l-Madum kwadru ta' 120 mm ta' Sydney. Huwa magħmul mit-tafal b'persentaġġ żgħir ta' ġebel imfarrak.

L-inġinier tas-sit ta' Ove Arup & Partners wettaq is-superviżjoni tal-kostruzzjoni tal-qxur, fejn intużat "ħnejja apposta" innovattiva u aġġustabbli b'qafas qisu kannizzata tal-azzar (żviluppata mill-inġinier ta' Hornibrook Joe Bertony), biex tirfed is-soqfa differenti qabel it-tlestija. Fis-6 ta' April 1962, ġie stmat li t-Teatru tal-Opri ta' Sydney kellu jitlesta bejn Awwissu 1964 u Marzu 1965.

Stadju III: Ġewwa
[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istadju III fuq ġewwa beda biċ-ċaqliq min-naħa ta' Utzon tal-uffiċċju kollu tiegħu lejn Sydney fi Frar 1963. Madankollu, il-gvern inbidel fl-1965, u l-gvern il-ġdid ta' Robert Askin iddikjara li l-proġett kien jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Pubbliċi. Minħabba l-kritiċiżmu tal-Ministeru fir-rigward tal-kostijiet u tad-dewmien tal-proġett, flimkien mal-impressjoni li kellhom li d-disinni ta' Utzon ma kinux prattiċi, dan fl-aħħar mill-aħħar wassal biex Utzon jirriżenja fl-1966 (ara hawn taħt).[29]

Il-kost tal-proġett sa dak iż-żmien, anke f'Ottubru 1966, kien għadu A$22.9 miljun biss, inqas minn kwart tal-kost finali ta' A$102 miljun. Madankollu, il-kostijiet ipproġettati għad-disinn f'dan l-istadju kienu ferm iktar sinifikanti.[30]

Is-Sala tal-Kunċerti qabel ir-rinnovazzjonijiet tal-2020.

It-tieni stadju tal-kostruzzjoni kien wasal biex jitlesta meta Utzon irriżenja. Il-kariga tiegħu inizjalment għaddiet għand Peter Hall, li sar responsabbli l-iktar għad-disinn fuq ġewwa. Persuni oħra maħtura dik is-sena biex jieħdu post Utzon kienu E. H. Farmer bħala arkitett tal-gvern, D. S. Littlemore u Lionel Todd.

Wara r-riżenja ta' Utzon, il-konsulent tal-akustika, Lothar Cremer, ikkonferma lill-Kumitat Eżekuttiv tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney (SOHEC) li d-disinn akustiku oriġinali ta' Utzon kien jippermetti 2,000 post bilqiegħda biss fis-sala prinċipali u ddikjara wkoll li jekk l-għadd ta' postijiet bilqiegħda jiżdied għal 3,000 kif speċifikat fit-tagħrif fil-qosor mill-gvern, l-effett kien ikun diżastruż għall-akustika. Skont Peter Jones, id-disinjatur tal-palk, Martin Carr, ikkritika l-"għamla, l-għoli u l-wisa' tal-palk, il-faċilitajiet fiżiċi għall-artisti, il-pożizzjonament tal-postijiet fejn kienu jbiddlu l-artisti, il-wisa' tal-bibien u tal-liftijiet, u l-pożizzjonament tal-iswiċċbords tat-tidwil".[31]

Iż-żona ta' lqugħ tat-Teatru Joan Sutherland, bl-istruttura interna b'qafas tal-azzar tal-ħitan tal-ħġieġ; il-kostruzzjonijiet finali ġew immodifikati mid-disinni oriġinali ta' Utzon.
Iż-żona ta' lqugħ tas-Sala tal-Kunċerti.

Bidliet sinifikanti fid-disinn ta' Utzon

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Is-sala l-kbira, li oriġinarjament kellha tkun sala tal-kunċerti, tal-opri jew ta' diversi spettakli, saret sala tal-kunċerti biss. Is-sala ż-żgħira, li oriġinarjament kellha tintuża għall-produzzjonijiet fuq il-palk biss, inkorporat l-opri u ż-żfin klassiku u ngħatat l-isem ta' Teatru tal-Opri, u iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala t-Teatru Joan Sutherland. B'hekk, it-Teatru Joan Sutherland mhuwiex adegwat għall-opri u għaż-żfin klassiku fuq skala kbira. Żdiedu wkoll teatru, ċinema u librerija. Iktar 'il quddiem dawn inbidlu f'żewġ teatri tad-drama u f'teatru iżgħar, li issa jiffurmaw it-Teatru tad-Drama, it-Teatru tar-Reċti u l-Istudjo rispettivament. Dawn il-bidliet saru primarjament minħabba inadegwatezzi fit-tagħrif fil-qosor oriġinali tal-kompetizzjoni, li ma għamilhiex ċara biżżejjed kif kellu jintuża t-Teatru tal-Opri ta' Sydney. Il-konfigurazzjoni tat-teatru fuq ġewwa nbidlet, u l-makkinarju tal-palk, li diġà kien ġie ddisinjat u armat ġewwa s-sala l-kbira, tneħħa u ntrema, kif spjegat fid-dokumentarju televiżiv tal-1968 tal-BBC Autopsy on a Dream, li "jirrakkonta l-firxa sħiħa tal-kontroversja rigward il-kostruzzjoni tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney".[32]
  • Fuq barra, it-tlibbis tal-pjattaforma u l-pavimentar (oriġinarjament, il-pjattaforma ma kellhiex titlibbes sal-ilma, iżda kellha titħalla miftuħa).
  • Il-kostruzzjoni tal-ħitan tal-ħġieġ (Utzon kien qed jippjana li juża sistema ta' oqfsa tal-plywood iffabbrikati minn qabel, iżda ġiet iddisinjata sistema differenti għal mal-ħġieġ).
  • Id-disinni tal-plywood mal-kurituri ta' Utzon, u d-disinni tal-akustika u tal-postijiet bilqiegħda fuq ġewwa ż-żewġ swali l-kbar ġew skartati għalkollox. Id-disinn tiegħu għas-Sala tal-Kunċerti ġie rrifjutat għaliex il-postijiet bilqiegħda ppjanati kienu 2,000 biss, li tqies li ma kinux biżżejjed. Utzon impjega l-konsulent tal-akustika Lothar Cremer, u d-disinni tiegħu għas-swali l-kbar iktar 'il quddiem ġew immudellati u nstab li kienu tajbin ħafna. Il-verżjonijiet sussegwenti ta' Todd, Hall u Littlemore tas-swali l-kbar għandhom xi problemi bl-akustika, b'mod partikolari għall-mużiċisti tal-ispettakli. Il-post allokat għall-orkestra fit-Teatru Joan Sutherland huwa żgħir u perikoluż għas-smigħ tal-mużiċisti. Is-Sala tal-Kunċerti għandha saqaf għoli ħafna, u dan iwassal għal nuqqas ta' riflessjonijiet bikrin fuq il-palk — iktar 'il quddiem ġew installati ċrieki tal-perspex (magħrufa bħala "sħabiet akustiċi") fuq il-palk ftit qabel il-ftuħ f'tentattiv (li ma rnexxiex) li tiġi indirizzata l-problema.[33]

Tlestija u kost

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney tlesta formalment fl-1973 b'kost ta' A$102 miljun.[34] H.R. "Sam" Hoare, id-direttur ta' Hornibrook inkarigat bil-proġett, ipprovda l-istimi li ġejjin fl-1973: l-Istadju I: il-pjattaforma; Civil & Civic Pty Ltd, bejn wieħed u ieħor $5.5 miljun; l-Istadju II: il-qxur tas-saqaf; M.R. Hornibrook (NSW) Pty Ltd, bejn wieħed u ieħor $12.5-il miljun; u l-Istadju III: it-tlestija; il-Grupp ta' Hornibrook, $56.5 miljun. Kuntratti separati: it-tagħmir tal-palk, it-tidwil tal-palk u l-orgni $9.0 miljun. Miżati u kostijiet oħra: $16.5-il miljun.

Il-kost oriġinali u l-istimi skedati fl-1957 ipproġettaw kost ta' £3,500,000 ($7 miljun) u d-data tat-tlestija kienet ipproġettata għas-26 ta' Jannar 1963 (Jum l-Awstralja). Fir-realtà, il-proġett tlesta għaxar snin tard u f'termini reali sewa 1,357 % iktar mill-baġit.

Strajk u Kontroll tal-Ħaddiema

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1972, ħaddiem tal-kostruzzjoni tkeċċa, u dan wassal biex il-ħaddiema affiljati mal-BLF jitolbu li jerġa' jiġi impjegat u tiżdied il-paga b'25 %. Bħala rispons għal dan, il-ħaddiema kollha tkeċċew, u bi tpattija l-ħaddiema qabdu u daħlu fis-sit tal-kostruzzjoni u ġabu magħhom il-kaxxi tal-għodda tagħhom stess. Il-kontroll tal-ħaddiema ġie applikat fis-sit għal ħames ġimgħat, u l-ħaddiema tal-kostruzzjoni ħadmu 35 sigħa fil-ġimgħa b'moral imtejjeb, organizzazzjoni iktar effiċjenti u inqas nies jiskartaw. Il-ħaddiema qablu li jtemmu l-protesta tagħhom meta l-qasam tal-immaniġġjar qabel li jagħtihom żieda fil-paga ta' 25 %, id-dritt li jagħżlu min kien se jkun fuqhom fix-xogħol, erba' ġimgħat liv annwali u somma kbira tal-inkonvenjent.[35][36]

Il-binja mdawla billejl.

Utzon u r-riżenja tiegħu

[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel il-kompetizzjoni tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, Jørn Utzon kien rebaħ seba' mit-18-il kompetizzjoni li kien daħal għalihom iżda d-disinni tiegħu qatt ma kienu nbnew. Il-kunċett li kien bagħat Utzon għat-Teatru tal-Opri ta' Sydney kien ammirat kważi b'mod universali u tqies bħala rivoluzzjonarju. Ir-Rapport tal-Valutaturi ta' Jannar 1957 iddikjara:

It-tpinġijiet li ntbagħtu għal din l-iskema huma tant sempliċi li qishom dijagrammatiċi. Minkejja dan, iktar ma studjajna dawn it-tpinġijiet, konna konvinti li jippreżentaw kunċett ta' Teatru tal-Opri li kapaċi jsir wieħed mill-binjiet il-kbar tad-dinja.

Għall-ewwel stadju, Utzon irnexxielu jaħdem sew mal-bqija tat-tim tad-disinn u mal-klijent, iżda kif il-proġett mexa 'l quddiem, il-gvern ta' Cahill insista li jsiru reviżjonijiet progressivi. Barra minn hekk ma apprezzawx il-kostijiet jew ix-xogħol involut fid-disinn u fil-kostruzzjoni. Tensjonijiet bejn il-klijent u t-tim tad-disinn komplew jikbru meta ntalab bidu bikri tal-kostruzzjoni minkejja li d-disinn ma kienx komplut. Dan wassal f'sensiela kontinwa ta' dewmien u ta' diffikultajiet, filwaqt li diversi kwistjonijiet tekniċi tal-inġinerija kienu qed jiġu rfinuti. Il-binja kienet unika, u l-problemi bid-disinn u ż-żidiet fil-kost, komplew jaggravaw meta beda x-xogħol, qabel it-tlestija tal-pjanijiet finali. Wara l-elezzjoni tal-1965 tal-Partit LiberalI, meta Robert Askin sar Premier ta' New South Wales, ir-relazzjoni bejn il-klijent, l-arkitett, l-inġiniera u l-kuntratturi kompliet tmur għall-agħar. Askin kien "kritiku voċiferu tal-proġett qabel ma kiseb it-tmun politiku".[37] Il-Ministru l-ġdid tiegħu għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Davis Hughes, kien ferm inqas simpatizzanti. Elizabeth Farrelly, kritika tal-arkitettura Awstraljana, kitbet li:

f'festin b'ċena lejliet l-elezzjoni f'Mosman, bint Hughes Sue Burgoyne ftaħret li missierha dalwaqt kien se jkeċċi lil Utzon. Hughes ma kellu l-ebda interess fl-arti, fl-arkitettura u fl-estetika. Quddiem il-Parlament kien ħareġ li għal 19-il sena huwa kien iddikjara li kellu lawrija universitarja mentri dan ma kienx minnu. B'hekk kien tneħħa minn mexxej tal-partit tiegħu. It-Teatru tal-Opri kien opportunità ġdida għal Hughes. Għalih, u l-istess għal Utzon, kienet kwistjoni ta' kontroll; kwistjoni tat-trijonf tal-medjokrità lokali fuq il-ġenju barrani.[38]

Veduta tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney mit-Tramuntana.

Id-differenzi baqgħu jeżistu. Waħda minn tal-bidu kienet li Utzon kien jemmen li l-klijenti għandhom jirċievu l-informazzjoni dwar l-aspetti kollha tad-disinn u tal-kostruzzjoni permezz tal-prattika tiegħu, filwaqt li l-klijenti riedu sistema (l-iktar impinġija bħala skizzi minn Davis Hughes) li biha l-arkitett, il-kuntratturi u l-inġiniera lkoll kienu jirrappurtaw lill-klijent b'mod dirett u separat. Dan kellu implikazzjonijiet kbar għall-metodi tal-akkwist u għall-kontroll tal-kostijiet, fejn Utzon xtaq jinnegozja l-kuntratti mal-fornituri magħżula (bħal pereżempju Ralph Symonds għall-plywood fuq ġewwa) u l-gvern ta' New South Wales baqa' jinsisti li l-kuntratti jitressqu għal sejħa għall-offerti.

Utzon qagħad lura milli jwieġeb il-mistoqsijiet jew għall-kritika mill-Kumitat Eżekuttiv tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney (SOHEC). Madankollu, huwa kien appoġġat bil-kbir il-ħin kollu minn membru tal-kumitat u minn wieħed mill-ġurija tal-kompetizzjoni oriġinali, Harry Ingham Ashworth. Utzon ma riedx jasal għal kompromess rigward ċertu aspetti tad-disinni tiegħu li l-klijenti riedu jibdlu.

Il-kapaċità ta' Utzon qatt ma tpoġġiet f'dubju, minkejja l-mistoqsijiet imqajma minn Davis Hughes, li pprova jpinġi lil Utzon bħala bniedem li joħlom u mhux prattiku. Ove Arup effettivament stqarr li Utzon "x'aktarx kien l-aqwa arkitett li qatt iltqajt miegħu fost il-ħafna li ltqajt magħhom fl-esperjenza twila tiegħu ta' ħidma mal-arkitetti" u li "t-Teatru tal-Opri ta' Sydney seta' jsir l-iżjed kapulavur kontemporanju tad-dinja jekk Utzon jitħalla jaħdem kif jgħidlu moħħu".

Veduta tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, bil-Pont tal-Port ta' Sydney fl-isfond, mil-Lvant tal-Ġonna Botaniċi.

F'Ottubru 1965, Utzon ta skeda lil Hughes bid-dati tat-tlestija ta' partijiet mix-xogħol tiegħu għall-Istadju III. Dak iż-żmien Utzon kien qed jaħdem mill-qrib ma' Ralph Symonds, manifattur tal-plywood ibbażat f'Sydney u rinomat, minkejja li inġinier ta' Arup wissa li "l-għarfien ta' Ralph Symonds rigward il-partijiet tad-disinn li jirrikjedu l-plywood ma tantx kien wisq" u li l-konsulenza teknika kienet waħda "elementari u kompletament inutli għall-iskopijiet tal-proġett". Il-kritika tal-arkitettura Awstraljana Elizabeth Farrelly irreferiet għall-inġinier tal-proġett ta' Ove Arup, Michael Lewis, bħala wieħed li kellu "aġendi oħra". Fi kwalunkwe każ, ftit wara, Hughes irtira l-permess għall-kostruzzjoni ta' prototipi tal-plywood għall-ispazji fuq ġewwa, u r-relazzjoni bejn Utzon u l-klijent qatt ma rkupraw. Sa Frar 1966, Utzon kellu jitħallas iktar minn $100,000 f'miżati. Hughes ibblokka l-finanzjament u b'hekk Utzon lanqas seta' jħallas lill-persunal tiegħu stess. Skont il-minuti tal-gvern, wara diversi theddidiet ta' riżenja, Utzon finalment iddikjara lil Davis Hughes: "Jekk ma toħroġx il-permess, nirriżenja". Hughes wieġeb: "Naċċetta r-riżenja tiegħek. Grazzi ħafna. Saħħa."

Utzon abbanduna l-proġett fit-28 ta' Frar 1966. Huwa qal li r-rifjut ta' Hughes li jħallsu xi miżati u n-nuqqas ta' kollaborazzjoni wassluh biex jirriżenja u iktar 'il quddiem iddeskriva s-sitwazzjoni bħala "Malice in Blunderland". F'Marzu 1966, Hughes offrielu rwol bħala "arkitett tad-disinn" taħt bord ta' arkitetti eżekuttivi, mingħajr l-ebda setgħa superviżorja fuq il-kostruzzjoni tat-teatru, iżda Utzon irrifjuta. Utzon telaq mill-pajjiż u qatt ma reġa' lura.

Veduta tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney min-Nofsinhar.

Wara r-riżenja, kien hemm kontroversja kbira dwar min għamel tajjeb u min le. The Sydney Morning Herald inizjalment iddikjarat: "L-ebda arkitett fid-dinja ma kellu daqshekk libertà daqs is-Sur Utzon. Ftit klijenti kienu daqstant paċenzjużi jew ġenerużi mill-poplu u l-gvern ta' New South Wales. Wieħed ma jkunx irid li fl-istorja jibqa' mfakkar li din is-sħubija ntemmet minħabba li naħa jew oħra tilfet il-paċenzja jew inkorlat". Fis-17 ta' Marzu 1966, il-Herald kienet tal-fehma li: "Ma kienx tort tiegħu [ta' Utzon] li suċċessjoni ta' gvernijiet u t-Trust tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney ma rnexxilhomx jimponu xi forma ta' kontroll jew ordni fir-rigward tal-proġett ... il-kunċett tiegħu tant kien ambizzjuż li hu nnifsu seta' jsolvi l-problemi tiegħu pass wara pass biss ... l-insistenza tiegħu fuq il-perfezzjoni wasslitu biex jibdel id-disinn tiegħu mal-andament tax-xogħol".

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney witta t-triq għall-ġeometriji immensament kumplessi ta' wħud mill-binjiet tal-arkitettura moderna. Id-disinn kien wieħed mill-ewwel eżempji tal-użu tad-disinn bl-għajnuna tal-kompjuter għad-disinn ta' għamliet kumplessi. It-tekniki tad-disinn żviluppati minn Utzon u minn Arup għat-Teatru tal-Opri ta' Sydney komplew jiġu żviluppati iktar u issa jintużaw għall-arkitettura, pereżempju fix-xogħlijiet ta' Gehry u l-blobitettura, kif ukoll fil-biċċa l-kbira tal-istrutturi tal-konkos rinfurzat. Id-disinn huwa wieħed minn tal-bidu fid-dinja li uża l-araldit biex jitwaħħlu flimkien elementi strutturali ffurmati minn qabel u wrew bil-provi li l-kunċett seta' jintuża fil-futur.

Kien ukoll wieħed minn tal-bidu fl-inġinerija mekkanika. Azjenda Daniża oħra, Steensen Varming, kienet responsabbli għad-disinn ta' impjant ġdid tal-arja kkundizzjonata, l-ikbar fl-Awstralja dak iż-żmien, li kellu jforni iktar minn 600,000 pied kubu (17,000 m3) ta' arja fil-minuta, u kellu l-idea innovattiva li l-ilma tal-port jintuża biex tinħoloq sistema ta' pompa tas-sħana mkessħa bl-ilma li għadha tintuża sa llum il-ġurnata.

Veduta minn quddiem it-taraġ monumentali.

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney infetaħ formalment mir-Reġina Eliżabetta II fl-20 ta' Ottubru 1973 u attendiet folla kbira. Utzon ma ġiex mistieden għaċ-ċerimonja, u ismu lanqas issemma. Il-ftuħ ixxandar fuq it-televiżjoni u kien jinkludi ġigġifogu u ndaqqet is-Sinfonija Nru 9 ta' Beethoven.[39]

Rikonċiljazzjoni ma' Utzon; rinnovazzjoni tal-binja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, it-Trust tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney reġa' beda jikkomunika ma' Utzon f'tentattiv ta' rikonċiljazzjoni u biex jiġi żgurat l-involviment tiegħu fil-bidliet futuri fil-binja. Fl-1999 inħatar mit-trust bħala konsulent tad-disinn għax-xogħol futur.[40]

Fl-2004, infetaħ l-ewwel spazju fuq ġewwa mibni mill-ġdid skont disinn ta' Utzon imsejjaħ "Is-Sala ta' Utzon" biex jingħata ġieħ. Fiha tapizzerija oriġinali ta' Utzon (14.00-il metru x 3.70 metri) imsejħa Ġieħ lil Carl Philipp Emanuel Bach. F'April 2007, huwa ppropona rikostruzzjoni maġġuri tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney.[41] Utzon miet fid-29 ta' Novembru 2008.[42]

Servizz funebri statali, bl-attendenza ta' iben Utzon Jan u ta' bintu Lin, ġie ċċelebrat fis-Sala tal-Kunċerti fil-25 ta' Marzu 2009 bi spettakli, qari u tifkiriet minn figuri prominenti fix-xena tal-arti tal-ispettakli fl-Awstralja.

Is-Sala ta' Utzon: mibnija mill-ġdid taħt Utzon fis-sena 2000 bit-tapizzerija tiegħu, Ġieħ lil Carl Philipp Emanuel Bach.

Ir-rinnovazzjoni taż-Żona ta' Lqugħ tal-Punent u titjib fl-aċċessibbiltà ġew ikkummissjonati fis-17 ta' Novembru 2009, l-ikbar proġett tal-bini li tlesta minn mindu Utzon reġa' ġie involut fl-1999. Iddisinjat minn Utzon u minn ibnu Jan, il-proġett ipprovda titjib fil-qtugħ tal-biljetti u fil-faċilitajiet tat-tojlits u taż-żamma tal-kowtijiet. Permezz ta' escalators ġodda u lift pubbliku ttejbet l-aċċessibbiltà għan-nies b'diżabbiltà u għall-familji bil-prams għat-trabi. L-atleta Paraolimpika prominenti Louise Sauvage ġiet imħabbra bħala l-"ambaxxatriċi tal-aċċessibbiltà" tal-binja biex tagħti pariri rigward titjib ulterjuri li seta' jgħin lin-nies b'diżabbiltà.

Fl-2013, opra tal-arti twila 60 metru tal-artist Reg Mombassa ġiet żvelata fit-Teatru tal-Opri ta' Sydney. It-trittiku Gumscape, Road and Creatures ġie kkummissjonat mit-Teatru tal-Opri ta' Sydney biex jgħatti l-armar tax-xogħol ta' rinnovazzjoni.[43]

Fid-29 ta' Marzu 2016, tapizzerija oriġinali tal-1959 ta' Le Corbusier (2.18 metri x 3.55 metri), ikkummissjonata minn Utzon biex issebbaħ it-Teatru tal-Opri ta' Sydney fuq ġewwa u msejħa Les Dés Sont Jetés, ġiet żvelata finalment fil-post wara li kienet fil-pussess tal-familja Utzon f'darhom fid-Danimarka għal iktar minn 50 sena. It-tapizzerija nxtrat f'irkant mit-Teatru tal-Opri ta' Sydney f'Ġunju 2015. Issa tinsab fiż-Żona ta' Lqugħ tal-Punent tal-binja u hija aċċessibbli għall-pubbliku.[44]

Fit-tieni nofs tal-2017, it-Teatru Joan Sutherland ingħalaq biex jiġi sostitwit il-makkinarju tal-palk u biex isiru xogħlijiet oħra.

Ir-rwol ta' Peter Hall fid-disinn arkitettoniku

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara r-riżenja ta' Utzon, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Davis Hughes, u l-arkitett tal-gvern, Ted Farmer, organizzaw tim biex it-Teatru tal-Opri ta' Sydney jitlesta. Ix-xogħol arkitettoniku nqasam bejn tliet persuni maħtura li ffurmaw is-sħubija ta' Hall, Todd u Littlemore. David Littlemore ħa ħsieb is-superviżjoni tal-kostruzzjoni, Lionel Todd ħa ħsieb id-dokumentazzjoni tal-kuntratti, filwaqt li Peter Hall kellu r-rwol kruċjali li jieħu ħsieb id-disinn.[45]

Peter Hall (1931-1995) kiseb lawrija fl-arti u fl-arkitettura fl-Università ta' Sydney. Wara li ggradwa, bis-saħħa ta' borża ta' studju seta' jqatta' tnax-il xahar jivvjaġġa fl-Ewropa u matul dak iż-żmien żar lil Utzon f'Hellebæk.[46] Meta mar lura Sydney, Hall ħadem għall-arkitetti tal-gvern, fergħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ta' New South Wales. Hemmhekk stabbilixxa lilu nnifsu bħala arkitett tad-disinn li kellu t-talent, u ddisinja għadd ta' binjiet tal-qorti u tal-università, inkluż is-Sala ta' Goldstein fl-Università ta' New South Wales, li rebbħitu l-medalja ta' Sir John Sulman fl-1964.

Hall irriżenja mill-uffiċċju tal-arkitetti tal-gvern fil-bidu tal-1966 u stabbilixxa l-uffiċċju tiegħu stess. Meta ġie offrut biex ikollu r-rwol tad-disinn, wara li mill-inqas żewġ arkitetti prominenti ta' Sydney kienu rrifjutaw, Hall tkellem ma' Utzon fuq it-telefown qabel ma aċċetta l-kariga. Utzon jingħad li qal lil Hall: "hu (Hall) mhux se jirnexxilu jtemm ix-xogħol u l-gvern se jkollu jerġa' jistieden lilu". Hall talab il-parir ta' oħrajn, inkluż l-arkitett Don Gazzard li wissieh li jekk jaċċetta ikun qed jagħmel mossa ħażina għall-karriera tiegħu peress li l-proġett "qatt ma kien se jkun tiegħu biss".[47]

Hall qabel li jaċċetta r-rwol bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li Utzon jerġa' jiġi mistieden. Il-ħatra tiegħu xorta waħda ma ntlaqgħitx tajjeb minn ħafna mill-arkitetti kollegi tiegħu li kienu tal-fehma li ħadd għajr Utzon ma kellu jlesti t-Teatru tal-Opri ta' Sydney. Wara t-tneħħija ta' Utzon, saret protesta fil-Punt ta' Bennelong. Tqassmet ukoll petizzjoni, inkluż fl-uffiċċju tal-arkitetti tal-gvern. Peter Hall kien wieħed mill-ħafna li kienu ffirmaw il-petizzjoni li kienet qed titlob li Utzon jerġa' jiġi mistieden.

Meta Hall qabel li jkollu r-rwol tad-disinn u nħatar f'April 1966, huwa immaġina li d-disinn u d-dokumentazzjoni għall-Istadju III kien se jsibhom fi stadju avvanzat sew. Iżda dan ma kienx il-każ u sab ammont enormi ta' xogħol xi jsir b'bosta aspetti li ma kinux ġew solvuti għalkollox minn Utzon b'rabta mal-postijiet bilqiegħda, l-akustika u l-istruttura. Barra minn hekk, Hall sab li l-proġett kien ipproċeda għal disa' snin mingħajr ma kien tfassal rapport konċiż għall-klijenti. Sabiex jiġi aġġornat ma' dak li kien sar, Hall investiga s-swali tal-kunċerti u tal-opri barra l-pajjiż u kkuntattja lill-konsulent tal-palk Ben Schlange u lill-konsulent tal-akustika Wilhelm Jordan, filwaqt li stabbilixxa t-tim tiegħu. F'konsultazzjoni mal-utenti potenzjali kollha tal-binja, l-ewwel Rieżami tal-Programm tlesta f'Jannar 1967. L-iżjed konklużjoni sinifikanti li ntlaħqet minn Hall kienet li l-kunċerti u l-opri fl-istess sala ma kinux kompatibbli. Għalkemm Utzon kien wettaq skizzi tal-ideat tiegħu bl-użu tal-plywood għall-ħitan il-kbar tal-ħġieġ, il-vijabbiltà strutturali tagħhom ma kinitx ġiet solvuta meta Hall ħa r-rwol tad-disinn. Bil-kapaċità li jiddelega l-kompiti u jikkoordina b'mod effettiv ix-xogħol tal-konsulenti, Hall iggwida l-proġett għal iktar minn ħames snin sa jum il-ftuħ fl-1973.[48]

Eks arkitett tal-gvern, Peter Webber, fil-ktieb tiegħu Peter Hall: the Phantom of the Opera House, jikkonkludi: "meta Utzon irriżenja, ma kien hemm ħadd iktar ikkwalifikat (minn Hall) biex jindirizza l-isfida tat-tlestija tad-disinn tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney".[49]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-28 ta' Ġunju 2007.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem".[7]

L-ewwel spettakli

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-fażi tal-kostruzzjoni, spiss kienu jiġu rranġati spettakli ta' ħin l-ikel għall-ħaddiema, u l-vokalista Amerikan Paul Robeson kien l-ewwel artist li wettaq spettaklu hemmhekk fl-1960.

Diversi spettakli ġew ippreżentati qabel il-ftuħ uffiċjali:

  • L-ewwel spettaklu solista bil-pjanu sar fis-Sala tal-Kunċerti fl-10 ta' April 1973 minn Romola Costantino quddiem udjenza mistiedna.[50]
  • L-ewwel opra kienet dik ta' Sergei Prokofiev, Gwerra u Paċi, f'dak li dak iż-żmien kien magħruf bħala t-Teatru tal-Opri fit-28 ta' Settembru 1973, iddireġuta mid-Direttur Mużikali tal-Opri Awstraljani, Edward Downes. Il-ħsieb kien li x-xogħol ta' Peter Sculthorpe Rites of Passage jingħata dan l-unur, iżda ma kinitx lesta fil-ħin. Rites of Passage ttellgħet kważi sena wara fis-27 ta' Settembru 1974.
  • L-ewwel spettaklu tal-opri li ttella' filgħaxija kien dak ta' Larry Sitsky, The Fall of the House of Usher, iddireġut minn Rex Hobcroft[51] u mtella' flimkien ma' Dalgerie ta' James Penberthy, b'librett ta' Mary Durack; sar fil-25 ta' Lulju 1973.[52]
  • L-ewwel kunċert pubbliku fis-Sala tal-Kunċerti sar fid-29 ta' Settembru 1973. Kien kunċert orkestrali kollu ta' Wagner f'idejn l-Orkestra Sinfonika ta' Sydney, iddireġut minn Charles Mackerras b'Birgit Nilsson bħala sopran solista. L-ewwel mużika li ndaqqet kienet il-Preludju ta' Die Meistersinger von Nürnberg. Il-kunċert spiċċa bix-Xena tal-Immolazzjoni minn Götterdämmerung.[53]

Wara l-ftuħ:

Avvenimenti pubbliċi u kommemorattivi

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru tal-Opri ta' Sydney waqt l-avveniment Vivid Sydney (2019).

Fl-1993, Constantine Koukias ġie kkumissjonat mit-Trust tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney b'assoċjazzjoni mat-Teatru REM biex jikkomponi Ikona, mużika teatrali fuq skala kbira, għall-20 anniversarju tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney.[55]

Matul il-Logħob Olimpiku tas-sajf tas-sena 2000, it-teatru ntuża bħala l-punt fokali għall-avvenimenti tat-triatlon. L-avveniment kien jinkludi ċirku tal-għawm twil 1.5 km (0.9 mili) f'Farm Cove, kif ukoll kompetizzjonijiet fil-Ġonna Botaniċi Rjali fil-qrib għall-partijiet taċ-ċikliżmu u tal-ġiri tal-avveniment.[56]

Mill-2013, grupp ta' residenti mill-Appartamenti ta' Bennelong fil-qrib (magħrufa aħjar bħala "The Toaster"), li jsejħu lilhom infushom bħala l-Grupp ta' Ċittadini Mħassba dwar it-Teatru tal-Opri ta' Sydney, qed iwettqu kampanja kontra l-Kunċerti quddiem it-Teatru tal-Opri ta' Sydney minħabba li jisbqu l-livelli ta' storbju msemmija fl-approvazzjoni tal-iżvilupp. Fi Frar 2017, id-Dipartiment tal-Ippjanar u l-Ambjent ta' New South Wales ta multa ta' A$15,000 lit-Teatru tal-Opri ta' Sydney talli kiser il-livelli ta' storbju permessi f'kunċert li sar f'Novembru 2015. Madankollu, l-approvazzjoni tal-iżvilupp ġiet emendata fl-2016 biex tippermetti żieda fil-livelli ta' storbju quddiem it-teatru b'ħames deċibel. Ir-residenti li qed jopponu l-kunċerti huma tal-fehma li kellha tingħata approvazzjoni tal-iżvilupp ġdida iktar milli ssir emenda.[57]

Il-qlugħ tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney iffurmaw skrin ta' projezzjoni tal-grafika fi spettaklu bid-dwal imtella' b'rabta mar-Rieżami tal-Flotta Internazzjonali fil-Port ta' Sydney fil-5 ta' Ottubru 2013.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, għall-40 anniversarju tat-teatru, ġie organizzat spettaklu tal-Ewwel tas-Sena bil-ġigġifogu għall-ewwel darba f'deċennju.[58] It-Teatru tal-Opri ta' Sydney ospita avveniment imsejjaħ "the biggest blind date" nhar il-Ġimgħa l-21 ta' Frar 2014 li rebaħ Rekord Dinji storiku tal-Guinness.[59] L-iżjed impjegat li ħadem b'mod kontinwu fit-teatru ġie kkomemorat fis-27 ta' Ġunju 2018 għal 50 sena ta' servizz.[60]

Fl-14 ta' Ġunju 2019, servizz funebri statali għall-eks Prim Ministru tal-Awstralja Bob Hawke sar fit-Teatru tal-Opri ta' Sydney.[61]

Kontroversja tar-reklamar

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-5 ta' Ottubru 2018, il-kap eżekuttiv tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney, Louise Herron, kellha xi tgħid mal-kummentatur tar-radju ta' Sydney Alan Jones, li appella biex titkeċċa talli rrifjutat li tippermetti lir-Racing NSW jużaw il-qlugħ tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney biex jirreklamaw it-tiġrija taż-żwiemel ta' The Everest. Fi ftit sigħat, il-Premier ta' New South Wales Gladys Berejiklian mar kontra d-deċiżjoni ta' Herron. Jumejn wara, il-Prim Ministru Scott Morrison appoġġa d-deċiżjoni tal-Premier, u sejjaħ it-Teatru tal-Opri ta' Sydney bħala "l-ikbar billboard li għandha Sydney".[62] Il-mexxej tal-Partit Laburista ta' New South Wales, Luke Foley, u l-membru federali anzjan tal-Partit Laburista Anthony Albanese kienu appoġġaw il-proposta.[63] Il-fehma politika ma kinitx appoġġata minn parti sinifikanti tal-opinjoni pubblika, u tressqet petizzjoni kontra r-reklamar fejn inġabru iktar minn 298,000 firma sad-9 ta' Ottubru 2018.[64] 235,000 dokument stampat tal-petizzjoni ġew ippreżentati lill-Parlament ta' New South Wales dakinhar filgħodu.[65] Minn stħarriġ li sar fit-8 ta' Ottubru mill-azjenda tar-riċerka tas-suq Micromex ħareġ li 81 % ta' dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ ma kinux jappoġġaw id-direzzjoni tal-Premier.[66]

Spettakli notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1960 – L-ewwel persuna li għamlet spettaklu fit-Teatru tal-Opri ta' Sydney kienet Paul Robeson – huwa kanta "Ol' Man River" lill-ħaddiema tal-kostruzzjoni f'ħin l-ikel.
  • 1973 – Gwerra u Paċi ta' Sergei Prokofiev, fit-28 ta' Settembru 1973.[67]
  • 1973 – Kunċert gala ta' ftuħ fis-Sala tal-Kunċerti b'mużika ta' Richard Wagner. L-Orkestra Sinfonika ta' Sydney taħt is-surmast Sir Charles Mackerras. Solista: is-soprana Żvediża Birgit Nilsson, fid-29 ta' Settembru 1973.
  • 1973 – The Carol Burnett Show, bi spettakli komiċi, kant u żfin; inkluż Tim Conway bħala l-iżjed surmast anzjan fid-dinja.
  • 1974 – Il-kantanta tal-opri Joan Sutherland tat spettaklu għall-ewwel darba fit-teatru li mbagħad ingħata isimha.
  • 1978 – Ir-rockers Irlandiżi Thin Lizzy għamlu kunċert mingħajr ħlas fuq it-taraġ li mbagħad inħareġ fil-vinil Thin Lizzy Live at Sydney Harbour '78.[68]
  • 1985 – Il-klassiku ta' Ray Lawler Doll Trilogy.
  • 1987 – Papa Ġwanni Pawlu II ta diskors fis-Sala tal-Kunċerti matul iż-żjara tiegħu fl-Awstralja.
  • 1990 – Nelson Mandela indirizza folla ta' 40,000 ruħ u attenda spettaklu korali ta' Nkosi Sikelel’ iAfrica ("Alla Bierek l-Afrika").
  • 1991 – Joan Sutherland tat l-aħħar spettaklu tagħha.
  • 1995 – Saint Joan ta' Bernard Shaw: bil-protagonista Jacqueline McKenzie fir-rwol ta' Ġovanna t'Arc.[69]
  • 1996 – Crowded House taw l-ispettaklu rekord tagħhom Farewell to the World fuq it-taraġ.
  • 2000 – L-għawwiema Samantha Riley qagħdet bilwieqfa fil-quċċata ta' waħda mill-qxur tas-Sala tal-Kunċerti bit-Torċa Olimpika, qabel ma bagħtet il-fjamma lejn il-vjaġġ finali tagħha biex tqabbad il-ħuġġieġa fl-Istadjum tal-Awstralja.[70]
  • 2003 – L-ispettaklu rebbieħ tal-Premju Pulitzer Proof ta' David Auburn, bil-protagonisti Jacqueline McKenzie u Barry Otto.
  • 2004 – Il-kantant Kanadiż Michael Bublé ta spettaklu fis-Sala tal-Kunċerti.
  • 2008 – L-ispettaklu premiere ta' "Anġli tal-Arkitettura" ta' Frank Ticheli, kompożizzjoni b'banda ta' strumenti tan-nifs ispirata mit-Teatru tal-Opri ta' Sydney stess; is-surmast kien Matthew George.
  • 2009 – L-ewwel programm ta' VIVID Live Music; il-kuratur kien Brian Eno.
  • 2011 – Oprah Winfrey ħadmet Ultimate Australian Adventure quddiem it-Teatru tal-Opri ta' Sydney.[71]
  • 2020 – L-ewwel spettaklu ta' Six fl-Awstralja sar fit-teatru tal-Istudjo; wieħed mill-ewwel hits mużikali f'dak it-teatru.
  • Premju RAIA għall-Merti tal-1974.
  • Premju tad-Tidwil għall-Merti tas-Soċjetà tal-Inġinerija tat-Tidwil tal-Awstralja tal-1974.
  • Premju RAIA għad-Disinn Ċiviku tal-1980.
  • Premju RAIA Kommemorattiv, Jørn Utzon – Teatru tal-Opri ta' Sydney, 1992.

Referenzi kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Teatru tal-Opri ta' Sydney (spiss flimkien mal-Pont tal-Port ta' Sydney fil-qrib), jintuża b'mod frekwenti fil-films taċ-ċinema u tat-televiżjoni biex jiġi ambjentat il-post tal-film bħala Sydney u/jew l-Awstralja.

  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fuq il-qoxra tar-rumanz avventuruż ta' Phoenix Force, Down Under Thunder, fl-1986.
  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fil-film animat tal-1990 ta' Disney, The Rescuers Down Under.
  • Fl-1991, fl-istaġun 5, l-episodju 5 ta' Inspector Morse, bit-titlu "Promised Land" (l-Art Imwiegħda), Morse jitla' t-taraġ fl-aħħar tal-episodju biex jattendi spettaklu tal-opra.
  • Lejn l-aħħar tal-film tal-1996, Independence Day, it-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher wara li nqered inġenju tal-aljeni qrib Sydney.
  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fil-film animat tal-2003 ta' Disney/Pixar, Finding Nemo.
  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fil-film tal-2004 ta' Godzilla, Godzilla Final Wars, fejn il-protagonista keċċa l-għadu, Zilla, u fil-film it-teatru jinqered għalkollox.
  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fix-xena finali tal-film tal-2007, Sunshine, tar-reġista Danny Boyle.
  • F'Better Call Saul, missier Werner Ziegler, inġinier Ġermaniż li għen biex jinbena l-laboratorju tal-mediċini ta' Gus Fring, jingħad li ħadem fuq il-kostruzzjoni tat-Teatru tal-Opri ta' Sydney.
  • It-Teatru tal-Opri ta' Sydney deher fl-għeluq tal-film tal-2011, Cars 2, fejn il-pjattaforma tal-binja ġiet immudellata quddiem Holden FC.
  • Fil-logħba elettronika tal-2013, SimCity, il-binja hija preżenti bħala binja ikonika.[72]
  • Fil-film tas-supereroj tal-2016, X-Men: Apocalypse, il-binja u partijiet oħra ta' Sydney jinqerdu meta Magneto jimmanipola l-poli manjetiċi tad-dinja.
  • Fil-logħba elettronika tal-2016 ta' 4X, Civilization VI, it-Teatru tal-Opri ta' Sydney huwa binja tal-għaġeb tal-Era Atomika li tista' tinbena u li tagħti għadd ta' bonusijiet lill-punti u lill-output kulturali ta' ċivilizzazzjoni sabiex jinkisbu l-mużiċisti.
  • Il-logħba elettronika tan-Nintendo Switch, Mario Kart 8 Deluxe, kellha kontenut li seta' jitniżżel imsejjaħ "Booster Course Pass" fl-2022, li kien jinkludi t-trakka msejħa Sydney Sprint tal-Mario Kart Tour tal-2019. Fit-trakka jidher it-Teatru tal-Opri ta' Sydney minn barra u s-Sala tal-Kunċerti minn ġewwa.[73]
  1. ^ "Sydney Opera House - World Heritage Values - World Heritage Places". web.archive.org. 2016-05-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-10. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "7 rejected Sydney Opera House designs that never saw the light of day". Time Out Sydney (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  3. ^ "House History - Sydney Opera House". web.archive.org. 2013-10-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-10-20. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Biography: Jørn Utzon | The Pritzker Architecture Prize". web.archive.org. 2015-12-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-12-22. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "How do you value an icon? The Sydney Opera House: economic, cultural and digital value" (PDF). 2010. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-12-22. Miġbur 2023-01-12.
  6. ^ "Opera House wins top status - Travel - smh.com.au". web.archive.org. 2007-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-01. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sydney Opera House". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  8. ^ "Wonders". New7Wonders of the World (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  9. ^ "Sydney Opera House short-listed for new 'Seven Wonders'" (bl-Ingliż). 2006-01-02. Miġbur 2023-01-12.
  10. ^ "The Royal Society of NSW". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "The Royal Society of NSW". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Porter, Lizzie (2016-02-04). "Sydney Opera House: 40 fascinating facts" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  13. ^ "Sydney Architecture Images- Sydney Opera House". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ Utzon, J. "Sydney Opera House Utzon design principles" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-02-26. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ Littlemore, D.S. Sydney Opera House, Anatomy of Stage Three construction and completion: a general index. Public Works Department, NSW.
  16. ^ "Sydney Opera House Venues - Sydney Opera House". web.archive.org. 2015-04-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-04-16. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Sydney Opera House Grand Organ specification" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-09-05. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Joan Sutherland Theatre: Technical and Production Information" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-11-04. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Sydney Opera House -". web.archive.org. 2012-10-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-10-18. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ "Opera House theatre to be renamed after Sutherland - ABC News (Australian Broadcasting Corporation)". web.archive.org. 2012-10-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-10-18. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Sydney Architecture Images- Sydney Opera House". web.archive.org. 2010-12-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-12-24. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. ^ Ziegler, Oswald (1973). Sydney Builds an Opera House. Oswald Ziegler Publications. p. 35.
  23. ^ Geddes, Robert (2013). Watson, Anne (ed.). Building a Masterpiece: The Sydney Opera House. Sydney: Powerhouse Press. p. 56. ISBN 9780853319412.
  24. ^ "Gabion: Millennium Masterwork: Jorn Utzon's Sydney Opera House 1/2". web.archive.org. 2007-09-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-26. Miġbur 2023-01-12.
  25. ^ Drew, Philip, "The Masterpiece: Jørn Utzon: a secret life", Hardie Grant Books, 1999.
  26. ^ "Joern Utzon dead - World - smh.com.au". web.archive.org. 2012-11-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-04. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  27. ^ "Sydney Architecture Images- Sydney Opera House". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ Murray, Peter (2004). The Saga of the Sydney Opera House. Londra: Spon Press. ISBN 0-415-32521-8.
  29. ^ "Sydney Opera House - the Architect - Sydney Opera House". web.archive.org. 2016-05-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-13. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ "Sydney Architecture Images- Sydney Opera House". web.archive.org. 2007-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-27. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  31. ^ Rapport SOHEC, p. 203.
  32. ^ "Autopsy on a Dream – TV review | Television & radio | The Guardian". web.archive.org. 2016-03-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  33. ^ "The phantoms that threaten the Opera House - National - smh.com.au". web.archive.org. 2007-10-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-16. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  34. ^ "Archives In Brief 30 - Records relating to the Sydney Opera House — State Records NSW". web.archive.org. 2014-11-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-11-26. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  35. ^ Ness, Immanuel (2014). New Forms of Worker Organization: The Syndicalist and Autonomist Restoration of Class Struggle Unionism - Chapter 10: Doing without the boss: Workers' Control Experiments in Australia in the 1970s.
  36. ^ Antje (2022-03-23). "The 1972 Sydney Opera House Work-In". The Commons (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  37. ^ "High noon at Bennelong Point - National - smh.com.au". web.archive.org. 2015-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-08-07. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ "High noon at Bennelong Point - National - smh.com.au". web.archive.org. 2015-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-08-07. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  39. ^ Lewis, Wendy; Balderstone, Simon; Bowan, John (2006). Events That Shaped Australia. New Holland. pp. 239–243. ISBN 978-1-74110-492-9.
  40. ^ "Sydney Opera House > Media Room > Media Releases". web.archive.org. 2006-11-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-11-18. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  41. ^ "Utzon wants to tear up floor of the Opera House - Arts - Entertainment". web.archive.org. 2007-04-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-28. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  42. ^ "Sydney Opera House designer Joern Utzon dies at 90 – The Mercury News". web.archive.org. 2016-10-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-24. Miġbur 2023-01-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  43. ^ Cashmere, Paul (2013-10-01). "Reg Mombassa Artwork Covers Up Sydney Opera House Construction". Noise11.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-12.
  44. ^ "Le Corbusier tapestry finally finds its home on Sydney Opera House wall". the Guardian (bl-Ingliż). 2016-03-29. Miġbur 2023-01-12.
  45. ^ Webber, Peter (2012). Peter Hall: the Phantom of the Opera House. The Watermark Press. ISBN 978-0-949284-95-2. p. 45.
  46. ^ "The Opera House Project". theoperahouseproject.com. Miġbur 2023-01-13.
  47. ^ Watson, Anne Jeanette (2017). The Poisoned Chalice: Peter Hall and the Sydney Opera House (bl-Ingliż). opusSOH. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  48. ^ Webber, Peter (2012). Peter Hall: the Phantom of the Opera House. The Watermark Press. ISBN 978-0-949284-95-2. pp. 42-53.
  49. ^ Webber, Peter (2012). Peter Hall: the Phantom of the Opera House. The Watermark Press. ISBN 978-0-949284-95-2. p. 126.
  50. ^ "TWF: searching: sohstory3". web.archive.org. 2014-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-01-27. Miġbur 2023-01-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. ^ "archive.ph". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-12-30. Miġbur 2023-01-13.
  52. ^ Griffel, Margaret Ross; Block, Adrienne Fried (1999). Operas in English: A Dictionary. Greenwood Press. ISBN 978-0-313-25310-2.
  53. ^ "Timeline: 40 years of the Sydney Opera House" (bl-Ingliż). 2013-10-19. Miġbur 2023-01-13.
  54. ^ Harris, Sigrid (2007-11-25). "Interview with a famous violinist: Wanda Wilkomirska" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  55. ^ "AusStage". web.archive.org. 2016-08-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-05. Miġbur 2023-01-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  56. ^ "2000 Summer Olympics Official Report". web.archive.org. 2000-11-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2000-11-09. Miġbur 2023-01-13.
  57. ^ "Sydney Opera House fined $15,000 following 'Toaster' noise complaints | music news | triple j". web.archive.org. 2017-06-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-06-17. Miġbur 2023-01-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  58. ^ "NYE fireworks return to the Sydney Opera House" (bl-Ingliż). 2013-12-30. Miġbur 2023-01-13.
  59. ^ "CitySwoon | Guinness Book of Records Holder". cityswoon.com. Miġbur 2023-01-13.
  60. ^ "Sydney Opera House farewells longest-serving employee after 50 years" (bl-Ingliż). 2018-06-27. Miġbur 2023-01-13.
  61. ^ "Thousands of people — including five former PMs — remember Bob Hawke at Opera House memorial" (bl-Ingliż). 2019-06-14. Miġbur 2023-01-13.
  62. ^ "Morrison says Opera House is 'the biggest billboard Sydney has'" (bl-Ingliż). 2018-10-07. Miġbur 2023-01-13.
  63. ^ "'It's not a billboard': anger at use of Sydney Opera House for horse racing ads". the Guardian (bl-Ingliż). 2018-10-06. Miġbur 2023-01-13.
  64. ^ "National - 10 News First". 10 play (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  65. ^ Donaldson, David (2018-10-09). "Petition supporting Opera House boss surges past 265,000 signatures". The Mandarin (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  66. ^ Snow, Jacob Saulwick, Jenny Noyes, Deborah (2018-10-09). "Eight out of 10 in NSW opposed to Berejiklian's Opera House sails deal: survey". The Sydney Morning Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  67. ^ Porter, Lizzie (2016-02-04). "Sydney Opera House: 40 fascinating facts" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  68. ^ "Timeline: 40 years of the Sydney Opera House" (bl-Ingliż). 2013-10-19. Miġbur 2023-01-13.
  69. ^ "The Sydney Morning Herald from Sydney, New South Wales, New South Wales, Australia on July 6, 1995 · Page 20". Newspapers.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.
  70. ^ "Timeline: 40 years of the Sydney Opera House" (bl-Ingliż). 2013-10-19. Miġbur 2023-01-13.
  71. ^ "Spectacular Performances - Sydney Opera House". web.archive.org. 2018-02-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-02-12. Miġbur 2023-01-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  72. ^ "Sydney Opera House - SimCity Wiki - SimCity 5 Community Wiki and Guide". simcity2013wiki.com. Miġbur 2023-01-13.
  73. ^ "The Mario Kart 8 Deluxe DLC Includes a Track Set In Australia, and It's Out Now". POPSUGAR Australia (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-13.