Aqbeż għall-kontentut

Kolossew

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kolossew
Post tal-kostruzzjoni

Regio III Isis et Serapis

Ruma , Italja
Data tal-kostruzzjoni 72 sa 80 AD
Ordnat minn Vespasjan
Tip ta' bini Anfiteatru Ruman
Abbiltà 50,000 sa 80,000 (estimi antiki) spettatur

Il-Kolossew, magħruf ukoll bil-Latin bħala Amphitheatrum Flavium, huwa anfiteatru ovali ta’ żmien l-Imperu Ruman fiċ-ċentru ta’ Ruma, l-Italja. Il-Kolossew jinsab ftit ’il bogħod mill-Forum Ruman, kemm kemm fil-Lvant, u huwa l-ikbar anfiteatru li qatt inbena fid-dinja. Il-kostruzzjoni tiegħu bdiet taħt l-imperatur Vespasjanu (li rrenja mid-69 sad-79 W.K.) fis-sena 72 W.K.[1] u tlestiet fis-sena 80 W.K. taħt is-suċċessur u l-eredi tiegħu, Titu (li rrenja mid-79 sal-81 W.K.).[2] Matul ir-renju ta’ Domizjanu (li rrenja mill-81 sas-96 W.K.) sarulu modifiki ulterjuri.[3] It-tliet imperaturi li kellhom il-patroċinju tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma magħrufa bħala d-dinastija Flavjana, u għalhekk l-anfiteatru ġie msejjaħ bħala l-Anfiteatru Flavjan minn klassiċisti u arkeologi li ġew wara, minħabba li huwa assoċjat ma’ isem il-familja Flavjana (Flavius).

Il-Kolossew inbena bil-ġebel tal-ġir travertin, bit-tufu (blata vulkanika), u bil-konkoż miksi bil-brikks. Huwa stmat li kien jiflaħ bejn 50,000 u 80,000 spettatur f’diversi żminijiet tal-istorja tiegħu tul is-sekli[4][5], b’udjenza medja ta’ xi 65,000 ruħ[6]; kien jintuża għall-ġlied bejn il-gladjaturi u għall-ispettakli pubbliċi bħal battalji taparsi fuq il-baħar (għal perjodu qasir ħafna peress li l-ipoġew malajr imtela b’mekkaniżmi għal attivitajiet oħra), għall-kaċċa tal-annimali, għall-iġġustizzjar, għall-battalji taparsi li kienu jfakkru xi battalji famużi, u għad-drammi bbażati fuq il-mitoloġija Rumana. Fil-bidu tal-Medju Evu l-binja ma baqgħetx tintuża għad-divertiment. Minflok tul is-sekli ntużat għall-akkomodazzjoni, għall-gabbani tas-snajja’, għall-kwartieri ta’ ordni reliġjuża, bħala fortizza, bħala barriera u bħala santwarju Kristjan.

Il-Kolossew billejl

L-isem “Kolossew” beda jintuża mill-Medju Evu ’l quddiem, u oriġina mill-aġġettiv Latin colosseum (li jfisser “kolossali”, kif fil-fatt kien jidher speċjalment fil-Medju Evu qalb id-djar ta’ sular jew żewġ sulari[7]) jew inkella, iktar probabbli, peress li viċin tiegħu kien hemm statwa akrolitika kolossali ta’ Neruni.[8]

Minkejja li ġarrab ħsarat sostanzjali minħabba t-terremoti kif ukoll minħabba s-serq tal-ġebel biex jerġa’ jintuża f’kostruzzjonijiet ġodda, il-Kolossew xorta waħda għadu simbolu ikoniku tal-Imperu Ruman u ġie elenkat bħala wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[9][10] Huwa wieħed mill-attrazzjonijiet turistiċi popolari ta’ Ruma u għandu rabtiet ukoll mal-Knisja Kattolika Rumana, peress li kull sena fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Papa jmexxi purċissjoni tal-Via Crucis li tibda proprju minn ħdejn il-Kolossew.[11]

Il-Kolossew jidher ukoll fuq il-verżjoni Taljana tal-munita ta’ ħames ċenteżmi tal-ewro.[12]

Kostruzzjoni, inawgurazzjoni u rinnovazzjonijiet Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-faċċata oriġinali tal-Kolossew

Il-post fejn jinsab il-Kolossew intgħażel minħabba li kienet żona ċatta f’wied baxx bejn l-għoljiet magħrufa bl-ismijiet Celio, Esquilino u Palatino. Minn dawn l-għoljiet kienet tgħaddi nixxiegħa tal-ilma f’kanal u fejn kien hemm lag artifiċjali.[13] Sat-tieni seklu Q.K., iż-żona kellha densità tal-popolazzjoni għolja ħafna. Iż-żona ġiet devastata min-Nar il-Kbir ta’ Ruma fis-sena 64 W.K., u Neruni ħataf il-biċċa l-kbira taż-żona għalih. Huwa bena Domus Aurea grandjuża fil-post, u quddiemha ħoloq lag artifiċjali mdawwar b’padiljuni, ġonna u portiċi. L-akwedott eżistenti msejjaħ Aqua Claudia ġie estiż biex iforni l-ilma liż-żona kollha u tpoġġiet statwa kolossali tal-bronż ta’ Neruni ħdejn l-entrata tad-Domus Aurea.[14]

Għalkemm il-Kolossew ġie ppreservat sa żminijietna, il-biċċa l-kbira tad-Domus Aurea tkissret. Il-lag ġie mimli bir-radam u l-art intużat għall-Anfiteatru Flavjan il-ġdid. Fil-qrib, fl-art fejn qabel kien hemm ħafna mid-Domus Aurea nbnew skejjel tal-gladjaturi u binjiet oħra. Id-deċiżjoni ta’ Vespasjanu li jibni l-Kolossew fis-sit fejn kien hemm il-lag artifiċjali ta’ Neruni tista’ titqies bħala ġest populista li art li Neruni kien ħataf għalih innifsu tintradd lin-nies. F’kuntrast ma’ ħafna anfiteatri oħra li kienu jinsabu fil-periferiji tal-belt, il-Kolossew inbena fiċ-ċentru tal-belt, effettivament fil-qalba ta’ Ruma, kemm simbolikament kif ukoll ġeografikament.

Il-kostruzzjoni kienet iffinanzjata bir-rikkezzi li kienu nsterqu mit-Tempju Lhudi wara l-ewwel gwerra bejn il-Lhud u r-Rumani fis-sena 70 W.K. li wasslet għall-Assedju ta’ Ġerusalemm. Skont ir-rikostruzzjoni ta’ iskrizzjoni li nstabet fil-post, “l-imperatur Vespasjanu ordna li dan l-anfiteatru ġdid jinbena mis-sehem tal-ġeneral” (fir-rigward ta’ dawk ir-rikkezzi misruqa). Spiss jingħad li l-priġuniera tal-gwerra Lhud inġiebu Ruma u kkontribwew flimkien mal-forza tax-xogħol enormi li kienet meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-anfiteatru, iżda ma hemm l-ebda evidenza antika dwar dan. Madankollu, kienet tkun plawżibbli għaliex il-prattika tas-soltu tar-Rumani kienet li jkomplu jumiljaw il-popolazzjoni maħkuma. Flimkien ma’ dan is-sors bla ħlas ta’ ħaddiema mingħajr ħiliet, timijiet ta’ bennejja, inġiniera, artisti, bajjada u dekoraturi professjonali Rumani wettqu l-kompiti iktar speċjalizzati meħtieġa fil-kostruzzjoni tal-Kolossew.[15]

Munita kommemorattiva tal-inawgurazzjoni tal-Kolossew

Il-kostruzzjoni tal-Kolossew bdiet taħt it-tmexxija ta’ Vespasjanu għall-ħabta tas-snin 70-72 W.K. (is-snin 73-75 W.K. skont xi sorsi). Meta Vespasjanu miet fis-sena 79 W.K., il-Kolossew kien tlesta sat-tielet sular. Is-sular ta’ fuq nett tlesta minn ibnu Titu s-sena ta’ wara, u fis-snin 80 u 81 W.K. sar il-logħob ta’ inawgurazzjoni.[3][16] Dione Kassju jirrakkonta li nqatlu iktar minn 9,000 annimal selvaġġ waqt il-logħob ta’ inawgurazzjoni tal-anfiteatru. Ġew izzekkati wkoll muniti kommemorattivi biex jiċċelebraw l-inawgurazzjoni tal-Kolossew.[17] Il-binja kompliet tiġi mmudellata iktar taħt l-iben iż-żgħir nett ta’ Vespasjanu, Domizjanu, li kien għadu kemm isir l-imperatur il-ġdid. Huwa bena l-ipoġew, li kien sensiela ta’ mini li kienu jintużaw għall-annimali u għall-iskjavi. Huwa żied ukoll gallerija fuq in-naħa ta’ fuq nett tal-anfiteatru, biex il-Kolossew ikun jesa’ iktar nies bilqiegħda.[18]

Fis-sena 217, il-Kolossew ġarrab ħsarat estensivi minn nar kbir (li skont Dione Kassju kien ikkawżat mis-sajjetti[19]) li qered dak kollu li kien hemm fis-sulari ta’ fuq nett li kien magħmul mill-injam. It-tiswijiet ma kinux għadhom tlestew sas-sena 240 u fis-snin 250, 252 u 320 saru tiswijiet oħra. Onorju pprojbixxa l-prattika tal-ġlied tal-gladjaturi fis-sena 399 u mill-ġdid fis-sena 404. Dan il-ġlied issemma għall-aħħar darba għall-ħabta tas-sena 435. Iskrizzjoni li nstabet issemmi li sar restawr ta’ diversi partijiet tal-Kolossew taħt it-tmexxija ta’ Teodosju II u Valentinjan III (irrenjaw bejn l-425 u l-455), possibbilment biex isewwu l-ħsarat ikkawżati minn terremot kbir li seħħ fis-sena 443; u fl-484 u fil-508 twettqu iktar xogħlijiet. L-arena kompliet tintuża għal avvenimenti pubbliċi anke fis-seklu 6. Il-kaċċa tal-annimali fl-arena kompliet mill-inqas sas-sena 523, meta Aniċju Massimu ċċelebra l-konsulat tiegħu b’xi venationes (spettakli bil-kaċċa tal-annimali), u ġie kkritikat mir-Re Teodoriku l-Kbir għaliex kienu jiswew wisq flus.[14]

Mappa ta’ Ruma fil-Medju Evu bil-Kolossew fin-nofs

Il-Kolossew sarulu bidliet radikali fl-użu tiegħu. Sal-aħħar tas-seklu 6, inbniet kappella żgħira fl-istruttura tal-anfiteatru, minkejja li apparentament din ma tatx xi importanza reliġjuża partikolari lill-Kolossew inġenerali. L-arena ġiet ikkonvertita f’ċimiterju. Id-diversi spazji msaqqfa bil-ħnejjiet fl-arkati taħt il-postijiet fejnin-nies kienu joqogħdu bilqiegħda ġew ikkonvertiti f’akkomodazzjoni u f’gabbani tas-snajja’, u ġie ddokumentat li dawn baqgħu jinkrew saħansitra fis-seklu 12. Għall-ħabta tal-1200, il-familja Frangipani ħadu l-Kolossew f’idejhom, iffortifikawh, u milli jidher użawh bħala kastell.

Il-Kolossew reġa’ ġarrab ħsarat estensivi minħabba terremot kbir li heżżu fl-1349, u n-naħa ta’ barra tiegħu fin-Nofsinhar, li kienet qed isserraħ fuq art inqas stabbli, ċediet għalkollox. Ħafna mill-ġebel tal-parti li ċediet reġa’ ntuża biex jinbnew palazzi, knejjes, sptarijiet u binjiet oħra fi nħawi oħra f’Ruma. Ordni reliġjuża bdiet tuża t-tielet sular tal-Kolossew, fuq in-naħa tat-Tramuntana, f’nofs is-seklu 14[20] u baqgħet tgħix hemmhekk saħansitra sal-bidu tas-seklu 19. Ħafna mill-ġebel tal-parti ta’ ġewwa tal-anfiteatru ttieħed biex jintuża f’binjiet oħra, u l-faċċata tal-irħam ġiet maħruqa biex jiġi prodott il-ġibs verġni (solidu abjad jew griż fl-abjad prodott fi kwantitajiet kbar bit-tisħin tal-karbonat tal-kalċju biex minnu jitneħħa d-diossidu tal-karbonju). Il-biċċiet tal-bronż li kienu jintużaw għall-ikklampjar tal-ġebliet biex jinżammu ma’ xulxin, ġew maqlugħin bil-forza jew imqaċċtin b’kollox mill-ħitan, u dan wassal għall-ħafna toqob fil-ħitan li naraw fil-binja llum.[14]

Storja kontemporanja

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fdalijiet tal-arena tal-Kolossew

Matul is-sekli 16 u 17, l-uffiċjali tal-Knisja ħasbu fi rwol produttiv għall-Kolossew. Il-Papa Sistu V (1585-1590) ippjana li jikkonverti l-binja f’fabbrika tas-suf biex jipprovdi impjieg għall-prostituti ta’ Ruma, għalkemm il-mewta prematura tiegħu wasslet biex il-proposta tiegħu qatt ma twettqet. Fl-1671, il-Kardinal Altieri awtorizza l-użu tal-binja għat-tawromakija (il-ġlied kontra l-barrin), iżda protesta pubblika qawwija wasslet biex l-idea tiġi abbandunata.[21]

Fl-1749, il-Papa Benedittu XIV approva l-ħsieb li l-Kolossew kien post sagru fejn l-ewwel Kristjani kienu jmutu martri. Huwa pprojbixxa l-użu tal-Kolossew bħala barriera u kkonsagra l-binja għall-Passjoni ta’ Kristu u installa l-Posti tal-Via Crucis, filwaqt li ddikjaraha mqaddsa fid-dawl tad-demm tal-martri Kristjani li nxtered hemmhekk. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza storika li tappoġġa dan, u lanqas ma hemm evidenza li tissuġġerixxi li xi ħadd qabel is-seklu 16 għamel dan.[22]

Il-Papiet li ġew wara taw bidu lil diversi proġetti ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ restawr, sabiex titneħħa l-ħaxix ħażin estensiv li kien kiber mal-istruttura u li kien qed jissogra li jikkawżalha iktar ħsara. Il-faċċata ġiet imsaħħa b’ifilsa triangolari tal-brikks fl-1807 u fl-1827, u l-partijiet interni sarulhom tiswijiet fl-1831, fl-1846 u fis-snin 30 tas-seklu 20. Is-sottostruttura tal-arena sarulha skavi parzjali fl-1810-1814 u fl-1874, u din ġiet esposta għalkollox taħt Benito Mussolini fis-snin 30 tas-seklu 20.[14]

Il-Kolossew illum il-ġurnata huwa wieħed mill-attrazzjonijiet turistiċi l-iktar popolari u jilqa’ miljuni ta’ viżitaturi kull sena. L-effetti tat-tniġġis u d-deterjorament ġenerali tul iż-żmien wasslu għal programm kbir ta’ restawr li twettaq bejn l-1993 u s-sena 2000, u reġa’ kien hemm xogħlijiet maġġuri ta’ restawr fis-seklu 21[23].

Il-Kolossew kif jidher mill-qalba urbana tal-belt ta’ Ruma

Minħabba l-qagħda mwiegħra tal-arena fuq ġewwa, il-Kolossew ma jistax jintuża biex jospita avvenimenti kbar; xi kultant jiġu akkomodati xi ftit mijiet ta’ spettaturi f’konfigurazzjoni temporanja. Minkejja dan, saru diversi kunċerti kbar barra l-Kolossew, bil-binja fl-isfond tal-palk. Fost l-artisti li wettqu spettakli bħal dawn kien hemm Ray Charles (f’Mejju 2002)[24], Paul McCartney (f’Mejju 2003)[25], Elton John (f’Settembru 2005)[26], u Billy Joel (f’Lulju 2006), filwaqt li fost l-uħud li wettqu avveniment fil-Kolossew innifsu dan l-aħħar kien hemm l-eks plejer tal-futbol Francesco Totti li ppreżenta l-bijografija tiegħu f’avveniment speċjali f’Settembru 2018[27] u l-kantanta Laura Pausini li kantat f’Settembru 2020 f’avveniment imxandar fuq l-internet biex jinġabru fondi b’risq il-Libanu, wara l-isplużjoni li seħħet fil-port ta’ Bejrut fl-2020[28].

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kolossew huwa wieħed mill-monumenti ikoniċi taċ-ċentru storiku ta’ Ruma, li flimkien mal-proprjetajiet tal-Vatikan f’dik il-belt, ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980 (is-sit ġie estiż ukoll fl-1990).

Dan is-Sit ta’ Wirt Dinji tqies li għandu valur universali straordinarju abbażi ta’ ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[29]

  1. ^ Hopkins, p. 2.
  2. ^ Bianchi Bandinelli e Torelli 1976, Arte romana scheda 99.
  3. ^ a b Roth, Leland M. (1993). Understanding Architecture: Its Elements, History and Meaning (First ed.). Boulder, CO: Westview Press. ISBN 978-0-06-430158-9.
  4. ^ William H. Byrnes IV (Spring 2005) "Ancient Roman Munificence: The Development of the Practice and Law of Charity". Rutgers Law Review vol. 57, issue 3, pp. 1043–1110.
  5. ^ "BBC's History of the Colosseum p. 1". Bbc.co.uk. Aċċessat 03-03-2021.
  6. ^ Baldwin, Eleonora (2012). Rome day by day. Hoboken: John Wiley & Sons Inc. p. 26. ISBN 978-1-118-16629-1.
  7. ^ Giorgio Fabretti e Piero Meogrossi, 2009, "Il Cronosseo".
  8. ^ “Colosseo - Treccani”. Aċċessat 03-03-2021.
  9. ^ "The New Seven Wonders of the World". Hindustan Times. Arkivjat 30-09-2007. Aċċessat 03-03-2021
  10. ^ “New 7 Wonders of the World”. Aċċessat 03-03-2021.
  11. ^ "Frommer's Events – Event Guide: Good Friday Procession in Rome (Palatine Hill, Italy)". Frommer's. Arkivjat 07-01-2009. Aċċessat 03-03-2021.
  12. ^ “National sides - Italy” - European Central Bank. Aċċessat 03-03-2021
  13. ^ "The-Colosseum.net:Before the Colosseum". www.the-colosseum.net. Aċċessat 04-03-2021.
  14. ^ a b ċ d Claridge, Amanda (1998). Rome: An Oxford Archaeological Guide (First ed.). Oxford: Oxford University Press. pp. 276–282. ISBN 978-0-19-288003-1.
  15. ^ Elkins, p. 23.
  16. ^ "Building the Colosseum". tribunesandtriumphs.org. Aċċessat 04-03-2021.
  17. ^ Sear, David R. (2000). Roman Coins and Their Values – The Millennium Edition. Volume I: The Republic and The Twelve Caesars, 280 BC – 96 AD (pp. 468–469, coin # 2536). London: Spink. ISBN 1-902040-35-X.
  18. ^ Alföldy, Géza (1995). "Eine Bauinschrift Aus Dem Colosseum". Zeitschrift für Papyrologie und Epigraphik. 109: 195–226.
  19. ^ Cass. Dio lxxviii.25.
  20. ^ "MEDIVM AEVVM". The-Colosseum. Aċċessat 04-03-2021.
  21. ^ "Rome." Encyclopædia Britannica. 2006.
  22. ^ “The Coliseum”. Catholic Encyclopedia.
  23. ^ “Tod's for Colosseum”. tods.com. Aċċessat 04-03-2021.
  24. ^ “Colosseum stages peace concert”, BBC News Online. Aċċessat 04-03-2021.
  25. ^ “McCartney rocks the Colosseum”, BBC News Online. Aċċessat 04.04-2021.
  26. ^ “Sir Elton's free gig thrills Rome”, BBC News Online. Aċċessat 04-03-2021.
  27. ^ Francesco Totti, compleanno da «gladiatore» al Colosseo con la biografia”. Vanityfair.it. Aċċessat 04-03-2021.
  28. ^ “I Love Beirut: Laura Pausini to sing at Colosseum for charity concert”, wantedinrome.com. Aċċessat 04-03-2021.
  29. ^ “Historic Centre of Rome, the Properties of the Holy See in that City Enjoying Extraterritorial Rights and San Paolo Fuori le Mura” - UNESCO. Aċċessat 04-03-2021.