Palazz ta' Blenheim
Il-Palazz ta' Blenheim (pronunzjata /ˈblɛnɪm/ BLEN-im) huwa residenza fil-kampanja f'Woodstock, Oxfordshire, l-Ingilterra. Huwa s-sede tad-Duki ta' Marlborough u l-unika residenza mhux irjali u mhux episkopali fl-Ingilterra li għandha t-titlu ta' palazz. Il-palazz, li huwa waħda mill-ikbar djar fl-Ingilterra, inbena bejn l-1705 u l-1722, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Il-palazz ingħata dan l-isem għall-Battalja ta' Blenheim tal-1704, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar għal Blindheim (magħruf ukoll bħala Blenheim) fil-Bavarja. Oriġinarjament kien maħsub bħala premju għal John Churchill, l-Ewwel Duka ta' Marlborough għat-trijonfi militari tiegħu kontra l-Franċiżi u l-Bavarjani fil-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola, li laħqet il-qofol tagħha fil-Battalja ta' Blenheim. L-art ingħatat bħala rigal, u l-kostruzzjoni bdiet fl-1705, b'xi sostenn finanzjarju mir-Reġina Anna. Il-proġett malajr qajjem ġlied politiku, u r-Reġina kkanċellat kwalunkwe sostenn finanzjarju ulterjuri fl-1712. Id-Duka ta' Marlborough għamel tliet snin ta' eżilju volontarju fl-Ewropa, id-dukessa tilfet l-influwenza tagħha, u r-reputazzjoni tal-arkitett Sir John Vanbrugh tħamġet sew.
Id-disinn tal-palazz sar bl-istil rari u għomru qasir tal-Barokk Ingliż. L-apprezzament arkitettoniku tal-palazz huwa maqsum illum il-ġurnata daqs kemm kien fis-snin 20 tas-seklu 18. Huwa uniku fl-użu kkombinat tiegħu bħala residenza ta' familja, mawżolew u monument nazzjonali. Il-palazz huwa notevoli bħala l-post fejn twieled Sir Winston Churchill u fejn għexu l-antenati tiegħu.
Wara t-tlestija tal-palazz, sar id-dar tal-familja Churchill (iktar 'il quddiem Spencer-Churchill) għat-300 sena ta' wara, u diversi membri tal-familja wettqu bidliet fuq ġewwa tal-palazz, fil-park u fil-ġonna tiegħu. Lejn l-aħħar tas-seklu 19, il-palazz ġie salvat mit-telqa permezz ta' fondi miksuba miż-żwieġ tad-Disa' Duka ta' Marlborough mal-werrieta Amerikana tal-linji ferrovjarji Consuelo Vanderbilt.
Familja Churchill
[immodifika | immodifika s-sors]John Churchill twieled f'Devon. Għalkemm familtu kellha relazzjonijiet aristokratiċi, kienet tagħmel parti mil-livelli inferjuri iktar milli superjuri tas-soċjetà tas-seklu 17. Fl-1678, Churchill iżżewweġ lil Sarah Jennings[2], u f'April ta' dik is-sena, huwa ntbagħat minn Karlu II lejn Den Haag sabiex jinnegozja konvenzjoni dwar l-istazzjonar tal-armata Ingliża fil-Fjandri. Il-missjoni ma rnexxietx. F'Mejju, Churchill ġie maħtur għall-grad temporanju ta' Brigadier-Ġeneral tal-Fanterija, iżda l-possibbiltà ta' kampanja militari kontinentali ġiet eliminata bit-Trattat ta' Nijmegen.[3] Meta Churchill irritorna lejn l-Ingilterra, il-Komplott Papali rriżulta fi tkeċċija temporanja ta' tliet snin għal James Stuart, id-Duka ta' York. Id-Duka obbliga lil Churchill jieħu ħsiebu, l-ewwel f'Den Haag, u mbagħad fi Brussell.[4] Għas-servizzi tiegħu matul il-kriżi, Churchill sar Lord Churchill ta' Eyemouth fin-nobbiltà tal-Iskozja fl-1682, u s-sena ta' wara nħatar bħala Kurunell tar-Riġment Irjali tad-Draguni tar-Re stess.[5]
Mal-mewt ta' Karlu II fl-1685, ħuh, id-Duka ta' York, sar ir-Re Ġakbu II. Ġakbu kien il-Gvernatur tal-Kumpanija tal-Bajja ta' Hudson (bl-Ingliż: Hudson's Bay Company), illum il-ġurnata l-eqdem kumpanija tal-Amerka ta' Fuq, stabbilita b'dokument irjali fl-1670. Bis-suċċessjoni ta' Ġakbu II għat-tron, Churchill inħatar bħala t-tielet gvernatur tal-kumpanija. Kien ġie affermat ukoll bħala l-Ġentlom tal-Kamra tas-Sodda Rjali f'April, u ddaħħal fin-nobbiltà Ingliża bħala l-Baruni Churchill ta' Sandridge fil-kontea ta' Hertfordshire f'Mejju. Wara r-Ribelljoni ta' Monmouth, Churchill ġie promoss għal Maġġur-Ġeneral u ngħata remunerazzjoni tajba tat-Tielet Truppa tal-Gwardjani.[6] Meta William, il-Prinċep ta' Orange, invada l-Ingilterra f'Novembru 1688, Churchill, flimkien ma' xi 400 uffiċjal u raġel, mar jingħaqad miegħu f'Axminster.[7] Meta r-Re ra li lanqas seta' jżomm lil Churchill — li kien qaddej leali u intimu tiegħu għal żmien twil — huwa ħarab lejn Franza.[8] Bħala parti mill-unuri tal-inkurunazzjoni ta' William III, Churchill sar il-Konti ta' Marlborough, ħa l-ġurament fil-Kunsill Privat, u sar Ġentlom tal-Kamra tas-Sodda tar-Re.[9]
Matul il-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola, Churchill kiseb reputazzjoni bħala kmandant militari kapaċi, u fl-1702 ġie elevat għal Duka ta' Marlborough. Matul il-gwerra huwa rebaħ sensiela ta' rebħiet, inkluż il-Battalja ta' Blenheim (1704), il-Battalja ta' Ramillies (1706), il-Battalja ta' Oudenarde (1708), u l-Battalja ta' Malplaquet (1709). Għar-rebħa tiegħu fi Blenheim, il-Kuruna ppremjatu bit-territorju rjali ta' Hensington (li jinsab fis-sit ta' Woodstock) sabiex ikun jista' jibni palazz ġdid, u l-Parlament ivvota favur somma sostanzjali ta' flus għall-ħolqien tal-palazz. Il-kirja jew petit serjeanty dovuta lill-Kuruna għall-art ġiet stabbilita għal kirja tal-prezz tal-bżar jew il-kirja ta' kopja waħda tal-bandiera rjali Franċiża li kellha tingħata lill-monarka kull sena fl-anniversarju tal-Battalja ta' Blenheim. Din il-bandiera tinsab għall-wiri fuq mejda Franċiża tas-seklu 17 li tintuża għall-kitba fil-Kastell ta' Windsor.[10]
Il-mara tad-Duka ta' Marlborough kienet mara pikuża, iżda kellha l-kapaċità li ssaħħar lil dak li jkun. Kienet għamlet ħbieb mal-Prinċipessa Anna meta kienet żgħira, u iktar 'il quddiem, meta l-prinċipessa saret Reġina, id-Dukessa ta' Marlborough, li kienet tgħin lill-Maestà Tagħha fl-Għażla tal-Ħwejjeġ, kellha influwenza kbira fuq ir-Reġina kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell politiku. Ir-relazzjoni bejn ir-Reġina u d-Dukessa iktar 'il quddiem saret ikkumplikata, u wara l-aħħar diżgwid bejniethom fl-1711, il-flus għall-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Blenheim waqfu għalkollox. Għal raġunijiet politiċi, id-Duki ta' Marlborough marru f'eżilju fil-kontinent sar-ritorn tagħhom l-għada tal-mewt tar-Reġina fl-1 ta' Awwissu 1714.[11]
Proprjetà
[immodifika | immodifika s-sors]Il-proprjetà mogħtija min-nazzjon lid-Duka ta' Marlborough għall-palazz il-ġdid kienet proprjetà ta' Woodstock, xi kultant imsejħa l-Palazz ta' Woodstock, li kien proprjetà rjali, fil-verità kemxejn iktar minn park taċ-ċriev. Il-leġġendi tappnu l-oriġini tal-proprjetà. Ir-Re Enriku I għalaq il-park sabiex jikkonfina ċ-ċriev. Enriku II ospita lill-maħbuba tiegħu Rosamund Clifford (xi kultant magħrufa bħala "Fair Rosamund") hemmhekk f'"post imkenni u labirint"; għad hemm fawwara li jingħad li kienet tgħum fiha, imsemmija għaliha. Milli jidher il-loġġa tal-kaċċa lussuża ġiet rikostruwita bosta drabi, u ma kellhiex storja importanti wisq qabel Eliżabetta I, li qabel is-suċċessjoni tagħha, ġiet miżmuma hemmhekk minn oħtha tar-rispett Marija I bejn l-1554 u l-1555. Eliżabetta kienet ġiet implikata fil-Komplott ta' Wyatt, iżda l-priġunija f'Woodstock kienet qasira, u l-proprjetà ntesiet sa meta ġiet ibbumbardjata u rvinata mit-truppi ta' Oliver Cromwell matul il-Gwerra Ċivili. Meta l-park kienet qed jitħejja bħala pajsaġġ għall-Palazz, l-Ewwel Dukessa riedet li l-fdalijiet storiċi jinqerdu, filwaqt li Vanbrugh, konservazzjonista bikri, ried li jiġu rrestawrati u jkunu karatteristika tal-pajsaġġ. Id-Dukessa, kif seħħ spiss fid-diżgwidi tagħha mal-arkitett, għaddiet tagħha u l-fdalijiet tneħħew.[12]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz ta' Blenheim ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Arkitett
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkitett magħżul għall-proġett ambizzjuż kien wieħed kontroversjali. Kien magħruf li d-Dukessa kienet tiffavurixxi lil Sir Christopher Wren, famuż għall-Katidral ta' San Pawl u bosta binjiet nazzjonali oħra fir-Renju Unit. Madankollu, id-Duka wara laqgħa li attenda b'kumbinazzjoni, jingħad li kkummissjona minnufih lil Sir John Vanbrugh. Vanbrugh, drammaturgu popolari, kien arkitett mhux imħarreġ, li normalment kien jaħdem mal-imħarreġ Nicholas Hawksmoor. It-tnejn flimkien kienu għadhom kemm lestew l-ewwel stadji tal-Kastell Barokk ta' Howard. Din il-villa enormi f'Yorkshire kienet waħda mill-ewwel djar fl-Ingilterra bl-istil Barokk Ewropew. Is-suċċess tal-Kastell ta' Howard wassal biex id-Duka ta' Marlborough jikkummissjona xi ħaġa simili f'Woodstock.[13]
Madankollu, il-Palazz ta' Blenheim, ma wassalx għar-rikonoxximent arkitettoniku li Vanbrugh kien qed jistenna li jkollu. Il-ġlieda rigward il-finanzjament wasslet għal akkużi ta' stravaganza u imprattiċità tad-disinn, u ħafna minnhom twasslu minn fazzjonijiet ta' Whig fil-poter. Id-Dukessa ta' Marlborough xejn ma ddifendietu. Peress li x-xewqa tagħha li timpjega lil Wren ma kinitx ġiet issodisfata[14], hija kkritikat lil Vanbrugh fuq kull livell, mid-disinn sal-gosti. Parti mill-problemi tagħhom feġġew minn dak li kien intalab mill-arkitett. In-nazzjon (li kemm l-arkitett kif ukoll is-sidien assumew li kien se jħallas il-kontijiet) ried monument, iżda d-Dukessa riedet mhux biss ġieħ denju għar-raġel tagħha iżda dar komda wkoll; żewġ rekwiżiti li ma kinux kompatibbli fl-arkitettura tas-seklu 18. Finalment, fil-jiem bikrin tal-binja, id-Duka spiss kien imsiefer minħabba l-kampanji militari tiegħu, u kienet id-Dukessa li ħadet ħsieb tinnegozja ma' Vanbrugh. Peress li kienet iktar konxja mir-raġel tagħha bl-istat prekarju tas-sostenn finanzjarju li kienu qed jirċievu, hija kkritikat l-ideat grandjużi ta' Vanbrugh għax kienu wisq stravaganti.[15]
Wara l-aħħar diżgwid bejniethom, Vanbrugh tkeċċa mis-sit. Fl-1719, meta d-Dukessa kienet imsiefra, Vanbrugh bil-moħbi mar jara l-palazz. Madankollu, meta l-mara ta' Vanbrugh ġiet biex iżżur il-Palazz ta' Blenheim meta tlesta, bħala membru tal-pubbliku fl-1725, id-Dukessa rrifjutat li tħalliha saħansitra tidħol fil-park.[16]
Il-Barokk massiċċ li Vanbrugh uża fil-Palazz ta' Blenheim qatt ma ġibed wisq l-immaġinazzjoni tal-pubbliku, u malajr ġie sostitwit bit-tqanqil mill-ġdid tal-istil Palladjan. Ir-reputazzjoni ta' Vanbrugh qalgħet daqqa ta' ħarta kbira, u huwa ma ngħata l-ebda kummissjoni pubblika kbira oħra. Għad-disinn finali tiegħu, Seaton Delaval Hall f'Northumberland, li ġie mfaħħar bħala l-kapulavur tiegħu, huwa uża verżjoni raffinata tal-Barokk li uża fil-Palazz ta' Blenheim. Huwa miet ftit qabel it-tlestija tal-binja.[16]
Finanzjament tal-kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-responsabbiltà preċiża għall-finanzjament tal-palazz il-ġdid dejjem kienet suġġett dibattibbli, li għadu mhux solvut sa llum il-ġurnata. Il-palazz bħala premju ġie propost fi żmien ftit xhur mill-Battalja ta' Blenheim, fi żmien meta d-Duka ta' Marlborough kien għadu ma rebaħx il-bosta rebħiet f'isem il-pajjiż. Li n-nazzjon rikonoxxenti mmexxi mir-Reġina Anna xtaq u ried jagħti dar xierqa lill-eroj nazzjonali huwa bla dubju. Permezz ta' dokument iffirmat fl-1705 mit-teżorier parlamentari l-Konti ta' Godolphin, Vanbrugh ġie maħtur bħala arkitett u fih ġie deskritt il-kompitu tiegħu. B'xorti ħażina għall-familja Churchill, imkien fid-dokument ma ssemmiet ir-Reġina jew il-monarkija.[17]
Id-Duka ta' Marlborough ikkontribwixxa £60,000 għall-kost inizjali meta beda x-xogħol fl-1705, li ssupplimentat mill-Parlament, kellu jwassal biex tinbena dar monumentali. Il-Parlament ivvota favur fondi għall-bini tal-Palaazz ta' Blenheim, iżda ma ssemmiet l-ebda somma eżatta u lanqas ma tqiesu l-inflazzjoni jew l-ispejjeż 'il fuq mill-baġit. Kważi mill-bidu nett, il-fondi ġew bl-iskossi. Ir-Reġina Anna ħallset għal uħud mill-kostijiet, iżda kulma jmur dan beda jsir bl-iskossi, wara d-diżgwidi frekwenti tagħha mad-Dukessa. Wara l-argument finali bejniethom fl-1712, il-flejjes statali kollha waqfu ħesrem u x-xogħol twaqqaf. Diġà kienu ntefqu £220,000 u £45,000 kienu dovuti lill-ħaddiema. Id-Duka u d-Dukessa ta' Marlborough ġew imġiegħla jeżiljaw lejn il-kontinent, u ma reġgħux lura qabel mewt ir-Reġina fl-1714.
Mar-ritorn tagħhom, id-Duka u d-Dukessa reġgħu kisbu s-sostenn tal-qorti rjali. Id-Duka issa kellu 64 sena u ddeċieda li jlesti l-proġett għas-spejjeż tiegħu. Fl-1716 ix-xogħol tkompla, iżda l-proġett serraħ għalkollox fuq il-mezzi limitati tad-Duka nnifsu. L-armonija fuq is-sit tal-bini ma damitx wisq, peress li fl-1717 id-Duka kellu puplesija qawwija, u d-Dukessa ħadet ir-riedni f'idejha. Id-Dukessa waħħlet kompletament f'Vanbrugh għall-kostijiet dejjem jiżdiedu u għall-istravaganza tal-palazz, speċjalment għaliex id-disinn tiegħu qatt ma għoġobha. Wara laqgħa mad-Dukessa, Vanbrugh telaq mill-binja rrabjat, filwaqt li insista li l-bennejja, il-mastrudaxxa u l-artiġjana l-ġodda li impjegat id-Dukessa kienu inferjuri għal dawk li kien impjega hu. Madankollu, l-artiġjani ewlenin li kien qabbad hu, bħal Grinling Gibbons, irrifjutaw li jaħdmu għal pagi iktar baxxi mħallsa mid-Dukessa ta' Marlborough. L-artiġjani li qabbdet id-Dukessa, taħt il-gwida tad-disinjatur tal-għamara James Moore, u l-assistent arkitett ta' Vanbrugh, Hawksmoor, lestew ix-xogħol b'imitazzjoni perfetta tal-imgħallma tagħhom.
"Taħt l-awspiċji ta' sovran ġeneruż, din id-dar inbniet, għal Ġwanni d-Duka ta' Marlborough u għal Sarah id-Dukessa tiegħu, minn Sir J Vanbrugh bejn l-1705 u l-1722, u l-Proprjetà Rjali ta' Woodstock, flimkien ma' għotja ta' £240,000 għall-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Blenheim, ingħataw mill-Maestà Tagħha r-Reġina Anna u kkonfermati permezz ta' att tal-Parlament . . . lill-imsemmi Ġwanni d-Duka ta' Marlborough u lin-nisel dixxendenti maskili u femminili kollu tiegħu". — Plakka fuq id-daħla tal-Lvant tal-Palazz ta' Blenheim.
Wara l-mewt tad-Duka fl-1722, it-tlestija tal-palazz u l-park tiegħu saru l-ambizzjoni ewlenija tad-Dukessa. L-assistent ta' Vanbrugh, Hawksmoor, issejjaħ mill-ġdid u fl-1723 iddisinja l-"Arkata Trijonfali", abbażi tal-Arkata ta' Titus, fid-daħla tal-park minn Woodstock. Hawksmoor lesta wkoll id-disinn fuq ġewwa tal-librerija, is-soqfa ta' ħafna mill-kmamar statali u dettalji oħra f'bosta kmamar minuri oħra, kif ukoll f'diversi strutturi oħra tal-palazz u tal-park. Wara li naqset il-pagi tal-ħaddiema, u bl-użu ta' materjali ta' kwalità inferjuri f'postijiet mhux ewlenin, id-Dukessa armla lestiet id-dar enormi bħala ġieħ lil żewġha li kien miet. Id-data finali tat-tlestija mhix magħrufa, iżda saħansitra sal-1735 id-Dukessa kienet qed tinnegozja ma' Rysbrack fuq il-kost tal-istatwa tar-Reġina Anna li tpoġġiet fil-librerija. Fl-1732 id-Dukessa kitbet, "Il-Kappella tlestiet u iktar minn nofs il-qabar hemmhekk tlesta wkoll".[18]
Disinn u arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Vanbrugh ippjana l-Palazz ta' Blenheim b'perspettiva; jiġifieri l-aqwa veduta tiegħu kienet mill-bogħod. Peress li s-sit ikopri xi seba' akri (28,000 m2), din hija wkoll neċessità.[19]
Il-pjanta tal-blokka prinċipali (jew corps de logis) tal-palazz hija rettangolari (ara l-pjanta fuq ix-xellug) mikula minn żewġ btieħi. Wara l-faċċata tan-Nofsinhar hemm l-appartamenti prinċipali; fuq in-naħa tal-Lvant hemm l-appartamenti privati tad-Duka u tad-Dukessa, u fuq in-naħa tal-Punent tul il-piano nobile hemm gallerija twila oriġinarjament maħsuba bħala gallerija tal-pitturi, iżda issa tintuża bħala librerija. Mal-ġnub tal-corps de logis hemm żewġ blokok oħra tas-servizz madwar btieħi kwadri (mhux murija fil-pjanta tax-xellug). In-naħa tal-Lvant tospita l-kċejjen, il-kamra tal-ħasil tal-ħwejjeġ, u uffiċċji domestiċi oħra, u n-naħa tal-Punent biswit il-kappella tospita l-istalel u l-iskola tal-irkib taż-żwiemel fuq ġewwa. It-tliet blokok flimkien jiffurmaw il-"Bitħa l-Kbira", iddisinjata apposta biex timpressjona l-viżitaturi mal-wasla tagħhom fejn il-palazz. Hemm pilastri u kolonni b'abbundanza, filwaqt li mas-soqfa hemm statwi kbar bi stil Rinaxximentali bħall-Bażilika ta' San Pietru f'Ruma, li jċeknu lill-viżitatur. Diversi statwi oħra qishom trofej marzjali jżejnu s-soqfa; l-iktar notevoli hija dik ta' Britannia fuq id-daħla prinċipali quddiem żewġ skjavi Franċiżi bil-ktajjen skolpiti bl-istil ta' Michelangelo, u l-iljun Ingliż jaħtaf is-serduq Franċiż, fuq in-naħa t'isfel tas-soqfa. Ħafna minn dawn l-istatwi saru minn Grinling Gibbons.[20]
Fid-disinn tad-djar tas-seklu 18, il-kumdità u l-konvenjenza kienu sekondarji għall-kobor, u dan huwa ċertament il-każ ukoll fil-Palazz ta' Blenheim. Dan is-sens ta' kobor joħroġ fid-dieher fil-pjanijiet tal-arkitett li ma riedx jibni dar biss iżda monument nazzjonali wkoll sabiex jirrifletti l-poter u ċ-ċiviltà tan-nazzjon. Sabiex joħloq dan l-effett monumentali, Vanbrugh għażel li jiddisinja bi stil Barokk ferm, u uża mases kbar tal-ġebel sabiex jimita s-saħħa u joħloq id-dellijiet bħala tiżjin.[21]
Il-portiku mastizz u enormi tad-daħla fin-naħa tat-Tramuntana tixbah daħla ta' panteon iktar milli daħla ta' dar tal-familja. Vanbrugh kien jieħu gost juża l-"arja tal-kastell" tiegħu, kif kien isejħilha, u dan kisbu billi poġġa torri baxx f'kull rokna tal-blokka ċentrali u ddisinja belveder enormi tal-ġebel fuq kull torri, bi strutturi apposta li jaħbu ċ-ċmieni. Dawn it-torrijiet, li qishom il-pilastri ta' xi tempju Eġizzjan, ikomplu jżidu l-atmosfera erojka tal-binja qisha ta' xi panteon.[22]
Hemm żewġ approċċi għad-daħla grandjuża tal-palazz, wieħed mill-mogħdija twila mix-xatbiet tal-ħadid ferrobattut li twassal sal-Bitħa l-Kbira; l-ieħor, bħalu jekk mhux iktar impressjonanti, imur kontra l-viżjoni reali ta' Vanbrugh: il-palazz bħala bastjun jew ċittadella, il-monument reali u d-dar ta' ġellied grandjuż. Id-Daħla l-Kbira tal-Lvant f'nofs il-blokk tal-Lvant, fiha arkata trijonfali monumentali, b'disinn iktar Eġizzjan milli Ruman. Illużjoni ottika nħolqot bid-disinn tal-ħitan sabiex jagħtu impressjoni li huma ogħla milli fil-fatt huma. Dawk li jakkużaw lil Vanbrugh li ma kienx prattiku, jisħqu fuq din id-daħla li hija wkoll it-torri tal-ilma tal-palazz. Mill-arkata tad-daħla wieħed jista' jara daħla enormi oħra fuq in-naħa l-oħra tal-bitħa, dik taħt it-torri tal-arloġġ.
Din il-veduta tad-Duka bħala xi ħadd onnipotenti hija riflessa wkoll fuq id-disinn fuq ġewwa tal-palazz, u tabilħaqq hija l-assi tiegħu għal ċerti karatteristiċi fil-park. Kien ippjanat li meta d-Duka kien ikollu xi ċena f'postu fis-sala ewlenij, huwa kien ikun il-qofol ta' sensiela sħiħa ta' mases arkitettoniċi li jkabbruh bħal proscenium. Il-linja ta' ċelebrazzjoni u unuri tal-ħajja tiegħu mimlija rebħiet tibda bil-kolonna l-kbir tar-rebħa, li fuqha għandha statwa tiegħu b'dettall dwar it-trijonfi tiegħu, u l-punt li jmiss fuq l-assi kbir, imħawwel b'siġar fil-pożizzjoni ta' truppi, hemm il-pont kbir bi stil Ruman. L-approċċ tal-mogħdija jkompli sejjer mill-portiku l-kbir sas-sala, bis-saqaf impitter minn James Thornhill bl-apoteożi tad-Duka, imbagħad ikompli minn taħt arkata trijonfali kbira, mid-daħla l-kbira tal-irħam bl-istemma tiegħu fuqha (bl-iskrizzjoni dukali "Lanqas Awgustu ma kien kapaċi jikkalma l-umanità aħjar minnu"), u għal ġos-sala ewlenija mpittra, l-iżjed kamra mżejna fil-palazz, fejn id-Duka kellu t-tron.[23]
Id-Duka kien joqgħod b'dahru lejn il-bust tal-irħam ta' 30 tunnellata tal-avversarju tiegħu Lwiġi XIV, ippożizzjonat fil-għoli fuq il-portiku tan-Nofsinhar. Hemmhekk ir-re li ġarrab it-telfa mad-Duka donnu jiġi umiljat iħares 'l isfel lejn min rebaħlu (bl-istess ħsieb bħalma ġenerazzjonijiet qabel kien jiġri bl-irjus maqtugħin). Id-Duka ma għex biżżejjed biex jara dan it-tribut lilu, u jpoġġi bilqiegħda fit-tron f'din il-viżjoni arkitettonika. Id-Duka u d-Dukessa daħlu fl-appartamenti tagħhom fuq in-naħa tal-Lvant tal-palazz, iżda l-palazz kollu kien għadu ma tlestiex qabel mewt id-Duka.[24]
Il-palazz ġie elenkat bħala binja tal-Grad Nru I fil-Lista tal-Wirt Nazzjonali għall-Ingilterra minn Awwissu 1957.[25]
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Bingham, Jane (2015). The Cotswolds: A Cultural History. Signal Books. ISBN 978-1909930223.
- Colvin, Howard (2007). A biographical dictionary of British architects 1600–1840 (4th ed.). New Haven, Conn.: Yale University Press. ISBN 978-0-300-12508-5.
- Cooper, Dana (2014), Informal Ambassadors: American Women, Transatlantic Marriages, and Anglo-American Relations, 1865–1945., The Kent State University Press, ISBN 9781612778365/
- Cropplestone, Trewin (1963). World Architecture. Londra: Hamlyn.
- Dal Lago, Adalbert (1966). Ville Antiche. Milan: Fratelli Fabbri Editori.
- Downes, Kerry (1979). Hawksmoor. Londra: Thames & Hudson.
- Downes, Kerry (1987). Sir John Vanbrugh: A Biography. Londra: Sidgwick & Jackson. ISBN 9780283994975.
- Field, Ophelia (2002). The Favourite: Sarah, Duchess of Marlborough. Londra: Hodder and Stoughton. ISBN 0-340-76808-8.
- Games, Stephen (2014). Pevsner: The Complete Broadcast Talks: Architecture and Art on Radio and Television, 1945-1977. Routledge. ISBN 978-1409461975.
- Girouard, Mark (1978). Life in the English Country House. New Haven: Yale University Press. ISBN 9780300022735.
- Green, David Brontë (1982) [1950]. Blenheim Palace, Woodstock, Oxfordshire. Oxford: Alden Press.
- Halliday, F. E. (1967). An Illustrated Cultural History of England. Londra: Thames & Hudson.
- Harlin, Robert (1969). Historic Houses. Londra: Condé Nast Publications.
- Mavor, William Fordyce (2010) [1787]. Blenheim, a poem. Gale Ecco. ISBN 978-1170457344.
- Pevsner, Nikolaus; Sherwood, Jennifer (1974). The Buildings of England: Oxfordshire. Harmondsworth: Penguin Books. pp. 459–475. ISBN 0-14-071045-0.
- Purcell, Mark (2019). The Country House Library. New Haven, l-Istati Uniti, u Londra: Yale University Press. ISBN 978-0-300-24868-5.
- Spencer-Churchill, The Lady Henrietta (2013). Blenheim and the Churchill Family – A personal portrait of one of the most important buildings in Europe. CICO Books. ISBN 978-1782490593.
- Tintner, Adeline R. (2015). Edith Wharton in Context: Essays on Intertextuality. University of Alabama Press. ISBN 978-0-8173-5840-2.
- Turner, Roger (1999). Capability Brown and the Eighteenth century English Landscape (2nd ed.). Chichester: Phillimore.
- Vanderbilt, Arthur II (1989). Fortune's Children: The fall of the house of Vanderbilt. Londra: Michael Joseph.
- Vanderbilt Balsan, Consuelo (2012) [1953]. The Glitter and the Gold: The American Duchess-In Her Own Words. New York: St. Martin's Press. ISBN 978-1250017185.
- Watkin, David (1979). English Architecture. Londra: Thames & Hudson.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Conniff, Richard (2001). "The House that John Built". Smithsonian Journeys.
- Cornforth, John (2004). Early Georgian Interiors. New Haven, Conn.; Londra: Yale University Press for the Paul Mellon Centre for Studies in British Art, pp. 275–9 ISBN 978-0-30-010330-4 OCLC 938151474
- Murdoch, Tessa (ed.) (2006). Noble Households: Eighteenth-Century Inventories of Great English Houses. A Tribute to John Cornforth. Cambridge: John Adamson, pp. 273–83 ISBN 978-0-9524322-5-8 OCLC 78044620
- Wallechinsky, David; Wallace, Irving (1981). "Excesses of the Rich and Wealthy: The Vanderbilts". The People's Almanac.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Blenheim Palace". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-23.
- ^ Churchill: Marlborough: His Life and Times, Bk. 1, 129.
- ^ Chandler: Marlborough as Military Commander, 10.
- ^ Holmes: Marlborough: England's Fragile Genius, 92.
- ^ Churchill: Marlborough: His Life and Times, Bk. 1, 164.
- ^ Holmes: Marlborough: England's Fragile Genius, 126.
- ^ Churchill: Marlborough: His Life and Times, Bk. 1, 240.
- ^ Holmes: Marlborough: England's Fragile Genius, 194.
- ^ Stephen, Leslie (1887). "Churchill, John (1650–1722)". Dictionary of National Biography. Vol. 10. pp. 315–341.
- ^ "Royal Collection - Writing table". web.archive.org. 2017-08-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-08-29. Miġbur 2022-09-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Field, p. 229, 251–5, 265, 344.
- ^ BBC. "Woodstock's lost royal palace". www.bbc.co.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-23.
- ^ Britain, Discover (2015-02-02). "The imaginative genius of Sir John Vanbrugh, architect of Blenheim Palace and Castle Howard" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-23.
- ^ "Marlborough House". web.archive.org. 2017-02-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-02-26. Miġbur 2022-09-23.
- ^ Colvin, p. 850.
- ^ a b Lee, Sidney, ed. (1899). Vanbrugh, John. 58. London: Elder Smith & Co. Miġbur 2022-09-23.
- ^ Baggs, A. P.; Blair, W. J.; Chance, Eleanor; Colvin, Christina; Cooper, Janet; Day, C. J.; Selwyn, Nesta; Townley, S. C. (1990). "Blenheim: Blenheim Palace". In Crossley, Alan; Elrington, C. R. (eds.). A History of the County of Oxford: Volume 12, Wootton Hundred (South) Including Woodstock. British History Online. Londra. pp. 448–460. ISBN 978-0-19-722774-9.
- ^ Green, p. 39.
- ^ Reginato, James (2016-09-28). "Inside Blenheim Palace, a dwelling fit for a duke" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-25.
- ^ "Future PLC - Content and Brand Licensing. Stock photos, stock images and image library". www.futurecontenthub.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-04. Miġbur 2022-09-25.
- ^ "Blenheim Palace | Patrick Baty – Historical paint consultant" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-09-25. Miġbur 2022-09-25.
- ^ Games, p. 334.
- ^ Mavor, p. 23.
- ^ Holmes: Marlborough: England's Fragile Genius, p. 477.
- ^ "BLENHEIM PALACE, Blenheim - 1052912 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-25.