Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja
Is-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja huma seba’ kapulavuri arkitettoniċi dinjin li ntgħażlu f’kampanja li bdiet fis-sena 2000 biex jintgħażlu seba’ għeġubijiet ġodda tad-Dinja minn għażla ta’ 200 monument eżistenti.[1] L-istħarriġ tal-popolarità b’votazzjoni ħielsa fuq l-internet u bit-telefonati, ġie mmexxi mill-Kanadiż-Żvizzeru Bernard Weber u ġie organizzat mill-Fondazzjoni New7Wonders (N7W) ibbażata fi Zurich, l-Iżvizzera. Ir-rebbieħa ġew imħabbra fis-7 ta’ Lulju 2007 fl-Estádio da Luz, f’Liżbona.[2][3][4][5] L-istħarriġ ġie meqjus li ma kienx xjentifiku, parzjalment minħabba li kien possibbli li dak li jkun jivvota iktar minn darba. Skont John Zogby, il-fundatur u l-President attwali tal-organizzazzjoni tal-istħarriġ ibbażata fi New York Zogby International, il-Fondazzjoni New7Wonders wettqet “l-ikbar stħarriġ li qatt sar fid-dinja”.[4]
L-istħarriġ qanqal firxa wiesgħa ta’ reazzjonijiet uffiċjali. Xi pajjiżi ppromwovew is-sit kandidat tagħhom u għamlu ħilithom biex iħajru lin-nies jivvutaw, filwaqt li oħrajn ma tantx ikkalkulawh jew ikkritikawh.[4][6] Wara li appoġġat il-Fondazzjoni New7Wonders fil-bidu tal-kampanja billi pprovdiet pariri dwar l-għażla tal-kandidati nnominati, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), peress li skont il-mandat tagħha trid tagħti l-istess status indaqs lis-Siti ta’ Wirt Dinji kollha, iddistanzjat ruħha mill-kampanja fl-2001 u mill-ġdid fl-2007.[7][8]
Is-seba’ rebbieħa ntgħażlu minn 21 kandidat, li kienu tniżżlu minn 77 kandidat permezz ta’ panel fl-2006.
Il-Fondazzjoni New7Wonders, stabbilita fl-2001, kienet tiddependi fuq donazzjonijiet privati u l-bejgħ ta’ drittijiet tax-xandir u ma rċeviet l-ebda finanzjament pubbliku.[9] Wara t-tħabbira finali, il-Fondazzjoni New7Wonders sostniet li ma qalgħet xejn mill-istħarriġ u bil-kemm irkuprat l-investiment li għamlet.[10]
Minkejja li l-N7W tiddeskrivi lilha nnifisha bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, il-kumpanija warajha—New Open World Corporation (NOWC)—hija negozju kummerjali. Il-flus kollha mil-liċenzjar u mill-isponsors jitħallsu lill-NOWC.
Il-fondazzjoni wettqet żewġ kampanji sussegwenti oħra ta’ stħarriġ: is-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tan-Natura, fejn il-votazzjoni baqgħet għaddejja sal-2011, u l-Bliet ta’ New7Wonders, li ntemmet fl-2014.
Rebbieħa
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Piramida l-Kbira ta’ Giza, l-ikbar waħda mit-tliet piramidi Eġizzjani u l-iktar waħda antika fin-Nekropoli ta’ Giza fl-Eġittu, u l-unika wieħed mis-Seba Għeġubijiet tad-Dinja tal-Qedem, ingħatat status onorarju.
Għeġubijiet | Post | Ritratt | Sena |
---|---|---|---|
Il-Piramida l-Kbira ta’ Giza
(status onorarju) |
Nekropoli ta’ Giza, l-Eġittu | 2560 Q.K. | |
Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina | Iċ-Ċina | 700 Q.K. | |
Petra | Ma'an, il-Ġordan | 312 BC | |
Il-Kolossew | Ruma, l-Italja | 80 W.K. | |
Chichén Itzá | Yucatán, il-Messiku | 600 W.K. | |
Machu Picchu | Ir-Reġjun ta’ Cusco, il-Perù | 1450 W.K. | |
It-Taj Mahal | Agra, Uttar Pradesh, l-Indja | 1643 W.K. | |
L-istatwa ta’ Kristu Redentur fuq Corcovado | Rio de Janeiro, il-Brażil | 1931 W.K. |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ ""How the New7Wonders movement all began"". About New7Wonders (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-15. Miġbur 2021-03-21.
- ^ "FAQ". About New7Wonders (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-21.
- ^ W, Philipp (2011-03-29). "The Founder". About New7Wonders (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-21.
- ^ a b ċ Dwoskin, Elizabeth (2007-07-09). "Vote for Christ". Newsweek. ISSN 0028-9604. Arkivjat 03-05-2008.
- ^ "Voting Analysis". World of New 7 Wonders. Archived from the original on 2013-03-26.
- ^ "The Seven Wonders of the World, 2.0". Los Angeles Times (bl-Ingliż). 2007-07-08. Miġbur 2021-03-21.
- ^ by (2007-06-08). "New7Wonders and UNESCO: Separate organizations, common goals". About New7Wonders (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-21.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO confirms that it is not involved in the "New 7 wonders of the world" campaign". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-21.
- ^ "Interesting questions and answers". World of New 7 Wonders. Arkivjat 11-12-2013.
- ^ "Oh Taj! 7 wonders won't get campaign money" (bl-Ingliż). 2007-07-22. Miġbur 2021-03-21.