Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kaskati sekondarji fil-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice

Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice (bil-Kroat: Nacionalni park Plitvička jezera, kollokjalment Plitvice, ippronunzjata [plîtʋitse]) huwa wieħed mill-eqdem u l-ikbar parks nazzjonali fil-Kroazja. Fl-1979, il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1949 u jinsab fiż-żona karstika (jiġifieri tal-ġebla tal-ġir) muntanjuża tal-Kroazja ċentrali, fil-fruntiera mal-Bożnija-Ħerzegovina. It-triq importanti li tikkollega t-Tramuntana man-Nofsinhar tal-pajjiż tgħaddi minn ġoż-żona tal-park nazzjonali u tikkollega l-art fuq ġewwa tal-Kroazja mar-reġjun kostali Adrijatiku.

Iż-żona protetta hija estiża fuq 296.85 kilometru kwadru. Madwar 90 % ta’ din iż-żona hija parti mill-Kontea ta’ Lika-Senj, filwaqt li l-10 % l-oħra hija parti mill-Kontea ta’ Karlovac.

Kull sena, iktar minn miljun viżitatur iżuru dan il-park.[2][3] L-aċċess għall-park huwa bi ħlas li jvarja skont it-tip ta’ żjara u jlaħħaq massimu ta’ €34 għal kull adult għal ġurnata (skont il-prezzijiet tas-sajf tal-2018).[4]

Logo tal-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice

Il-park nazzjonali huwa magħruf mad-dinja kollha għal-lagi tiegħu rranġati f’kaskati. Mis-superfiċe jidhru 16-il lag. Dawn il-lagi huma r-riżultat tal-konfluwenza ta’ diversi xmajjar żgħar u xmajjar karstiċi ta’ taħt l-art. Il-lagi kollha huma interkonnessi u jsegwu l-fluss tal-ilma. Il-lagi huma sseparati b’digi naturali magħmula mid-depożiti minerali, li jiġu ddepożitati permezz tal-azzjoni tal-muski, tal-algi u tal-batterji. Id-digi tad-depożiti minerali huma partikolarment sensittivi u huma r-riżultat ta’ interdipendenza bejn l-ilma, l-arja u l-pjanti. Il-pjanti u l-batterji ddepożitati jakkumulaw fuq xulxin, u jiffurmaw dawn id-digi naturali li jikbru b’rata ta’ xi ċentimetru fis-sena.

Is-16-il lag huma sseparati f’raggruppament ta’ fuq u ieħor t’isfel u huma ffurmati mid-dewbien tas-silġ mill-muntanji. L-ilma jinżel minn altitudni ta’ 636 metru għal 503 metri fuq distanza ta’ madwar tmien kilometri, allinjati f’direzzjoni min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Il-lagi kollettivament ikopru erja ta’ madwar 1.99 kilometru kwadru, u l-ilma li jinżel mill-iktar lag t’isfel jifforma x-xmara Korana.

Il-lagi huma rinomati għall-kuluri distintivi tagħhom, li jvarjaw mill-iżraq għall-aħdar, għall-griż jew għall-blu. Il-kuluri jinbidlu b’mod kostanti skont il-kwantità ta’ minerali jew organiżmi fl-ilma u l-angolu tad-dawl tax-xemx.[5]

L-isem Plitvice ssemma għall-ewwel darba f’dokument miktub fl-1777 minn Dominik Vukasović, il-qassis ta’ Otočac.[6] Dan l-isem ingħata minħabba l-fenomeni naturali li ħolqu l-lagi. In-natura ffurmat baċiri baxxi (bil-Kroat: pličina jew plitvak, plitko tfisser baxx), li mtlew bl-ilma. Għal sekli sħaħ, l-ilma biddel l-għamla tal-ġebla tal-ġir u b’hekk sawwar il-pajsaġġ ta’ din iż-żona. Id-digi naturali emerġenti tad-depożiti minerali rażżnu l-fluss tal-ilma u żammew l-ilma fihom. L-għoli ta’ dawn id-digi qed jikber kontinwament.[7]

Xi xjenzati jirreferu għax-xmara Plitvica bħala l-oriġini tal-isem. Il-fluss ta’ ix-xmara żgħira jidħol fil-Lagi ta’ Plitvice fin-naħa t’isfel u fil-parti finali tal-lagi. Hemm ukoll villaġġ fl-inħawi li għandu l-istess isem. Il-mases tal-ilma tal-Lagi ta’ Plitvice jkomplu bħala x-xmara Korana fid-direzzjoni tat-Tramuntana.

Il-park nazzjonali sar famuż matul is-snin 60 u 70 tas-seklu 20 permezz ta’ diversi produzzjonijiet ta’ films Western tar-rumanzi ta’ Karl May. Bosta xeni nġibdu ħdejn il-lagi jew il-kaskati.

Rotot u distanzi

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice

Il-Lagi ta’ Plitvice ffurmaw f’fondoq bejn il-muntanja Mala Kapela fil-Punent u l-muntanja Plješevica fil-Lvant qalb l-Alpi Dinariċi. Il-park nazzjonali jinsab fir-rotta nazzjonali D1 Żagreb-Split bejn Slunj u Korenica qrib il-Bożnija-Ħerzegovina. Muniċipalitajiet kbar oħra fiż-żona tal-madwar huma Ogulin, Rakovica, Otočac, Gospić u Bihać fil-Bożnija-Ħerzegovina.

L-iqsar distanza lineari bejn il-kosta Adrijatika u l-park nazzjonali hija 55 km.[8] Bit-triq mir-raħal kostali ta’ Senj, id-distanza hija madwar 110 km. Wara li wieħed jaqsam il-katina muntanjuża ta’ Velebit, jasal fl-artijiet karstiċi watja ta’ Lika. Dan l-artijiet watja fihom ħafna poljes (qishom fniedaq żgħar) karstiċi (eż. il-Gacko polje).

L-iktar kollegament rapidu bit-triq mit-Tramuntana san-Nofsinhar fi ħdan il-Kroazja, ir-rotta A1 Żagreb-Split tgħaddi madwar 50 km fil-Punent tal-park nazzjonali u b’hekk tevita ż-żona protetta. Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice jista’ jintlaħaq mill-ħruġ ta’ Karlovac fit-Tramuntana, mill-ħruġ ta’ Otočac fil-Punent jew mill-ħruġ ta’ Gornja Ploča fin-Nofsinhar.[9]

L-eqreb ajruporti huma dawk ta’ Zadar, Żagreb u Rijeka. L-eqreb stazzjonijiet ferrovjarji huma dawk ta’ Josipdol u Plaški, għalkemm ma hemm l-ebda konnessjoni diretta b’karozza tal-linja bejn dawn l-istazzjonijiet ferrovjarji u l-lagi.[10] Bit-trasport pubbliku, il-lagi jistgħu jintlaħqu faċilment permezz tal-linji diretti tal-karozzi tal-linja minn Żagreb, Karlovac, Zadar jew Split.

Iż-żona tal-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice hija estiża fuq żewġ suddiviżjonijiet politiċi jew kontej (bil-Kroat: županija). L-erja ta’ 296.85 kilometru kwadru hija diviża bejn il-Kontea ta’ Lika-Senj (90.7 fil-mija) u l-Kontea ta’ Karlovac (9.3 fil-mija)[11], u b’hekk l-awtorità tal-park nazzjonali taqa’ taħt ġurisdizzjoni nazzjonali. L-erja kumplessiva tal-korp tal-ilma hija madwar 2 km2. L-ikbar żewġ lagi, Prošćansko jezero u Kozjak, ikopru madwar 80 fil-mija tal-erja kumplessiva tal-korp tal-ilma. Dawn il-lagi huma wkoll l-iktar fondi, u jilħqu fond ta’ 37 u 47 metru rispettivament. Fil-Lag ta’ Kozjak, qed jintużaw dgħajjes elettriċi li ma tantx jagħmlu storbju u li ma jniġġsux. L-ebda wieħed mil-lagi l-oħra fil-park ma huwa iktar fond minn 25 metru. Il-waqgħa fl-altitudni mill-ewwel lag sa l-aħħar wieħed hija ta’ 133 metru.[12]

Ħarsa trasversali lejn il-lagi

Is-16-il lag li jidhru mis-superfiċe jiġu raggruppati fi 12-il Lag ta’ Fuq (Gornja jezera) u f’erba’ Lagi t’Isfel (Donja jezera).

Lag Altitudni (m) Erja (ha) Fond (m) Grupp
Prošćansko jezero 636 69.0 37 Lagi ta’ Fuq
Ciginovac 625 7.5 11 Lagi ta’ Fuq
Okrugljak 613 4.1 15 Lagi ta’ Fuq
Batinovac 610 1.5 6 Lagi ta’ Fuq
Veliko jezero 607 1.5 8 Lagi ta’ Fuq
Malo jezero 605 2.0 10 Lagi ta’ Fuq
Vir 599 0.6 5 Lagi ta’ Fuq
Galovac 585 12.5 25 Upper Lakes
Milinovo jezero 576 1.0 1 Lagi ta’ Fuq
Gradinsko jezero 553 8.1 10 Lagi ta’ Fuq
Buk 545 0.1 2 Lagi ta’ Fuq
Kozjak 535 81.5 47 Lagi ta’ Fuq
Milanovac 523 3.2 19 Lagi t’Isfel
Gavanovac 519 1.0 10 Lagi t’Isfel
Kaluđerovac 505 2.1 13 Lagi t’Isfel
Novakovića brod 503 0.4 5 Lagi t’Isfel
Lagi ta’ Plitvice 217.0

L-ogħla kaskati huma l-Kaskata l-Kbira (bil-Kroat: Veliki slap) fl-aħħar tal-Lagi t’Isfel, u l-Kaskata ta’ Galovac (bil-Kroat: Galovački buk) fil-Lagi ta’ Fuq.

Kaskati Għoli
Kaskata l-Kbira (Veliki slap) 78 m
Kaskata ta’ Galovac (Galovački buk) 25 m

Fi ħdan iż-żona tal-park nazzjonali hemm 19-il insedjament żgħir. Flimkien dawn jiffurmaw il-muniċipalità tal-Lagi ta’ Plitvice (bil-Kroat: općina Plitvička Jezera). Il-muniċipalità hija parti mill-Kontea ta’ Lika-Senj u s-sede tinsab f’Korenica.

Iż-żona tal-Lagi ta’ Plitvice minn dejjem kienet titqies bħala parti mir-reġjuni storiċi ta’ Lika u ta’ Kordun. Matul il-Gwerer mal-Ottomani, ir-reġjuni kien parti mill-Fruntiera Militari Kroata li kienet taħt il-kontroll dirett tal-Kunsill tal-Gwerra tal-Asburgi.

Topografija u ġeoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]
Mogħdija għat-turisti fuq il-Lagi ta’ Plitvice

Il-pożizzjoni ġeografika partikolari tal-Lagi ta’ Plitvice u l-karatteristiċ klimatiċi speċifiċi kkontribwew biex jitfaċċaw bosta fenomeni naturali u biex ikun hemm bijodiversità rikka f’din iż-żona. Minkejja li jinsabu qrib ir-reġjun klimatiku tal-Mediterran, fil-Lagi ta’ Plitvice hemm klima muntanjuża prevalenti. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma prevalenti minħabba l-katina muntanjuża ta’ Velebit, li taġixxa bħala separatur klimatiku bejn ir-reġjun kostali u l-art fl-għoli ta’ Lika. Għal sekli sħaħ, inħolqu leġġendi dwar din il-katina muntanjuża mitika.

Id-disponibbiltà tal-ilma, influwenzata mill-konfigurazzjoni tal-art, għandha impatt kbir fuq il-bijodiversità taż-żona. Mad-dawra tal-Lagi ta’ Plitvice hemm diversi muntanji. In-naħa tal-Punent taż-żona tal-park nazzjonali hija kkonfinata mill-muntanja Mala Kapela, filwaqt li n-naħa tal-Lvant hija kkonfinata mill-muntanja Plješevica, li tirrappreżenta wkoll il-fruntiera mal-Bożnija-Ħerzegovina. Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice jinsab fil-pjanura ta’ Plitvice li hija mdawra bi tliet muntanji li huma parti mill-Alpi Dinariċi: il-muntanja Plješevica (bil-quċċata Gornja Plješevica tlaħħaq l-1,640 m), il-muntanja Mala Kapela (bil-quċċata Seliški Vrh tlaħħaq l-1,280 m), u l-muntanja Medveđak (bil-quċċata li tlaħħaq it-884 m).[13]

Papra f’wieħed mil-Lagi ta’ Plitvice

L-art muntanjuża msaġġra sservi bħala ġibjun tal-ilma u hija wkoll kennija għal ħafna speċijiet ta’ annimali. Id-differenza kbira fl-altitudni fi spazju dejjaq bejn il-muntanji fin-Nofsnhar u x-xmara Korana fit-Tramuntana tirrappreżenta wkoll kriterju sinifikanti għall-bijodiversità f’dan ir-reġjun. Id-differenza kumplessiva fl-altitudni fi ħdan iż-żona tal-park nazzjonali hija 912-il metru (l-ogħla elevazzjoni hija l-quċċata Seliški vrh li tlaħħaq l-1,279 m, filwaqt li l-iktar elevazzjoni baxxa tlaħħaq it-367 m fil-pont minn naħa għall-oħra tax-xmara Korana).[13]

L-art tal-park nazzjonali hija art magħmula minn blat karstiku, l-iktar dolomit u ġebla tal-ġir, b’lagi u għerien assoċjati, u dan sawwar l-iktar karatteristiċi distintivi tal-lagi. Ħdejn il-lagi stess wieħed jista’ jżur l-Għar ta’ Golubnjača (145 m), qabel it-tieni kaskata tax-xmara Korana, u l-Għar ta’ Šupljara (68 m), ’il fuq mil-Lag ta’ Kaluđerovac. Hemm għerien oħra bħal pereżempju l-Għar ta’ Mračna (160 m), l-Għar ta’ Vila Jezerkinje (104 m) u l-Għar ta’ Golubnjača fl-Għalqa ta’ Homoljačko (153 m). Fi ħdan il-park nazzjonali, jeżistu diversi għerien qishom fosos, bħal dawk ta’ Čudinka (-203 m) jew Jama f’Vršić (-154 m, b’tul ta’ 110 m). Fl-Għar ta’ Rodića f’Sertić Poljana u fl-Għar ta’ Mračna fil-Lagi t’Isfel, instab għadam tal-orsijiet u għaldaqstant dawn is-siti jistgħu jitqiesu bħala sinifikanti paleontoloġikament.

Il-Kaskata l-Kbira

Il-Lagi ta’ Plitvice joriġinaw fin-Nofsinhar taż-żona tal-park fil-konfluwenza ta’ Bijela Rijeka (Xmara Bajda) u Crna Rijeka (Xmara Sewda). Dawn ix-xmajjar joriġinaw fin-Nofsinhar tal-muniċipalità ta’ Plitvički Ljeskovac u jingħaqdu ħdejn wieħed mill-pontijiet f’dan il-villaġġ. Minn hawn ’il quddiem sal-lagi, il-mases tal-ilma jissejħu Matica (jiġifieri kurrent tal-ilma, iżda tista’ tfisser ukoll għerq jew oriġini). Fil-bajja ta’ Liman (imsejħa wkoll Limun), li hija parti minn Prošćansko jezero, hemm xmara żgħira oħra li tnixxi fil-lagi. Din ix-xmara tiġi alimentata minn fawwara permanenti; għalkemm il-kwantità tal-ilma tvarja. B’mod temporanju, l-ilma mid-dirgħajn tax-xmara li s-soltu jkunu mejtin ġieli jilħaq il-Prošćansko jezero mill-Punent.

Ix-xmara Plitvica tilħaq il-katina tal-lagi ta’ Plitvice fit-Tramuntana permezz tal-Kaskata l-Kbira. Dan il-post jissejjaħ Sastavci (jiġifieri konfluwenza jew kompożizzjoni). Il-mases tal-ilma tal-Lagi ta’ Plitvice u tax-xmara Plitvice jiffurmaw ix-xmara Korana.[13]

Karatteristiċi ta’ taħt l-art

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-konfigurazzjoni ta’ taħt l-art tal-Lagi ta’ Plitvice tikkonsisti minn diversi karatteristiċi ġeoloġiċi. B’mod ġenerali, iż-żona kollha tal-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice tista’ tiġi attribwita liż-żona karstika tal-Ewropa tax-Xlokk. Il-karatteristika tipika ta’ din iż-żona karstika hija l-blat dgħajjef jew poruż, l-iktar id-dolomit jew il-ġebla tal-ġir. Din il-konfigurazzjoni toħloq fenomeni ġeomorfoloġiċi differenti li jissejħu dolina (kavità), polje, uvala, ponor, eċċ.

Fil-ġejjieni, l-analiżi tal-mogħdijiet tal-ilma ta’ taħt l-art jaf tkun qasam interessanti ta’ riċerka għall-ispeleologi. Sa issa, ma tantx nafu wisq dwar dawn il-mogħdijiet tal-ilma mhux esplorati. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jista’ jiġi aċċertat li hemm nuqqas ta’ ilma fir-reġjun karstiku. Madankollu, dan huwa minnu biss fis-superfiċe. Il-maġġor parti tal-fenomeni naturali jseħħu taħt l-art, fejn hemm abbundanza ta’ ilma.

Veduta mill-ajru ta’ wħud mil-lagi mtarrġin ta’ Plitvice

Minħabba l-karatteristiċi tal-ġebla tal-ġir, ħafna xmajjar jiskulaw fil-blat u jispiċċa fix-xejn fuq l-art. Madankollu, taħt l-art jeżistu sistemi ta’ xmajjar estensivi. Malli l-ilma jasal fuq blat li jkun iebes, jifforma xmajjar fuq is-superfiċe. Dan il-fenomenu tax-xmajjar karstiċi ta’ taħt l-art (bil-Kroat: rijeka ponornica) jista’ jiġi osservat ukoll fil-Lagi ta’ Plitvice.

Is-sedimenti tat-tufa ilhom jiffurmaw mill-Plejstoċene ’l quddiem f’kavitajiet jew fi fniedaq bejn il-muntanji tal-madwar. B’mod ġenerali, iż-żona taħt l-art tal-Lagi ta’ Plitvice tista’ tiġi kkategorizzata f’żewġ żoni. Il-Lagi ta’ Fuq fin-Nofsinhar jikkonsistu b’mod predominanti mid-dolomit, filwaqt li l-Lagi t’Isfel fit-Tramuntana jikkonsistu b’mod predominanti mill-ġebla tal-ġir. Id-dolomit huwa kemxejn iktar iebes mill-ġebla tal-ġir. Għalkemm huwa fraġli meta jiġi affettwat minn xi influwenza fiżika, id-dolomit għandu proprjetajiet tal-permeabbiltà tal-ilma li huma iktar baxxi. B’kuntrast ma’ dan, il-ġebla tal-ġir hija iktar kumpatta u massiva, iżda mbagħad għandha permeabbiltà ogħla tal-ilma.[7]

Mill-ajru, wieħed jista’ josserva differenzi sinifikanti bejn l-art tal-Lagi ta’ Fuq u t’Isfel ta’ Plitvice. Fil-Lagi ta’ Fuq iffurmaw diversi lagi żgħar ħdejn xulxin u l-fluss tal-ilma huwa pjuttost baxx. Madankollu, il-Lagi t’Isfel huma ferm ikbar u l-fluss tagħhom jgħaddi minn ġol-blat. Barra minn hekk, ma tantx hemm daqshekk lagi fil-Lagi t’Isfel. Dawn iffurmaw kanjon, li jkompli bħala x-xmara Korana.

Klimografija tal-belt ta’ Ogulin ftit fit-Tramuntana tal-Lagi ta’ Plitvice

Bħala medja, ir-rata ta’ preċipitazzjoni (xita, borra, silġ, eċċ.) annwali fil-Lagi ta’ Plitvice hija xi 1,500 mm. Is-soltu, l-ikbar kwantitajiet ta’ xita jitkejlu fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. L-umdità relattiva medja hija 81.8 fil-mija. F’Jannar, it-temperatura medja tkun 2.2 °C. Matul ix-xhur tas-sajf ta’ Lulju u Awwissu, it-temperatura titla’ għal 17.4 °C. It-temperatura annwali medja ġenerali hija 7.9 °C. Il-borra tinżel minn Novembru sa Marzu. Is-soltu, il-lagi jiffriżaw f’Diċembru u f’Jannar.

It-temperatura tal-ilma fil-fawwara s-soltu tkun inqas minn 10 °C. Fix-xmajjar u fil-lagi, it-temperatura tal-ilma titla’ sa 20 °C. L-eżempju li ġej ta’ temperaturi differenti tal-ilma mkejla fis-7 ta’ Lulju 1954 juri d-differenzi kbar fit-temperatura tal-lagi: fil-Lag ta’ Kozjak, f’fond ta’ erba’ metri, ġiet imkejla temperatura ta’ 18.9 °C. F’fond ta’ 20 metru, ġiet imkejla temperatura ta’ 5 °C. F’fond ta’ 44 metru, prattikament f’qiegħ il-lag, ġiet imkejla temperatura ta’ 4.1 °C.[14]

Tkissir u ħolqien tal-blat

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-kanjon bil-Lagi ta’ Plitvice

Il-Lagi ta’ Plitvice huma r-riżultat ta’ proċessi li ħadu sekli u tas-sedimentazzjoni tal-karbonat tal-kalċju (ġibs), li huwa disponibbli b’abbundanza fl-ilmijiet ta’ din iż-żona karstika. Dawn is-sedimentazzjonijiet jissejħu tufa jew digi naturali magħmula mid-depożiti minerali (bil-Kroat it-tnejn jissejħu sedra jew tuf, apparti ħafna ismijiet oħra bħal bigar jew vapneni mačak).

Karatteresitika distintiva tal-Lagi ta’ Plitvice hija l-fatt li ma jirrappreżentawx ilmijiet stazzjonarji separati. Il-lagi kollha dejjem tqiesu bħala sistema waħda ta’ lagi. Minħabbal-bidliet kostanti, lanqas tista’ ssir analiżi tal-lagi individwali. Il-mases tal-ilma li jilħqu l-lagi fil-parti ta’ fuq jew t’isfel tas-sistema jibdlu kontinwament id-dehra u l-karatteristiċi tal-lagi u tal-pajsaġġ tal-madwar. Dawn il-mases tal-ilma jispiċċaw fix-xmara Korana. Minn naħa, it-tufa tal-ġibs tinġarr parzjalment mal-ilma. Min-naħa l-oħra, jiġu ffurmati sedimenti ġodda kontinwament. B’hekk, jiġu ffurmati kaskati ġodda filwaqt li oħrajn jinxfu. In-natura fiha nnifisha tadatta kontinwament għal dawn il-kundizzjonijiet ġodda. Kollha f’daqqa, il-lagi jirrappreżentaw ekosistema sensittiva ħafna u li spiss tinbidel.

Proċessi ta’ alterazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

F’termini ġeoloġiċi, il-fenomeni reali li jsawru l-Lagi ta’ Plitvice huma pjuttost reċenti. Il-proċessi kumplessi tad-dissolviment u tas-sedimentazzjoni tal-ġebla tal-ġir jirrikjedu prekundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi. Dawn ilhom jeżistu biss mill-aħħar era glaċjali madwar 12,000 sa 15,000 sena ilu, skont id-dati li rriżultaw mill-analiżi tar-radjukarbonju tat-tufa.[15]

Apparti mill-fatturi tat-temp u tat-temperatura, il-kwalità tal-ilma u fatturi naturali oħra huma sinifikanti għall-ħolqien ta’ dawn il-fenomeni naturali prevalenti fil-Lagi ta’ Plitvice. Billi jgħaddu mill-ġebla tal-ġir taħt l-art, ix-xmajjar karstiċi jwasslu biex il-ġibs jiddissolvi u jiġi kkonċentrat fl-ilma. Il-livell ta’ saturazzjoni tal-ġibs fil-flussi frontali għaldaqstant huwa għoli ħafna. L-ilma jiġi mineralizzat b’mod sinifikanti, u jiġi ssaturat ferm bil-kalċju u bl-idroġenukarbonat tal-manjeżju.[13]

Id-dissolviment tal-ġebla tal-ġir iseħħ permezz ta’ proċessi ta’ alterazzjoni u l-effetti tal-aċidu karboniku. F’ambjent naturali, l-aċidu karboniku (H2CO3) jifforma bid-dissolviment tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-arja jew mill-ilma tax-xita (H2O). Il-ġebla tal-ġir jew id-dolomit (CaMg(CO3)2) jikkonsistu l-iktar mill-kalċit (CaCO3), li ma tantx huwa solubbli ħafna fl-ilma. Madankollu, il-kalċit jiddissolvi bl-aċidu karboniku u b’hekk joħloq l-idroġenukarbonat tal-kalċju (Ca(HCO3)2). Dan jista’ jintwera bil-formuli li ġejjin:

H2O + CO2 ↔ H2CO3 ↔ H+ + HCO3 ↔ 2 H+ + CO32−
CaCO3 + H2CO3 → Ca(HCO3)2
CaCO3 + H+ + HCO3 ↔ Ca2+ + 2 HCO3 ↔ Ca(HCO3)2

Il-kwantità ta’ idroġenukarboat tal-kalċju (imsejjaħ ukoll bikarbonat tal-kalċju) li tiddissolvi fl-ilma tiddependi mill-kwantità ta’ diossidu tal-karbonju li jiddissolvi fl-ilma. Ġeneralment, iktar ma l-ilma jkun kiesaħ, iktar ma tkun għolja l-kwantità ta’ idroġenukarbonat tal-kalċju li jiddisolvi fl-ilma. Skont il-kundizzjonijiet tal-proċessi ta’ alterazzjoni, ix-xjenzati identifikaw rati ta’ dissolviment tal-ġebla tal-ġir ta’ bejn 0.01 u erba’ millimetri fis-sena (huwa possibbli li bl-effett tal-ilma tax-xit, xi 1 m3 ta’ ġebla tal-ġir tiddissolvi f’xi 10,000 sena).[13]

Proċessi ta’ sedimentazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Kaskati sekondarji

Id-dissolviment mekkaniku u kimiku msemmija hawn fuq huma fenomeni naturali li jseħħu regolarment. Madankollu, proċess uniku li jseħħ fil-Lagi ta’ Plitvice huwa s-sedimentazzjoni tal-ġibs fl-ilma f’ċerti postijiet. Meta mqabbel ma’ fenomeni simili oħra fid-dinja, fil-Lagi ta’ Plitvice s-sedimentazzjoni tal-ġibs u l-formazzjoni tat-tufa jseħħu b’mod dinamiku tul il-mogħdijiet tal-ilma u f’forom differenti. B’hekk, mhijiex fenomenu statiku li jseħħ f’postijiet partikolari biss.

Karatteristika unika u distintiva oħra huma l-fatturi naturali, b’mod partikolari l-influwenzi tal-veġetazzjoni fil-proċess ta’ sedimentazzjoni. Meta l-ilma jgħaddi mill-veġetazzjoni, jinħolqu qishom barrieri fiżiċi bir-ragħwa tal-ilma. Dawn il-barrieri fiżiċi li jinħolqu b’mod naturali jagħmluha ta’ diga naturali u jgħinu fil-formazzjoni tal-lagi. Fil-Lagi ta’ Plitvice, din l-interkonnessjoni kostanti bejn l-ilma, l-arja, il-blat u l-veġetazzjoni tista’ tiġi osservata faċilment. Ir-ragħwa toħloq ukoll kaskati impressjonanti li donnhom dejjem jikbru, kif ukoll ċarċara.

Xi 30 km fit-Tramuntana tal-lagi, fil-konfluwenza tax-xmajjar Korana u Slunjčica, proprju fiċ-ċentru tar-raħal ta’ Slunj, iseħħu fenomeni simili. Din il-parti tar-raħal, imsejħa Rastoke, hija magħrufa wkoll bħala “l-Lagi ż-Żgħar ta’ Plitvice”.[13]

Tipi ta’ blat

[immodifika | immodifika s-sors]
Blat ċellulari Blat poruż li jkun ġie espost għal effetti esterni, pereżempju l-ilma tax-xita (dolomit jew ġebla tal-ġir)
Tufa Sedimentazzjonijiet ta’ minerali mill-ilma li tipikament jikkonsolidaw fuq il-muski jew taħt l-art tal-lagi. Dawn is-sedimenti huma r-riżultat ta’ proċessi ta’ sedimentazzjoni li ħadu sekli sħaħ. Sena wara l-oħra, jiġu miżjuda saffi ġodda ta’ sedimenti.
Digi naturali u tad-depożiti minerali Tufa kkonsolidata. Sedimenti iktar antiki u iktar iebsin. Dan it-tip ta’ blat poruż huwa sensittiv ħafna għall-impatti fiżiċi (waħda mir-raġunijiet għalfejn l-għawm mhux permess fil-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice).

Flora u Fawna

[immodifika | immodifika s-sors]
L-orkidea Cypripedium calceolus

Fir-rigward tad-diversità tal-pjanti u tal-annimali, iż-żona tal-Lagi ta’ Plitvice hija waħda mill-iktar żoni sinifikanti fil-Kroazja, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-pożizzjoni relattivament remota, ladarba l-lagi huma pjuttost ’il bogħod mit-tniġġis u mill-istorbju tal-bliet u tal-impjanti industrijali. Bħala riżultat tal-livell baxx ta’ żvilupp industrijali f’dan ir-reġjun u l-introduzzjoni bikrija ta’ miżuri protettivi, ġie ppreservat pajsaġġ kważi mhux mimsus. Fil-foresti tal-fagu u taż-żnuber parzjalment primordjali, għadhom jgħixu diversi speċijiet rari bħall-ors kannella.

Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice fih diversi żoni forestali msaġġra bil-fagu, bl-abit u biż-żnuber, u fih taħlieta ta’ veġetazzjoni tal-Alpi u tal-Mediterran. Fih varjetà notevoli ta’ komunitajiet ta’ pjanti, bis-saħħa tal-firxa ta’ mikroklimi differenti, tipi differenti ta’ ħamrija u livelli differenti ta’ altitudni.

Sa issa x-xjenzati identifikaw 1,267 tip differenti ta’ pjanti li jappartjenu għal 109 speċijiet fiż-żona tal-park nazzjonali. 75 speċi ta’ pjanti huma endemiċi, jiġifieri ġew iddefiniti u kklassifikati għall-ewwel darba f’din iż-żona tad-dinja jew fil-qrib. Għadd kbir minn dawn il-pjanti u minn dawn l-ispeċijiet huma protetti bil-liġi. Fiż-żona tal-park nazzjonali hemm 55 speċi differenti ta’ orkidej.[13]

Eżempji ta’ pjanti endemiċi li jinstabu fil-park nazzjonali:

Edraianthus tenuifolius Ranunculus scutatus
Scilla litardierei

Eżempji ta’ pjanti rari oħra:

Cypripedium calceolus Ligularia sibirica
Pinguicula vulgaris Telekia speciosa
Daphne laureola

Id-diversità kbira ta’ pjanti toħloq firxa wiesgħa ta’ lwien li jinbidlu skont l-istaġuni. Madwar iż-żona tal-lagi hemm foresti densi ħafna. Il-park nazzjonali għandu erja ta’ 29,842 ettaru, li minnhom xi 22,308 ettari huma foresti (74.75 fil-mija), 6,957 ettaru huma mergħat (23.31 fil-mija) fiż-żoni tal-villaġġi u 217-il ettaru (0.72 fil-mija) huma żoni bl-ilma. Żona unika hija l-foresta ta’ Čorkova uvala, foresta kbira mhux mimsusa ta’ 79.50 ettaru fil-parti tal-Majjistral tal-park nazzjonali. Is-siġar tal-fagu u taż-żnuber f’din iż-żona tal-park għandhom sa 700 sena.[13]

L-ors kannella

Iż-żona tal-park nazzjonali hija l-ħabitat ta’ varjetà kbira ta’ speċijiet ta’ annimali u ta’ għasafar. Fawna rari bħall-ors kannella Ewropew, il-lupu griż, l-ajkli, il-kokki, il-linċi, il-qtates selvaġġi, u l-faġan tal-muntanji jgħixu hawnhekk, flimkien ma’ ħafna speċijiet iktar komuni.[16]

Iż-żona ta’ lqugħ tal-park nazzjonali hija waħda mill-aħħar żoni fl-Ewropa fejn jgħixu għadd kbir ta’ orsijiet kannella u lupi griżi fis-selvaġġ. Il-fawna rikka tal-Lagi ta’ Plitvice tinkludi xi 50 speċi ta’ mammiferi. Sa issa x-xjenzati skoprew 321 tip differenti ta’ friefet, li minnhom 76 huma friefet ta’ binhar u 245 huma kamli ta’ billejl. Madankollu, ix-xjenzati jistmaw li sa issa ġiet identifikata 40 % biss tal-popolazzjoni sħiħa tal-friefet.

Barra minn hekk, ġew iddokumentati 12-il speċi ta’ anfibji, kif ukoll xi speċijiet ta’ rettili, fosthom il-gremxula vivipara (Lacerta vivipara), il-gremxula ħadra Ewropea (Lacerta viridis), is-serp tal-ilma mhux velenuż (Natrix tessellata), il-viperi Vipera berus u Vipera ammodytes u l-fekruna Ewropea tal-għadajjar (Emys orbicularis).

Xi speċijiet tal-ħut fil-Lagi ta’ Plitvice

Bħala speċijiet ta’ għasafar, il-Lagi ta’ Plitvice jikklassifikaw fit-tielet post għad-diversità fost il-parks nazzjonali tal-Kroazja. Ġew iddokumentati 157 speċi, li minnhom 70 speċi jgħammru hemmhekk. Il-Lagi ta’ Plitvice huma ħabitat ideali wkoll għal bosta tipi ta’ friefet il-lejl. Skont l-aħħar sejbiet, ġew elenkati xi 20 tip differenti ta’ friefet il-lejl, fosthom l-ispeċi rara tal-Plecotus.

Fost l-ispeċijiet oriġinali tista’ tissemma t-trota kannella (Salmo trutta fario u Salmo trutta lacustris). Is-Salmo trutta fario tinstab l-iktar fil-Lagi ta’ Fuq, filwaqt li s-Salmo trutta lacustris tinstab l-iktar fil-Lag ta’ Kozjak. Dawn l-ispeċijiet żviluppaw f’kundizzjonijiet tal-ħajja differenti, indipendentement minn xulxin fid-diversi lagi.

Minħabba t-tkabbir tal-veġetazzjoni fil-barrieri fiżiċi, speċijiet tal-ħut alloktoni (jiġifieri speċijiet li joriġinaw minn xi mkien ieħor u li ma jappartjenux għal din l-ekosistema) qed jitkattru malajr u b’hekk qed ipoġġu f’periklu l-ispeċijiet tat-troti awtoktoni. Apparti t-troti, jinstabu wkoll speċijiet oħra ta’ ħut bħall-Phoxinus phoxinus. Bħala riżultat tal-interferenza tal-bniedem, l-ispeċi salvelinus alpinus u t-trota qawsalla tal-Amerka ta’ Fuq ġew introdotti f’din l-ekosistema. Dan l-aħħar, instabu wkoll speċijiet oħra bħall-iSqualius cephalus u l-iScardinius erythropthalmus, x’aktarx minħabba t-tibdil fil-klima.[16]

Eżempji ta’ xi annimali li jinstabu fil-park nazzjonali:

Linċi Ewrasjatika (Lynx lynx) Ors kannella (Ursus arctos)
Lupu griż (Canis lupus) Kokka imperjali (Bubo bubo)
Qattus selvaġġ Ewropew (Mustela putorius) Ajkla rjali (Aquila chrysaetos)
Gremxula Alpina tal-ilma (Triturus alpestris) Għasfur tax-xmajjar (Cinclus cinclus)
Fekruna Ewropea tal-għadajjar (Emys orbicularis)

Storja tal-Lagi bħala Park Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta min-naħa tal-Kaskata l-Kbira

Wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-fenomeni naturali uniċi ta’ din iż-żona ġew rikonoxxuti b’mod permanenti. Fit-8 ta’ April 1949, il-Lagi ta’ Plitvice ġew iddikjarati bħala park nazzjonali u ġew stabbiliti miżuri rigorużi tal-protezzjoni tan-natura.

Matul is-snin 60 tas-seklu 20, inbena kollegament modern bit-triq li jwassal għal-Lagi ta’ Plitvice, u dan wassal għal żieda fil-volumi tat-traffiku. Matul dawn is-snin, diversi lukandi u binjiet oħra nbnew skont pjanti innovattivi ta’ arkitetti Kroati. Madankollu, xi binjiet li kellhom l-istandards attwali diġá kienu twaqqgħu sas-snin 80 tas-seklu 20 mill-awtoritajiet Komunisti.

Bejn l-1962 u l-1968, ħafna produzzjonijiet ta’ films Western ibbażati fuq ir-rumanzi ta’ Karl May inġibdu fil-Lagi ta’ Plitvice (l-iktar kooperazzjonijiet Ġermaniżi-Franċiżi-Jugoslavi). L-iktar film li kien suċċess mis-sensiela, Teżor tal-Lag Fiddien ġie prodott ukoll f’xi postijiet fi ħdan il-park nazzjonali (il-Lag ta’ Kaluđerovac intuża bħala x-xenarju għal-Lag Fiddien).

Matul is-snin 70 tas-seklu 20, ġew iddokumentati reġistri ddettaljati tal-art tal-park nazzjonali. Il-park sar Sit ta’ Wirt Dinji naturali tal-UNESCO fl-1979.

Matul is-snin 80 tas-seklu 20, it-turiżmu sploda fil-Jugoslavja. Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice malajr saru waħda mill-attrazzjonijiet turistiċi l-iktar popolari tal-Jugoslavja. Madankollu, il-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, kienu mument ta’ żvolta fl-istorja tal-park nazzjonali. F’Marzu 1991 seħħ l-avveniment magħruf bħala “l-Għid tat-Tixrid tad-Demm fi Plitvice”, fejn kien hemm l-ewwel konfrontazzjoni armata tal-Gwerra Kroata għall-Indipendenza li rriżultat f’għadd ta’ mwiet. Il-park spiċċa f’idejn ribelli Serbjani lokali appoġġati minn Slobodan Milošević u mill-Armata Popolari Jugoslava bħala parti mir-“Repubblika tal-Krajina Serbjana” li ġiet awtodikjarata matul il-kunflitt u ħafna lukandi u binjiet intużaw bħala barrakki jew ġarrbu xi ħsarat. Matul il-perjodu taħt il-kontroll tal-forzi Serbjani li kienu leali lejn il-Jugoslavja, il-Kroati tkeċċew għalkollox mir-reġjun b’mod sistematiku. Madankollu, ir-reġjun reġa’ ttieħed mill-Armata Kroata f’Awwissu 1995 fl-Operazzjoni Maltempata (Operation Storm), u l-maġġoranza tal-popolazzjoni Serbjana tkeċċiet.

Illum il-ġurnata, il-Lagi ta’ Plitvice huma waħda mill-iktar attrazzjonijiet turistiċi popolari u viżitati fil-Kroazja. Minħabba l-importanza naturali, kulturali u turistika tagħhom, saru mutur tal-ekonomija lokali. Bejn wieħed u ieħor, kull sena iktar minn miljun ruħ qed iżuru l-park nazzjonali u qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu.

Sena Għadd ta’ viżitaturi
1894 1,000
1989 500,000
1996 238,401
2000 482,275
2001 597,884
2002 665,108
2003 721,265
2004 749,209
2005 855,866
2006 866,218
2007 927,661
2008 948,891
2009 939,747
2010 980,033
2011 1,083,638
2014 1,184,449
2015 1,367,304
2016 1,429,228

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dgħajjes turistiċi fil-Lagi ta’ Plitvice

Fl-1979, il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice ġie ddeżinjat bħala Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala “rikonoxximent tal-ġmiel naturali straordinarju tas-sit, u l-produzzjoni tad-digi naturali tat-tufa u tad-depożiti minerali permezz tal-azzjoni kimika u bijoloġika”.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”; u l-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”.[1]

Minħabba r-riskju tal-mini tal-art, il-park saħansitra tpoġġa fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji fil-periklu matul is-snin tal-gwerra. Wara l-gwerra, il-Lagi ta’ Plitvice kienu fost l-ewwel żoni minn fejn tneħħew il-mini tal-art, għalkemm hemm suspetti li xi żoni iktar remoti fi ħdan il-park xorta jaf fadlilhom xi mini tal-art. Madankollu, fl-1998 il-park nazzjonali tneħħa mil-lista tas-siti fil-periklu. Fis-sena 2000, il-park nazzjonali twessa’ b’102 kilometri kwadri oħra sabiex jiġu protetti wkoll in-nixxigħat tributarji.

Fi ħdan il-park nazzjonali jitwettqu proġetti ta’ riċerka xjentifika kontinwa. Attwalment, l-amministrazzjoni tal-park nazzjonali tagħmel l-almu tagħha biex tintroduċi miżuri protettivi progressivi ġodda. Hemm proposta wkoll biex il-passaġġi u l-pontijiet tal-injam jiġu sostitwiti b’puntuni li jibqgħu f’wiċċ l-ilma. Il-mogħdijiet eżistenti tal-injam huma ankrati fis-sedimenti tad-digi naturali tad-depożiti minerali, u hemm is-sogru li dawn jiddgħajfu jew issirilhom il-ħsara.

Minħabba ż-żieda fit-turiżmu u l-kostruzzjoni illegali qrib il-lagi, bid-drenaġġ illegali jnixxi fil-lagi u fil-boskijiet tal-madwar mingħajr ebda trattament, l-ilma tal-lagi tniġġes u ma għadux tajjeb għax-xorb. Din is-sitwazzjoni spiss tiġi mmonitorjata mill-UNESCO, li kemm-il darba heddet li s-sit jitħassar mil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji.[1]

Fenomeni komparabbli fid-dinja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fenomeni komparabbli mal-fenomeni prevalenti fil-Lagi ta’ Plitvice jeżistu f’Rastoke (Slunj), fil-Park Nazzjonali ta’ Krka, fix-xmajjar Una u Pliva fil-Bożnija-Ħerzegovina u fil-Kaskati ta’ Krushuna fil-Bulgarija. Il-lagi ta’ Band-e Amir fil-katina muntanjuża Ħindu ta’ Kush jiffurmaw sistema simili ta’ lagi u digi naturali, għalkemm il-proċessi ta’ formazzjoni tat-tufa huma differenti. Proċessi simili ta’ formazzjoni tas-sedimenti jistgħu jiġu osservati wkoll f’Siti ta’ Wirt Dinji oħra madwar id-dinja bħal fil-Fawwara Sħan ta’ Mammoth fil-Park Nazzjonali ta’ Yellowstone fl-Istati Uniti, f’Pamukkale fit-Turkija, jew f’Jiuzhaigou, riżerva naturali nazzjonali fit-Tramuntana ta’ Sichuan, iċ-Ċina.[1][17][18][19]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Plitvice Lakes National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  2. ^ "Mrak Taritaš i Zmajlović odobrili betonizaciju Plitvica: UNESCO Hrvatskoj dao rok do veljače". www.index.hr (bil-Kroat). Miġbur 2021-03-25.
  3. ^ portal, SEEbiz eu-regionalni poslovni. "Plitvička jezera s rekordnim brojem posjetitelja". www.seebiz.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  4. ^ "Price list". Nacionalni park "Plitvička jezera" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  5. ^ "Five Things You May Not Know About Plitvice Lakes in Croatia". LandLopers (bl-Ingliż). 2013-07-01. Miġbur 2021-03-25.
  6. ^ "Turistička zajednica Ličko-senjske županije". visit-lika.com. Miġbur 2021-03-25.
  7. ^ a b Franić, D. (1910) Plitvička jezera i njihova okolica, Zagreb, Tisak kraljevske zemaljske tiskare.
  8. ^ "Distance measuring". maps.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-30. Miġbur 2021-03-25.
  9. ^ "Naslovnica". www.hac.hr (bil-Kroat). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-03-18. Miġbur 2021-03-25.
  10. ^ "Vozni red vlakova | Udaljenosti.com". www.udaljenosti.com. Miġbur 2021-03-25.
  11. ^ Šikić, Zoran, ed. (October 2007). Plan upravljanja Nacionalnog parka Plitvička Jezera [Plitvice Lakes National Park Management Plan] (PDF) (in Croatian). Il-Ministeru Kroat tal-Kultura. p. 11. ISBN 978-953-6240-83-8.
  12. ^ Meridijani, 3/2002, 30. Šafarek, G. Plitvička jezera - 16 srebrnih stepenica.
  13. ^ a b ċ d e f ġ g "Nacionalni park "Plitvička jezera"". Nacionalni park "Plitvička jezera" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  14. ^ Gušić, B. & Marković, M. (ed.) (1974) Plitvička jezera - čovjek i priroda, Zagreb, Nacionalni park Plitvice.
  15. ^ Horvatinčić, N. (1999) Starost sedre Plitvičkih jezera. Priroda: mjesečnik za popularizaciju prirodnih znanosti i ekologije, 89, 20-22.
  16. ^ a b "Fauna". Nacionalni park "Plitvička jezera" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  17. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Yellowstone National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  18. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Hierapolis-Pamukkale". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  19. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Jiuzhaigou Valley Scenic and Historic Interest Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.