Ghadamès

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Iċ-ċentru storiku tar-raħal bis-siġar tal-palm.

Ghadamès, Ghadames jew Ghadamis (/ɡəˈdæmɪs/; bil-Berberu: ʕadémis; bl-Għarbi: غدامس, bil-Libjan vernakolari: ɣdāməs, bil-Latin: Cidamus, Cydamus, bit-Taljan: Gadames) huwa raħal Berberu b'oażi fid-Distrett ta' Nalut tar-reġjun tat-Tripolitanja fil-Majjistral tal-Libja.

Il-lingwa indiġena ta' Ghadames hija l-lingwa ta' Ghadamès, lingwa Berbera.

Ghadamès, magħruf bħala l-"perla tad-deżert", jinsab f'oażi. Huwa wieħed mill-eqdem irħula pre-Saħarjani u eżempju straordinarju ta' insedjament tradizzjonali. L-arkitettura domestika tiegħu hija kkaratterizzata minn diviżjoni vertikali tal-funzjonijiet: il-pjan terran jintuża għall-ħżin tal-provvisti; sular ieħor jintuża għall-familja, sqaqien imsaqqfa li joħolqu kważi network taħt l-art ta' passaġġi; u fuq nett, terrazzi fil-beraħ irriżervati għan-nisa.[1]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Ghadames tinsab madwar 462 kilometru (287 mil) fil-Lbiċ ta' Tripli, qrib il-fruntieri mal-Alġerija u mat-Tuneżija. Ghadames tinsab fil-fruntieri mal-Provinċja ta' Illizi, l-Alġerija u mal-Governorat ta' Tataouine, it-Tuneżija.

L-oażi għandha popolazzjoni ta' madwar 10,000 ruħ, l-iktar Berberi. Il-parti l-antika tar-raħal, imdawra b'ħajt, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Kull wieħed mis-seba' klans li kienu jgħixu fiċ-ċentru storiku tar-raħal kellu d-distrett tiegħu stess, u f'kull wieħed minnhom kien hemm pjazza pubblika fejn kienu jsiru l-festi.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Ghadames għandu klima sħuna tad-deżert skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen (BWh) bi sjuf sħan b'temperatura għolja medja ta' madwar 41 °C (105.8 °F) f'Lulju, l-iktar xahar sħun tas-sena, kif ukoll xtiewi kesħin (b'varjazzjoni għolja binhar). Ir-raħal ma tantx ikollu preċipitazzjoni matul is-sena, bi preċipitazzjoni annwali medja ta' 73.1 mm (1.30 pulzier) biss.

Data klimatika għal Ghadames (1961-1990, temp. estremi fl-1913-1993)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 32.0

(89.6)

35.0

(95.0)

41.3

(106.3)

48.0

(118.4)

52.0

(125.6)

55.2

(131.4)

53.4

(128.1)

52.4

(126.3)

50.0

(122.0)

48.0

(118.4)

39.0

(102.2)

30.4

(86.7)

55.2

(131.4)

Temp. għolja rekord f'°C (°F) 17.6

(63.7)

20.7

(69.3)

24.4

(75.9)

29.7

(85.5)

34.6

(94.3)

39.8

(103.6)

40.3

(104.5)

39.8

(103.6)

36.4

(97.5)

30.0

(86.0)

23.8

(74.8)

18.2

(64.8)

29.6

(85.3)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 8.4

(47.1)

9.2

(48.6)

12.2

(54.0)

16.8

(62.2)

23.6

(74.5)

27.9

(82.2)

28.7

(83.7)

29.0

(84.2)

25.6

(78.1)

19.2

(66.6)

14.0

(57.2)

9.9

(49.8)

18.7

(65.7)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 3.6

(38.5)

5.7

(42.3)

9.0

(48.2)

13.8

(56.8)

17.8

(64.0)

22.3

(72.1)

22.4

(72.3)

22.5

(72.5)

20.1

(68.2)

15.0

(59.0)

9.0

(48.2)

4.4

(39.9)

13.8

(56.8)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −6.9

(19.6)

−8.0

(17.6)

−2.6

(27.3)

0.0

(32.0)

6.0

(42.8)

7.8

(46.0)

10.8

(51.4)

13.0

(55.4)

10.0

(50.0)

1.4

(34.5)

−4.0

(24.8)

−6.0

(21.2)

−8.0

(17.6)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 5.0

(0.20)

4.6

(0.18)

6.8

(0.27)

3.6

(0.14)

2.3

(0.09)

0.1

(0.00)

0.0

(0.0)

0.3

(0.01)

0.8

(0.03)

4.0

(0.16)

2.1

(0.08)

3.4

(0.13)

33

(1.29)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) 1.1 1.2 1.5 0.9 0.4 0.2 0.1 0.1 0.2 1.0 0.8 1.2 8.7
Umdità relattiva medja (%) 52 41 36 28 26 22 22 23 29 35 47 53 34
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 248.0 240.1 257.3 273.0 313.1 309.0 372.0 353.4 273.0 263.5 246.0 232.5 3,380.9
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum 8.0 8.5 8.3 9.1 10.1 10.3 12.0 11.4 9.1 8.5 8.2 7.5 9.3
Sors 1: WMO[2]
Sors 2: Deutscher Wetterdienst (estremi u umdità),[3] Arab Meteorology Book (xemx biss).[4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Id-djar ta' Ghadames huma magħmula bit-tajn, bil-ġebla tal-ġir u biz-zkuk tas-siġar tal-palm, bi sqaqien imsaqqfa bejniethom biex jipprovdu d-dell u l-kenn mis-sħana tas-sajf.

Eri tal-qedem[immodifika | immodifika s-sors]

Ġie ssuġġerit, abbażi ta' evidenza arkeoloġika, li din iż-żona ilha insedjata mir-raba' millenju Q.K., u r-raħal huwa wieħed mill-eqdem insedjamenti pre-Saħarjani. Il-pożizzjoni tiegħu qrib sors tal-ilma f'nofs id-deżert kienet importanti għall-insedjaturi kollha fl-inħawi.

L-ewwel rekords bil-miktub dwar Ghadames imorru lura għal żmien ir-Rumani meta l-insedjament kien magħruf bħala Cydamus, li minnu oriġina l-isem modern ta' Ghadames. Fis-seklu 1 Q.K., il-prokonslu Ruman Lucius Cornelius Balbus invada lil Cydamus matul ir-renju tal-imperatur Awgustu. Gwarniġjon Ruman permanenti ġie stabbilit matul ir-renju tal-imperatur Septimius Severus, u l-imperatur stess jaf żar l-insedjament għall-ħabta tal-202 W.K. Madankollu, ir-Rumani rtiraw mill-inħawi ftit deċennji wara matul il-kriżi tas-seklu 3.

Matul is-seklu 6, kien hemm isqof li mar jgħix fl-oażi, wara li l-popolazzjoni ġiet ikkonvertita għall-Kristjaneżmu mill-missjunarji Biżantini. Ir-raħal sar fortizza tal-ereżija Donatista sal-konkwista mill-Għarab Musulmani.

Fl-aħħar tas-seklu 7, Ghadames kien immexxi mill-Għarab Musulmani. F'dan iż-żmien il-popolazzjoni malajr ikkonvertiet għall-Iżlam u Ghadames kellu rwol importanti bħala bażi għall-kummerċ Trans-Saħarjan sas-seklu 19.

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-etimoloġija ta' isem ir-raħal Ghadames hija marbuta mill-qrib ħafna mal-istorja tiegħu. Huwa maħsub li l-isem Ghadames oriġinarjament kien marbut mal-isem tat-tribù Berbera antika ta' Tidamensi, tribù minn Fezzan. Huwa maħsub ukoll li l-isem Tidamensi ġie mibdul mir-Rumani invażuri għall-isem Cydamus, li mbagħad witta t-triq għall-isem Ghadames.

Mis-seklu 20 sal-preżent[immodifika | immodifika s-sors]

F'Ottubru 1911, ftit wara li faqqgħet il-Gwerra bejn l-Italja u t-Turkija, Ghadames ġie okkupat mis-suldati Taljani li kienu qed jimmarċjaw minn Tripli. Madankollu, iż-żamma tal-Italja fuq ir-raħal ġiet interrotta diversi drabi sa Ġunju 1915, meta rewwixta ġenerali fil-Libja kollha wasslet biex il-gwarniġjon Taljan jirtira minn Ghadames lejn il-fortizza ta' Tripli. Il-kontroll effettiv fuq ir-raħal reġa' nkiseb f'Diċembru 1918, iżda r-ribelljoni f'Fezzan żammet lil Ghadames fi stat ta' emerġenza sal-1923.

Fl-1943, il-Forzi Ħielsa Franċiżi okkupaw lil Ghadames u l-inħawi tal-madwar fil-parti tan-Nofsinhar tal-eks kolonja Taljana tal-Libja, u ffurmaw it-Territorju Militari ta' Fezzan-Ghadames sal-indipendenza Libjana fl-1951. Ghadames sar il-belt kapitali tat-territorju matul dan iż-żmien.

Fis-snin 70 tas-seklu 20, il-gvern bena djar ġodda 'l barra miċ-ċentru storiku tar-raħal. Madankollu, bosta abitanti rritornaw fiċ-ċentru storiku tar-raħal matul is-sajf, peress li l-arkitettura tiegħu tipprovdi protezzjoni aħjar mis-sħana.

Fl-istess żmien, ir-reġista Moustapha Akkad għażel lil Ghadames biex jiġbed ix-xeni fuq ġewwa tal-belt ta' Medina f'The Message, dramm epiku Iżlamiku.

Matul il-Gwerra Ċivili Libjana, il-forzi tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali daħlu fir-raħal fit-30 ta' Awwissu 2011, wara assedju mill-istess forzi li kien ilu għaddej mill-bidu tal-kunflitt. Sal-2011, ir-raħal kien taħt il-kontroll tat-truppi Tuareg indipendenti. Wara li r-raħal inħataf mill-Armata Nazzjonali Libjana, il-komunità Tuareg kollha ġiet obbligata taħrab, f'att ta' tindif etniku.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta' Ghadames.

Ir-Raħal Antik ta' Ghadames ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1] Iċ-ċentru storiku tar-raħal tbattal mill-abitanti tiegħu matul is-snin 90 tas-seklu 20, u b'hekk il-binjiet antiki ssograw li jikkrollaw minħabba nuqqas ta' manutenzjoni. Is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2016 flimkien ma' erba' siti oħra fil-Libja, minħabba l-ħsara kkawżata mill-Gwerra Ċivili Libjana fil-pajjiż u t-theddida li ssir iktar ħsara lis-siti kulturali.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Old Town of Ghadamès". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  2. ^ WMO. "World Weather Information Service". World Weather Information Service (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-31.
  3. ^ "Klimatafel" (PDF).
  4. ^ "Sunshine" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2023-10-31.