Aqbeż għall-kontentut

Ta' Ħaġrat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ta' Ħaġrat.

It-tempji Ta' Ħaġrat (pronunzja bil-Malti: [taˈħad͡ʒrat]) fl-Imġarr, Malta huma rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' tempji megalitiċi oħra ta' Malta u Għawdex.[1] Dawn it-tempji huma fost l-eqdem siti reliġjużi fid-dinja.[2] It-tempju ewlieni f'Ta' Ħaġrat imur lura għall-fażi ta' Ġgantija (3600–3200 Q.K.), filwaqt li t-tempju minuri jmur lura għall-fażi ta' Ħal Saflieni (3300–3000 Q.K.).[3]

It-tempji f'Ta' Ħaġrat jinsabu fil-periferiji tal-Lvant tal-villaġġ tal-Imġarr, bejn wieħed u ieħor kilometru 'l bogħod mit-tempji ta' Skorba, u ġew skavati fl-1963. Il-karatteristiċi tal-faċċata tat-tempji f'Ta' Ħaġrat jixbħu lil dawk fil-kumpless ta' Skorba.[4]

Kumpless tat-tempji

[immodifika | immodifika s-sors]
Pjanta tal-kumpless tat-tempji f'Ta' Ħaġrat. Didaskalija: (A)Tempju tat-3600-3300 Q.K., (B) Tempju tat-3600-3300 Q.K., (1) Daħla tat-tieni tempju, (2) Absida tal-oraklu.

L-iskavi wasslu għal depożiti ta' bċejjeċ tal-fuħħar li juru li fil-qedem kien hemm villaġġ minflok is-sit tat-tempji. Dawn il-bċejjeċ tal-fuħħar bikrin imorru lura għall-fażi tal-Imġarr (3800–3600 Q.K.).[5]

It-tempji f'Ta' Ħaġrat inbnew miż-żonqor, l-iżjed blat antik u li ilu espost fil-Gżejjer Maltin.[6] Il-kumpless fih żewġ tempji biswit xulxin. It-tempju minuri jmiss mat-tempju ewlieni fin-naħa tat-Tramuntana.

Iż-żewġ partijiet għandhom pjanta inqas regolari u huma iżgħar bħala daqs minn bosta mit-tempji Neolitiċi f'Malta.[7] Għad-differenza ta' tempji megalitiċi oħra f'Malta, ma nstabux ħaġriet imżejna; madankollu nstabu għadd ta' artefatti. X'aktarx li l-iżjed sejba importanti hija mudell fuq skala ta' tempju, skolpit mill-ġebla tal-ġir.[8]

Il-mudell huwa ta' tempju msaqqaf u juri l-istruttura tipika ta' tempju megalitiku f'Malta, b'faċċata trilitika tipika b'żewġ ħaġriet weqfin u oħra mimduda fuqhom, it-teknika tal-kostruzzjoni tal-ħitan li minn wesgħin jidjiequ, u s-saffi ta' fuq b'ħaġriet orizzontali.[9]

Tempju ewlieni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju tal-fażi ta' Ġgantija tipikament għandu għamla ta' trifolju, b'faċċata konkava li tagħti għal spazju fil-beraħ b'għamla ta' nofs ċirku. Il-faċċata fiha daħla monumentali fiċ-ċentru u bank fil-bażi tagħha. Żewġ tarġiet jagħtu għad-daħla prinċipali u għal kuritur b'ħaġriet megalitiċi weqfin tal-ġebla tal-ġir.

Skultura ta' tempju msaqqaf li nstabet f'Ta' Ħaġrat.

Il-kuritur jagħti għal spazju fil-beraħ tat-torba (materjal qisu siment), li minnu joforqu tliet kompartimenti semiċirkolari. Dawn kienu parzjalment magħluqa b'ħitan f'xi żmien fil-fażi ta' Ħal Saflieni;[10] ġew irkuprati bċejjeċ tal-fuħħar mir-radam intern fi ħdan dawn il-ħitan. L-apsidi nbnew b'ħitan tal-ġebel li ma tantx kien maħdum wisq u l-art kienet tal-blat. Is-saffi ta' fuq li għadhom viżibbli mal-ħitan tal-apsidi jissuġġerixxu li t-tempju fl-imgħoddi kien imsaqqaf.[11]

Mudell żgħir skolpit ta' tempju, imnaqqax mill-ġebla tal-ġir, ġie skopert hawnhekk fl-1923.

Tempju minuri

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju tal-fażi ta' Ħal Saflieni jinsab fit-Tramuntana tat-tempju ewlieni u huwa twil sitt metri u nofs. Wieħed jaċċessah mill-apsida tal-Lvant tat-tempju ewlieni. Intużaw ħaġriet iżgħar fil-kostruzzjoni ta' dan it-tempju u fih irregolaritajiet fid-disinn li jitqies li huwa wieħed arkajku jew provinċjali.[12]

Is-sit ġie skavat bejn l-1923 u l-1926 minn Sir Temi Zammit, li dak iż-żmien kien id-Direttur tal-Mużewijiet. Is-sit reġa' ġie skavat minn John Davies Evans fl-1954, u l-arkeologu Brittaniku David H. Trump ħadem fuq id-datazzjoni bir-reqqa tal-kumpless matul l-iskavi tal-1961.

It-tempji f'Ta' Ħaġrat ġew inklużi fil-Lista tal-Antikitajiet tal-1925.[13]

Partijiet mill-faċċata u d-daħla ġew rikostruwiti fl-1937.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta).

L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[1] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[14][15]

  1. 1 2 ""Megalithic Temples of Malta – UNESCO World Heritage Centre". Whc.unesco.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  2. Studies, The OTS Foundation for Neolithic. "The OTS Foundation for Neolithic Studies". The OTS Foundation for Neolithic Studies (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-10.
  3. "Heritage Malta". web.archive.org. 2008-10-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-02. Miġbur 2024-10-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. Trump, Cilia. Malta Prehistory and Temples, Malta, p. 154.
  5. Trump, Cilia. Malta Prehistory and Temples, Malta, p. 155.
  6. "Geology". web.archive.org. 2012-02-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-20. Miġbur 2024-10-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. Zammit, Mayrhofer. The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, Malta, p. 142.
  8. "Ta Hagrat - Mgarr - Temple Model". www.megalithics.com. Miġbur 2024-10-10.
  9. Zammit T., Ta' Hagrat Megalithic Ruins at Mġarr, Malta, Bulletin of the Museum, Malta, I, i, 5, 1929.
  10. Trump. Malta: An Archaeological Guide, Malta, p. 139.
  11. Zammit, Mayrhofer. The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, Malta, p. 143.
  12. Trump. Malta: An Archaeological Guide, Malta, p. 140.
  13. "Protection of Antiquities Regulations 21st November, 1932 Government Notice 402 of 1932, as Amended by Government Notices 127 of 1935 and 338 of 1939". Malta Environment and Planning Authority.
  14. ""Malta Temples and The OTS Foundation". Otsf.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  15. David Trump et al., Malta Before History (2004: Miranda Publishers)