Aqbeż għall-kontentut

Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-iwan tan-Nofsinhar tal-Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan.

Il-Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan (bil-Persjan: مسجد جامع اصفهان; Masjid-e-Jāmeh Isfahān), magħruf ukoll bħala l-Moskea ta' Atiq (bil-Persjan: مسجد عتیق), hija moskea kongregazzjonali storika (Jāmeh) ta' Esfahan, l-Iran. Il-moskea hija frott kostruzzjoni, rikostruzzjoni, żidiet u rinnovazzjonijiet kontinwi fis-sit mill-ħabta tas-771 W.K. sal-aħħar tas-seklu 20. Is-Suq il-Kbir ta' Esfahan jinsab lejn in-naħa tal-Lbiċ tal-moskea. Il-moskea tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1][2] Hija wieħed mill-ikbar monumenti u fost l-iżjed importanti tal-arkitettura Iżlamika fl-Iran.[3]

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Eżempju attwali ta' sala bil-pilastri fil-moskea.

L-ewwel moskea fis-sit inbniet għall-ħabta tas-771 W.K., matul ir-renju tal-kaliff Abbasid Al-Mansur. Din l-ewwel binja kienet relattivament żgħira, ta' 52 metru b'90 metru. Inbniet bil-brikks tat-tajn u kellha tiżjin bl-istukko bl-istil Sirjan-Mesopotamjan tal-arkitettura Abbasida. Il-fdalijiet tagħha ġew skavati fis-snin 70 tas-seklu 20 matul l-istudji tal-moskea attwali.[4]

Il-moskea mbagħad ġiet sostitwita b'oħra ikbar fit-840-841 W.K., matul ir-renju ta' Al-Mu'tasim. Din il-binja ġdida kienet madwar 88 metru b'128 metru u kellha orjentazzjoni differenti tal-qibla meta mqabbla mal-ewwel waħda. Kellha spazju ċentrali kbir fil-beraħ imdawwar bil-portiċi u b'sala bil-pilastri tal-brikks moħmija li kienu jirfdu saqaf ċatt jew saqaf bil-volti tal-brikks. Din is-sala bil-pilastri kienet fonda b'żewġ kompartimenti fuq il-ġnub, fonda b'erba' kompartimenti fuq in-naħa opposta tal-qibla (il-Majjistral), u fonda b'sitt kompartimenti fuq in-naħa tal-qibla fejn kien hemm is-sala prinċipali tat-talb. Il-korsija li tagħti għall-miħrab tal-moskea kienet kemxejn usa' mill-korsiji l-oħra. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-moskea l-ġdida kellha minaret, minkejja l-eżistenza ta' din il-karatteristika f'moskej oħra ta' dak iż-żmien, għalkemm Muqaddasi ddeskriva l-preżenza ta' minaret twil f'moskea ċentrali ta' Esfahan qabel id-985 W.K.[5]

Taħt il-kontroll tad-dinastija Bujida (is-sekli 10-11) żdiedu portiċi oħra bil-pilastri tal-brikks u b'diversi arkati madwar l-ispazju fil-beraħ, quddiem il-faċċati eżistenti. Minflok it-tiżjin preċedenti bl-istukko, iż-żidiet il-ġodda ġew imżejna b'disinni tal-brikks impoġġija f'għamliet differenti, pereżempju ċrieki, djamanti, żigużajg, u b'disinni ġeometriċi oħra simili għal dawk bil-brikks f'monumenti oħra ta' żmien il-Bujidi. Id-data eżatta ta' din ir-rinnovazzjoni mhix ċerta iżda huwa stmat li tmur lura għall-ħabta tad-975 W.K. jew l-aħħar tas-seklu 10.[6] Oleg Grabar jistma li r-rinnovazzjoni saret bejn id-985 u l-1040, abbażi ta' deskrizzjonijiet tal-moskea f'sorsi storiċi. Fid-daħla tal-moskea żdiedu wkoll żewġ minareti qrib is-suq ta' dawk li jagħtu l-kulur lit-tessuti. Kienu jinsabu fuq kull naħa tad-daħla u t-tnejn li huma nbnew fuq pedestall jew bażi. Din hi l-ewwel darba rreġistrata fid-dokumenti ta' arranġament b'żewġ minareti, li iktar 'il quddiem sar arranġament komuni fl-Iran u lil hinn.[7][8]

Żmien is-Seljuk

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-koppla tan-Nofsinhar (quddiem il-miħrab), li nbniet fl-1086-1087 taħt il-patroċinju ta' Nizam al-Mulk.

Il-modifiki l-kbar li saru wara fil-moskea saru taħt il-patroċinju tas-Seljuk. Esfahan saret l-ewwel belt kapitali tal-Imperu tas-Seljuk wara li nħakmet fl-1050. Is-Seljuk immodifikaw l-għamla relattivament uniformi u egalitarja tal-binja bil-pilastri, l-ewwel billi minflok il-kolonni ta' quddiem il-miħrab (fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-moskea) għamlu spazju kbir imsaqqaf b'koppla fl-1086-1087. Dan sar taħt il-patroċinju ta' Nizam al-Mulk, il-viżier famuż ta' Malik Shah. Il-koppla l-ġdida kienet l-ikbar koppla tal-ġebel fid-dinja Iżlamika ta' dak iż-żmien.[9] Fiha tmien strutturi mrikkbin qishom kustilji u hija mirfuda fuq pilastri kbar. Introduċiet ukoll tip ġdid ta' riffieda triangolari fl-irkejjen, magħmula minn volta b'għamla ta' bittija mqiegħda fuq żewġ kwarti ta' koppli. Dan ġie kkopjat f'moskej oħra ftit wara. Fi ftit kliem dan l-istil kien jirrappreżenta l-ewwel teknika bikrija tal-muqarnas (kompożizzjoni ġeometrika tridimensjonali ta' niċeċ), li kienet qed tiġi żviluppata lejn dan il-perjodu. L-ispazju msaqqaf b'koppla jaf kien maħsub bħala maqsura, jiġifieri żona rriżervata għas-sultan u għal dawk ta' madwaru matul it-talb.[10]

Fl-1088-1089 inbniet koppla oħra fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-moskea mir-rivali ta' Nizam al-Mulk, Taj al-Mulk. Il-funzjoni ta' dan il-kompartiment imsaqqaf b'koppla mhix ċerta. Għalkemm din il-koppla kienet tinsab tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, kienet tinsab 'il barra mill-konfini tal-moskea. Il-koppla titqies bħala kapulavur tal-arkitettura Iranjana Medjevali. Għad-differenza tal-koppla iktar sempliċi bi tmien riffieda mrikkbin ta' Nizam al-Mulk, il-koppla tat-Tramuntana għandha riffieda mrikkbin f'xulxin li jiffurmaw pentagoni u disinni ta' stilel b'ħames ponot, li kien avvanz tekniku u estetiku sinifikanti. Il-ħitan tan-naħa t'isfel tal-kompartiment għandhom dehra iktar sempliċi u iktar eleganti, filwaqt li d-diversi elementi tal-ħitan tan-naħa ta' fuq u tal-koppla huma allinjati aħjar b'mod vertikali, u b'hekk iħajru lil dak li jkun iħares 'il fuq. Għal darb'oħra ntużaw riffieda triangolari fl-irkejjen bil-muqarnas għat-tranżizzjoni tal-koppla fil-kompartiment kwadru.[11]

Il-koppla tat-Tramuntana, li nbniet fl-1088-1089 taħt il-patroċinju ta' Taj al-Mulk.

It-trasformazzjoni kbira li jmiss seħħet għall-ħabta tal-bidu tas-seklu 12, x'aktarx wara li l-moskea ġarrbet ħsarat minħabba li nħakmet min-nirien fl-1121-1122.[12] Il-kuntest storiku u l-kronoloġija eżatta ta' din it-trasformazzjoni mhumiex mifhuma sew. X'aktarx li tlestiet mhux iktar tard mill-1230, meta l-invażjonijiet tal-Mongoli żgur li waqqfu kwalunkwe attività ewlenija ta' kostruzzjoni. Sabiex jittejjeb l-approċċ lejn il-kompartiment imsaqqaf b'koppla tal-miħrab, li kien jinsab iżolat qalb is-sala l-antika bil-pilastri, l-ispazju bil-kolonni bejn il-koppla u l-ispazju fil-beraħ ġie sostitwit b'iwan (sala bil-volti miftuħa fuq naħa waħda) kbir. Din is-sala kbira bil-volti u b'għamla ta' bittija hija miftuħa lejn in-naħa tal-ispazju fil-beraħ u tagħti għas-sala msaqqfa b'koppla permezz ta' daħla fuq in-naħa l-oħra. Sabiex jikkomplementawha, il-bennejja ħolqu tliet iwan monumentali oħra fin-nofs ta' kull naħa oħra tal-ispazju fil-beraħ. L-iwan tat-Tramuntana jaf kien l-aħħar wieħed li nbena. Dawn it-trasformazzjonijiet wasslu biex il-moskea tingħata l-għamla attwali tagħha b'erba' iwan, tip ta' konfigurazzjoni li sussegwentement saret prevalenti fl-Iran u f'partijiet oħra tad-dinja Iżlamika. L-iwan tan-Nofsinhar tal-ispazju fil-beraħ (li jagħti għall-miħrab) ġie distint mill-iwan l-oħra peress li huwa ikbar u ġie mżejjen b'saffi kbar ta' muqarnas. Ġew miżjuda wkoll kompożizzjonijiet differenti ta' muqarnas fl-iwan l-oħra f'xi żmien jew ieħor, bir-riżultat li l-iwan, anke jekk inbnew bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien, jidhru differenti minn xulxin issa.[13]

Minbarra ż-żieda tal-erba' iwan, il-kumplament tal-kompartimenti tas-swali antiki bil-pilastri ġew rinnovati b'volti b'riffieda mrikkbin f'xulxin b'għamla ta' salib. Hemm madwar 200 volta iżgħar ta' din ix-xorta u kollha għandhom disinni differenti u fihom varjetà rikka ta' tiżjin ġeometriku. X'aktarx li parti minn dan ix-xogħol sar fl-aħħar tas-seklu 11 jew fil-bidu tas-seklu 12, iżda l-kronoloġija tal-kostruzzjoni hawnhekk mhix ċara u bosta volti x'aktarx li nbnew f'perjodi differenti ta' tiswijiet u ta' rinnovazzjoni. Mhuwiex ċert jekk il-minareti ta' qabel tal-moskea ġewx ippreservati sa dan iż-żmien, iżda l-ebda test storiku ma jagħmel referenza għalihom wara nofs is-seklu 11.[14]

Bidliet u żidiet li saru wara

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara dan, il-bidliet li saru wara fil-moskea kienu iktar limitati. Madankollu, kważi f'kull perjodu sar xi xogħol fuq il-moskea, skont il-bidliet fil-ħtiġijiet tal-komunità u l-bidliet fil-gosti tal-mexxejja l-ġodda. Taħt is-sultan Ilkanid Uljaytu (li rrenja mill-1304 sal-1317), il-portiċi madwar il-ġnub tal-ispazju fil-beraħ ġew maqsuma vertikalment f'żewġ livelli, kif jidhru llum il-ġurnata. Uljaytu ħoloq ukoll sala rettangolari oħra tat-talb jew "sala tax-xitwa" man-naħa tat-Tramuntana tal-iwan tal-Punent tal-moskea. Din is-sala hija msaqqfa b'sensiela ta' volti trasversali notevoli, filwaqt li l-ħitan tan-Nofsinhar tagħha fiha miħrab imżejjen bl-istukko mnaqqax b'mod elaborat li jmur lura għall-1310. Taħt il-Mużaffaridi, żdiedet madrasa, magħrufa bħala l-Madrasa tal-Mużaffaridi, fin-naħa tal-Lvant tal-moskea u sala oħra tat-talb fin-naħa tal-Punent, it-tnejn li huma lil hinn mill-ħitan esterni preċedenti tal-moskea.[15] Dan ix-xogħol x'aktarx li sar minn Qutb al-Din Shah Mahmud, il-gvernatur ta' Esfahan (li rrenja mill-1358 sal-1375) li kkontesta t-tron flimkien ma' ħuh Shah Shuja.[16]

Fis-seklu 15 il-bidliet kienu limitati għal diversi tiswijiet. Is-saqaf bil-volti tas-sala tat-talb ta' Uljaytu ġie rikostruwit u bosta mill-volti iżgħar u l-koppli tas-sala bil-pilastri jaf imorru lura għal dan iż-żmien. Fir-rokna tal-Lbiċ żdiedet sala ġdida tat-talb. Il-faċċati tal-ispazju fil-beraħ progressivament ġew imżejna bil-madum. B'mod partikolari, il-madum rikk li jiksi l-faċċata tal-iwan tan-Nofsinhar illum il-ġurnata, oriġinarjament żdied taħt il-patroċinju tal-mexxej tal-Aq Qoyunlu Uzun Hasan fl-1475-1476.

Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja Safavidi wettqu xi xogħlijiet fuq il-moskea, għajr Shah Abbas I li kien iktar imħasseb bil-kostruzzjonijiet ġodda tiegħu madwar il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan. Il-minareti attwali tal-moskea, li jinsabu weqfin fuq kull naħa tal-iwan tan-Nofsinhar, inbnew fis-seklu 17. Matul żmien is-Safavidi, xi partijiet mis-swali tat-talb tkabbru wkoll u żdied tiżjin ġdid bil-madum fuq l-iwan u l-minareti. Is-sala tat-talb tal-Mużaffaridi fuq in-naħa tal-Punent ġiet sostitwita b'"sala tat-talb tax-xitwa" ikbar matul dan iż-żmien, li hija distinta permezz tal-ħnejjiet wesgħin u baxxi tagħha. Iktar 'il quddiem saru iktar tiswijiet u restawri mid-dinastiji Afxaridi u Qajar u saż-żminijiet moderni.

Illum il-ġurnata l-moskea hija amalgamazzjoni ta' stili u ta' perjodi differenti f'binja waħda. Id-dettalji kollha tal-moskea mhux dejjem jistgħu jiġu datati faċilment. Il-perimetru tal-moskea issa huwa integrat għalkollox mal-istrutturi tal-madwar tas-suq u taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Esfahan.[17]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea tal-Ġimgħa ta' Esfahan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]

  • A. Gabriel, 'Le Masdjid-i Djum‛a d’Isfahān', A. Islam., ii (1935), pp. 11-44.
  • A. Godard, 'Historique du Masdjid-i Djum‛a d’Isfahan', Āthār-é Īrān, i (1936), pp. 213-282.
  • André Godard, "La mosquée du vendredi." L'Oeil revue d'art. No. 19/20. 1956. p. 45.
  • E. Galdieri, Iṣfahān: Masǧid-i Ǧum‛a, 3 volumi (Ruma, 1972-1984).
  • E. Galdieri, 'The Masǧid-i Ǧum‛a Isfahan: An Architectural Façade of the 3rd Century H.', A. & Archaeol. Res. Pap., vi (1974), pp. 24-34.
  • U. Scerrato, 'Notice préliminaire sur les recherches archéologiques dans la Masgid-i Jum‛a d’Isfahan', Farhang-i mi‛mārī-yi Īrān, iv (1976), pp. 15-18.
  • O. Grabar, The Great Mosque of Isfahan (New York, 1990).
  • S. S. Blair, The Monumental Inscriptions from Early Islamic Iran and Transoxiana (Leiden, 1992), pp. 160-167.
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Masjed-e Jāmé of Isfahan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  2. Centre, UNESCO World Heritage. "Iran (Islamic Republic of) - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  3. M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Isfahan". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press. ISBN 9780195309911.
  4. Blair, Sheila; Bloom, Jonathan (2011). "Iraq, Iran, and Egypt: The Abbasids". In Hattstein, Markus; Delius, Peter (eds.). Islam: Art and Architecture. pp. 109-110. ISBN 9783848003808.
  5. Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. p. 46.
  6. M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Architecture". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press. ISBN 9780195309911.
  7. Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. p. 47.
  8. Bloom, Jonathan M. (2019). "Minaret". In Fleet, Kate; Krämer, Gudrun; Matringe, Denis; Nawas, John; Rowson, Everett (eds.). Encyclopaedia of Islam, Three. Brill. ISSN 1873-9830.
  9. Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Domes on Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  10. Blair, Sheila; Bloom, Jonathan (2011). "The Friday Mosque at Isfahan". In Hattstein, Markus; Delius, Peter (eds.). Islam: Art and Architecture. h.f.ullmann. pp. 368–369. ISBN 9783848003808.
  11. Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 53-54.
  12. Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 55-58.
  13. Grabar, Oleg (1990). The Great Mosque of Isfahan. New York University Press. ISBN 0814730272. pp. 65-66.
  14. "Friday Mosque of Isfahan". web.archive.org. 2007-03-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-11. Miġbur 2023-12-29.
  15. "Archnet > Site > Masjid-i Jami' (Isfahan)". www.archnet.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-04. Miġbur 2023-12-29.
  16. Bosworth, Clifford Edmund (2004). The New Islamic Dynasties: A Chronological and Genealogical Manual. Edinburgh University Press. ISBN 9780748621378.
  17. Ettinghausen, Richard; Grabar, Oleg; Jenkins, Marilyn (2001). Islamic Art and Architecture: 650–1250 (2nd ed.). Yale University Press. ISBN 9780300088670.