Sit Storiku Statali tat-Tumbati tal-Ħamrija ta' Cahokia

Is-Sit Storiku Statali tat-Tumbati tal-Ħamrija ta' Cahokia (pronunzja: /kəˈhoʊkiə/) huwa s-sit ta' belt pre-Kolombjana tal-Amerikani Nattivi (li kienet teżisti għall-ħabta tal-1050–1350 W.K.)[1] direttament faċċata tax-xmara Mississippi fejn illum il-ġurnata hemm St. Louis, Missouri, l-Istati Uniti. Dan il-park storiku jinsab fil-Lbiċ ta' Illinois bejn il-Lvant ta' St. Louis u Collinsville.[2] Il-park ikopri 2,200 akru (890 ettaru), jew madwar 3.5 mili kwadri (9 km2), u fih madwar 80 tumbata tal-ħamrija magħmula mill-bniedem, iżda l-belt tal-qedem kienet ferm ikbar. Fil-quċċata tagħha għall-ħabta tal-1100 W.K., il-belt kienet tkopri madwar 6 mili kwadri (16 km2), kienet tinkludi madwar 120 struttura tal-ħamrija b'firxa wiesgħa ta' daqsijiet, għamliet u funzjonijiet, u kellha popolazzjoni ta' bejn 15,000 u 20,000 ruħ.[3]
Cahokia kienet l-ikbar insedjament urban u l-iktar influwenti tal-kultura ta' Mississippi, li żviluppat soċjetajiet avvanzati tul il-biċċa l-kbira tat-territorju li llum il-ġurnata huwa x-Xlokk tal-Istati Uniti u l-Istati Uniti Ċentrali, iktar minn 1,000 sena qabel il-kuntatt Ewropew.[4] Illum il-ġurnata, it-Tumbati ta' Cahokia jitqiesu bħala l-ikbar sit arkeoloġiku u l-iżjed wieħed kumpless fit-Tramuntana tal-bliet pre-Kolombjani l-kbar fil-Messiku.
It-Tumbati ta' Cahokia huma Għeliem Storiku Nazzjonali u sit li ġie ddeżinjat għall-protezzjoni statali. Huwa wkoll wieħed mis-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Istati Uniti.[5] Is-sit huwa l-ikbar kostruzzjoni preistorika tal-ħamrija fl-Amerki fit-Tramuntana tal-Messiku u huwa miftuħ għall-pubbliku. Jiġi amministrat mid-Diviżjoni tal-Preservazzjoni Storika ta' Illinois u jiġi appoġġat mis-Soċjetà tal-Mużew tat-Tumbati ta' Cahokia. Bħala ċelebrazzjoni tal-biċentenarju tal-istat ta' Illinois fl-2018, it-Tumbati ta' Cahokia ntgħażlu bħala wieħed mill-Aqwa 200 Post ta' Illinois mill-Istitut Amerikan tal-Arkitetti ta' Illinois (AIA Illinois).[6] Is-sit ġie rikonoxxut mir-rivista USA Today Travel, bħala wieħed mill-"25 Attrazzjoni Ewlenija ta' Illinois".
Żvilupp (is-sekli 9 u 10)
[immodifika | immodifika s-sors]
Għalkemm teżisti xi evidenza ta' okkupazzjoni matul il-perjodu Arkajku Aħħari (għall-ħabta tal-1200 Q.K.) fl-akkwati tas-sit,[7] Cahokia kif inhi definita issa ġiet insedjata għall-ħabta tas-600 W.K. matul il-perjodu aħħari tal-Artijiet bil-Boskijiet. Il-kostruzzjoni tat-tumbati tal-ħamrija f'dan il-post bdiet matul il-perjodu inizjali tal-kultura ta' Mississippi, għall-ħabta tas-seklu 9 W.K.[8] L-abitanti ma ħallew l-ebda rekord miktub apparti xi simboli fuq il-bċejjeċ tal-fuħħar, tal-qxur tal-baħar, tar-ram, tal-injam u tal-ġebel, iżda l-komunità, iċ-ċirku tal-injam, it-tumbati tal-ħamrija u l-istrutturi funebri ppjanati b'mod elaborat joħorġu fid-dieher soċjetà kumplessa u sofistikata.
Il-kostruzzjoni kumplessa tat-tumbati u tal-istrutturi tal-ħamrija tal-belt kienet teħtieġ it-tħaffir, l-iskavi u t-trasport bl-idejn tal-ħamrija bl-użu ta' qfief minsuġa. Għall-kostruzzjoni ntużaw 55 miljun pied kubu (1.6 miljun metru kubu) ta' ħamrija, u l-biċċa l-kbira tax-xogħol sar fuq deċennji. Il-pjazez ċerimonjali kbar, ċatti u ppjanati sal-iċken dettall, madwar it-tumbati tal-ħamrija, bi djar għal eluf ta' nies ikkollegati permezz ta' mogħdijiet u btieħi, jissuġġerixxu li l-post kien jintuża bħala belt reliġjuża ċentrali tal-pellegrinaġġi.[9]
L-isem oriġinali tal-belt mhuwiex magħruf. It-tumbati iktar 'il quddiem ingħataw isem it-tribù ta' Cahokia, li kien poplu Illiniwek storiku li kien jgħix fl-inħawi meta waslu l-ewwel esploraturi Franċiżi fis-seklu 17.[10] Peress li dan seħħ sekli wara li Cahokia ġiet abbandunata mill-abitanti oriġinali tagħha, it-tribù ta' Cahokia mhux neċessarjament kienet dixxendenti mill-poplu bikri tal-era tal-poplu ta' Mississippi. X'aktarx, diversi gruppi etniċi indiġeni insedjaw l-inħawi tat-Tumbati ta' Cahokia meta l-belt kienet fil-quċċata tagħha.[11][12]
L-istoriku Daniel Richter jinnota li l-belt laħqet il-quċċata tagħha matul il-perjodu tat-Tisħin Medjevali. Milli jidher dan il-perjodu rawwem rivoluzzjoni agrikola fin-naħa ta' fuq tal-Amerka ta' Fuq, peress li l-għelejjel tal-qamħirrum, tal-fażola (legumi) u tal-qargħa aħmar ġew żviluppati u adattati jew imlaqqma biex jifilħu l-klima miti tat-Tramuntana minkejja l-oriġini tagħhom fil-Mesoamerka. Richter jinnota wkoll li l-iżvilupp avvanzat ta' Cahokia ħabat mal-iżvilupp fil-Lbiċ tas-soċjetà tal-Kanjon ta' Chaco, li pproduċiet ukoll xogħlijiet fuq skala kbira f'soċjetà li milli jidher kienet stratifikata soċjalment. Id-deklin tal-belt jaħbat mal-Era Glaċjali Żgħira, għalkemm sa dak iż-żmien, l-agrikoltura bbażata fuq tliet għelejjel baqgħet stabbilita sew madwar l-Amerka ta' Fuq miti.[13]
Tkabbir u quċċata (is-sekli 11 u 12)
[immodifika | immodifika s-sors]
Cahokia saret l-iżjed ċentru importanti għall-kultura ta' Mississippi. Din il-kultura ġiet espressa f'insedjament tul il-mogħdijiet tal-ilma ewlenin li issa jkopru il-Punent Ċentrali, il-Lvant u x-Xlokk tal-Istati Uniti. Cahokia kienet tinsab f'pożizzjoni strateġika qrib il-konfluwenza tax-xmajjar Mississippi, Missouri u Illinois. Kellha rabtiet kummerċjali ma' komunitajiet 'il bogħod saħansitra sal-Lagi l-Kbar lejn it-Tramuntana u l-Kosta tal-Golf lejn in-Nofsinhar, u kien isir kummerċ ta' oġġetti eżotiċi bħar-ram, il-kwarz ta' Mill Creek,[14] is-snien tal-klieb il-baħar,[15] u l-qxur tal-baħar tal-koċċli.[16]
L-iktar notevoli, il-kwarz ta' Mill Creek, kien jintuża fil-produzzjoni ta' mgħażaq, għodod importanti ħafna għall-bdiewa ta' madwar Cahokia u ċentri oħra ta' Mississippi. Il-kontroll li kellha Cahokia fuq il-manifattura u d-distribuzzjoni ta' dawn l-għodod tal-idejn kien attività ekonomika importanti li permezz tagħha l-belt iffjorixxiet.[17] Il-bċejjeċ tal-fuħħar u l-għodod tal-ġebel tal-kultura ta' Mississippi bl-istil ta' Cahokia nstabu fis-sit ta' Silvernale[18] qrib Red Wing, Minnesota, u f'Cahokia ġew skavati materjali u oġġetti kummerċjali minn Pennsylvania, mill-Kosta tal-Golf u mil-Lag Superjuri.[19]
Fil-quċċata tal-iżvilupp tagħha, Cahokia kienet l-ikbar ċentru urban fit-Tramuntana tal-bliet Mesoamerikani l-kbar fil-Messiku u fl-Amerka Ċentrali. B'popolazzjoni ta' madwar 1,000 ruħ qabel bejn wieħed u ieħor l-1050, il-popolazzjoni tagħha baqgħet tikbar b'mod rapidu anke wara dik id-data. Skont studju li sar fl-2007 f'Quaternary Science Reviews, "Bejn l-1050 u l-1100 W.K., il-popolazzjoni ta' Cahokia żdiedet minn bejn 1,400 u 2,800 ruħ għal bejn 10,200 u 15,300 ruħ",[20] abbażi ta' stima li tapplika biss għal żona ċentrali ta' okkupazzjoni b'densità kbira ta' 1.8 kilometru kwadru (0.69 mili kwadri).[21] Studji dwar it-tkabbir ta' Cahokia jsostnu li l-immigrazzjoni fuq skala kbira kienet kontributur essenzjali fit-tkabbir rapidu inizjali tal-belt.[22] L-arkeologi jistmaw li l-popolazzjoni tal-belt kienet bejn 6,000 u 40,000 ruħ fil-quċċata tagħha, u iktar nies kienu jgħixu f'villaġġi agrikoli periferiċi li kienu jfornu liċ-ċentru urban prinċipali.[23]
Bħala riżultat tal-iskavi arkeoloġiċi li saru fil-bidu tas-seklu 21, instabu żoni residenzjali ġodda lejn il-Punent ta' Cahokia; din l-iskoperta żiedet l-istimi tal-popolazzjoni taż-żona storika.[24] Jekk l-ogħla stimi tal-popolazzjoni huma korretti, Cahokia kienet ikbar minn kwalunkwe belt sussegwenti fl-Istati Uniti sas-snin 80 tas-seklu 18, meta l-popolazzjoni ta' Philadelphia kibret għal iktar minn 40,000 ruħ.[25] Il-popolazzjoni tagħha jaf kienet ikbar minn dik ta' Londra[26] u ta' Pariġi[27] kontemporanji.
Waħda mill-problemi ewlenin li kienu jiffaċċjaw ċentri kbar bħal Cahokia kienet iż-żamma ta' provvista kostanti tal-ikel, x'aktarx aċċentwata min-nixfiet fl-1100-1250 W.K. Problema relatata kienet ir-rimi tal-iskart għal popolazzjoni daqstant densa, u huwa maħsub li l-mard kien ħakem lil Cahokia minħabba t-tniġġis tal-mogħdijiet tal-ilma. Peress li kienet saret post fejn kien hemm daqstant mard, Snow jemmen li l-belt kellha tiddependi fuq attrazzjonijiet soċjali u politiċi biex ikollha provvista kostanti ta' immigranti ġodda; inkella, ir-rata tal-imwiet tal-belt kienet twassal biex tiġi abbandunata qabel.
Deklin (is-sekli 13 u 14)
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-popolazzjoni ta' Cahokia bdiet tbatti għall-ħabta tas-seklu 13, u s-sit ġie abbandunat għall-ħabta tal-1350.[28] Xi studjużi pproponew fatturi ambjentali, bħad-degradazzjoni ambjentali permezz tal-kaċċa eċċessiva, id-deforestazzjoni u t-tniġġis, u t-tibdil fil-klima, bħal żieda fl-għargħar u fin-nixfiet, bħala spjegazzjonijiet għall-abbandun tas-sit. Madankollu, riċerka iktar reċenti tissuġġerixxi li ma hemm l-ebda evidenza ta' erożjoni jew ta' għargħar ikkawżati mill-bniedem f'Cahokia.[29]
Il-problemi politiċi, ekonomiċi jew kulturali jaf ikkontribwew ukoll għad-deklin tal-komunità. Thomas Emerson u Kristin Hedman jargumentaw li l-popolazzjoni kbira ta' immigranti ta' Cahokia kienet fattur li kkontribwixxa għall-frammentazzjoni aħħarija tal-belt, peress li l-lingwi, id-drawwiet u r-reliġjonijiet differenti ostakolaw il-ħolqien ta' identità kulturali koeżiva ta' Cahokia. Analiżijiet tas-siti funebri ta' Cahokia u tal-fdalijiet assoċjati wrew ukoll li bosta abitanti ta' Cahokia ma kinux nattivi tal-belt jew tar-reġjun tal-madwar. Dawn l-immigranti xi kultant kienu jindifnu separatament mir-residenti nattivi, indikatur possibbli tal-integrazzjoni dgħajfa abbażi tal-etniċità. X'aktarx li xi fatturi soċjali u ambjentali flimkien wasslu għall-kundizzjonijiet li obbligaw lin-nies jitilqu minn Cahokia.[30]
Kawża possibbli oħra hija xi invażjoni minn popli barranin. Bosta teoriji mill-aħħar tas-seklu 20 jipproponu l-kollass politiku minħabba l-kilba tal-konkwisti bħala r-raġuni primarja għall-abbandun ta' Cahokia. Evidenza ta' gwerer li nstabet hija palizzati difensivi u torrijiet tal-għassa tal-injam madwar iċ-ċentru ċerimonjali prinċipali ta' Cahokia. Madankollu, il-palizzati jaf kienu ttellgħu iktar għal separazzjoni ritwali jew formali milli għal skopijiet militari, għalkemm palizzati bil-bastjuni kważi dejjem jindikaw xi gwerer. Matul is-seklu 13 il-popolazzjoni ta' Cahokia ċkienet u l-palizzati nbnew mill-ġdid diversi drabi biex jinkorporaw il-belt li kulma jmur dejjem baqgħet tiċkien.[31]
Il-mard trażmess qalb il-popolazzjoni urbana kbira u densa x'aktarx li wkoll wassal għad-deklin. Bl-istess mod, problemi tas-saħħa bħall-marda tal-pellagra jokkorru l-iktar fost dawk li kien ikollhom dieti intensivi fl-użu tal-qamħirrum bħal dik ta' Cahokia. Madankollu, ma ġietx identifikata evidenza li torbot in-nuqqasijiet nutrittivi ma' kolloss soċjetali usa'. Fil-bidu ta' Cahokia għall-ħabta tal-1050 W.K., l-ominija kienet issir permezz tan-nikstamalizzazzjoni li permezz tagħha l-qamħirrum kien ikun iktar nutrittiv. Riċerka reċenti tindika li ċ-ċittadini bikrin ta' Cahokia kienu jagħmlu dan il-proċess tal-qamħirrum iżda mbagħad waqfu għall-ħabta tal-1200 W.K. Id-dipendenza intensiva fuq il-qamħirrum mingħajr in-nikstamalizzazzjoni tista' tirriżulta fil-marda tal-pellagra u l-mewt. Analiżi tal-iżotopi tal-fdalijiet funebri f'Cahokia żvelat ukoll anemija minħabba n-nuqqas ta' ħadid u difetti fl-enamel tas-snien li potenzjalment irriżultaw mid-dipendenza ta' Cahokia fuq il-qamħirrum.[32]
Flimkien ma' dawn il-fatturi, ir-riċerkaturi sabu evidenza fl-2015 ta' għargħar kbar f'Cahokia, li tant kienu kbar li għerrqu l-abitazzjonijiet. Analiżi tas-sedimenti fil-qiegħ tal-Lag ta' Horseshoe żvelat li seħħew żewġ għargħar ewlenin fil-perjodu tal-insedjament ta' Cahokia, bejn wieħed u ieħor fl-1100-1260 u fl-1340-1460. Filwaqt li l-għargħar jaf seħħ lejn il-bidu tat-tkabbir tal-belt, milli jidher ma naffritx lill-bennejja tal-belt; anzi l-kontra, milli jidher dawn ħadu passi bħall-ħolqien ta' kanali, digi u lievi li pproteġew mill-inqas il-parti ċentrali tal-belt matul l-istorja tal-abitazzjoni tagħha. F'indikazzjoni oħra ta' sforzi ta' mitigazzjoni tal-għargħar, iċ-ċittadini ta' Cahokia qasmu l-artijiet agrikoli tagħhom f'għelieqi f'artijiet baxxi u f'għelieqi f'artijiet għoljin, biex b'hekk inaqqsu l-probabbiltà ta' għargħar katakliżmatiku uniku jeqred f'daqqa l-provvista tal-ikel tal-belt.
L-arkeologi skoprew evidenza fl-2020 li kien hemm irpiljar fil-popolazzjoni wara li kienet laħqet livell minimu fl-1400, laħqet livell massimu fl-1650 u mbagħad reġgħet ċkienet għal darb'oħra fl-1700.[33]
Agrikoltura
[immodifika | immodifika s-sors]Cahokia hija mdawra b'artijiet agrikoli għammiela. Il-belt tradizzjonalment kienet maħsuba li kienet ċivilizzazzjoni ċċentrata fuq il-qamħirrum, wara li l-għalla ġiet introdotta fir-reġjun għall-ħabta tad-900 W.K. Filwaqt li l-qamħirrum spiss jiġi akkreditat li ppermetta t-tkabbir bikri tal-popolazzjoni ta' Cahokia, riċerka iktar reċenti ssuġġeriet li d-dieta tal-popolazzjoni ta' Cahokia kienet pjuttost varjata, speċjalment fil-perjodu bikri tal-eżistenza tal-belt. Thomas Emerson u Kristin Hedman jattribwixxu l-iskoperta ta' individwi minn Cahokia b'dieta b'użu baxx tal-qamħirrum b'rabta mal-eżistenza ta' komunitajiet ta' kaċċaturi-ġemmiegħa immigranti li kienu għadhom ma adottawx il-qamħirrum bħala sors tal-ikel bażiku tagħhom.
Ir-residenti fiż-żoni periferiċi kienu jiddependu ferm fuq il-qamħirrum għall-għajxien tagħhom, filwaqt li r-residenti taċ-ċentru tal-belt ta' Cahokia kellhom dieta iktar varjata. Interpretazzjoni partikolari hi li l-livelli iktar għoljin ta' konsum tal-qamħirrum jaf ikunu korrelatati ma' status soċjali iktar baxx fost ir-residenti tal-belt.
L-impatt li l-agrikoltura ta' Cahokia kellha fuq l-ambjent, u r-relazzjoni tagħha mal-kollas finali tal-belt, huwa dibattitu jaħraq. Id-degradazzjoni tal-ħamrija għall-agrikoltura madwar Cahokia jaf wasslet għal tnaqqis fir-riżorsi tal-ikel li mbagħad wasslu għall-qerda tal-belt. Madankollu, Jane Mt. Pleasant, targumenta li dawn il-mudelli tal-lonġevità tal-ħamrija ta' Cahokia huma difettużi, għax huma bbażati fuq il-fehim modern tar-rendimenti tal-għelejjel li jassumu l-użu ta' moħriet. L-użu esklużiv tal-għodod tal-idejn f'Cahokia kien jikkawża inqas ħsara lill-ħamrija u b'hekk jaf żamm il-kwalità tal-ħamrija għal żmien itwal milli huwa tipiku llum il-ġurnata, u għaldaqstant il-kollass rapidu tal-produttività agrikola f'Cahokia skont dan il-ħsieb hija inqas probabbli.
Karatteristiċi notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit oriġinali kien fih 120 tumbata tal-ħamrija f'erja ta' 6 mili kwadri (16 km2), li minnhom illum il-ġurnata fadal 80. Sabiex jiksbu dan il-kobor, huwa stmat li eluf ta' ħaddiema matul deċennji sħaħ ċaqilqu iktar minn 55 miljun pied kubu (1,600,000 m3) ta' ħamrija fi qfief minsuġa biex joħolqu dan in-network ta' tumbati u pjazez komunitarji. Pereżempju, it-Tumbata tal-Patrijiet, tkopri 14-il akru (5.7 ettari), hija għolja 100 pied (30 metru), u fil-quċċata tagħha kellha binja enormi ta' 5,000 pied kwadru (460 m2) li kienet iżżid għoli ulterjuri ta' 50 pied (15-il metru).
Pajsaġġ urban
[immodifika | immodifika s-sors]
Fi stadju bikri tal-istorja tagħha, Cahokia għaddiet minn espansjoni enormi tal-kostruzzjoni. Flimkien mal-fażi bikrija tat-Tumbata tal-Patrijiet, fis-sit ġiet stabbilita konfigurazzjoni urbana wiesgħa. Inbniet b'perspettiva kwadripartitika simbolika u kienet orjentata lejn l-erba' direzzjonijiet kardinali bl-assi prinċipali mil-Lvant għall-Punent u mit-Tramuntana għan-Nofsinhar definiti bit-Tumbata tal-Patrijiet qrib iċ-ċentru tagħha. Ġew stabbiliti erba' pjazez kbar lejn il-Lvant, il-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar tat-Tumbata tal-Patrijiet.
Lejn in-Nofsinhar tat-Tumbata tal-Patrijiet hemm il-Pjazza l-Kbira, spazju kbir li kien ikopri bejn wieħed u ieħor 50 akru (20 ettaru) u kellu tul ta' iktar minn 1,600 pied (490 metru) b'wisa' ta' iktar minn 900 pied (270 metru). Oriġinarjament ir-riċerkaturi ħasbu li l-art ċatta fil-beraħ f'din iż-żona kienet tirrifletti l-pożizzjoni ta' Cahokia fil-pjanura tal-għargħar alluvjonali ta' Mississippi, iżda minflok studji tal-ħamrija wrew li l-pajsaġġ oriġinarjament kien magħmul minn topografija ta' għoljiet telgħin u neżlin qishom ħalel. F'wieħed mill-proġetti l-iktar bikrin tal-kostruzzjoni fuq skala kbira, is-sit kien ġie livellat apposta u b'mod espert mill-abitanti tal-belt. Dan kien parti mill-inġinerija sofistikata li toħroġ fid-dieher fis-sit kollu. Kienet tintuża għal ċerimonji u għal riċevimenti kbar, kif ukoll għal logħbiet ritwali, bħaċ-chunkey. Din il-logħba kienet tintlagħab bl-irrolljar ta' ġebla mdaqqsa b'għamla ta' diska minn naħa għall-oħra tal-għalqa. Min kien jilgħab il-logħba kien iwaddab il-lanez lejn il-post li kien jaħseb li l-ġebla kienet se tieqaf. Il-logħba kienet teħtieġ kapaċità kbira ta' kalkolu u ta' mira.
L-assi ċerimonjali ewlenija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar jikkollega ż-żona prinċipali tas-sit mat-tumbata mortwarja kbira lejn in-Nofsinhar, magħrufa bħala t-Tumbata tas-Serp taċ-Ċekċieka (it-Tumbata 66). Karatteristika ta' din l-istruttura, magħrufa bħala x-Xatt tas-Serp taċ-Ċekċieka fost l-arkeologi, kienet xatt elevat wiesa' madwar 18-il metru (59 pied), b'tul ta' madwar 800 metru (2,600 pied) u b'għoli li jvarja minn 0.5 metri (1.6 pied) sa kważi 1.3 metru (4.3 piedi) tul żona mtajna lejn in-Nofsinhar tal-Pjazza l-Kbira. Kellha allinjament ta' 5° fil-Lvant tat-Tramuntana, direzzjoni li kienet maħsuba li tirreplika t-tlugħ massimu tal-qamar fin-Nofsinhar ta' 5° fil-Punent tat-Tramuntana, għalkemm bil-kontra. Huwa maħsub li din kellha assoċjazzjonijiet simboliċi mal-bennejja b'rabta mad-divinità femminili qamrija tagħhom tal-qamħirrum ta' wara l-mewt. Dan il-ħsieb huwa msaħħaħ iktar permezz tal-prossimità kbira tagħha mat-Tumbata Nru 72; b'konnotazzjonijiet ta' wara l-mewt fejn kien maħsub li wieħed kien jaqsam iż-żona b'ilma baxx tax-xatt, u jasal fil-kumpless mortwarju tat-Tumbata tas-Serp taċ-Ċekċieka. Ix-xatt innifsu jaf kien jitqies bħala simbolu tal-"Mogħdija tal-Erwieħ".
Id-distrett ċentrali ta' status għoli ta' Cahokia kien imdawwar b'palizzati twal żewġ metri mgħammra b'bastjuni protettivi li nbnew wara. Meta l-palizzati nbnew kienu jgħaddu minn xi kwartieri li kienu jeżistu qabel u kienu jisseparawhom. L-arkeologi sabu evidenza tal-palizzati waqt l-iskavi taż-żona u sabu indikazzjonijiet li ġew rikostruwiti diversi drabi. Il-bastjuni tagħhom urew li l-iskop tagħhom x'aktarx li kien wieħed difensiv.
Lil hinn mit-Tumbata tal-Patrijiet, kien hemm saħansitra 120 tumbata oħra f'distanzi li jvarjaw minn xulxin u miċ-ċentru tal-belt. Sa issa, instabu 109 tumbati, u 68 minnhom jinsabu fiż-żona tal-park. It-tumbati huma maqsuma fi tliet tipi differenti: bi pjattaforma, koniċi u b'ħajt fil-quċċata. Kull tumbata milli jidher kellha t-tifsira u l-funzjoni tagħha. Inġenerali, iċ-ċentru tal-belt jidher li kien ġie stabbilit b'konfigurazzjoni b'għamla ta' djamant b'tul ta' mil (1.6 kilometru) minn naħa għall-oħra, filwaqt li l-belt kollha fiha 5 mili (8.0 kilometri) mil-Lvant għall-Punent.
Arkitettura domestika
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żoni residenzjali ta' Cahokia kienu rranġati bir-reqqa f'raggruppamenti ppjanati madwar il-pjazez u t-tumbati. Diffiċli li wieħed jasal għal delinjazzjonijiet u funzjonijiet speċifiċi, iżda bosta minn dawn ir-raggruppamenti jaf ġew iddisinjati biex jakkomodaw segregazzjonijiet reliġjużi jew etniċi. Il-kwartieri ta' Cahokia kellhom sett standardizzat ta' tipi ta' binjiet, inkluż banjijiet bl-istim, djar tal-kunsill u tempji.
L-istrutturi domestiċi ta' Cahokia ġeneralment kellhom kostruzzjoni bil-ħuxlief fuq il-lasti b'għamla rettangolari. Spiss kienu jintużaw trunċieri bil-ħitan minflok lasti għall-kostruzzjoni.
Alleen Betzenhauser u Timothy Pauketat isostnu li iktar minn 20 fil-mija tal-istrutturi fl-inħawi ta' Cahokia ma kellhomx funzjonijiet domestiċi, iżda pjuttost kienu maħsuba biex jiffaċilitaw il-kuntatt ma' essri spiritwali mhux umani bħala parti minn reliġjon animistika. Dawn l-essri jaf kienu jirresjedu fil-binja stess jew f'markaturi ikbar, simili għal-lasti li kienu jintużaw għall-kostruzzjoni taċ-Ċirku tal-Injam ta' Cahokia. Betzenhauser u Pauketat iqabblu l-binjiet ta' Cahokia skont it-teorija tagħhom ma' tined tat-tħarrik jew postijiet mediċinali.
Tumbata tal-Patrijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tumbata tal-Patrijiet hija l-ikbar struttura u l-punt ċentrali tal-belt: hija tumbata enormi bi pjattaforma u erba' terrazzi, għolja 10 sulari, u hija l-ikbar tumbata tal-ħamrija magħmula mill-bniedem fit-Tramuntana tal-Messiku. Tħares lejn in-Nofsinhar u hija għolja 100 pied (30 metru), twila 951 pied (290 metru), wiesgħa 836 pied (255 metru) u tkopri 13.8-il akru (5.6 ettari). Hija magħmula minn madwar 814,000 jarda kubika (622,000 m3) ta' ħamrija. It-tumbata nbniet dejjem ogħla u usa' matul is-sekli, saħansitra f'għaxar stadji separati ta' kostruzzjoni fejn ġew miżjuda t-terrazzi u qisha xoffa madwarha.
It-Tumbata tal-Patrijiet ingħatat isimha minħabba l-komunità ta' patrijiet Trappisti li kienu jirresjedu fil-qrib għal żmien qasir, wara li l-Amerikani Ewropej insedjaw l-inħawi. L-iskavi fin-naħa ta' fuq tat-Tumbata tal-Patrijiet żvelaw evidenza ta' binja kbira, x'aktarx tempju jew ir-residenza tal-ogħla kap, li kienet tidher mill-belt kollha. Din il-binja kienet twila madwar 105 piedi (32 metru) u wiesgħa 48 pied (15-il metru), u jaf kienet għolja saħansitra 50 pied (15-il metru). Kienet tkopri madwar 5,000 pied kwadru (460 m2).
In-naħat tal-Lvant u tal-Majjistral tat-Tumbata tal-Patrijiet ġew skavati darbtejn f'Awwissu 2007 matul tentattiv biex tiġi evitata l-erożjoni minħabba ċ-ċediment tal-ġnub. Dawn in-naħat sarulhom xi tiswijiet biex it-tumbata tiġi ppreservata.
Tumbata Nru 72
[immodifika | immodifika s-sors]
Matul l-iskavi tat-Tumbata Nru 72, tumbata funebri fin-Nofsinhar taċ-ċentru urban prinċipali, l-arkeologi sabu l-fdalijiet ta' xi 270 individwu, inkluż difniet ta' koppji maskili/femminili. Difna partikolari (il-Karatteristika Nru 101) saret fuq mifrex ta' 10,000 żibġa tal-qxur tal-baħar irranġati fl-għamla ta' falkun, b'ras l-għasfur tidher taħt u maġenb ras ir-raġel, u l-ġwienaħ tiegħu u denbu taħt dirgħajn u riġlejn ir-raġel. Din id-difna hija magħrufa bħala d-Difna taż-Żibeġ jew tar-Raġel Għasfur. Difniet oħra, bħad-Difna tal-Ħażna Eżotika fit-tumbata, kellhom materjali eżotiċi u kwantitajiet kbar ta' żibeġ tal-qxur tal-baħar.
Il-ġellied falkun jew ir-raġel għasfur huwa motiv komuni fil-kultura ta' Mississippi. Din id-difna bla dubju kellha tifsira ikonografika b'saħħitha. Barra minn hekk, ħażna ta' ponot tal-vleġeġ maħduma b'mod sofistikat u fin bi stili u b'materjali differenti nstabet qrib il-qabar ta' dan ir-raġel importanti. Isseparati f'erba' tipi, kull tip minn reġjun ġeografiku differenti, il-ponot tal-vleġeġ urew ir-rabtiet kummerċjali estensivi ta' Cahokia fl-Amerka ta' Fuq.
L-arkeologi rkupraw iktar minn 250 skeletru ieħor mit-Tumbata Nru 72. L-istudjużi jemmnu li kważi 62 % minnhom kienu vittmi offruti bħala sagrifiċċju, abbażi ta' sinjali ta' eżekuzzjonijiet ritwali, il-metodu tad-difna, u fatturi oħra. L-iskeletri jinkludu:
- erba' żgħażagħ irġiel, bla idejn u bla ras;
- qabar tal-massa b'iktar minn 50 mara ta' xi 21 sena, b'katavri rranġati f'żewġ saffi sseparati b'qishom twapet;
- difna tal-massa b'40 raġel u mara li milli jidher inqatlu b'mod vjolenti, u wħud minnhom jaf indifnu ħajjin: "Mill-pożizzjoni vertikali ta' wħud mis-swaba', li donnhom kienu qed iħaffru fir-ramel, jidher li mhux il-vittmi kollha kienu mejtin meta ndifnu – uħud ippruvaw joħorġu lilhom infushom mill-massa ta' katavri".
Ir-rabta ta' dawn id-difniet mad-difna ċentrali mhix ċara. X'aktarx li ma ġewx depożitati kollha fl-istess żmien. L-injam f'diversi partijiet tat-tumbata ġew datat bir-radjokarbonju li jmur lura għal bejn id-950 u s-sena 1000 W.K.
L-iskavi indikaw li t-Tumbata Nru 72 ma nbniet bħala tumbata unika, iżda iktar bħala sensiela ta' tumbati iżgħar. Dawn it-tumbati ngħataw għamliet differenti maż-żmien u tgħattew bil-ħamrija xi kultant biex it-Tumbata Nru 72 fl-aħħar mill-aħħar tingħata l-għamla aħħarija tagħha.
Post fejn kien jinħadem ir-ram
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskavi qrib it-Tumbata Nru 34 mill-2002 sal-2010 żvelaw post fejn kien jinħadem ir-ram. Din is-sejba unika oriġinarjament ġiet skoperta fis-snin 50 tas-seklu 20 mill-arkeologu Gregory Perino, iżda l-pożizzjoni eżatta tal-post intilfet għal 60 sena. Dan huwa l-uniku post magħruf fejn kien jinħadem ir-ram f'sit tal-kultura ta' Mississippi. Fl-inħawi hemm il-fdalijiet ta' tliet zkuk tas-siġar bl-għeruq li huwa maħsub li ntużaw biex iżommu xi ġebel bħala inkwini. L-analiżi tar-ram li nstab matul l-iskavi wriet li r-ram ingħadda minn proċess ta' rikottura, li hija teknika li tinvolvi t-tisħin u t-tkessiħ ripetut tal-metall waqt li jkun qed jinħadem, l-istess bħalma jagħmlu l-ħaddieda bil-ħadid.
L-artiġjani pproduċew oġġetti reliġjużi, bħal maskri tad-divinità bl-imnieħer twil u msielet ċerimonjali b'għamla simbolika li huwa maħsub li ntużaw f'ritwali ta' parentela fittizja. Bosta mill-platti tar-ram ta' Mississippi b'rabta stilistika, bħall-ħażna ta' Wulfing mix-Xlokk ta' Missouri, uħud mill-platti ta' Etowah minn Georgia, u bosta mill-platti ta' Spiro minn Oklahoma, huma assoċjati mal-istil usa' ta' Braden u huwa maħsub li ġew prodotti f'Cahokia fis-seklu 13.
Ċirku tal-Injam ta' Cahokia
[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-Ċirku tal-Injam ta' Cahokia kien sensiela ta' ċrieki kbar tal-injam madwar 850 metru (2,790 pied) lejn il-Punent tat-Tumbata tal-Patrijiet. Huwa maħsub li nbnew bejn id-900 u l-1100 W.K., u kull wieħed kien ikbar minn ta' qabel bi 12-il arblu iktar minn ta' qabel. Is-sit ġie skopert waqt ix-xogħol arkeoloġiku ta' stħarriġ tal-fdalijiet ta' Dr. Warren Wittry fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 meta żdiedet il-kostruzzjoni bis-saħħa tal-awtostrada interstatali. Għalkemm il-maġġoranza tas-sit kien fih strutturi ta' djar ta' villaġġ, ġew skoperti wkoll għadd ta' ħofor kbar tal-arbli. Meta l-ħofor ġew ipplottjati, kienu jiffurmaw diversi arkijiet b'ħofor spazjati b'distanza indaqs. Ix-xogħol analtiku dettaljat appoġġa l-ipoteżi li l-kollokament ta' dawn l-arbli kien skont disinn apposta, u Wittry ħareġ bl-ipoteżi li l-arkijiet jaf kienu ċrieki sħaħ. Huwa beda jirreferi għaċ-ċrieki bħala "ċrieki tal-injam" (bl-Ingliż: woodhenges), u beda jqabbel l-istrutturi maċ-ċrieki magħrufa sew tal-Ingilterra f'Woodhenge u fi Stonehenge.
Il-ħofor tal-arbli li sab Wittry huma eżempju kif il-ħamrija taħżen il-memorja ta' materjali organiċi li ddeterjoraw fil-ħamrija eluf ta' snin ilu. Bosta tipi ta' ħamrija għandhom komponent aċiduż naturali li jkisser malajr il-biċċa l-kbira tal-materjali organiċi, iżda jibqa' skolorament skur fil-ħamrija. L-arbli oriġinali taċ-Ċirku tal-Injam ta' Cahokia ħallew warajhom l-istess skolorament, u b'hekk ir-riċerkaturi setgħu faċilment jidentifikaw li l-ħamrija xi darba kellha arbli tal-injam imdaħħlin fiha.
Skavi addizzjonali li saru fis-snin 60 sa 80 tas-seklu 20 użaw tbassir ibbażat fuq il-pożizzjonijiet ivverifikati tal-ħofor tal-arbli u fuq l-ispazjar tagħhom biex isibu ħofor oħra tal-arbli tal-injam u jikkonfermaw l-eżistenza ta' ħames ċrieki separati tal-injam fil-qrib. Issa ċ-ċrieki ġew iddeżinjati bħala ċ-Ċrieki tal-Injam I sa V b'numri Rumani. Fl-1985, inbniet rikostruzzjoni taċ-Ċirku tal-Injam III bl-arbli fil-pożizzjonijiet oriġinali skavati. Iċ-ċirku, li għandu 48 arblu f'għamla ta' ċirku u d-49 arblu fiċ-ċentru tiegħu, intuża biex tiġi investigata l-astronomija arkeoloġika f'Cahokia. Id-Diviżjoni tal-Preservazzjoni Storika ta' Illinois li tissorvelja s-sit ta' Cahokia tospita osservazzjonijiet pubbliċiċ ta' tlugħ ix-xmex fl-ekwinozji tar-rebbiegħa u tal-ħarifa u fis-solstizji tax-xita u tas-sajf. Bħala turija ta' rispett lejn it-twemmin tal-Amerikani Nattivi, f'dawn l-avvenimenti ma jsirux ċerimonji jew ritwali.
Sistema ta' Tumbati ta' Cahokia
[immodifika | immodifika s-sors]Cahokia hija magħrufa bħala wieħed miċ-ċentri b'kollezzjonijiet popolati densament ta' siti, fosthom tal-Lvant ta' St. Louis, it-Tumbati ta' St. Louis, Janey B. Goode, u s-sit ta' Mitchell. Dan ir-reġjun ta' siti spiss huwa magħruf bħala ż-"Żona Ikbar ta' Cahokia" peress li huma kollha interrelatati.
Tumbati relatati
[immodifika | immodifika s-sors]Sas-seklu 19, sensiela ta' tumbati simili kienu ddokumentati li kienu jeżistu f'dik li issa hija l-belt ta' St. Louis, xi 8 mili (13-il kilometru) lejn il-Punent ta' Cahokia. Il-biċċa l-kbira ta' dawn it-tumbati ġew livellati waqt l-iżvilupp ta' St. Louis, u l-biċċa l-kbira tal-materjal tagħhom reġa' ntuża fil-proġetti tal-kostruzzjoni.
L-unika tumbata li baqgħet teżisti minn dawn it-tumbati hija t-Tumbata ta' Sugarloaf. Din tinsab fix-xatt tal-Punent tax-xmara Mississippi, u kienet timmarka l-fruntiera inizjali bejn St. Louis u l-belt ta' Carondelet li fl-imgħoddi kienet awtonoma.
Wieħed mill-ikbar siti tal-kultura ta' Mississippi huwa s-Sit Storiku Statali tat-Tumbati ta' Kincaid, li jinsab fil-kontej ta' Massac u ta' Polk fin-Nofsinhar ta' Illinois. Jinsab 140 mil (230 kilometru) fix-Xlokk ta' Cahokia, fil-pjanura tal-għargħar tax-xmara Ohio. B'total ta' 19-il tumbata fil-kumpless, dan jitqies bħala l-ħames l-ikbar sit tal-kultura ta' Mississippi bħala għadd ta' monumenti. Huwa maħsub li s-sit kien immexxi minn kap, peress li fost id-difniet tat-tumbata nstabet difna tal-elit. Is-sit ġie ddeżinjat bħala Għeliem Storiku Nazzjonali.
Mużew u Ċentru Interpretattiv ta' Cahokia
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mużew u ċ-Ċentru Interpretattiv ta' Cahokia, li jilqa' sa miljun viżitatur fis-sena, ġie ddisinjat minn AAIC Inc. Il-binja, li nfetħet fl-1989, ingħatat il-Premju ta' Thomas H. Madigan, il-Premju Magħżul mill-Qarrejja tas-St. Louis Construction News & Reviews, il-Premju għall-Merti mill-Assoċjazzjoni tal-Kostruzzjoni bil-Metall, u l-Premju ta' Kisba Straordinarja mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Brikks.
Dinja akkademika
[immodifika | immodifika s-sors]Cahokia ilha post ta' interess fost il-komunità tal-akkademiċi. Diġà fis-snin 60 tas-seklu 20, l-universitajiet fil-Midwest żaru s-sit biex jagħmlu riċerka fil-post fl-oqsma tal-ġeoloġija u tal-arkeoloġija. Wieħed mill-iżjed riċerkaturi prominenti ta' Cahokia huwa Timothy Pauketat. Huwa wettaq riċerka u kiteb dwar Cahokia għall-biċċa l-kbira tal-karriera professjonali tiegħu. Akkademiċi prominenti oħra ta' Cahokia jinkludu Warren Wittry, li kien strumentali għall-irkupru taċ-Ċirku tal-Injam ta' Cahokia.
Deżinjazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tumbati ta' Cahokia ġew protetti għall-ewwel darba mill-istat ta' Illinois fl-1923 meta l-leġiżlatura tiegħu awtorizzat ix-xiri ta' park statali. Id-deżinjazzjoni ta' wara bħala sit storiku statali offriet protezzjoni addizzjonali, iżda s-sit ġie mhedded b'mod sinifikanti mill-programm tal-kostruzzjoni tal-awtostrada federali fis-snin 50 tas-seklu 20. Il-programm tal-kostruzzjoni tal-awtostrada naqqas l-integrità tas-sit; madankollu, żied il-finanzjament għal investigazzjonijiet arkeoloġiċi ta' emerġenza. Dawn l-investigazzjonijiet saru intensivi u għadhom isiru sal-lum. Dawn irriżultaw fil-fehim attwali tal-importanza nazzjonali u internazzjonali tas-sit. Is-sit ġie ddeżinjat bħala Għeliem Storiku Nazzjonali fid-19 ta' Lulju 1964, u ġie elenkat fuq ir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi fil-15 ta' Ottubru 1966.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit Storiku Statali tat-Tumbati tal-Ħamrija ta' Cahokia ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[5]
Is-Senatur Statali Evelyn M. Bowles tikteb dan li ġej dwar is-sit tat-Tumbati ta' Cahokia:
Matul is-snin flimkien ma' sħabi kont inżur it-Tumbati f'xi mawra l-Ħadd waranofsinhar. Meta sirt Senatur Statali, kelli l-opportunità li niżgura fondi għall-akkwist ta' iktar akri fejn hemm it-tumbati iżgħar. Bosta minnhom kellhom artefatti addizzjonali.
Id-deżinjazzjoni għenet il-protezzjoni tas-sit u attirat fondi għat-twettiq ta' riċerka dwar din iċ-ċivilizzazzjoni sinifikanti. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
- A Mississippian-era priest, in the 13th century, Cahokia metropolis, holding a ceremonial flint mace and severed sacrificial head
- Tamarois et Caouquias on a French map of Illinois in 1718, south of the confluence of the Illinois and Mississippi rivers (approximate modern state area highlighted) from Carte de la Louisiane et du Cours du Mississipi by Guillaume de L'Isle
- The Rattlesnake Causeway leading from Monks Mound to Mound 66 is the city's ceremonial north–south axis.
- The "Chunkey Player" statuette, made of Missouri flint clay, depicts the ancient Native American game of chunkey. The statuette is believed to have been originally crafted at or near Cahokia Mounds; it was excavated at a Mississippian site in Muskogee County, Oklahoma, revealing the reach of the trade network of this culture.
- Clay statuette excavated at Cahokia site
- Incised sandstone tablet of a Birdman found in 1971 during excavations into the east side of Monks Mound
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Munoz, Samuel E.; Schroeder, Sissel; Fike, David A.; Williams, John W. (2014). "A record of sustained prehistoric and historic land use from the Cahokia region, Illinois, USA". Geology. 42 (6): 499–502.
- ↑ "Cahokia Mounds" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ "Dokument tan-nominazzjoni tas-sit" (PDF).
- ↑ "WashingtonPost.com: Ancient Cahokia". www.washingtonpost.com. Miġbur 2024-08-10.
- 1 2 3 "Cahokia Mounds State Historic Site". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Detherage, Blake. "The proud history of architecture in Illinois". Springfield Business Journal (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ James M. Collins, The archaeology of the Cahokia Mounds ICT-II, Springfield IL: Illinois Historic Preservation Agency (1990), ISBN 0-942579-10-0.
- ↑ Emerson u Barry, Cahokia and the Hinterlands, 33 & 46.
- ↑ Bey, Lee (2016-08-17). "Lost cities #8: mystery of Cahokia – why did North America's largest city vanish?" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ White, A.J.; Munoz, Samuel E.; Schroeder, Sissel; Stevens, Lora R. (January 24, 2020). "After Cahokia: Indigenous Repopulation and Depopulation of the Horseshoe Lake Watershed AD 1400–1900". American Antiquity. 85 (2): 263–278. doi:10.1017/aaq.2019.103. ISSN 0002-7316.
- ↑ "Native American city on the Mississippi was America's first 'melting pot' | News Bureau | University of Illinois". web.archive.org. 2014-03-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-08. Miġbur 2024-08-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ Saraceni, Jessica Esther (2014-03-06). "News - 12th-Century Cahokia Was a "Melting Pot"" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Richter, Daniel K. (2011). Before the Revolution: America's Ancient Pasts. Cambridge, MA: Belknap - Harvard University Press. pp. 20–21. ISBN 9780674055803.
- ↑ "Illinois Agriculture - Technology - Hand Tools - Native American Tools". www.museum.state.il.us. Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Kozuch, Laura (2025). "Shark Tooth Artifacts at Cahokia". In Wong, Gillian (ed.). Zooarchaeology Beyond Human Subsistence. Salt Lake City, UT: University of Utah Press.
- ↑ Kozuch, Laura (2022). "Shell Bead Crafting at Greater Cahokia". North American Archaeologist. 43 (1): 64–94.
- ↑ Snow, Dean (2010). Archaeology of Native North Americas. Upper Saddle River, NJ: Prentice Hall. pp. 201–203.
- ↑ "Cultural" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ "WashingtonPost.com: Ancient Cahokia". www.washingtonpost.com. Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Benson LV, Berry MS, Jolie EA, Spangler JD, Stahle DW, Hattori EM. "Possible impacts of early-11th-, middle-12th-, and late-13th-century droughts on western Native Americans and the Mississippian Cahokians." Quaternary Science Reviews 2007, 26:336–350.
- ↑ Benson, L. V.; Pauketat, T. R.; Cook, E. R. (2009). "Cahokia's Boom and Bust in the Context of Climate Change". American Antiquity. 74 (3): 467–483.
- ↑ Emerson, Thomas E.; Hedman, Kristin M. (2015), "The dangers of diversity: The consolidation and dissolution of Cahokia, native North America's first urban polity", Beyond Collapse: Archaeological Perspectives on Resilience, Revitalization, and Transformation in Complex Societies, Center for Archaeological Investigations Occasional Paper, SIU Press, pp. 147–178, ISBN 978-0-8093-3400-1.
- ↑ "America's Forgotten City". web.archive.org. 2018-08-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-08-24. Miġbur 2024-08-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "America's Forgotten City". web.archive.org. 2018-08-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-08-24. Miġbur 2024-08-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ United States Census Office, A Century of Population Growth from the First Census of the United States to the Twelfth: 1790–1900, Government Printing Office, 1909, p. 11.
- ↑ Wills, Matthew (2017-08-15). "The Mysterious Pre-Columbian Settlement of Cahokia". JSTOR Daily (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ "The US' lost, ancient megacity". www.bbc.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Buchanan, Meghan E. (November 9, 2019). "Diasporic Longings? Cahokia, Common Field, and Nostalgic Orientations". Journal of Archaeological Method and Theory. 27 (1): 72–89.
- ↑ Henderson, Harold (2000-06-29). "The Rise and Fall of the Mound People". Chicago Reader (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-10.
- ↑ Kelly, John (2009). Contemplating Cahokia's collapse. In: Global Perspectives on the Collapse of Complex Systems. Maxwell Museum of Anthropology. pp. 147–168.
- ↑ Shackelford, Alan G. (2007). "The Frontier in Pre-Columbian Illinois". Journal of the Illinois State Historical Society. 100 (3): 182–206. ISSN 1522-1067.
- ↑ Emerson, Thomas E.; Hedman, Kristin M. (2016). Beyond Collapse: Archaeological Perspectives on Resilience, Revitalization, and Transformation in Complex Societies. Occasional Paper No. 42. Carbondale, IL: Center for Archaeological Investigations. pp. 147–175.
- ↑ White, A.J.; Munoz, Samuel E.; Schroeder, Sissel; Stevens, Lora R. (January 2020). "After Cahokia: Indigenous Repopulation and Depopulation of the Horseshoe Lake Watershed AD 1400–1900". American Antiquity. 85 (2): 263–278.