Tadrart Acacus
Tadrart Akakus jew il-Muntanji Acacus (bl-Għarbi: تدرارت أكاكوس / ALA-LC: Tadrārt Akākūs) huma katina muntanjuża fid-deżert tad-Distrett ta' Ghat fil-Punent tal-Libja, u huma parti mis-Saħara. Jinsabu fil-Lvant tal-belt ta' Ghat, il-Libja, u huma estiżi lejn it-Tramuntana tal-fruntiera mal-Alġerija għal madwar 100 kilometru (62 mil). L-inħawi huma partikolarment rikki bl-arti preistorika fuq il-blat.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Tadrart hija l-forma femminili ta' "muntanja" fil-lingwi Berberi (il-maskil: adrar).
Il-Muntanji Acacus ġew okkupati minn kaċċaturi-ġemmiegħa b'mod kontinwu fl-Oloċen, minkejja l-varjazzjonijiet klimatiċi fil-Perjodu Umduż Afrikan. Dawn is-siti kienu importanti fil-fehim tal-ipproċessar tal-ikel u l-mobbiltà peress li n-nies adattaw għall-varjazzjonijiet klimatiċi. Id-domestikazzjoni tal-annimali bħala parti min-Neolitiku Afrikan ġiet introdotta f'dan ir-reġjun għall-ħabta ta' 7,000 sena qabel il-preżent, u l-pastoraliżmu u l-foraġġ kienu l-istrateġiji primarji ta' sussistenza tan-nies ta' dan ir-reġjun, mhux l-agrikoltura.
Is-siti f'dan ir-reġjun ġew maqsuma fi tliet perjodi prinċipali ta' okkupazzjoni: l-Acacus Bikri, l-Acacus Aħħari, u n-Neolitiku Pastorali. L-Acacus Bikri kien perjodu umduż għall-ħabta ta' 9,810-8,880 sena qabel il-preżent ikkaratterizzat minn gruppi żgħar ta' nies mobbli li kienu jgħixu fil-widien u tul il-lagi fl-artijiet baxxi. L-Acacus Aħħari għall-ħabta ta' 8,870-7,400 sena qabel il-preżent kien perjodu niexef ikkaratterizzat minn nies iktar sedentarji li kienu jgħixu fi gruppi ikbar fil-widien. Dawn in-nies intensifikaw ferm l-ipproċessar tal-ikel u l-ħżin ta' qmuħ selvaġġi, u kienu jużaw il-moli u jagħmlu l-fuħħar b'mod estensiv. In-Neolitiku Pastorali kien ikkaratterizzat b'iżjed mobbiltà f'ambjent mill-ġdid iktar umduż, u bid-domestikazzjoni tal-annimali. Dawn in-nies għamlu inqas użu mill-moli.[1]
Arti fuq il-blat
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona hija magħrufa għall-arti fuq il-blat tagħha u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 minħabba l-importanza tat-tpittir u tat-tinqix fuq il-blat.[2] It-tpittir imur lura għat-12,000 Q.K. sal-100 W.K. u jirrifletti l-bidliet kulturali u naturali fl-inħawi.
Hemm tpittir u tinqix ta' annimali bħal ġiraffi, iljunfanti, nagħmiet u iġmla, iżda wkoll ta' bnedmin u ta' żwiemel. In-nies huma mpinġija f'sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja ta' kuljum ta' dak iż-żmien, pereżempju jdoqqu l-mużika u jiżfnu.[3][4]
-
Ġiraffa.
-
Iljunfant.
-
Pittogrammi.
-
Pittogrammi.
-
Pittogrammi.
Lipidi tal-ħalib
[immodifika | immodifika s-sors]Tadrart Acacus huwa wkoll is-sit fejn tfaċċa l-iżjed użu bikri ta' lipidi tal-ħalib ipproċessat fuq l-oġġetti taċ-ċeramika, li ġew datati bir-radjokarbonju għal 7,500 sena qabel il-preżent.[5]
Vandaliżmu u qerda mill-1969
[immodifika | immodifika s-sors]Matul it-tmexxija ta' Muammar Gaddafi mill-1969 sal-2011, id-Dipartiment tal-Antikitajiet ġiet ittraskurat ferm. Mill-2005, it-tfittxija għaż-żejt taħt l-art wasslet biex l-arti fuq il-blat stess tkun fil-periklu. L-imrietel sismiċi li ntużaw biex jibagħtu mewġ sismiku taħt il-blat bit-tama li jinstabu d-depożiti taż-żejt, kellhom effetti notevoli fuq il-blat tal-madwar, inkluż il-blat bl-arti ta' Tadrart Acacus.[6]
Is-serq ta' artefatti antiki laħaq livell ta' kriżi. Bħala rispons l-UNESCO appellat għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni, sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-wirt arkeoloġiku u kulturali tal-Libja u sabiex il-Libjani jiġu allertati li l-wirt tagħhom kien qiegħed "jinsteraq mill-ħallelin u jinqered mill-iżviluppaturi".[7]
Fl-2012 wara l-qtil ta' Gaddafi, saru sforzi biex il-persunal jitħarreġ permezz ta' proġett tal-UNESCO ta' $2.26 miljun, flimkien mal-gvernijiet tal-Libja u tal-Italja. Il-proġett kien jinkludi l-konservazzjoni, il-protezzjoni u l-edukazzjoni. Flimkien ma' Tadrart Acacus, il-Libja għandha erba' Siti ta' Wirt Dinji oħra tal-UNESCO: Cyrene, Leptis Magna, Sabratha u Ghadames.[8] L-UNESCO tat il-parir li "jiġi stabbilit ċentru f'Ghat jew f'Uweynat għat-taħriġ tal-persunal inkarigat biex jipproteġi u jġestixxi l-proprjetà u biex jiġi stabbilit mużew li mistenni jaqdi rwol importanti f'termini ta' sensibilizzazzjoni".[9]
Ir-rapport dwar l-Istat ta' Konservazzjoni tal-UNESCO mill-2011, l-2012 u l-2013 juru li mill-inqas għaxar siti tal-arti fuq il-blat kienu soġġetti għal qerda deliberata u konsiderevoli mill-inqas minn April 2009.[10] L-ambigwità fir-rigward tal-konfini tal-proprjetà tas-Sit ta' Wirt Dinji u b'hekk fir-rigward tal-ġestjoni tal-proprjetà, flimkien man-nuqqas ta' fehim lokali tal-valuri kulturali tas-sit kienu fatturi li kkontribwew għall-vandaliżmu kontinwu. Il-kunflitti fl-inħawi mill-2011 wasslu għal żieda fil-vandaliżmu.
F'Mejju 2013 l-UNESCO wettqet missjoni teknika biex tivvaluta l-istat ta' konservazzjoni tas-sit ta' Tadrart Acacus u biex "tfassal pjan strateġiku sabiex issaħħaħ il-protezzjoni u l-ġestjoni ta' dan il-kuntest kulturali u naturali uniku".[11]
Fl-14 ta' April 2014 ġew irrapportati żewġ tipi ta' vandali, dawk li bla ħsieb ta' xejn kienu jaqbdu u jnaqqxu isimhom stess maġenb l-arti antika fuq il-blat u dawk li jużaw prodotti kimiċi apposta sabiex iħassru l-arti fuq il-blat.[12] Fl-20 ta' April 2014, il-korrispondent speċjali Franċiż Jacques-Marie Bourget ġie infurmat minn ġurnalist lokali minn Ghat, il-Libja, Aziz Al-Hachi, li s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Arti fuq il-Blat ta' Tadrart Acacus kien qed jinqered bid-daqqiet ta' mazza u bil-barraxa.[13][14]
F'Tadrart Acacus hemm varjazzjoni kbira ta' pajsaġġi, minn għaram b'kuluri differenti għal arkati, fniedaq, blat iżolat u wadis (irdumijiet) fondi. L-attrazzjonijiet ewlenin jinkludu l-arkati ta' Afzejare u ta' Tin Khlega. Għalkemm din iż-żona hija waħda mill-iżjed aridi fis-Saħara, hemm veġetazzjoni, bħall-pjanta mediċinali Calotropis procera, u hemm għadd ta' fawwariet u bjar fil-muntanji.
-
Il-Muntanji Acacus fil-Punent tal-Libja, parti mis-Saħara.
-
Arkata tal-blat f'Tadrart Acacus.
-
Il-Wied ta' Moul n'ga fir-reġjun ta' Tadrart Rouge, bis-sħab b'għamla ta' mewġ.
-
Id-deżert ta' Tadrart Acacus.
-
Formazzjonijiet tal-blat.
-
Formazzjonijiet tal-blat.
-
Formazzjonijiet tal-blat.
-
Ħabitat temporanju mibni mill-bniedem.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Siti tal-Arti fuq il-Blat ta' Tadrart Acacus ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Garcea, Elena A. A. (2004-06-01). "An Alternative Way Towards Food Production: The Perspective from the Libyan Sahara". Journal of World Prehistory. 18 (2): 107–154.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock-Art Sites of Tadrart Acacus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
- ^ Jebel Acacus Map and Guide (Map) (1st ed.). 1:100,000, inset 1:400,000. Tourist and cave art information. Cartography by EWP. EWP. 2006. ISBN 0-906227-93-3.
- ^ "Tadrart Acacus Cave Art Gallery". web.archive.org. 2013-06-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-06-01. Miġbur 2023-10-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Gifford-Gonzalez, Diane (2013). "Animal Genetics and African Archaeology: Why It Matters". African Archaeological Review. 30: 1–20.
- ^ Bohannon, John (2005-02-10). "In the Valley of Life, oil is death to the art of a lost civilisation" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
- ^ Ash, Nigel (2013-09-25). "UNESCO training to combat the looting of Libyan antiquities" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
- ^ "UNESCO supports Libyan Heritage with $2m Project | Libya Business News" (bl-Ingliż). 2012-12-07. Miġbur 2023-10-31.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2011) Rock-Art Sites of Tadrart Acacus (Libya)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2011) Rock-Art Sites of Tadrart Acacus (Libya)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
- ^ "UNESCO organizes training course for conservation and restores of Libyan Artefacts". UNSMIL (bl-Ingliż). 2013-07-08. Miġbur 2023-10-31.
- ^ "Graffiti defaces prehistoric rock art in Libya | The FRANCE 24 Observers". web.archive.org. 2014-10-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-10-11. Miġbur 2023-10-31.
- ^ "Algérie 1 | Actualités, informations politiques et économiques finance algériennes en direct". www.algerie1.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-08-08. Miġbur 2023-10-31.
- ^ "mondafrique.com - Libye, 12 000 ans effacés au white spirit". web.archive.org. 2014-05-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-05-05. Miġbur 2023-10-31.