Aqbeż għall-kontentut

Ħajt il-Kbir taċ-Ċina

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina

Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina (biċ-Ċiniż tradizzjonali: 萬里長城; biċ-Ċiniż issimplifikat: 万里长城; bil-pinyin: Wànlǐ Chángchéng) huwa sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li nbnew tul il-fruntieri storiċi tat-Tramuntana tal-istati antiki taċ-Ċina u taċ-Ċina Imperjali bħala protezzjoni minn diversi gruppi nomadiċi mill-Isteppa Ewroasjatika. Inbnew diversi ħitan sa mill-bidu tas-seklu 7 Q.K.[1], b’biċċiet selettivi li iktar ’il quddiem ġew magħquda flimkien minn Qin Shi Huang (220-206 Q.K.), l-ewwel imperatur taċ-Ċina. Ftit li xejn fadal mill-ħajt ta’ Qin Shi Huang.[2] Iktar ’il quddiem, ħafna dinastiji suċċessivi bnew diversi biċċiet tal-ħitan fil-fruntieri u wettqu l-manutenzjoni tagħhom. L-iktar biċċiet magħrufa sew tal-ħajt inbnew mid-dinastija Ming (1368-1644).

Apparti għad-difiża, fost l-iskopijiet għaliex inbena l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina hemm il-kontrolli tal-fruntieri, l-impożizzjoni ta’ dazji fuq il-merkanzija ttrasportata tul it-Triq tal-Ħarir, ir-regolamentazzjoni jew it-tħeġġiġ tal-kummerċ, u l-kontroll tal-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni.[3] Barra minn hekk, il-karatteristiċi difensivi tal-Ħajt il-Kbir ittejbu permezz tal-kostruzzjoni ta’ torrijiet tal-għassa, barrakki għat-truppi, stazzjonijiet għall-gwarniġjoni, kapaċitajiet ta’ sinjalar bid-duħħan jew bin-nar, u l-fatt li l-mogħdija fuq il-Ħajt il-Kbir kienet isservi wkoll bħala kuritur tat-trasport.

Il-ħitan fil-fruntieri nbnew minn dinastiji differenti u għandhom diversi mogħdijiet. Kollettivament, jibdew minn Liaodong fil-Lvant u jibqgħu sejrin tal-Lag ta’ Lop fil-Punent, mill-fruntiera attwali bejn iċ-Ċina u r-Russja fit-Tramuntana sax-xmara Tao (Taohe) fin-Nofsinhar; tul ark li bejn wieħed u ieħor jimxi tul it-tarf tal-isteppa tal-Mongolja; u jkopri iktar minn 20,000 km b’kollox.[4] Illum il-ġurnata, is-sistema difensiva tal-Ħajt il-Kbir ġeneralment hija rikonoxxuta bħala waħda mill-iktar għeġubijiet arkitettoniċi impressjonanti fl-istorja. Barra minn hekk, huwa Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1987 u wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja mill-2007.[5]

Mappa tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina

Storikament, il-ġabra ta’ fortifikazzjonijiet magħrufa bħala l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina ngħatat ismijiet differenti kemm biċ-Ċiniż kif ukoll b’lingwi oħra.

Fid-dokumenti storiċi Ċiniżi, it-termini “Ħajt Twil/Ħitan Twal” (t 長城, s 长城, Chángchéng) jidhru fir-Rekords tal-Istoriku l-Kbir ta’ Sima Qian, fejn kienu jirreferu kemm għal ħitan kbar separati li nbnew bejn Stati fi Gwerra ma’ xulxin u fit-Tramuntana tagħhom, kif ukoll għall-kostruzzjoni iktar unifikata tal-Ewwel Imperatur.[6] Il-karattru Ċiniż 城, li jfisser belt jew fortizza, huwa kompost fonosemantiku tar-radikali 土 u tal-fonetika 成 tad-“dinja”, u l-pronunzja tiegħu biċ-Ċiniż Antik ġie rikostruwit bħala *deŋ.[7] Oriġinarjament kien jirreferi għas-sur madwar il-bliet Ċiniżi tradizzjonali u kien jintuża bħala estensjoni għal dawn il-ħitan mad-dawra tal-istati rispettivi tagħhom; madankollu, illum il-ġurnata, huwa iktar frekwenti li tintuża bħala l-kelma Ċiniża għal “belt”.[8]

L-isem itwal biċ-Ċiniż “Ħajt Twil Għaxart Elef Mil” (t 萬里長城, s 万里长城, Wànlǐ Chángchéng) ġie mid-deskrizzjoni ta’ Sima Qian fir-Records, għalkemm ma semmihomx eżatt b’dak il-mod. Il-Ktieb ta’ Song tal-493 W.K. jikkwota lill-ġeneral tal-fruntieri Tan Daoji li jirreferi għall-“ħajt twil 10,000 mil”, eqreb għall-isem modern, iżda dan l-isem qajla jidher fi żminijiet premoderni għajr hemmhekk.[9] Il-mil Ċiniż tradizzjonali (里, ) sikwit kien distanza irregolari li kien maħsub biex juri t-tul ta’ villaġġ standard u kien ivarja skont it-tip ta’ art, għalkemm kien jiġi standardizzat wara distanzi ta’ madwar terz tal-mil Brittaniku (540 metru).[10] Minn żmien il-metrikazzjoni taċ-Ċina fl-1930 ’l hawn, sar ekwivalenti għal 500 metru eżatt[11], li jfisser li isem il-ħajt kieku jiddeskrivi distanza ta’ 5,000 km. Madankollu, dan l-użu ta’ “għaxart elef” (wàn) huwa figurattiv u sempliċement ifisser kwantità kbira “inkalkolabbli”.[12]

Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina fi tlugħ ix-xemx

Minħabba l-assoċjazzjoni tal-ħajt mal-allegata tirannija tal-Ewwel Imperatur, id-dinastiji Ċiniżi wara Qin Shi Huang is-soltu kienu jevitaw li jirreferu għaż-żidiet tagħhom mal-ħajt bl-isem ta’ “Ħajt Twil”.[13] Minflok, kienu jintużaw diversi termini fir-rekords Medjevali, fosthom “fruntiera/i” (塞, Sài)[14], “sur/swar” (垣, Yuán)[14], “barriera/i” (障, Zhàng; fis-sens ta’ ostaklu)[14], “il-fortizzi esterni” (外堡, Wàibǎo)[15], u “l-ħajt/ħitan fil-fruntieri” (t 邊牆, s 边墙, Biānqiáng)[13]. Fost l-ismijiet poetiċi u informali li ngħataw lill-ħajt kien hemm “il-Fruntiera Vjola” (紫塞, Zǐsài)[16] u "d-Dragun tad-Dinja” (t 土龍, s 土龙, Tǔlóng).[17] Matul id-dinastija Qing biss reġa’ beda jintuża t-terminu “Ħajt Twil” biex jirreferi għall-ħafna ħitan fil-fruntieri irrispettivament fejn jinsabu jew minn liema dinastija oriġinaw, u li huwa l-ekwivalenti għall-“Ħajt il-Kbir”.[18]

Xi sezzjonijiet tal-ħajt fin-Nofsinhar tad-Deżert tal-Gobi u fl-isteppa tal-Mongolja xi drabi jissejħu l-“Ħajt ta’ Genghis Khan”, anke jekk Genghis Khan ma bena l-ebda ħajt jew linja difensiva permanenti.[19]

L-isem attwali evolva minn ġrajjiet dwar “il-ħajt Ċiniż” minn vjaġġaturi Ewropej moderni bikrin. Sas-seklu 19[18], “il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina” sar l-isem standard f’diversi lingwi Ewropej, fosthom il-Malti, l-Ingliż u l-Franċiż, għalkemm hemm lingwi oħra bħall-Ġermaniż li jirreferu għalih bħala “il-ħajt Ċiniż”.[12]

Ħitan bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Qin minn Lintao sa Liaodong

Iċ-Ċiniżi diġà kienu midħla mat-tekniki tal-bini tal-ħitan fi żmien ir-rebbiegħa u l-ħarifa bejn is-sekli 8 u 5 Q.K. Matul dan iż-żmien u l-perjodu sussegwenti tal-Istati fi Gwerra ma’ xulxin, l-istati ta’ Qin, Wei, Zhao, Qi, Han, Yan, u Zhongshan[20] kollha bnew fortifikazzjonijiet estensivi biex jiddefendu l-fruntieri tagħhom stess. Peress li l-għan tagħhom kien li jifilħu għall-attakki b’armi żgħar bħax-xwabel u l-lanez, dawn il-ħitan inbnew l-iktar bil-ġebel jew bl-ikkumpattar tal-ħamrija u ż-żrar.

Il-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Han huwa l-itwal ħajt, minn Mamitu ħdejn Yumenguan sa Liaodong

Ir-Re Zheng tad-dinastija Qin ħakem l-aħħar tal-għedewwa tiegħu u għaqqad iċ-Ċina bħala l-Ewwel Imperatur tad-dinastija Qin (“Qin Shi Huang”) fil-221 Q.K. Bl-intenzjoni li jimponi tmexxija ċentralizzata u jipprevjeni l-attakki fewdali mill-ġdid, huwa ordna l-qerda tas-sezzjonijiet tal-ħitan li kienu jiddividu l-imperu tiegħu fl-istati kif kienu qabel. Madankollu, sabiex jippożizzjoni l-imperu tiegħu kontra l-poplu Xiongnu mit-Tramuntana, huwa ordna l-bini ta’ ħitan ġodda biex jgħaqqad flimkien il-kumplament tal-fortifikazzjonijiet tul il-fruntiera tat-Tramuntana tal-imperu. “Ibni u avvanza” kien prinċipju gwida ċentrali fil-kostruzzjoni tal-ħajt, u dan jimplika li ċ-Ċiniżi ma kinux qed jibnu fruntiera fissa permanenti.[21] It-trasport tal-kwantità kbira ta’ materjali meħtieġa għall-kostruzzjoni kien diffiċli, għaldaqstant il-bennejja dejjem kienu jippruvaw jużaw ir-riżorsi lokali. Kienu jużaw ġebel mill-muntanji meta kienu qed jibnu sezzjonijiet tal-ħajt ħdejn il-muntanji, filwaqt li kienu jużaw ħamrija kkumpattjata f’postijiet b’art watja. Ma hemm l-ebda rekord storiku eżistenti li jindika t-tul eżatt li kienu jkopru l-ħitan tad-dinastija Qin. Il-biċċa l-kbira tal-ħitan l-antiki ttieklu bl-erożjoni tul is-sekli, u għad fadal biss ftit sezzjonijiet minnhom illum il-ġurnata. Kemm intużaw bnedmin bl-eżatt mhuwiex magħruf, iżda ġie stmat minn xi awturi li mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema mietu huma u jibnu l-ħajt tad-dinastija Qin.[22] Iktar ’il quddiem, id-dinastija Han[23], id-Dinastiji tat-Tramuntana, u d-dinastija Sui, kollha sewwew, bnew mill-ġdid jew espandew xi sezzjonijiet tal-Ħajt il-Kbir biex jiddefendu lilhom infushom mill-invażuri tat-Tramuntana. Id-dinastiji Tang u Song ma għamlu l-ebda sforz sinifikanti fir-reġjun.[24] Id-dinastiji l-oħra għajr il-Han bnew ukoll il-ħitan fil-fruntieri tagħhom: it-Tramuntana ta’ Wei mmexxija minn Xianbei, Liao mmexxija minn Khitan, Jurchen Jin u l-Punent ta’ Xia stabbiliti minn Tangut, li mexxa territorji kbar fit-Tramuntana taċ-Ċina għal sekli sħaħ, kollha kemm huma bnew ħitan difensivi iżda dawn kienu jinsabu ferm iktar fit-Tramuntana tal-Ħajt il-Kbir kif nafuh illum, fil-provinċja taċ-Ċina tal-Mongolja Interna u fil-Mongolja stess.[25][26]

Dinastija Ming

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-daqs tal-Imperu Ming u tal-ħajt tiegħu

Il-kunċett tal-Ħajt il-Kbir reġa’ ngħata l-ħajja taħt id-dinastija Ming fis-seklu 14,[27] u wara t-telfa tal-armata tad-dinastija Ming kontra l-Ojrati fil-Battalja ta’ Tumu. Id-dinastija Ming ma rnexxielhomx jiksbu vantaġġ militari ċar kontra t-tribujiet tal-Mongolja wara diversi battalji, u l-kunflitt dam ħafna u beda jkollu effett fuq l-imperu. Għalhekk, id-dinastija Ming adottat strateġija ġdida biex trażżan l-invażjonijiet tat-tribujiet nomadiċi permezz tal-kostruzzjoni ta’ ħitan tul il-fruntiera tat-Tramuntana taċ-Ċina. Il-kontroll tal-Mongoli stabbilit fid-Deżert ta’ Ordos ġie rikonoxxut u l-ħajt inbena mat-tarf tan-Nofsinhar tad-deżert minflok ma inkorpora l-lilwa tax-Xmara Safra.

Għad-differenza tal-fortifikazzjonijiet bikrin, il-kostruzzjoni tad-dinastija Ming kienet iktar b’saħħitha u iktar elaborata minħabba l-użu tal-brikks u tal-ġebel minflok il-ħamrija kkumpattjata. Huwa stmat li nbnew sa 25,000 torri tal-għassa fuq il-ħajt.[28] Peress li l-attakki Mongoli komplew perjodikament tul is-snin, id-dinastija Ming allokat riżorsi konsiderevoli biex il-ħitan jissewwew u jissaħħu. Xi sezzjonijiet ħdejn il-belt kapitali tad-dinastija Ming, Beijing, kienu tassew b’saħħithom.[29] Bejn l-1567 u l-1570, Qi Jiguang sewwa u saħħaħ ukoll il-ħajt, kesa bil-brikks sezzjonijiet tal-ħajt li kienu magħmula bil-ħamrija kkumpattjata u bena 1,200 torri tal-għassa mill-Mogħdija Muntanjuża ta’ Shanhaiguan sa Changping għas-sinjalar tal-attakki Mongoli.[30] Matul is-snin 40 u 60 tas-seklu 15, id-dinastija Ming bniet ukoll l-hekk imsejjaħ “Ħajt ta’ Liaodong”. Il-funzjoni kienet simili għal dik tal-Ħajt il-Kbir (li sa ċertu punt kien estensjoni tiegħu), iżda l-kostruzzjoni tiegħu kienet iktar bażika. Il-Ħajt ta’ Liaodong kien iħaddan fih l-art agrikola tal-provinċja ta’ Liaodong, u kien jipproteġiha mill-inkursjonijiet potenzjali tal-Jurċeni u l-Mongoli ta’ Oriyanghan mill-Majjistral u tal-Jurċeni ta’ Jianzhou mit-Tramuntana. Filwaqt li ntużaw xi ġebel u madum f’xi partijiet tal-Ħajt ta’ Liaodong, il-biċċa l-kbira tiegħu kien fil-fatt sempliċi diga magħmula mill-ħamrija b’ħandaq fuq kull naħa tiegħu.[31]

Lejn l-aħħar tad-dinastija Ming, il-Ħajt il-Kbir għen lill-imperu kontra l-invażjonijiet tal-Manchu li bdew lejn għall-ħabta tal-1600. Anke wara t-telfa ta’ Liaodong kollha, l-armata tad-dinastija Ming irnexxielha żżomm il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Shanhai li kienet iffortifikata sa snienha, u ma ħallewx lill-Manchu jaħkmu l-artijiet fil-qalba taċ-Ċina. Il-Manchu fl-aħħar irnexxielhom jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-Ħajt il-Kbir fl-1644, wara li Beijing kienet diġà nħakmet mir-ribelli ta’ Li Zicheng. Qabel, il-Manchu kienu qasmu minn naħa għall-oħra tal-Ħajt il-Kbir diversi drabi iżda biex jattakkaw, mentri din id-darba kienet biex jaħkmu. Il-bibien fil-Mogħdija Muntanjuża ta’ Shanhai nfetħu fil-25 ta’ Mejju mill-ġeneral kmandant tad-dinastija Ming, Wu Sangui, li fforma alleanza mal-Manchu, bit-tama li juża l-Manchu biex ikeċċi r-ribelli minn Beijing.[32] Il-Manchu malajr ħatfu l-belt ta’ Beijing, u eventwalment rebħu kontra d-dinastija Shun stabbilita mir-ribelli u l-kumplament tar-reżistenza għad-dinastija Ming, u stabbilew it-tmexxija tad-dinastija Qing fiċ-Ċina kollha.[33]

Taħt id-dinastija Qing, il-fruntieri taċ-Ċina marru lil hinn mill-ħitan u l-Mongolja ġiet annessa fl-imperu; għaldaqstant il-kostruzzjonijiet fuq il-Ħajt il-Kbir waqfu. Min-naħa l-oħra, l-hekk imsejħa Palizzata taż-Żafżafa, li kienet issegwi linja simili għal dik tal-Ħajt ta’ Liangdong tad-dinastija Ming, inbniet mill-mexxejja tad-dinastija Qing fil-Manċurja. Madankollu, l-iskop tiegħu ma kienx id-difiża iżda iktar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni taċ-Ċiniżi Han fil-Manċurja.[34]

Rakkonti barranin

[immodifika | immodifika s-sors]
Parti mill-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina (April 1853)[35]

L-ebda mill-Ewropej li żaru ċ-Ċina jew il-Mongolja fis-sekli 13 u 14, bħal Giovanni da Pian del Carpine, William ta’ Rubruck, Marco Polo, Odorico da Pordenone u Giovanni de' Marignolli, ma semmew il-Ħajt il-Kbir.[36][37]

Il-vjaġġatur tat-Tramuntana tal-Afrika Ibn Battuta, li żar iċ-Ċina fid-dinastija Yuan għall-ħabta tal-1346, kien sema’ bil-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, possibbilment anke qabel wasal iċ-Ċina.[38] Huwa kiteb li l-ħajt jinsab “vjaġġ ta’ sittin jum” bogħod minn Zeitun (illum Quanzhou) fir-rakkonti tiegħu dwar l-ivvjaġġar Rigal għal dawk li jikkontemplaw l-għeġubijiet tal-bliet u l-meravilji tal-ivvjaġġar. Huwa assoċjah mal-leġġenda tal-ħajt imsemmi fil-Koran, li Dhul-Qarnayn (assoċjat is-soltu ma’ Alessandru l-Kbir) li kien inbena biex jipproteġi lin-nies qrib il-Ġappun mis-slavaġ Gog u Magog. Madankollu, Ibn Battuta ma seta’ jsib jew ma kien jaf lil ħadd li kien rah, li jagħti x’tifhem li għalkemm kien hemm xi fdalijiet tal-ħajt dak iż-żmien, ma kinux sinifikanti.[39]

Il-Ħajt il-Kbir fl-1907

Ftit wara li l-Ewropej laħqu ċ-Ċina bil-baħar fid-dinastija Ming fil-bidu tas-seklu 16, fl-Ewropa bdew jiċċirkolaw rakkonti tal-Ħajt il-Kbir, anke jekk l-ebda Ewropew ma rah effettivament qabel seklu ieħor. Possibbilment, waħda mill-iktar deskrizzjonijiet Ewropej bikrin tal-ħajt u tal-importanza tiegħu għad-difiża tal-pajjiż kontra t-“Tartari” (jiġifieri l-Mongoli) jinsab f”Asja, ir-rakkont ta’ João de Barros tal-1563.[40] Rakkonti bikrin oħra f’sorsi tal-Punent jinkludu dawk ta’ Gaspar da Cruz, Bento de Goes, Matteo Ricci, u l-Isqof Juan González de Mendoza fl-1585 li ddeskrivih bħala “xogħol stupend u imponenti” tal-arkitettura, minkejja li ma kienx rah.[41] Fl-1559, fix-xogħol tiegħu Trattat dwar iċ-Ċina u r-Reġjuni tal-Madwar, Gaspar da Cruz joffri diskussjoni bikrija dwar il-Ħajt il-Kbir.[42] X’aktarx li l-ewwel rakkont dokumentat ta’ Ewropew li fil-fatt daħal iċ-Ċina permezz tal-Ħajt il-Kbir fl-1605, kien dak tal-Ġiżwita Portugiż Bento de Góis li wasal mill-Indja mill-Mogħdija Muntanjuża ta’ Jiayu fil-Majjistral.[43] Ir-rakkonti Ewropej bikrin kienu fil-biċċa l-kbira mudesti u empiriċi, u jirriflettu mill-qrib il-fehim Ċiniż kontemporanju tal-ħajt[44], għalkemm iktar ’il quddiem donnhom saru iperboli, fosthom l-istqarrija żbaljata iżda famuża li l-ħitan tad-dinastija Ming kienu l-istess ħitan li kienu nbnew mill-ewwel imperatur fis-seklu 3 Q.K.[45]

Meta ċ-Ċina fetħet il-fruntieri tagħha għall-merkanti u għall-viżitaturi barranin wara t-telfa li ġarrbet fl-Ewwel u fit-Tieni Gwerer tax-Xaħxieħa, il-Ħajt il-Kbir sar attrazzjoni ewlenija għat-turisti. Ir-rakkonti dwar l-ivvjaġġar tas-seklu 19 komplew isaħħu r-reputazzjoni u l-mitoloġija dwar il-Ħajt il-Kbir.[46]

Il-fdalijiet tal-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Han qrib Yumenguan.

Tul iż-żmien ma nstabitx definizzjoni formali ta’ x’jikkostitwixxi l-“Ħajt il-Kbir”, u għaldaqstant ir-rotta sħiħa tal-Ħajt il-Kbir diffiċli tiġi deskritta bir-reqqa. Il-linji difensivi fihom diversi biċċiet ta’ swar, trinek u fosos, kif ukoll fortizzi individwali.[47]

Fl-2012, abbażi ta’ riċerka eżistenti u r-riżultati ta’ stħarriġ komprensiv tal-immappjar, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Wirt Kulturali taċ-Ċina kkonkludiet li s-siti assoċjati li fadal tal-Ħajt il-Kbir jinkludu 10,051 sezzjoni tal-ħajt, 1,764 sur jew trinka, 29,510 binjiet individwali, u 2,211-il fortifikazzjoni jew mogħdija muntanjuża, b’tul totali tal-ħitan u tat-trinek ta’ 21,196 km. L-istudju inkorpora teknoloġiji avvanzati u ikkalkula li l-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming huwa twil 8,850 km.[48] Dan jikkonsisti f’6,259 km ta’ sezzjonijiet tal-ħajt, 359 km ta’ trinek u 2,232 km ta’ barrieri difensivi naturali bħal għoljiet u xmajjar. Barra minn hekk, is-siti tal-Ħajt il-Kbir tad-dinastiji Qin, Han u preċedenti għandhom tul totali ta’ 3,080 km; il-fortifikazzjonijiet fil-fruntieri tad-dinastija Jin (1115-1234) huma twal 4,010 km; il-kumplament imorru lura għad-dinastiji tat-Tramuntana ta’ Wei, tat-Tramuntana ta’ Qi, ta’ Sui, ta’ Tang, tal-Ħames Dinastiji, ta’ Song, ta’ Liao u ta’ Xixia. Madwar nofs is-siti jinsabu fil-Mongolja Interna (31 %) u f’Hebei (19 %).[49]

Ħajt il-Kbir tad-dinastija Han

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fortifikazzjonijiet tad-dinastija Han jibdew mill-Mogħdija Muntanjużi ta’ Yumen u ta’ Yang, fil-Lbiċ ta’ Dunhuang, fil-provinċja ta’ Gansu. F’Mamitu (t 馬迷途, s 马迷途, Mǎmítú, “żwiemel li jitilfu triqithom”) hemm il-fdalijiet tal-postijiet ta’ kontroll tal-fruntieri l-iktar remoti tad-dinastija Han qrib il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Yumen.

Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming f’Jinshanling

Il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Jiayu, fil-provinċja ta’ Gansu, hija l-punt tal-Punent tal-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming. Minn hemm, il-ħajt jgħaddi b’mod mhux kontinwu tul il-Kuritur ta’ Hexi u fid-deżerti ta’ Ningxia, fejn jidħol fit-tarf tal-Punent tal-lilwa tax-Xmara Safra f’Yinchuan. Hawnhekk l-ewwel ħitan kbar li nbnew fid-dinastija Ming jgħaddu mid-Deżert ta’ Ordos għat-tarf tal-lilwa tax-Xmara Safra. Hemmhekk, fil-Mogħdija Muntanjuża ta’ Piantou (t 偏頭關, s 偏头关, Piāntóuguān) f’Xinzhou, fil-provinċja ta’ Shanxi, il-Ħajt il-Kbir jinqasam fil-“Ħajt il-Kbir Estern” (t 外長城, s 外长城, Wài Chǎngchéng) estiż tul il-fruntiera tal-Mongolja Interna ma’ Shanxi fil-provinċja ta’ Hebei, u l-“Ħajt il-Kbir Intern” (t 內長城, s 內长城, Nèi Chǎngchéng) mix-Xlokk tal-Mogħdija Muntanjuża ta’ Piantou għal xi 400 km, li jgħaddi minn mogħdijiet muntanjużi importanti bħal dawk ta’ Pingxing u ta’ Yanmen qabel ma jingħaqad mal-Ħajt il-Kbir Estern f’Sihaiye (四海冶, Sìhǎiyě), fil-Kontea ta’ Yanqing, f’Beijing.

Is-sezzjonijiet tal-Ħajt il-Kbir madwar il-muniċipalità ta’ Beijing huma l-iktar famużi: ġew rinnovati spiss u jżuruhom ħafna turisti. Is-sezzjoni ta’ Badaling tal-Ħajt il-Kbir ħdejn Zhangjiakou hija l-iktar sezzjoni famuża tal-ħajt, peress li din kienet l-ewwel sezzjoni tal-ħajt li nfetħet għall-pubbliku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif ukoll kienet is-sezzjoni li kienet tintwera l-ewwel lid-dinjitarji barranin.[50] Is-sezzjoni ta’ Badaling tal-Ħajt il-Kbir żaruha kważi 10 miljun viżitatur fl-2018, u fl-2019, iddaħħal limitu ta’ 65,000 viżitatur kuljum.[51] Fin-Nofsinhar tas-sezzjoni ta’ Badaling hemm il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Juyong; fl-imgħoddi kienet tintuża miċ-Ċiniżi biex jipproteġu lil arthom u għalhekk din is-sezzjoni tal-ħajt kellha ħafna gwardji għassa għad-difiża tal-belt kapitali Beijing. Din is-sezzjoni tal-ħajt hija magħmula mill-ġebel u mill-brikks b’għoli ta’ 7.8 metri u b’wisa’ ta’ 5 metri.

Waħda mis-sezzjonijiet l-iktar panoramiċi tal-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming hija dik tal-għoljiet wieqfa ta’ Jinshanling. Minn hemm tgħaddi għal 11-il kilometru, b’għoli ta’ ħames sa tmien metri, u b’wisa’ ta’ sitt metri minn isfel li jidjiequ għal ħames metri fuq nett. Wangjing Lou (t 望京樓, s 望京楼, Wàngjīng Lóu) huwa wieħed mis-67 torrijiet tal-għassa ta’ Jinshanling, 980 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Fix-Xlokk ta’ Jinshanling hemm is-sezzjoni ta’ Mutianyu tal-Ħajt il-Kbir li sserrep minn quċċata għall-oħra tal-muntanji fix-Xlokk u fil-Majjistral għal 2.25 km. Din hija kkollegata mal-Mogħdija Muntanjuża ta’ Juyongguan fil-Punent u ma’ Gubeikou fil-Lvant. Din is-sezzjoni kienet waħda minn tal-bidu li ġew rinnovati wara r-Rivoluzzjoni Kulturali.[52]

Ras id-Dragun tal-Qedem, il-binja tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina li twassal direttament il-baħar

Fit-tarf tal-Golf ta’ Bohai hemm il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Shanhai, li hija kkunsidrata bħala t-tarf tradizzjonali tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina. Il-parti tal-ħajt f’din il-mogħdija muntanjuża li twassal għall-baħar hija msejħa “Ras id-Dragun tal-Qedem”. Tliet kilometri fit-Tramuntana tal-mogħdija muntanjuża hemm is-sezzjoni ta’ Jiaoshan (t 焦山長城, s 焦山长城, Jiāoshān Chángchéng), is-sit tal-ewwel muntanja tal-Ħajt il-Kbir.[53] Ħmistax-il kilometru minn Shanhaiguan hemm Jiumenkou (t 九門口, s 九门口, Jiǔménkǒu), li hija l-unika sezzjoni tal-ħajt li nbniet bħala pont.

Fl-2009, 180 km ta’ sezzjonijiet tal-ħajt tad-dinastija Ming li qabel ma kinux magħrufa u kienu moħbija qalb l-għoljiet, it-trinek u x-xmajjar, ġew skoperti permezz tal-għajnuna tat-tagħmir bir-raġġi infraħomor u bil-GPS.[54] F’Marzu u f’April 2015, disa’ sezzjonijiet b’tul totali ta’ iktar minn 10 km, li x’aktarx huma parti mill-Ħajt il-Kbir, ġew skoperti tul il-fruntiera tar-reġjun awtonomu ta’ Ningxia u l-provinċja ta’ Gansu.[55]

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel l-użu tal-brikks, il-Ħajt il-Kbir kien mibni l-iktar bil-ħamrija kkumpattjata, il-ġebel u l-injam. Madankollu, matul id-dinastija Ming, il-brikks bdew jintużaw sew f’ħafna sezzjonijiet tal-ħajt, flimkien mal-madum u mal-ġebla tal-ġir. Id-daqs u l-piż tal-brikks kienu jiffaċilitaw il-kostruzzjoni ħafna iktar mill-ħamrija u l-ġebel, għaldaqstant il-kostruzzjoni bdiet tħaffef. Barra minn hekk, il-brikks kienu jifilħu iktar piż u iktar fit-tul mill-ħamrija kkumpattjata. Il-ġebel jiflaħ iktar mill-brikks minħabba l-piż tiegħu, iżda iktar diffiċli biex jintuża. B’hekk, il-ġebel kien jinqata’ f’għamliet rettangolari għas-sisien, għat-truf tal-qafas tal-ħajt u għad-daħliet. Fil-biċċa l-kbira tal-partijiet ta’ fuq nett tas-sezzjonijiet tal-ħajt, kien ikun hemm parapetti b’distakki difensivi b’għoli ta’ iktar minn 30 cm, u b’wisa’ ta’ madwar 23 cm. Minn dawn il-parapetti, il-gwardji setgħu joqogħdu għassa u jilmħu xi attakki mill-bogħod. Il-komunikazzjoni bejn l-unitajiet tal-armata tul il-Ħajt il-Kbir, inkluż l- possibbiltà li jissejħu r-rinforzi u li jiġu mwissija l-gwarniġjuni f’każ ta’ wasliet tal-għedewwa, kienet ta’ importanza kbira. It-torrijiet tas-sinjalar inbnew fil-quċċata tal-għoljiet jew f’punti għoljin oħra tul il-ħajt għall-viżibbiltà tagħhom. Setgħu jintużaw ukoll bibien jew daħliet foloz tal-injam bħala nassa għall-għadu. Ħdejn is-superfiċe ta’ ġewwa tal-ħajt kienu jinbnew barrakki, stalel u armeriji.[56]

Sezzjoni iktar rurali u mitluqa tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina qalb il-muntanji

Filwaqt li s-sezzjonijiet fit-Tramuntana ta’ Beijing u biswit iċ-ċentri turistiċi ġew ippreservati u saħansitra rinnovati b’mod estensiv, f’ħafna inħawi oħra s-sezzjonijiet tal-ħajt huma pjuttost mitluqa. Xi drabi l-ħajt kien jitqies bħala sors għall-ġebel meħtieġ biex jinbnew id-djar u t-toroq.[57] Xi sezzjonijiet tal-ħajt ġew ivvandalizzati jew ġew miksija bil-graffiti, filwaqt li l-brikks bl-inċiżjonijiet antiki kienu jiġu misruqa u mibjugħa fuq is-suq għal massimu ta’ 50 renminbi.[58] Xi partijiet tal-ħajt inqerdu biex isiru xogħlijiet moderni tal-kostruzzjoni jew tal-minjieri.[59] Rapport tal-2012 tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Wirt Kulturali jiddikjara li 22 % tal-Ħajt il-Kbir tad-dinastija Ming għeb, filwaqt li 1,961 km tal-Ħajt il-Kbir inġenerali għebu. Iktar minn 60 km tal-ħajt fil-provinċja ta’ Gansu x’aktarx li jisparixxu fl-20 sena li ġejjin, minħabba l-erożjoni kkawżata mit-tempesti tar-ramel, jekk ma jsir xejn. F’xi postijiet, l-għoli tal-ħajt tnaqqas minn iktar minn ħames metru għal inqas minn żewġ metri. Bosta torrijiet tal-għassa kwadri li jidhru fir-ritratti l-iktar famużi tal-ħajt għebu. Ħafna sezzjonijiet tal-Punent tal-ħajt inbnew mit-tajn, minflok bil-brikks u bil-ġebel, u b’hekk huma iktar suxxettibbli għall-erożjoni. Fl-2014, sezzjoni tal-ħajt ħdejn il-fruntiera ta’ Liaoning u l-provinċja ta’ Hebei ġiet restawrata bil-konkos u ġie kkritikat bil-kbir.[60]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[61]

Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut abbażi ta’ ħames kriterji: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[61]

Viżibbiltà mill-ispazju

[immodifika | immodifika s-sors]

In-nozzjoni li l-ħajt jidher mill-Qamar, 385,000 km ’il bogħod, hija nozzjoni magħrufa sew iżda leġġenda mhux plawżibbli.

Waħda mill-iktar referenzi bikrin għal din il-leġġenda li l-Ħajt il-Kbir jidher mill-Qamar saret f’ittra miktuba fl-1754 mill-espert Ingliż tal-antikwarjat William Stukeley. Stukeley kiteb li “Dan il-ħajt imponenti [il-ħajt ta’ Adrijanu] twil 130 kilometru jisbqu biss il-Ħajt Ċiniż, li jidher b’mod konsiderevoli fuq il-globu terrestri, u wieħed jista’ jilmħu mill-Qamar”.[62] Din il-leġġenda tissemma wkoll minn Henry Norman fl-1895 fejn jiddikjara li “apparti ż-żmien li għandu, il-ħajt igawdi mir-reputazzjoni li huwa l-unika opra magħmula bl-idejn fid-Dinja viżibbli mill-Qamar”.[63] Il-kwistjoni ta’ “kanali” fuq Marte kienet waħda prominenti fl-aħħar tas-seklu 19 u jaf wasslet biex wieħed jaħseb li l-oġġetti twal u dojoq kienu viżibbli mill-ispazju. Il-leġġenda li l-Ħajt il-Kbir huwa viżibbli mill-Qamar tissemma wkoll f’Ripley's Believe It or Not! tal-1932.[64]

Intwera kemm-il darba li din il-leġġenda hija bla bażi[65] (milli jidher il-wisa’ apparenti tal-Ħajt il-Kbir mill-Qamar hija l-istess bħal dik ta’ xagħra ta’ bniedem minn tliet kilometri bogħod)[66], iżda l-leġġenda għadha titwemmen minn ħafna.

Mill-orbita baxxa tad-Dinja

[immodifika | immodifika s-sors]
Immaġni bis-satellita ta’ sezzjoni tal-Ħajt il-Kbir fit-Tramuntana ta’ Shanxi, li tidher għaddejja djagonalment mix-xellug fil-baxx għal-lemin fl-għoli u li ma għandhiex tiġi konfuża max-xmara iktar prominenti mix-xellug fl-għoli għal-lemin fil-baxx.

Kwistjoni iktar kontroversjali hija dwar jekk il-ħajt huwiex viżibbli mill-orbita baxxa tad-Dinja (altitudni ta’ xi 160 km). In-NASA tiddikjara li l-ħajt bil-kemm huwa viżibbli, u jidher biss f’kundizzjonijiet kważi perfetti; mhuwiex kospikwu iktar minn oġġetti oħra magħmula mill-bniedem.[67]

L-astronawta veteran tal-Istati Uniti Gene Cernan iddikjara: “Fl-orbita tad-Dinja b’għoli ta’ 160 km sa 320 km, il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina huwa tabilħaqq viżibbli b’għajnejn il-bniedem”. L-Uffiċjal Xjentifiku tal-Ispedizzjoni Nru 7, Ed Lu, abbord l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali, iżid li “huwa inqas viżibbli minn ħafna iktar oġġetti. U trid tkun taf fejn trid tħares”.

F’Ottubru 2003, l-astronawta Ċiniż Yang Liwei ddikjara li ma setax jara l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina. B’rispons għal dan, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) ħarġet stqarrija għall-istampa fejn irrapportat li minn orbita ta’ bejn 160 km u 320 km, il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina huwa viżibbli b’għajnejn il-bniedem.[68]

Leroy Chiao, astronawta Ċiniż-Amerikan, ħa ritratt mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali li juri l-ħajt. Tant ma kienx jispikka li l-fotografu ma kienx ċert ġiex jidher fir-ritratt. Abbażi tar-ritratt, iċ-China Daily iktar ’il quddiem irrapportat li l-Ħajt il-Kbir jidher mill-ispazju b’għajnejn il-bniedem, f’kundizzjonijiet favorevoli, jekk wieħed ikun jaf fejn irid iħares.[69]

  1. The New York Times with introduction by Sam Tanenhaus (2011). The New York Times Guide to Essential Knowledge: A Desk Reference for the Curious Mind. St. Martin's Press of Macmillan Publishers. p. 1131. ISBN 978-0-312-64302-7.
  2. "Great Wall of China | Definition, History, Length, Map, Location, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  3. Shelach-Lavi, Gideon; Wachtel, Ido; Golan, Dan; Batzorig, Otgonjargal; Amartuvshin, Chunag (Ġunju 2020). "Medieval long-wall construction on the Mongolian Steppe during the eleventh to thirteenth centuries AD". Antiquity (bl-Ingliż). 94 (375): 724–741.
  4. ""Great Wall of China even longer than previously thought". Canadian Broadcasting Corporation".
  5. "Great Wall of China". HISTORY (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-06.
  6. Waldron, Arthur (1983). "The Problem of The Great Wall of China". Harvard Journal of Asiatic Studies. p. 650.
  7. "Baxter, William H. & al. (September 20, 2014). "Baxter–Sagart Old Chinese Reconstruction, Version 1.1" (PDF). Ann Arbor: University of Michigan" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2022-04-28. Miġbur 2021-03-20.
  8. Lovell, Julia (2006). The Great Wall : China against the world 1000 BC – AD 2000. Sydney: Picador Pan Macmillan. ISBN 978-0-330-42241-3. p. 25.
  9. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-42707-4. p. 202.
  10. Byron R. Winborn (1994). Wen Bon: a Naval Air Intelligence Officer behind Japanese lines in China. University of North Texas Press. p. 63. ISBN 978-0-929398-77-8.
  11. ""The Weights and Measures Act (1929)". The Legislative Yuan of the Republic of China. Arkivjat 25-04-2014". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-04-25. Miġbur 2021-03-20.
  12. 1 2 Lindesay, William (2007). The Great Wall Revisited: From the Jade Gate to Old Dragon's Head. Beijing: Wuzhou Publishing. p. 21. ISBN 978-7-5085-1032-3.
  13. 1 2 Waldron, Arthur (1983). "The Problem of The Great Wall of China". Harvard Journal of Asiatic Studies. p. 651. JSTOR 2719110.
  14. 1 2 3 Lovell, Julia (2006). The Great Wall : China against the world 1000 BC – AD 2000. Sydney: Picador Pan Macmillan. ISBN 978-0-330-42241-3. p. 15.
  15. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-42707-4. p. 49.
  16. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-42707-4. p. 21.
  17. Waldron, Arthur (1988). "The Great Wall Myth: Its Origins and Role in Modern China". The Yale Journal of Criticism. 2 (1): 67–104. p. 69.
  18. 1 2 Hessler, Peter (2007). "Letter from China: Walking the Wall". The New Yorker (May 21, 2007): 58–67. p. 59.
  19. Man, John (2008). "6. WALL-HUNT IN THE GOBI". The Great Wall: The extraordinary history of China's wonder of the world. TRANSWORLD PUBLISHERS LTD. p. 132–148. ISBN 9780553817683.
  20. "精华区文章阅读". www.newsmth.net. Miġbur 2021-03-20.
  21. Burbank, Jane; Cooper, Frederick (2010). Empires in World History: Power and the Politics of Difference. Princeton, New Jersey: Princeton University Press. p. 45.
  22. Slavicek, Louise Chipley; Mitchell, George J.; Matray, James I. (2005). The Great Wall of China. Infobase Publishing. p. 35. ISBN 978-0-7910-8019-1. p. 35.
  23. Coonan, Clifford. "British researcher discovers piece of Great Wall 'marooned outside China'". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  24. Waldron, Arthur (1983). "The Problem of The Great Wall of China". Harvard Journal of Asiatic Studies. p. 653. JSTOR 2719110.
  25. Waldron, Arthur (1983). "The Problem of The Great Wall of China". Harvard Journal of Asiatic Studies. p. 654. JSTOR 2719110.
  26. Haw, Stephen G. (2006). Marco Polo's China: a Venetian in the realm of Khubilai Khan. Volume 3 of Routledge studies in the early history of Asia. Psychology Press. pp. 52-54. ISBN 978-0-415-34850-8.
  27. Karnow, Mooney, Paul and Catherine (2008). National Geographic Traveler: Beijing. National Geographic Books. p. 192. ISBN 978-1-4262-0231-5.
  28. Szabó, József; Dávid, Lóránt; Loczy, Denes, eds. (2010). Anthropogenic Geomorphology: A Guide to Man-made Landforms. Springer. p. 220. ISBN 978-90-481-3057-3.
  29. Evans, Thammy (2006). Great Wall of China: Beijing & Northern China. Bradt Travel Guide. Bradt Travel Guides. p. 177. ISBN 978-1-84162-158-6.
  30. ""Great Wall at Mutianyu". Great Wall of China. Arkivjat 09-03-2013". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-09. Miġbur 2021-03-20.
  31. Edmonds, Richard Louis (1985). Northern Frontiers of Qing China and Tokugawa Japan: A Comparative Study of Frontier Policy. University of Chicago, Department of Geography; Research Paper No. 213. pp. 38-40. ISBN 978-0-89065-118-6.
  32. Lovell, Julia (2006). The Great Wall : China against the world 1000 BC – AD 2000. Sydney: Picador Pan Macmillan. p. 254. ISBN 978-0-330-42241-3.
  33. Elliott, Mark C. (2001). The Manchu Way: The Eight Banners and Ethnic Identity in Late Imperial China. Stanford University Press. pp. 1-2. ISBN 978-0-8047-4684-7.
  34. Elliott, Mark C. "The Limits of Tartary: Manchuria in Imperial and National Geographies". Journal of Asian Studies 59, no. 3 (2000): 603–646.
  35. "Part of the Great Wall of China". The Wesleyan Juvenile Offering: A Miscellany of Missionary Information for Young Persons. X: 41. April 1853.
  36. van Ruysbroek, Willem; di Piano Carpini, Giovanni; Rockhill, William Woodville (1900). The journey of William of Rubruck to the eastern parts of the world, 1253-55. London, Printed for the Hakluyt Society.
  37. Haw, Stephen G. (2006). Marco Polo's China: a Venetian in the realm of Khubilai Khan. Volume 3 of Routledge studies in the early history of Asia. Psychology Press. pp. 53-54. ISBN 978-0-415-34850-8.
  38. Haw, Stephen G. (2006). Marco Polo's China: a Venetian in the realm of Khubilai Khan. Volume 3 of Routledge studies in the early history of Asia. Psychology Press. pp. 54-55. ISBN 978-0-415-34850-8.
  39. Haw, Stephen G. (2006). Marco Polo's China: a Venetian in the realm of Khubilai Khan. Volume 3 of Routledge studies in the early history of Asia. Psychology Press. pp. 53-55. ISBN 978-0-415-34850-8.
  40. Barros, João de (1777) [1563]. Ásia de João de Barros: Dos feitos que os portugueses fizeram no descobrimento dos mares e terras do Oriente. V. Lisbon: Lisboa. 3a Década, pp. 186–204 (originally Vol. II, Ch. vii).
  41. Lach, Donald F (1965). Asia in the Making of Europe. I. The University of Chicago Press. p. 769.
  42. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. pp. 204-205. ISBN 978-0-521-42707-4.
  43. Yule, Sir Henry, ed. (1866). Cathay and the way thither: being a collection of medieval notices of China. Issues 36–37 of Works issued by the Hakluyt Society. Printed for the Hakluyt society.
  44. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. pp. 2-4. ISBN 978-0-521-42707-4.
  45. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. p. 206. ISBN 978-0-521-42707-4.
  46. Waldron, Arthur (1990). The Great Wall of China : from history to myth. Cambridge England New York: Cambridge University Press. p. 209. ISBN 978-0-521-42707-4.
  47. Hessler, Peter (2007). "Letter from China: Walking the Wall". The New Yorker (May 21, 2007) p. 60.
  48. "Great Wall of China 'even longer'" (bl-Ingliż). 2009-04-20. Miġbur 2021-03-20.
  49. "中国长城保护报告". www.ncha.gov.cn. Miġbur 2021-03-20.
  50. Rojas, Carlos (2010). The Great Wall : a cultural history. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. p. 140. ISBN 978-0-674-04787-7.
  51. Lindesay, William (2008). The Great Wall Revisited: From the Jade Gate to Old Dragon's Head. Harvard University Press. p. 212. ISBN 978-0-674-03149-4.
  52. Lindesay, William (2008). The Great Wall Revisited: From the Jade Gate to Old Dragon's Head. Harvard University Press. p. 212. ISBN 978-0-674-03149-4.
  53. "Jiaoshan Great Wall, Qinhuangdao, Hebei Province, China". www.travelchinaguide.com. Miġbur 2021-03-20.
  54. Beijing, Associated Press in (2009-04-20). "Great Wall of China longer than believed as 180 missing miles found". the Guardian (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  55. "Newly-discovered remains redraw path of Great Wall|Heritage|chinadaily.com.cn". usa.chinadaily.com.cn. Miġbur 2021-03-20.
  56. Turnbull, Stephen R (January 2007). The Great Wall of China 221 BC–AD 1644. Osprey Publishing. p. 29. ISBN 978-1-84603-004-8.
  57. "New law to keep China's Wall looking great". 2006-11-30. Miġbur 2021-03-20.
  58. Wong, Edward (2015-06-29). "China Fears Loss of Great Wall, Brick by Brick" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  59. "The Great Wall of China | China Heritage Quarterly". www.chinaheritagequarterly.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-15. Miġbur 2021-03-20.
  60. Westcott, Ben; Wang, Serenitie. "World's worst restoration? China's Great Wall covered in cement". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-06.
  61. 1 2 "The Great Wall". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  62. The Family Memoirs of the Rev. William Stukeley (1887) Vol. 3, p. 142. (1754).
  63. Norman, Henry, The Peoples and Politics of the Far East, p. 215. (1895).
  64. "The Great Wall of China”, Ripley's Believe It or Not, 1932.
  65. Hvistendahl, Mara. "Is China's Great Wall Visible from Space?". Scientific American (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  66. López-Gil, Norberto (2008). "Is it Really Possible to See the Great Wall of China from Space with a Naked Eye?" (PDF). Journal of Optometry. 1 (1): 3–4.
  67. "NASA - China's Wall Less Great in View from Space". www.nasa.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-20.
  68. López-Gil, Norberto (2008). "Is it Really Possible to See the Great Wall of China from Space with a Naked Eye?" (PDF). Journal of Optometry. 1 (1): 3–4.
  69. "Great Wall visible in space photo" (bl-Ingliż). 2005-04-19. Miġbur 2021-03-20.