Aqbeż għall-kontentut

Skorba

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Skorba.

It-tempji ta' Skorba huma fdalijiet megalitiċi fin-naħa tat-Tramuntana taż-Żebbiegħ, fir-Reġjun tat-Tramuntana ta' Malta, li taw ħjiel dettaljat u informattiv lejn l-iżjed perjodi bikrin tal-kultura Neolitika ta' Malta.[1] Is-sit ġie skavat fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 biss, jiġifieri pjuttost tard meta mqabbel ma' siti megalitiċi oħra li kienu ġew studjati mill-bidu tas-seklu 19. L-importanza tas-sit wasslet biex jiżdied mat-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Minħabba li l-iskavi f'dan is-sit saru wara, setgħu jintużaw metodi moderni ta' datazzjoni u ta' analiżi. It-tempju nnifsu ma jinsabx f'kundizzjoni tajba, speċjalment meta mqabbel mat-tempji iktar kompluti ta' Ħaġar Qim u ta' Ħal Tarxien. Madankollu, l-importanza ta' dan is-sit mhijiex marbuta mal-fdalijiet infushom iżda iktar ma' dak li ġie skopert permezz tal-iskavi tagħhom.[3]

Skorba.

L-inħawi taż-Żebbiegħ madwar it-tempji ta' Skorba milli jidher ġew abitati fi stadju bikri ħafna tal-perjodu Neolitiku. Meta l-istoriku Malti eminenti Temi Żammit skava t-tempji ta' Ta' Ħaġrat fil-qrib, kien hemm biss ħaġra wieqfa waħda ħierġa 'l barra minn munzell radam fis-sit ta' Skorba. Għalkemm is-sit ġie inkluż fil-Lista tal-Antikitajiet tal-1925, l-arkeologi injoraw dan il-munzell radam sal-iskavi ta' David H. Trump ta' bejn l-1960 u l-1963.[4][5]

Il-fdalijiet fis-sit huma sensiela ta' ħaġriet megalitiċi weqfin (waħda minnhom għolja 3.4 metri), l-iżjed parti baxxa tal-pedamenti tat-tempji, ħaġar tal-pavimentar b'toqob fil-passaġġ tad-daħla, u l-art tat-torba (materjal qisu siment) ta' tempju bi tliet apsidi. Din l-għamla ta' tliet apsidi hija tipia tal-fażi ta' Ġgantija. B'xorti ħażina, il-parti l-kbira tal-ewwel żewġ apsidi u l-faċċata kollha ġġarrfu għalkollox.

Skorba.

Il-ħajt tat-Tramuntana jinsab fi stat ferm aħjar ta' preservazzjoni. Oriġinarjament, id-daħla tat-tempju kienet tagħti għal spazju fil-beraħ, iżda f'żidiet li saru iktar 'il quddiem matul il-fażi ta' Ħal Tarxien, id-daħla tat-tempju ngħalqet għalkollox, u tpoġġew artali fl-irkejjen. Fil-Lvant ta' dan it-tempju, żdied it-tieni monument matul il-fażi ta' Ħal Tarxien, b'erba' apsidi u b'niċċa ċentrali.[6]

Għal perjodu ta' bejn wieħed u ieħor tnax-il seklu qabel ma t-tempji nbnew, diġà kien hemm villaġġ fl-istess sit. L-iżjed struttura antika eżistenti hi l-ħajt dritt twil ħdax-il metru lejn il-Punent tal-ewwel daħla tat-tempju. Id-depożiti fil-bażi tiegħu kien fih materjal li jmur lura għall-ewwel okkupazzjoni umana magħrufa tal-gżira, il-fażi ta' Għar Dalam, inkluż karbonju maħruq, li permezz ta' analiżi tal-karbonju ġie datat għall-4850 Q.K.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Divinità Omm tat-terrakotta li nstabet fi Skorba (il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta).

Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta).

L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[8] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[9][10]

Bċejjeċ tal-fuħħar

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu fis-sit ta' Skorba jinqasmu f'żewġ stili: il-fażi l-griża ta' Skorba bi bċejjeċ tal-fuħħar distinti b'lewn griż mingħajr ebda motiv; u l-fażi l-ħamra ta' Skorba, li hija eżatt bħall-fażi l-oħra ta' Skorba iżda b'lewn aħmar bl-użu ta' okra ħamra.

  1. Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 156.
  2. "Megalithic Temples of Malta - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-09.
  3. Trump, Malta: An archaeological guide, p. 137.
  4. "Protection of Antiquities Regulations 21st November, 1932 Government Notice 402 of 1932, as Amended by Government Notices 127 of 1935 and 338 of 1939". Malta Environment and Planning Authority.
  5. Żammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 144.
  6. Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 159.
  7. Trump, Malta: An archaeological guide, p. 138.
  8. ""Megalithic Temples of Malta – UNESCO World Heritage Centre". Whc.unesco.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  9. ""Malta Temples and The OTS Foundation". Otsf.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  10. David Trump et al., Malta Before History (2004: Miranda Publishers)